5.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 83/22


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Jannar 2018 – Activos e Inversiones Monterroso vs Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

(Kawża T-16/18)

(2018/C 083/34)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Activos e Inversiones Monterroso, S.L. (Pantoja, Spanja) (rappreżentant: S. Rodríguez Bajón, avukat)

Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tagħti sentenza li permezz tagħha tiġi annullata d-Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni tat-8 ta’ Novembru 2017.

tagħti aċċess għall-fajl lir-rikorrenti skont it-termini espressi fir-rikors.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq konfużjoni ċara min-naħa tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, fid-deċiżjoni tiegħu tat-8 ta’ Novembru 2017 bejn id-dritt ġenerali ta’ aċċess għad-dokumenti li jista’ jintalab minn kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni Ewropea, u d-dritt iktar konkret ta’ aċċess għall-fajl li jista’ jiġi eżerċitat biss mill-persuni kkonċernati fil-proċeduri li jkunu s-suġġett ta’ dan il-fajl. Issa, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni jasal għall-konklużjoni li fuq il-bażi taż-żewġ drittijiet il-lista tad-dokumenti li għalihom tista’ taċċedi r-rikorrenti hija l-istess, affermazzjoni li hija kuntrarja għal-liġi.

Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl huwa dritt manifestament distint mid-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti. Filwaqt li l-ewwel dritt huwa wieħed mid-drittijiet li jiffurmaw parti mid-“dritt għal amministrazzjoni tajba” stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni wieħed huwa dritt awtonomu ta’ natura ħafna iktar ġenerali u assoċjat mal-prinċipju ta’ trasparenza pubblika.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li din id-differenza li teżisti bejn iż-żewġ drittijiet tiddetermina li dawn huma diretti lejn suġġetti differenti u li huma ta’ portata differenti b’tali mod li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl jista’ jintalab biss mill-persuni kkonċernati fil-proċeduri inkwistjoni, filwaqt li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti huwa rikonoxxut lil kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-dokumenti li joħorġu mill-istituzzjonijiet tagħha.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-portata differenti ta’ dawn id-drittijiet timplika neċessarjament li l-għadd ta’ eċċezzjonijiet applikabbli għal kull waħda minnhom ukoll huma differenti. B’dan il-mod, filwaqt li waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti hija li dan ma għandux jippreġduka l-“interessi kummerċjali” tal-impriżi kkonċernati, min-naħa tiegħu, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl huwa limitat bil-fatt li l-eżerċizzju tiegħu ma għandux jaffettwa s-“sigrieti kummerċjali” tal-kumpanniji li jkunu parti fil-proċeduri. F’dan is-sens ġiet spjegata d-distinzjoni li teżisti bejn “interess kummerċjali”, kunċett li mingħajr dubju huwa wiesa’, u “sigriet kummerċjali”, kunċett ħafna iżjed restrittiv li jirreferi għall-għadd ta’ informazzjoni li tappartjeni lil impriża speċifika, li hija magħrufa minn ċirku konkret ħafna ta’ persuni u li l-iżvelar tagħha tista’ taffettwa l-istess impriża. F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ sigrieti kummerċjali għandha tiġi bbilanċjata mal-kumplament tal-interessi involuti, bħad-drittijiet tad-difiża.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li min-naħa tagħha, il-kunfidenzjalità bħala eċċezzjoni oħra li tingħadd ma’ dawk li għalihom huwa suġġett id-dritt ta’ aċċess għall-fajl, għandha tiġi ġġustifikata wkoll u tinkludi sensiela ta’ limitazzjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’tali mod li ma tiġix invokata awtomatikament il-kunfidenzjalità biex jiġi miċħud id-dritt ta’ aċċess għall-fajl, fejn l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni għandha tiġi mmotivata, liema ċirkustanza ma sseħħx f’dawn iċ-ċirkustanzi.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-bażi tad-deċiżjoni tal-każ preżenti għandha tkun l-applikazzjoni tal-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, konsegwentement, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni għandu japplika l-Artikolu 90(4) tiegħu u mhux l-Artikolu 90(1).