SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)
25 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )
“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Eżerċizzju ta’ promozzjoni 2017 – Deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni – Ċarezza u preċiżjoni ta’ motiv ta’ rikors – Regola ta’ konkordanza – Kontestazzjoni tal-atti finali – Ammissibbiltà – Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal – Rapport interim tal-perijodu ta’ prova – Rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova – Rapport ta’ evalwazzjoni – Elementi meħuda inkunsiderazzjoni għall-eżami komparattiv tal-merti – Regolarità tal-proċedura – Responsabbiltà – Dannu morali”
Fil-Kawża T‑511/18,
XH, irrappreżentata minn E. Auleytner, avukat,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Radu Bouyon u L. Vernier, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni ppubblikata fl-Informations administratives Nru 25-2017, tat‑13 ta’ Novembru 2017, li ma tinkludix isem ir-rikorrenti fil-lista tal-uffiċjali promossi fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ promozzjoni 2017 u l-annullament tad-Deċiżjoni R/96/18 tas‑7 ta’ Ġunju 2018 li ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti tal‑10 ta’ Frar 2018 u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-danni li allegatament ġarrbet minħabba dawn id-deċiżjonijiet,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),
komposta minn R. da Silva Passos (Relatur), President, L. Truchot u M. Sampol Pucurull, Imħallfin,
Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad‑19 ta’ Diċembru 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza ( 1 )
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
1 |
Ir-rikorrenti, XH, hija uffiċjal tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF). Hija nħatret wara li għaddiet mill-kompetizzjoni EPSO/2009/169 (dritt) u ġiet irreklutata fil-grad AD 5 fi ħdan l-ewwel diviżjoni tal-OLAF, mill‑1 ta’ Lulju 2014. Ir-reklutaġġ tagħha kien akkumpanjat b’perijodu ta’ prova li ntemm fil‑31 ta’ Marzu 2015 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ prova”). |
|
2 |
Fit‑22 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrenti ġiet irċevuta minn Dr A, psikjatra mas-servizz mediku tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem is-“servizz mediku”), fil-kuntest ta’ eżami mediku. Dan l-eżami ġie organizzat wara diffikultajiet interni li ltaqgħet magħha r-rikorrenti ma’ membri oħra tal-ewwel diviżjoni tal-OLAF li magħha kienet assenjata. |
|
3 |
Mill‑1 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti ġiet ittrasferita għat-tieni diviżjoni tal-OLAF. |
|
4 |
Fil‑5 ta’ Diċembru 2014, rapport interim dwar il-perijodu ta’ prova ntbagħat lir-rikorrenti (iktar ’il quddiem ir-“rapport interim tal-perijodu ta’ prova”). Permezz ta’ posta elettronika tal‑15 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti indikat li ma qablitx mal-kummenti li jinsabu f’dan ir-rapport. |
|
5 |
F’Jannar 2015, ir-rikorrenti talbet lis-servizz mediku sabiex ikollha aċċess għall-fajl mediku tagħha. Fit‑3 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti ġiet infurmata mis-servizz mediku li kienet possibbli li ssir konsultazzjoni tal-fajl mediku tagħha biss minn tabib estern. Fl‑1 ta’ Marzu 2015 u fl‑4 ta’ April 2016, ir-rikorrenti ħatret suċċessivament lil Dr B u DR C għal dan il-għan. |
|
6 |
Fl‑20 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti nħatret uffiċjal permanenti, b’effett mill‑1 ta’ April 2015. |
|
7 |
Fis‑26 ta’ Marzu 2015, ir-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova tar-rikorrenti ntbagħat lil dan tal-aħħar. Dan ir-rapport kien jinkludi l-firma, bħala evalwatur, tal-kap tat-tieni diviżjoni li lilha kienet assenjata u l-kontrofirma, bħala validatur, tad-Direttur ad interim tad-Direttorat B tal-OLAF. |
|
8 |
Fil-kuntest tal-proċedura sabiex titlob aċċess għall-fajl mediku tagħha, ir-rikorrenti ġiet infurmata bl-eżistenza ta’ nota medika ta’ rendikont minn Dr A tal‑31 ta’ Marzu 2015 (iktar ’il quddiem “in-nota minn Dr A”). Din in-nota ġiet redatta wara l-viżta medika tat‑22 ta’ Ottubru 2014 imsemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq. Fit‑2 ta’ Ottubru 2015, Dr B ikkomunika siltiet min-nota ta’ Dr A lir-rikorrenti. F’April 2016, il-Kummissjoni stiednet lil Dr C fl-uffiċċji tas-servizz mediku, sabiex ikun jista’ jikkonsulta n-nota kollha ta’ Dr A. Din il-konsultazzjoni saret fil‑11 ta’ Mejju 2016. |
|
9 |
Fil‑11 ta ’April 2015, ir-rikorrenti ressqet l-ewwel talba għall-għajnuna, quddiem l-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) kompetenti, kontra l-kap tal-ewwel diviżjoni li magħha kienet assenjata. Fis‑6 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti ressqet quddiem l-Awtorità tal-Ħatra li kompetenti t-tieni talba għall-għajnuna kontra l-persuna li kienet qed tħarriġha fl-istess diviżjoni. F’dawn it-talbiet, ir-rikorrenti ddikjarat, essenzjalment, li l-kontenut malafamanti tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova msemmi fil-punt 4 iktar ’il fuq kien prova ta’ fastidju morali eżerċitat fuqha mis-superjuri diretti tagħha. Permezz tad-Deċiżjoni D/306/15 tal‑24 ta’ Lulju 2015, u permezz tad-Deċiżjoni D/512/15 tad‑19 ta’ Ottubru 2015 l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti ċaħdet dawk iż-żewġ talbiet għall-għajnuna. Ir-rikorrrenti ppreżentat ilment fit‑23 ta’ Ottubru 2015 u lment fid‑19 ta’ Jannar 2016 kontra d-Deċiżjonijiet D/306/15 u D/512/15. Fil-kuntest tal-ewwel minn dawn iż-żewġ ilmenti, hija talbet b’mod partikolari l-irtirar tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova li jikkonċernaha mill-fajl individwali tagħha. Permezz tad-Deċiżjoni R/730/15 tad‑9 ta’ Frar 2016, u permezz tad-Deċiżjoni R/43/16 tas‑27 ta’ April 2016, l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti ċaħdet dawn iż-żewġ ilmenti. |
|
10 |
Fil‑21 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti talbet kumpens għad-danni u l-ispejjeż, inklużi d-drittijiet tal-avukati, li kienu kkawżati mill-proċedura sabiex titlob aċċess għall-fajl mediku tagħha. Fit‑30 ta ’Awwissu 2016, is-servizz mediku ċaħad din it-talba. |
|
11 |
Fit‑30 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti talbet li l-opinjoni medika tal-Professur D, jiġifieri psikologu estern li kienet ikkonsultata f’Awwissu 2016, tiġi inkluża fil-fajl mediku tagħha. |
|
12 |
Fl‑10 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD). Dan l-ilment kien jikkonċerna, minn naħa, it-tul tal-proċedura għall-ipproċessar tat-talba tagħha għall-aċċess għall-fajl mediku tagħha u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ inklużjoni tan-nota tal-Professur D fil-fajl mediku tiegħu. |
|
13 |
