16.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 134/24


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Frar 2018 – Venezwela vs Il-Kunsill

(Kawża T-65/18)

(2018/C 134/34)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela (rappreżentanti: F. Di Gianni u L. Giuliano, avukati)

Konvenuta: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2063 tat-13 ta’ Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela, sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jirrigwardaw lir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv li jallega li billi adotta l-miżuri restrittivi mingħajr ma informa minn qabel lir-rikorrenti bl-intenzjonijiet tiegħu u mingħajr ma sema’ minn qabel il-pożizzjoni ta’ din tal-aħħar dwar il-fatti li jiġġustifikaw il-miżuri restrittivi, il-Kunsill kiser id-dritt tar-rikorrenti li tinstema’.

2.

It-tieni motiv li jallega li l-Kunsill kiser l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni kif ukoll l-obbligu tiegħu li jipproduċi provi suffiċjenti li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi.

3.

It-tielet motiv li jallega li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-fatti li fuqhom huma bbażati l-miżuri restrittivi.

4.

Ir-raba’ motiv li jallega li l-miżuri restrittivi jikkostitwixxu kontromiżuri illegali taħt id-dritt internazzjonali konswetudinarju.