Kawża T‑485/18

Compañía de Tranvías de la Coruña, SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tas‑6 ta’ Frar 2020

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti tal-Kummissjoni relatati mal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Dokumenti li joriġinaw minn terz – Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Rifjut parzjali ta’ aċċess – Rifjut totali ta’ aċċess – Obbligu ta’ motivazzjoni – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji – Interess pubbliku superjuri”

  1. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

    (ara l-punti 19 sa 21, 87)

  2. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji – Portata – Osservanza tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u integrità tal-proċedura ġudizzjarja – Applikazzjoni tal-imsemmija prinċipji għall-proċeduri għal deċiżjoni preliminari wkoll

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2), it-tieni inċiż)

    (ara l-punti 38 sa 40, 52 sa 56)

  3. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji – Kamp ta’ applikazzjoni – Dokumenti mhux imfassla speċifikament għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja iżda li jistgħu jippreġudikaw il-kapaċità tal-istituzzjoni kkonċernata li tiddefendi ruħha fl-imsemmija proċedura – Inklużjoni – Kundizzjonijiet

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2), it-tieni inċiż)

    (ara l-punti 41 sa 43)

  4. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru – Possibbiltà għall-Istat Membru li jitlob lill-istituzzjoni li d-dokumenti ma jiġux żvelati – Implikazzjonijiet proċedurali – Obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-aċċess li jaqa’ fuq l-Istat Membru u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Portata

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1) sa (3) u (5), u Artikolu 8)

    (ara l-punti 68 sa 70)

  5. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti – Kunċett – Interess individwali tar-rikorrent – Esklużjoni

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2))

    (ara l-punti 79 sa 81)

Sunt

Fis-sentenza Compañia de Tranvías de la Coruña vs Il‑Kummissjoni (T‑485/18), mogħtija fis‑6 ta’ Frar 2020, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment ir-rikors ta’ Compañía de Tranvías de la Coruña, SA (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas‑7 ta’ Ġunju 2018 li, skont ir-Regolament Nru 1049/2001 ( 1 ), kienet irrifjutat, parzjalment jew totalment, li tagħti lir-rikorrenti l-aċċess għal dokumenti b’rabta mal-opinjoni tal-Kummissjoni mibgħuta lir-Repubblika Franċiża dwar il-validità tal-kuntratt tal-linji tal-metro sal‑2039. Din il-kawża tat l-opportunità lill-Qorti Ġenerali tikkjarifika ċerti aspetti dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 2 ).

Fid‑19 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrenti talbet, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għal diversi dokumenti tad-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u Trasport tal-Kummissjoni, b’rabta mal-opinjoni li din tal-aħħar bagħtet lir-Repubblika Franċiża dwar il-validità tal-kuntratt tal-linji tal-metro sal‑2039.

Fis‑7 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha hija irrifjutat totalment jew parzjalment l-aċċess għal 27 dokument mitlub għar-raġuni li l-iżvelar tagħhom jista’ jaffettwa l-proċeduri ġudizzjarji pendenti fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane ( 3 ), kif ukoll dik fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għad-digrieti tat‑12 ta’ Lulju 2018, RATP vs Il‑Kummissjoni ( 4 ) u tat‑12 ta’ Settembru 2019, RATP vs Il‑Kummissjoni ( 5 ). Hija qieset, essenzjalment, li d-dokumenti kollha li l-aċċess għalihom kien ġie totalment jew parzjalment irrifjutat kienu jaqgħu taħt l-eċċezzjoni fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għaliex kienu marbuta mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 ( 6 ), li kienet inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenza Mobit u Autolinee Toscane.

Adita b’rikors għal annullament fil-konfront ta’ din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, qabel xejn, indikat li l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji timplika b’mod partikolari li għandhom jiġu żgurati kemm l-osservanza tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-integrità tal-proċedura ġudizzjarja.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, f’dan il-każ, l-iżvelar tad-dokumenti interni tal-Kummissjoni inkwistjoni, li ma ġewx redatti għall-ħtiġijiet ta’ tilwima partikolari, seta’ jaffettwa kemm l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-integrità tal-proċedura ġudizzjarja kif ukoll il-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali, sa fejn dawn id-dokumenti kienu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata tar-Regolament Nru 1370/2007 li kienet, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, wkoll inkwistjoni fi proċedura ġudizzjarja pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri, fil-kawżi li taw lok għas-sentenza Mobit u Autolinee Toscane.

Minn naħa, fir-rigward tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-integrità tal-proċedura ġudizzjarja, il-Qorti Ġenerali qieset li l-iżvelar, lir-rikorrenti, tad-dokumenti interni inkwistjoni, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, kien ikollu l-konsegwenza li jippermetti li ssir, jekk biss fil-perċezzjoni tal-pubbliku, pressjoni esterna fuq l-attività ġudizzjarja u li tiġi ppreġudikata s-serenità tad-dibattiti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti seta’ jwassal għal dibattitu pubbliku fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata tar-Regolament Nru 1370/2007. F’tali sitwazzjoni, il-kritika eventwalment imqajma kontra l-Kummissjoni setgħet tinfluwenza l-pożizzjoni difiża minnha fil-kawżi li taw lok għas-sentenza Mobit u Autolinee Toscane u, għaldaqstant, tippreġudika l-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li dawn l-evalwazzjonijiet ma humiex ikkontestati miċ-ċirkustanza li l-proċedura ġudizzjarja inkwistjoni li tat lok għas-sentenza Mobit u Autolinee Toscane, kienet proċedura għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, il-kriterju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li għandu l-għan li jiżgura l-ekwilibriju proċedurali bejn il-partijiet fi proċedura ġudizzjarja, billi jiżgura l-ugwaljanza fid-drittijiet u l-obbligi ta’ dawn il-partijiet f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-regoli li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-provi u d-dibattitu kontradittorju quddiem il-qorti, japplikaw ukoll għall-proċeduri għal deċiżjoni preliminari.

Fl-aħħar nett, skont il-Qorti Ġenerali, iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti ma intervjenietx fil-kawża li tat lok għas-sentenza Mobit u Autolinee Toscane lanqas ma tinvalida l-imsemmija evalwazzjonijiet. Fil-fatt, l-iżvelar tal-informazzjoni inkluża fid-dokumenti interni inkwistjoni lir-rikorrenti kien jippermettilha taqsamha ma’ terzi jew tagħtiha pubbliċità wiesgħa. F’tali ipoteżi, il-partijiet l-oħrajn fl-imsemmija proċedura kienu jkunu jistgħu jibbenefikaw minnha fil-kuntest ta’ din il-proċedura fil-konfront tal-Kummissjoni.


( 1 ) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

( 2 ) Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, jekk ma jkunx hemm interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tad-dokument inkwistjoni.

( 3 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237).

( 4 ) Digriet tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Lulju 2018, RATP vs Il‑Kummissjoni (T‑250/18 R, mhux ippubblikat, EU:T:2018:458).

( 5 ) Digriet tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Settembru 2019, RATP vs Il‑Kummissjoni (T‑250/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:615).

( 6 ) Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1).