Fis‑27 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti ressqet ilment kontra d-deċiżjoni tas-servizz mediku, imsemmija fil-punt 10 iktar ’il fuq, li ċaħdet it-talba tagħha għal kumpens għad-danni u l-ispejjeż ikkawżati mill-proċedura sabiex titlob aċċess għall-fajl mediku tagħha. Bid-Deċiżjoni R/579/16 tad‑9 ta’ Marzu 2017 l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti ċaħdet dan l-ilment. |
|
14 |
Matul l-istess perjodu, f’Jannar 2016 u f’April 2017, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni annwali (iktar ’il quddiem ir-“rapporti ta’ evalwazzjoni”) tar-rikorrenti ġew redatti għall-eżerċizzji 2015 u l-2016. |
|
15 |
Fit‑3 ta’ April 2017, il-Kummissjoni kkomunikat, permezz ta’ pubblikazzjoni fl-Informations administratives Nru 13-2017, il-ftuħ tal-proċedura ta’ promozzjoni għall-2017 (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ promozzjoni 2017”). Din il-komunikazzjoni ġiet segwita, fid‑19 ta’ Ġunju 2017, bil-pubblikazzjoni tal-lista tal-uffiċjali proposti għall-promozzjoni mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF. Din il-lista ma semmietx l-isem tar-rikorrenti. |
|
16 |
Fil‑11 ta’ April 2017, ir-rikorrenti ġeddet it-talba tagħha tat‑30 ta’ Settembru 2016 li kienet intiża sabiex in-nota tal-Professur D tkun inkluża fil-fajl mediku tagħha (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). |
|
17 |
F’Ġunju 2017, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew dwar il-preżenza tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova fil-fajl individwali tagħha.1 |
|
18 |
Fis‑26 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem il-Kumitat Konġunt għall-Promozzjoni (iktar ’il quddiem il-“KKP”) ilment kontra d-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF li ma tiġix inkluża fil-lista tal-uffiċjali proposti għall-promozzjoni. |
|
19 |
Fil‑25 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti talbet lis-servizz mediku sabiex ineħħi n-nota ta’ Dr A mill-fajl mediku tagħha. Fit‑28 ta’ Awwissu 2017, is-servizz mediku infurmaha bl-assenza ta’ din in-nota mill-fajl mediku tagħha. |
|
20 |
Fis‑27 ta’ Awwissu 2017, membru tal-KKP ikkonsulta r-rapport interim tal-perijodu ta’ prova tar-rikorrenti. |
|
21 |
Fil‑21 ta’ Settembru 2017, grupp konġunt intermedjarju (iktar ’il quddiem il-“GKI”) ħareġ abbozz ta’ opinjoni li jissuġġerixxi li ma għandux jirrakkomanda lir-rikorrenti għall-promozzjoni. Dan l-abbozz ta’ opinjoni kien segwit minn opinjoni tal-KKP tas‑27 ta’ Ottubru 2017, li fiha dan tal-aħħar ma rrakkomandatx, b’26 vot favur u 4 astensjonijiet, lir-rikorrenti għall-promozzjoni lill-Awtorità kompetenti tal-Ħatra. |
|
22 |
Fit‑13 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni fl-Informations administratives Nru 25-2017. Din il-komunikazzjoni kienet tinkludi l-lista tal-uffiċjali promossi fl-eżerċizzju ta’ promozzjoni 2017. Isem ir-rikorrenti ma kienx jinsab f’din il-lista (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni”). |
|
23 |
Fl-14 ta’ Diċembru 2017, il-KEPD ta d-deċiżjoni tiegħu dwar l-ilment tar-rikorrent tal-10 ta’ Ottubru 2016 imsemmi fil-punt 12 iktar ’il fuq. F’dik id-deċiżjoni, il-KEPD ċaħad l-ewwel ilment imressaq mir-rikorrenti, ibbażat fuq it-tul tal-proċedura għall-ipproċessar tat-talba ta’ din tal-aħħar sabiex ikollha aċċess għall-fajl mediku tagħha. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tieni lment, ibbażat fuq l-assenza li n-nota tal-Professur D tiġi inkluża fil-fajl mediku tar-rikorrenti, il-KEPD iddeċieda li l-fatt li l-Kummissjoni ma laqgħetx, mingħajr dewmien, talba tar-rikorrenti dwar ir-rettifika tal-fajl mediku tagħha, kien jikkostitwixxi ksur tar-regoli għall-protezzjoni tad-data personali. Barra minn hekk, il-KEPD indika li l-informazzjoni mibgħuta lilu fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ lment kienet tissuġġerixxi li n-nota ta’ Dr A kienet tneħħiet mill-fajl mediku tar-rikorrenti. |
|
24 |
Fit‑18 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrenti talbet lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF sabiex jirtira r-rapport interim tal-perijodu ta’ prova mill-fajl individwali tagħha. Insostenn ta’ din it-talba, ir-rikorrenti invokat id-deċiżjoni tal-KEPD imsemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq. |
|
25 |
Permezz ta’ posta elettronika tat‑18 ta’ Jannar 2018, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) għar-Riżorsi Umani u ta’ Sigurtà tal-Kummissjoni informa lir-rikorrenti li r-rapport interim tal-perijodu ta’ prova, kif ukoll il-kummenti tiegħu dwaru, kienu tneħħew mill-fajl individwali tagħha. |
|
26 |
Fl‑10 ta’ Frar 2018, ir-rikorrenti ressqet ilment kontra d-deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni ppubblikata fit‑13 ta’ Novembru 2017. Bid-Deċiżjoni R/96/18 tas‑7 ta’ Ġunju 2018 l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet dan l-ilment (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-ilment”). Fis‑17 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti ġiet innotifikata b’din id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tagħha. |
|
27 |
Fit-13 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrenti ġiet promossa għal grad AD 6 għall-eżerċizzju ta’ promozzjoni 2018, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2018. |
II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
[omissis]
|
34 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
35 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
III. Id-dritt
|
36 |
Permezz tar-raba’ u l-ħames talba tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni u tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment. |
|
37 |
Hija ġurisprudenza stabbilita li t-talbiet intiżi kontra ċ-ċaħda ta’ lment għandhom l-effett li jressqu l-att li kontrih tressaq l-ilment quddiem il-qorti u li bħala tali huma nieqsa minn kontenut awtonomu (sentenzi tas‑17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punt 8, u tal‑20 ta’ Novembru 2007, Ianniello vs Il-Kummissjoni, T‑205/04, EU:T:2007:346, punt 27). Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li t-talbiet għall-annullament, diretti kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment imressaq kontra d-deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni, għandhom l-għan biss ta’ talba għall-annullament tad-deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ April 2006, Camós Grauvs Il-Kummissjonji, T‑309/03, EU:T:2006:110, punt 43). |
|
38 |
Anki jekk id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata li ma tingħatax promozzjoni u għalhekk ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, il-motivazzjoni li tinstab f’din l-aħħar deċiżjoni turi l-motivi tad-deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni. Konsegwentement, fid-dawl tan-natura li qed tevolvi tal-proċedura prekontenzjuża, din il-motivazzjoni għandha titqies ukoll meta tkun qed tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni, peress li din id-dikjarazzjoni titqies li tikkoinċidi ma’ dan l-aħħar att (ara, f’dan fis-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2014, Mocová vs Il-Kummissjoni, T‑347/12 P, EU:T:2014:268, punti 31 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, għal dak is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punt 59). |
