16.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 134/22


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2018 – Kleani vs Il-Qorti tal-Ġustizzja

(Kawża T-51/18)

(2018/C 134/31)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Efterpi Kleani (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentant: S. Tassi, avukat)

Konvenuta: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 2017 (riferenza 20172046) li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti sottomessa fir-rigward tal-avviż ta’ kuntratti għal tradutturi freelance Nru 2017/S 002-001564 għal-lingwa Griega.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata la kienet akkumpanjata b’elenku speċifiku ta’ kriterji li jistabbilixxi l-livell ta’ kwalità tat-traduzzjonijiet rikjesti fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, u lanqas b’xi tip ta’ formola ta’ korrezzjoni jew rapport komparattiv li jista’ jispjega għalfejn, fl-opinjoni tal-konvenuta, it-traduzzjoni suġġetta għal evalwazzjoni sottomessa mir-rikorrenti naqset milli tikseb il-livell minimu rikjest. Ir-rikorrenti targumenta, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx immotivata b’mod suffiċjenti u li l-proċedura ta’ selezzjoni ma kinitx trasparenti.