30.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 152/37


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2018 – VG vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-84/18)

(2018/C 152/47)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: VG (rappreżentanti: G. Pandey u V. Villante, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

bħala kwistjoni preliminari, jekk ikun il-każ, tiddikjara l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal invalidu u inapplikabbli għal dawn il-proċeduri skont l-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

tannulla, l-ewwel nett, id-deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2017 tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) li tiċħad l-ilment ippreżentat mir-rikorrenti fil-31 ta’ Lulju 2017;

tannulla, it-tieni nett, id-deċiżjoni tal-EPSO tad-19 ta’ April 2017 li tiċħad it-talba tagħha għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-EPSO/tal-Bord tal-Għażla li ma tiġix ammessa għall-fażi segwenti tal-kompetizzjoni;

tannulla, it-tielet nett, id-deċiżjoni tas-6 ta’ Frar 2017 li dehret fuq il-kont diġitali EPSO li r-rikorrenti ma tiġix inkluża fl-abbozz ta’ lista ta’ kandidati magħżula għall-finijiet tal-kompetizzjoni EPSO/AD/323/16;

tannulla, ir-raba’ nett, l-avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/323/16, ippubblikat fis-26 ta’ Mejju 2016 (1);

tannulla, fl-aħħar nett, fl-intier tiegħu, l-abbozz riżultanti ta’ lista ta’ uffiċjali magħżula sabiex jipparteċipaw fil-kompetizzjoni msemmija;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti danni fl-ammont ta’ EUR 50 000;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv: żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-EPSO/mill-Bord tal-Għażla fl-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali tar-rikorrenti u, barra minn hekk, ksur tal-Anness III tal-avviż ta’ kompetizzjoni inkwistjoni li jiddeskrivi fid-dettall l-esperjenza professjonali rikjesta.

2.

It-tieni motiv: ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti, kif ukoll, barra minn hekk, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-Artikolu 296 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

3.

It-tielet motiv: ksur tal-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tar-Regolament Nru 1/58 (2), ksur tal-Artikoli 1d u 28 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III ta’ dawn ir-Regolament kif ukoll, barra minn hekk, ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni.


(1)  ĠU 2016, C 187, p. 1.

(2)  Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3).