|
39 |
Permezz tas-sitt talba tagħha, ir-rikorrenti titlob il-kumpens mill-Kummissjoni għad-danni allegatament imġarrba. |
|
40 |
Jeħtieġ li tiġi eżaminata, minn naħa, it-talba għall-annullament u, min-naħa l-oħra, it-talba għall-kumpens |
A. Fuq it-talba għal annullament
|
41 |
Insostenn tat-talba tagħha, ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-irregolarità tal-proċedura ta’ promozzjoni 2017. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Awtorità tal-Ħatra kompetenti waqt l-eżami komparattiv tal-merti. |
|
42 |
Il-Kummissjoni tqajjem diversi eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà. |
1. Fuq l-ammissibbiltà
[omissis]
c) Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li r-rikorrenti tikkontesta atti li saru definittivi
[omissis]
|
84 |
Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tal-ewwel motiv u l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq ksur tar-regola ta’ konkordanza għandhom jiġu miċħuda. Min-naħa l-oħra, l-argumenti tar-rikorrenti diretti, minn naħa, kontra l-preżenza tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova fil-fajl individwali tagħha fis-sens tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, kontra r-rapporti ta’ evalwazzjoni stabbiliti għall-2015 u l-2016 huwa inammissibbli |
2. Fuq il-mertu
|
85 |
Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-proċedura ta’ promozzjoni 2017 hija irregolari minħabba li tikser l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 8968 finali tas‑16 ta’ Diċembru 2013, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, ippubblikat fl-Informations administratives Nru 55-2013 tad‑19 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem id- DĠI). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li l-irregolarità tal-proċedura ta’ promozzjoni 2017 hija marbuta, l-ewwel nett, mal-influwenza eżerċitata min-nota ta’ Dr A u, it-tieni nett, mal-influwenza eżerċitata tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova u tar-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova. Ir-rikorrenti żżid li l-irregolaritajiet proċedurali li hija tissinjala setgħu influwenzaw l-eżitu tal-proċedura ta’ promozzjoni 2017, jiġifieri r-rifjut ta’ promozzjoni. [omissis] |
b) Fuq l-allegata influwenza tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova u tar-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova fuq il-proċedura ta’ promozzjoni 2017
|
108 |
Ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li l-fajl individwali tagħha, li ġie eżaminat matul il-proċedura ta’ promozzjoni 2017, kien fih elementi li ma kellhomx jinsabu fih u li ma kellhomx jiġi inklużi fih sabiex jiġu evalwati l-merti tagħha matul l-eżami komparattiv tal-merti. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tqis li l-preżenza tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova fil-fajl individwali tagħha kienet irregolari. |
|
109 |
Ir-rikorrenti tikkritika wkoll il-preżenza tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova fil-“fajl ta’ promozzjoni” tagħha, jiġifieri, essenzjalment, l-influwenza u t-teħid inkunsiderazzjoni tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova matul l-eżerċizzju ta’ promozzjoni 2017. F’dan ir-rigward, fir-rikors, u waqt is-seduta, ir-rikorrenti enfasizzat li r-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova kien fih riferiment dirett għar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova u rrefera għad-diffikultajiet li kienet iltaqgħet fil-bidu tal-perjodu tagħha ta’ prova, jiġifieri diffikultajiet ta’ natura interpersonali u li jikkonċernaw il-ħidma fi grupp. |
|
110 |
Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-indikazzjonijiet li jinsabu fir-rapport interim tal-perijodu ta’ prova influwenzaw b’mod manifest il-kontenut tar-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova u r-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha stabbiliti għal-eżerċizzji 2015 u 2016, jiġifieri d-dokumenti li ttieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-eżami komparattiv tal-merti mwettqa fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ promozzjoni 2017. Barra minn hekk, hija tirrileva li membru ta’ PPC ikkonsulta direttament ir-rapport interim ta’ prova matul il-proċedura ta’ promozzjoni 2017. Barra min hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti ddikjarat li t-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Awtorità tal-Ħatra kompetenti, ta’ dan ir-rapport, ma kienx neċessarju fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2017. |
|
111 |
Finalment, fil-parti tar-rikors iddedikata għall-eżami komparattiv tal-merti, ir-rikorrenti ssostni li l-informazzjoni li tinsab fir-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova u r-rapport interim tal-perijodu ta’ prova influwenzaw b’mod manifest l-evalwazzjoni tagħha u l-assenza ta’ proposta ta’ promozzjoni. |
|
112 |
B’hekk, essenzjalment, ir-rikorrenti tinvoka, minn naħa, irregolarità marbuta mal-preżenza tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova fil-fajl individwali tagħha fis-sens tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra, hija tallega ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal fuq il-bażi li r-rapport interim tal-perijodu ta’ prova u r-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova ttieħdu inkunsiderazzjoni matul il-proċedura ta’ promozzjoni 2017. |
|
113 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
114 |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-irtirar tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova mill-fajl individwali tar-rikorrenti ma huwiex konsegwenza diretta tal-obbligi li għandha skont id-deċiżjoni tal-KEPD (ara l-punti 23 sa 25 iktar ’il fuq). Fil-fatt, fid-deċiżjoni tiegħu, il-KEPD ma kkunsidrax li l-preżenza tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova fil-fajl individwali kienet irregolari. |
|
115 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni fl-atti tagħha li, skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 4(1)(a) tal-DĠI, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ promozzjoni 2017 ma jikkostitwixxix irregolarità, iżda li huwa, għall-kuntrarju, obbligu tal-Awtorità tal-Ħatra kompetenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li l-aċċess, f’dan il-każ, minn membri tal-KKP għall-fajl individwali tal-uffiċjali, permezz tas-sistema informatika tal-ġestjoni tal-persunal (iktar ’il quddiem “Sysper 2”), huwa rekwiżit proċedurali li jirriżultaw mill-ħtieġa li jiġu eżaminati r-rapporti previsti fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, dan l-aċċess ma jikkostitwixxix irregolarità. |
|
116 |
Meta ġiet mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta, il-Kummissjoni enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li indikat fir-risposta, l-Awtorità tal-Ħatra ma kellha l-ebda obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni r-rapport intemedjarju dwar il-perijodu ta’ prova. Barra minn hekk, hija speċifikat li l-għan ta’ rapport dwar il-perijodu ta’ prova ma kienx li jevalwa l-merti ta’ membru tal-persunal għall-finijiet tal-promozzjoni u li tali rapport kien redatt biss għall-iskopijiet tal-ħatra bħala uffiċjal permanenti. Hija ddeduċiet minn dan li, matul l-eżami komparattiv tal-merti mwettaq fil-kuntest ta’ proċedura ta’ promozzjoni, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni biss kienu, fil-prinċipju, meħuda inkunsiderazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li l-evalwaturi fil-fatt kellhom, de facto, il-possibbiltà li jieħdu inkunsiderazjoni d-dokumenti disponibbli f’Sysper 2. |
|
117 |
Fit-tielet lok, fir-risposta u waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkontestat l-impatt tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova fuq il-proċedura ta’ promozzjoni 2017 u, b’mod partikolari, l-influwenza ta’ dan id-dokument fuq ir-rapporti meħuda inkunsiderazzjoni matul dan l-eżerċizzju ta’ promozzjoni. |
|
118 |
Qabel kollox, il-Kummissjoni tinnota li l-kontenut tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova ma pprekuldiex il-ħatra bħal uffiċjal permanenti tar-rikorrenti fi tmiem il-perijodu ta’ prova. Matul is-seduta, hija enfasizzat li s-superjuri diretti kienu awtorizzati jirrediġu evalwazzjonijiet negattivi f’rapport interim tal-perijodu ta’ prova u f’rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova. Żiedet tgħid li, ċertament, ir-rapport tat-tmiem ta’ prova inkwistjoni semma d-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom ir-rikorrenti fil-bidu tal-perijodu ta’ prova. Madankollu, hija sostniet li r-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova kien fih evalwazzjonijiet li deliberatament jimminimizzaw l-evalwazzjonijiet negattivi li jinsabu fir-rapport interim tal-perijodu ta’ prova. |
|
119 |
Sussegwentement, il-Kummissjoni tinvoka n-nuqqas ta’ interess tar-rikorrenti li tikkontesta l-konklużjonijiet “sodisfaċenti” tar-rapporti ta’ evalwazzjoni li jikkonċernawha redatti għall-eżerċizzji 2015 u l-2016. Matul is-seduta hija sostniet li l-allegat impatt negattiv tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-rapport interim tal-perijodu ta’ prova kien ibbilanċjat mill-evalwazzjonijiet pożittivi li jinsabu fir-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova u fir-rapporti ta’ evalwazzjoni redatti għal-2015 u l-2016. |
|
120 |
Fl-aħħar nett, dejjem waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonstatat osservat li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ma kien fiha l-ebda riferiment għar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova. F’dan ir-rigward, hija speċifikat li, matul il-proċedura ta’ promozzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti kienet użat biss jew prinċipalment biss ir-rapporti ta’ evalwazzjoni redatti għall-eżerċizzji 2015 u 2016. |
|
121 |
Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti evalwat iż-żejjed l-impatt tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova fuq il-proċedura ta’ promozzjoni 2017 u ttraskurat l-importanza li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rapporti l-oħra li jikkonċernawha li jinsabu fil-fajl individwali tagħha. |
|
122 |
F’dan il-każ, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma hijiex ammissibbli li tikkontesta l-preżenza tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova fil-fajl individwali tagħha fis-sens tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punt 84 iktar ’il fuq). |
|
123 |
Għaldaqstant jeħtieġ li jiġu eżaminati biss l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq it-teħid inkunsiderazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova u tar-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova matul il-proċedura ta’ promozzjoni 2017. |
1) Osservazzjonijiet preliminari
|
124 |
L-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jistipula li, għall-finijiet ta’ eżami komparattiv tal-merti, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tqis, b’mod partikolari, ir-rapporti li l-uffiċjali ġew suġġetti għalihom. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(1)(a) tad-DĠI jistipula b’mod partikolari li, għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-mertu ta’ uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tqis, b’mod partikolari “ir-rapporti li l-uffiċjali kienu suġġetti għalihom mill-aħħar promozzjoni tagħhom jew, fin-nuqqas ta’ dan, mir-reklutaġġ tagħhom u, b’mod partikolari, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni redatti skont id-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implimentazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
125 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li r-rapporti msemmija fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal huma dawk imsemmija fl-Artikolu 43 ta’ dawn ir-regolamenti tal-persunal, jiġifieri r-rapporti ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Rappe vs Il-Kummissjoni, T‑202/99, EU:T:2000:227, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
126 |
Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni jikkostitwixxu element indispensabbli ta’ evalwazzjoni kull meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-karriera ta’ uffiċjal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-promozzjoni tiegħu (ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2006, Lantzoni vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑289/04, EU:T:2006:70, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tas‑16 ta’ Marzu 2009, R vs Il-Kummissjoni, T‑156/08 P, EU:T:2009:69, punt 53 u l-ġurisprudenza iċċitata). B’hekk, deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni hija vvizzjata minn irregolarità meta l-Awtorità tal-Ħatra ma tkunx wettqet eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali eliġibbli għall-promozzjoni minħabba li rapport ta’ evalwazzjoni wieħed jew iktar ma kinux disponibbli minħabba tort tal-amministrazzjoni (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2016, Kotula vs Il-Kummissjoni, F‑118/15, EU:F:2016:138, punt 38; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 1993, Vela Palacios vs KES, T‑25/92, EU:T:1993:17, punt 43, u tal‑11 ta’ Lulju 2007, Konidaris vs Il-KummissjoniT‑93/03, EU:T:2007:209, punt 88). |
|
127 |
Fit-tieni lok, l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni oħra dwar il-kundizzjoni amministrattiva u personali tal-kandidati għall-promozzjoni. Madankollu, il-possibbiltà li jsir riferiment għal dawn l-elementi tippreżupponi l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Rappe vs Il-Kummissjoni, T‑202/99, EU:T:2000:227, punti 40 u 54). Dan huwa b’mod partikolari l-każ fl-assenza ta’ rapport ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1995, Rasmussen vs Il-Kummissjoni, T‑557/93, EU:T:1995:138, punt 32). |
|
128 |
Barra minn hekk, elementi ta’ informazzjoni jistgħu jirrimedjaw biss għall-assenza ta’ rapport ta’ evalwazzjoni jekk jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet li hija l-istituzzjoni konvenuta li għandha tipproduċi l-prova li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti. L-ewwel nett, għandhom ikunu oġġettivi biżżejjed sabiex jippermettu stħarriġ ġudizzjarju, it-tieni nett, għandu jkun fihom evalwazzjoni tal-merti tal-uffiċjal imwettqa mill-persuni responsabbli għar-redazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu, it-tielet nett, li huma ġew ikkomunikati lill-uffiċjal b’tali mod li jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża u, ir-raba’ nett, li kienu magħrufa mill-Kumitat ta’ Promozzjoni fil-mument tal-eżami komparattiv tiegħu tal-merti tal-kandidati kollha. Minn dan isegwi li l-elementi ta’ informazzjoni li jistgħu jagħmlu tajjeb għall-assenza ta’ rapport ta’ evalwazzjoni għandhom ikunu ġeneralment simili għal dan tal-aħħar, sa fejn jirrigwarda l-oriġini tagħom, il-proċedura ta’ redazzjoni tagħhom u l-għan taghhom tagħhom (sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Rappe vs Il-Kummissjoni, T‑202/99, EU:T:2000:227, punti 56 u 57). |
|
129 |
Fit-tielet lok, qabel kollox, għandu jkun innotat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-funzjoni primarja ta’ rapport ta’ evalwazzjoni hija li tipprovdi lill-amministrazzjoni b’informazzjoni perijodika kemm jista’ jkun sħiħa dwar il-kundizzjonijiet għat-twettiq tas-servizz tagħhom mill-uffiċjali tagħha (sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 1996, Dimitriadis vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑326/94, EU:T:1996:62, punt 84; tal‑10 ta’ Settembru 2003, McAuley vs Il-Kunsill, T‑165/01, EU:T:2003:225, punt 51, u tas‑16 ta’ April 2008, Doktor vs Il-Kunsill, F‑73/07, EU:F:2008:42, punt 86). Min-naħa l-oħra, rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova huwa maħsub prinċipalment sabiex jevalwa l-kompetenza tal-uffiċjal fuq perijodu ta’ prova sabiex iwettaq id-dmirijiet li jirriżultaw mill-funzjonijiet tiegħu u sabiex jinħatar uffiċjal permanenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2000, Jacobs vs Il-Kummissjoni, T‑82/98, EU:T:2000:53, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
130 |
Bl-istess mod, ma jistax isir paragun awtomatiku u assolut bejn rapport ta’ evalwazzjoni u rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova ta’ uffiċjal, minħabba li ż-żewġ tipi ta’ rapporti jinkludu taqsimiet ta’ evalwazzjoni u sistema ta’ noti differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 1996, Dimitriadis vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑326/94, EU:T:1996:62: punti 83 u 85). Sussegwentement, għandha tiġi enfasizzata l-importanza, fil-perspettiva tal-iżvilupp tal-karriera ta’ uffiċjal, tal-iffissar fil-bidu tal-eżerċizzju annwali ta’ għanijiet minn qabel stabbiliti mis-superjur dirett. L-evalwazzjoni annwali tirrigwarda b’mod partikolari fuq kif l-uffiċjal kiseb dawn l-għanijiet. Huwa fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet li l-prestazzjoni, l-effikaċja u l-aġir tal-uffiċjal fis-servizz jiġu evalwati. Issa, dawn l-għanijiet ma humiex l-istess bħal dawk mistennija minn uffiċjal fuq perijodu ta’ prova matul il-perijodu ta’ prova, sabiex jinħatar uffiċjal permanenti. Minħabba n-natura speċifika tagħhom, iffukati fuq il-prestazzjoni, l-evalwazzjonijiet li jinsabu f’rapport ta’ evalwazzjoni huma distinti mill-evalwazzjonijiet li jinsabu f’rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova. |
|
131 |
F’dan ir-rigward, ġie deċiż li l-evalwazzjoni ta’ rikorrent matul l-ewwel sitt xhur tal-kuntratt tiegħu, li tinsab f’rapport dwar il-perijodu ta’ prova, ma tistax tixtiebah u, b’hekk, tissostitwixxi jew tikkumpensa l-evalwazzjoni mwettqa fil-kuntest tar-rapport ta’ evalwazzjoni annwali tagħha intiża li jevalwa jekk, fir-rigward tal-għanijiet stabbiliti bi ftehim mar-rikorrent, dan tal-aħħar issodisfax l-aspettattivi u b’hekk jistabbilixxi l-grad tal-prestazzjonijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Wahlström vs Frontex, T‑591/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:938, punt 65). |
|
132 |
Fl-aħħar nett, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni, peress li jikkostitwixxu elementi li jistgħu jkollhom influenza matul il-karriera ta’ uffiċjal, jikkostitwixxu atti li jikkkawżaw preġudizzju. Il-ġurisprudenza li skontha r-rapporti ta’ evalwazzjoni jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament tissodisfa l-interess ta’ ġestjoni amministrattiva tajba, peress li, kieku dan ma kienx il-każ, il-parti kkonċernata tkun tista’ tidentifika difetti possibbli f’tali rapport biss fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra att għall-adozzjoni li r-rapport ikkonċernat kellu rwol fih. Issa, tali sitwazzjoni tista’ ddewwem l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet importanti fir-rigward tal-uffiċjali (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2009, R vs Il-Kummissjoni, T‑156/08 P, EU:T:2009:69, punti 53 u 54). |
|
133 |
Soluzzjoni bħal din adottata mill-ġurisprudenza fir-rigward tar-rapporti ta’ evalwazzjoni ma tistax tiġi estiża għad-dokumenti li l-uniku għan tagħhom huwa li jħejju deċiżjoni speċifika mill-amministrazzjoni, li magħhom huma marbuta mill-qrib. Dan huwa preċiżament il-każ tar-rapporti dwar il-perijodu ta’ prova, li l-iskop tagħhom huwa li jħejji d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni dwar il-ħatra bħala uffiċjal permanenti fi tmiem il-perijodu ta’ prova jew it-tkeċċija tiegħu (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2009, R vs Il-Kummissjoni, T‑156/08 P, EU:T:2009:69, punt 55). |
|
134 |
Dan huwa l-każ ukoll tal-miżuri relatati mal-iżvolġiment tal-prova ta’ uffiċjal, adottati abbażi tal-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal, fosthom id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid għal servizz ieħor sabiex tkompli perijodu ta’ prova kif ukoll id-deċiżjoni li testendi l-perijodu ta’ prova b’sitt xhur. L-għan ta’ dawn il-miżuri huwa ovvjament li jippermetti lill-amministrazzjoni tevalwa aħjar il-kwalitajiet tal-uffiċjal fuq perijodu ta’ prova kif ukoll li tħejji d-deċiżjoni li jinħatar uffiċjal permanenti jew li tkeċċi lill-membru tal-persunal li għandha tiġi adottata fi tmiem il-perijodu ta’ prova u ma tistax għaldaqstant tiġi attakkata, b’mod indipendenti, b’rikors għal annullament (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2009, R vs Il-Kummissjoni, T‑156/08 P, EU:T:2009:69, punt 56). |
|
135 |
Barra minn hekk, rapport dwar il-perijodu ta’ prova fil-fajl individwali ta’ uffiċjal ma jistax, fil-prinċipju, jibqa’ jipproduċi xi effetti kwalunkwe wara d-deċiżjoni ta’ ħatra bħala uffiċjal permanenti meħuda fi tmiem il-prova, li għaliha ġie redatt, u li ma kellu l-ebda għan ieħor ħlief li jħejji għaliha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑19 ta’ Frar 2008, R vs Il-Kummissjoni, F‑49/07, EU:F:2008:18, punt 56). |
|
136 |
Għaldaqstant, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni u r-rapporti redatti matul il-perijodu ta’ taħriġ għandhom għan u funzjonijiet distinti. Barra minn hekk, dawn ir-rapporti huma rregolati minn sistemi ġuridiċi differenti. B’hekk rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova, anki jekk jinkludi ċertu numru ta’ osservazzjonijiet dwar il-kompetenzi tax-xogħol tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal, ma jistax fil-prinċipju jittieħed inkunsiderazzjoni minn kumitat ta’ promozzjoni. |
|
137 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tar-rapporti relatati mal-perijodu ta’ prova tagħha matul l-eżerċizzju ta’ promozzjoni 2017. |
2) Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tar-rapporti relatati mal-perijodu ta’ prova tar-rikorrenti
|
138 |
Fl-ewwel lok, fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti kkunsidrat li r-regolarità tal-eżami komparattiv tal-merti, fis-sens tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, kienet tirrikjedi li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm ir-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova u tar-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti redatti għall-eżerċizzji 2015 u l-2016. L-Awtorità tal-Ħatra kompetenti ddikjarat li ma kien hemm ebda element fil-fajl li kien jissuġġerixxi li, matul l-eżerċizzju ta’ promozzjoni 2017, kienet seħħet irregolarità f’dan ir-rigward. Żiedet tgħid li s-sempliċi fatt li r-rapport interim tal-perijodu ta’ prova kien ġie kkonsultat minn membru tal-KKP. |
|
139 |
Ma kienx iwassal għall-konklużjoni li l-eżami komparattiv tal-merti ma kienx twettaq abbażi tar-rapporti rilevanti, jiġifieri r-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova u r-rapporti ta’ evalwazzjoni redatti għall-2015 u l-2016. |
|
140 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li, kif ikkonfermat il-Kummissjoni waqt is-seduta, ir-rapport interim tal-perijodu ta’ prova tar-rikorrenti kien jinsab, f’Sysper 2, bħala anness mar-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova li jikkonċernaha. |
|
141 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza u l-essenza tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova huma msemmija fil-parti finali tar-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova. Fil-fatt, fir-rapport tat-tmiem il-perijodu ta’ prova, il-validatur spjega li kien “xi ftit imħasseb li [l-] perijodu inizjali fi ħdan [l-ewwel diviżjoni li magħha kienet assenjata r-rikorrenti] ma tantx kien żvolġa daqshekk tajjeb, kif [kien] juri r-rapport interim tal-perijodu ta’ prova […], li jsemmi diffikultajiet ta’ natura interpersonali u kwistjonijiet li jikkonċernaw il-ħidma fi grupp”. Il-validatur żied jgħid li tali evalwazzjonijiet kienu marbuta ma’ taħlita ta’ ċirkustanzi partikolari fi ħdan l-ewwel diviżjoni. Dawn ir-riferimenti għaldaqstant iffavorixxew il-konsultazzjoni konġunta tar-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova u r-rapport interim tal-perijodu ta’ prova. Barra minn hekk, id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali jistabbilixxu li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni, membru tal-KKP kien ikkonsulta direttament f’Sysper 2 ir-rapport interim tal-perijodu ta’ prova li kien jinsab bħala anness tar-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova li jikkonċernaha. |
|
142 |
B’hekk, għandu jiġi kkostatat li, matul l-eżami komparattiv tal-merti, ir-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova tar-rikorrenti ttieħed inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, ir-rapport interim tal-perijodu ta’ prova wkoll ittieħed inkunsiderazzjoni, direttament jew indirettament, matul l-eżami komparattiv. |
|
143 |
Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 125 sa 137 iktar ’il fuq jirriżulta li, fil-prinċipju, rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ promozzjoni u li huwa biss f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali li l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tikkunsidra informazzjoni oħra, jekk tissodisfa ċerti kundizzjonijiet li hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tipproduċi l-prova li huma ssodisfatti. |
|
144 |
Issa, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti kienet is-suġġett ta’ żewġ rapporti ta’ evalwazzjoni redatti għall-eżerċizzji 2015 u 2016 u li evalwazzjonijiet li jinsabu f’dawn ir-rapporti ta’ evalwazzjoni kienu jikkostitwixxu bażi suffiċjenti għall-eżami komparattiv tal-merti previst mill-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
145 |
Għaldaqstant, l-ebda ċirkustanza eċċezzjonali ma kienet tiġġustifika li r-rapport ta’ tmiem il-perjodu ta’ prova, kif ukoll ir-rapport interim tal-perijodu ta’ prova li jinsab bħala anness għal dan ir-rapport ta’ tmiem ta’ prova, kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni matul l-eżami komparattiv tal-merti. |
|
146 |
Fit-tieni lok, u fi kwalunkwe każ, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li, b’mod differenti mir-rapporti ta’ evalwazzjoni, ir-rapport interim tal-perijodu ta’ prova tar-rikorrenti la kien redatt sabiex jippermetti evalwazzjoni oġġettiva tagħha u lanqas sabiex jintuża għall-evalwazzjoni tal-iżvilupp tal-karriera tagħha. Fil-fatt, ir-rapport interim tal-perijodu ta’ prova ġie redatt matul il-perijodu ta’ prova tar-rikorrenti, f’kuntest ta’ kunflitt bejn din tal-aħħar u membri oħra tal-ewwel diviżjoni li magħha kienet assenjata (ara l-punt 2 iktar ’il fuq). Ir-redazzjoni ta’ dan ir-rapport interim saret b’hekk għal raġunijiet speċifiċi, fil-bidu tal-karriera tar-rikorrenti, sabiex tindika d-diffikultajiet li ltaqgħet magħha f’din l-ewwel diviżjoni u sabiex jiġġustifika miżura amministrattiva ta’ assenjazzjoni mill-ġdid f’diviżjoni oħra għall-kontinwazzjoni tal-perijodu ta’ prova tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma setgħetx tikkontesta l-imsemmi rapport permezz ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li tinħatar uffiċjal permanenti, peress li dik id-deċiżjoni ma kkawżatilhiex preġudizzju. |
|
147 |
Min-naħa l-oħra, huwa minnu li, meta jevalwa l-kwalitajiet ta’ uffiċjal, superjur dirett għandu marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni u għandu, sabiex jaqdi r-responsabbiltajiet tiegħu, jesprimi kummenti u, jekk il-każ, riservi dwar il-kwalità tax-xogħol ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, għadu jiġi nnutat li, f’dan il-każ, ir-rapport interim tal-perijodu ta’ prova fih kritika qawwija li tirrigwarda l-effikaċja, il-kompetenza, il-prestazzjoni u l-aġir tar-rikorrenti fl-ewwel diviżjoni li fiha din tal-aħħar kienet ġiet assenjata. Din il-kritika saret f’lingwaġġ speċifiku b’mod partikolari dwar il-personalità tar-rikorrenti u mhux lejn il-ħiliet professjonali tagħha. Kritika bħal din tmur lil hinn minn dak li huma oġġettivament meħtieġ għall-iskop tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet fis-servizz u sabiex tiġġustifika deċiżjoni amministrattiva ta’ trasferiment f’diviżjoni oħra. |
|
148 |
B’hekk, fid-dawl tal-kontenut insolitu tal-kritika magħmula fir-rapport interim tal-perijodu ta’ prova, l-evalwazzjonijiet li jinsabu f’dan ir-rapport ma jistgħux jixxiebhu jew, għall-inqas, jitqabblu ma’ dawk li jinsabu fir-rapporti ta’ evalwazzjoni pożittivi u sussegwenti redatti għall-eżerċizzji 2015 u l-2016. |
|
149 |
Għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti 146 sa 148 iktar ’il fuq jikkostitwixxu raġuni supplimentari, meta mqabbla ma’ dawk esposti fil-punti 143 u 144 iktar ’il fuq, sabiex teskludi li r-rapporti relatati mal-perijodu ta’ prova tar-rikorrenti jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-eżami komparattiv tal-merti. |
|
150 |
Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li t-teħid inkunsiderazzjoni mill-Awtorità tal-Ħatra kompetenti tar-rapporti relatati mal-perijodu ta’ prova tar-rikorrenti, jiġifieri r-rapport ta’ tmiem il-perjodu ta’ prova u r-rapport interim tal-perjodu ta’ prova, jikkostitwixxi irregolarità li tista’ tivvizzja l-proċedura ta’ promozzjoni 2017 sa fejn tikkonċernaha. |
c) Fuq l-impatt tal-irregolarità proċedurali kkonstatata
|
151 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura ta’ promozzjoni 2017 kienet neċessarjament differenti fl-assenza tal-irregolaritajiet imsemmija fil-punti 108 sa 112 iktar ’il fuq. |
|
152 |
Il-Kummissjoni tirrispondi li, anki jekk tassumi li twettqet irregolarità proċedurali, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx l-impatt ta’ din l-allegata irregolarità proċedurali fuq il-kontenut tad-deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni. Minn naħa, hija tinnota li r-rikorrenti tiddikjara biss, f’termini ġenerali, li l-preżenza tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova fil-fajl individwali tagħha “inevitabbilment influwenza l-evalwazzjoni” tal-fajl tagħha. Min-naħa l-oħra, tenfasizza li r-rikorrenti ma tidentifika l-ebda parti mir-rapporti ta’ evalwazzjoni redatti għall-eżerċizzji 2015 u 2016 jew tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment li allegatament kienet influwenzata mill-kontenut tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova. |
|
153 |
Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-irregolarità ta’ proċedura ta’ promozzjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li ma huwiex biżżejjed, sabiex tiġi annullata deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ promozzjoni, li l-fajl individwali ta’ kandidat ikun irregolari u mhux komplut, iżda għandu wkoll jiġi stabbilit li din iċ-ċirkustanza setgħet kellha impatt deċiżiv fuq il-proċedura ta’ promozzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2008, Strack vs Il-Kummissjoni, T‑394/04, EU:T:2008:20, punt 39, u tal‑14 ta’ Novembru 2017, Vincenti vs EUIPO,T‑586/16, EU:T:2017:803, punt 36). |
|
154 |
B’mod iktar ġenerali, hija ġurisprudenza stabbilita li, sabiex irregolarità proċedurali tista’ tiġġustifika l-annullament ta’ att, il-proċedura għandha, fl-assenza ta’ dik l-irregolarità, tkun tista’ twassal għal riżultat differenti (sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2015, Wahlström vs Frontex,T‑653/13 P, EU:T:2015:652, punt 21; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal‑1 ta’ Diċembru 2015, Georgias et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑545/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:791, punt 51). |
|
155 |
F’din il-kawża, l-ewwel nett, kif issostni l-Kummissjoni, il-qari tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ma jurix li r-rikorrenti kellha merti superjuri għal dawk tal-kollegi tagħha promossi. It-tieni nett, ma ssemma l-ebda kontenut tar-rapport interim tal-peijodu ta’ prova fl-istadju tal-eżami komparattiv tal-merti kif iddettaljati mill-Awtorità tal-Ħatra fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment. It-tielet nett, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni meħuda inkunsiderazzjoni fihom evalwazzjonijiet pożittivi, “sodisfaċenti”, filwaqt li r-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova, pożittiv ukoll, ippermetta li r-rikorrenti tinħatar uffiċjal permanenti. |
|
156 |
Madankollu, qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li, fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti tirreferi espressament għall-kontenut tar-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova fit-taqsima “Effikaċja, kompetenza u aġir fis-servizz”. F’dan ir-rigward, l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti tinnota li r-rapport ta’ tmiem il-prova jsemmi “marġni ta’ progress” u li r-rikorrenti kellha “tikkonsulta l-amministrazzjoni meta jkun meħtieġ”, “iżomm is-superjuri diretti tiegħu infurmati” jew “tikkoordina x-xogħol tagħha ma’ dak tal-kollegi tagħha”, “sabiex tkun tista’ twettaq ix-xogħol mistenni minnha”. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova kien fih fl-anness ir-rapport interim tal-perijodu ta’ prova u semma lil dan tal-aħħar. B’hekk, ir-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova li miegħu ġie mehmuż ir-rapport interim tal-perijodu ta’ prova, seta’ kellu impatt negattiv fuq l-evalwazzjoni tal-“effikaċja, il-kompetenza u l-aġir fis-servizz” tar-rikorrenti matul l-analiżi tal-merti tagħha. |
|
157 |
Sussegwentement, meta jitqiesu, l-ewwel nett, iċ-ċirkustanzi partikolari li kien hemm madwar ir-redazzjoni tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova anness mar-rapport ta’ tmiem il-prova fil-fajl individwali tar-rikorrenti, it-tieni nett, l-evalwazzjonijiet estremament kritiċi u suġġettivi li dan ir-rapport interim kien fih, u, it-tielet nett, il-konsultazzjoni tal-imsemmi rapport ma’ membru tal-KKP qabel l-istabbiliment tal-lista definittiva tal-uffiċjali promossi, ir-rapport interim tal-perijodu ta’ prova tar-rikorrenti seta’ kellu impatt negattiv fuq l-eżami komparattiv tal-meriti mwettaq matul il-proċedura ta’ promozzjoni 2017. |
|
158 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li, ċertament, l-uffiċjali taħt il-perijodu ta’ prova kollha jkunu suġġetti għal rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova. Madankollu, mhux l-uffiċjali kollha taħt il-perijodu ta’ prova jkunu suġġetti għal rapport interim ta’ perijodu ta’ predattrova. Sa fejn huwa mfassal f’każijiet partikolari, rapport interim ta’ perijodu ta’ prova huwa distint minn rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova u, a fortiori, minn rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija mill-Artikolu 4 tad-DĠI. B’hekk, it-teħid inlunsiderazzjoni, dirett jew indirett, tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova seta’ jaffettwa l-evalwazzjoni oġġettiva u b’mod ugwali tal-merti tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2017. |
|
159 |
Minn dan isegwi li l-irregolarità proċedurali kkonstatata fil-punt 150 iktar ’il fuq setgħet ikollha, fir-rigward tar-rikorrenti, impatt deċiżiv fuq l-izvolġiment ta’ din il-proċedura u fuq id-deċiżjoni li ma tiġix promossa. Fi kliem ieħor, huwa stabbilit li fl-assenza tal-imsemmija irregolarità proċedurali, id-deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni setgħet ikollha kontenut differenti (ara l-punti 153 u 154 iktar ’il fuq). |
|
160 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedeiti għandu jintlaqa’ l-ewwel motiv u tiġi annullata d-deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati, minn naħa, l-ilmenti mqajma mir-rikorrenti fl-ewwel motiv u, min-naħa l-oħra, it-tieni motiv. Barra minn hekk, sa fejn id-deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni hija annullata, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati t-talbiet ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u l-miżuri ta’ istruzzjoni li r-rikorrenti fformulat fl-ewwel tliet talbiet tagħha. |
B. Fuq it-talba għad-danni
|
161 |
Skont ġurisprudenza stabbilita dwar il-kawżi għad-danni fil-qasam tas-servizz pubbliku, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni jridu jiġu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, l-effettività tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T‑132/03, EU:T:2005:324, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2006, Tzirani vs Il-Kummissjoni, T‑88/04, EU:T:2006:186, punt 100, u tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Paraskevaidis vs Cedefop,T‑601/16, EU:T:2017:757, punt 78). Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi, u dan jimplika li, la waħda minnhom ma tintlaħaqx, ir-responsabbiltà tal-Unjoni ma tistax tiġi stabbilita (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, WL vs ERCEA, T‑493/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:852, punt 207 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
162 |
F’din il-kawża, ir-rikorrenti titlob, l-ewwel net, il-kumpens għall-allegat dannu materjali li hija evalwat għal EUR 45000 u, it-tieni nett, il-kumpens għall-allegat dannu morali li hija evalwat għal EUR 20000. [omissis] |
2. Fuq it-talba għall-kumpens ta’ allegat dannu morali
[omissis]
|
179 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li hija ġarrbet dannu morali marbut mal-allegazzjonijiet malafamanti relatati mal-istat psikoloġiku tagħha li jidhru fir-rapport interim tal-perijodu ta’ prova. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-konsultazzjoni possibbli tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova mis-superjuri diretti kollha tagħha u mid-DĠs l-oħra tal-Kummissjoni għamlet ħsara kbira għar-reputazzjoni u l-fama professjonali tagħha fi ħdan l-OLAF u Kummissjoni. Dan il-preġudizzju li sar għar-reputazzjoni tagħha kellu l-konsegwenza li jżid it-tħassib tagħha dwar l-inċertezza ta’ żvilupp tal-karriera u, essenzjalment, dwar promozzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2017. Hija żżid tgħid li din is-sitwazzjoni kellha l-effett li twassal għal perċezzjoni falza, minnha nfisha, tas-sitwazzjoni tagħha stess, li tikkawżalha dwejjaq u tbatija li kellhom konsegwenzi negattivi fuq il-ħajja privata tagħha u fuq saħħitha, fiżika u mentali. B’hekk, essenzjalment, ir-rikorrenti titlob il-kumpens għad-dannu morali li jirriżulta mill-influwenza eżerċitata mir-rapport interim tal-perijodu ta’ prova fuq il-proċedura ta’ promozzjoni 2017. |
|
180 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, mill-eżami tat-talbiet għall-annullament u, b’mod iktar speċifiku, mill-punti 124 sa 160 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-argument imressaq mir-rikorrenti intiż li juri l-irregolarità tat-teħid inkunsiderazzjoni, għall-eżerċizzju ta’ promozzjoni 2017, tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova anness mar-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova intlaqa’ u li l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti kisret l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal meta adottat id-deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni. Minn dan isegwi li l-kundizzjoni relatata mal-illegalità tal-aġir allegat kontra l-Kummissjoni hija ssodisfatta. |
|
181 |
Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kienet tqiegħdet fi stat ta’ ansjetà u inċertezza dwar ir-reputazzjoni tagħha u l-futur professjonali tagħha u li dak l-istat jirriżulta direttament mill-illegalità kkonstatata fil-punt 180 iktar ’il fuq. |
|
182 |
Barra minn hekk, in-nuqqas ta osservanza mill-Awtorità tal-Ħatra kompetenti tal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ promozzjoni 2017, ikkawża lir-rikorrenti dannu morali partikolari, li ma jistax jiġi rranġat b’mod adegwat bis-sempliċi annullament tad-deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni. |
|
183 |
Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet dan l-istat ta’ tħassib u inċertezza li ħasset ir-rikorrenti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni speċifikat li t-tħassib tar-rikorrenti fir-rigward tar-rapport interim tal-perijodu ta’ prova kien wieħed mill-fatturi li ġew ikkunsidrati sabiex jiġi deċiż, b’mod opportun, li dan ir-rapport għandu jitneħħa mill-fajl individwali tal-applikant. |
|
184 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li d-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti huwa limitat mill-fatt li hija ġiet promossa għall-grad AD 6 mill-ewwel eżerċizzju ta’ promozzjoni li segwa l-eżerċizzju ta’ promozzjoni 2017, jiġifieri dik tal-2018 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2015, Diamantopoulos vs SEAE,F‑30/15, EU:F:2015:138, punt 48). |
|
185 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi hemm lok li jiġi deċiż ex aequo et bono li kumpens fl-ammont ta’ EUR 2000 jikkostitwixxi kumpens adegwat għad-dannu morali li jirriżulta mill-illegalità kkonstatata fil-punt 180 iktar ’il fuq. |
|
186 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għall-kumpens magħmula mir-rikorrenti għandha tintlaqa’. |
|
187 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok, minn naħa, li tiġi annullata d-deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 2000 bħala kumpens għall-preġudizzju morali li ġarrbet. |
IV. Fuq l-ispejjeż
|
188 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
189 |
Peress li l-Kummissjoni essenzjalment tilfet it-talbiet tagħha, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
da Silva Passos Truchot Sampol Pucurull Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑25 ta’ Ġunju 2020. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis il-pubblikazzjoni tagħhom utli.