SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

7 ta’ Novembru 2019 ( *1 )

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea INTAS – Trade marks preċedenti figurattivi tal-Unjoni Ewropea u nazzjonali li jinkludu l-element verbali ‘indas’ – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Xebh tas-sinjali u tal-prodotti – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Prova tal-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti – Artikolu 47 tar-Regolament 2017/1001”

Fil-Kawża T‑380/18,

Intas Pharmaceuticals Ltd, stabbilita f’Ahmedabad (l-Indja), inizjalment irrappreżentata minn F. Traub, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo u H. O’Neill, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Laboratorios Indas, SA, stabbilita f’Pozuelo de Alarcón (Spanja), irrappreżentata minn A. Gómez López, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tas-16 ta’ April 2018 (Każ R 815/2017-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Laboratorios Indas u Intas Pharmaceuticals,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise (Relatur) u R. da Silva Passos, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Ġunju 2018,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Ottubru 2018,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Ottubru 2018,

wara s-seduta tat-8 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

[omissis]

Id-dritt

[omissis]

Fuq l-ammissibbiltà

[omissis]

Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-intervenjenti

34

L-intervenjenti ssostni li l-ilmenti tar-rikorrenti intiżi li jikkontestaw il-prova tal-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti u l-paragun kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti huma inammissibbli. Skont l-intervenjenti, il-kwistjonijiet legali u fattwali mqajma minn dawn l-ilmenti kienu diġà ġew deċiżi definittivament f’deċiżjoni adottata fis-16 ta’ Marzu 2017 mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni oħra bejn l-istess partijiet, li kienu jikkonċernaw sinjali identiċi għal dawk inkwistjoni f’din il-kawża u prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni differenti minn dawk inkwistjoni f’dan il-każ (Każijiet R 816/2017–4 u u R 1031/2017–4) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2017”). Id-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2017 kienet ġiet ikkontestata mir-rikorrenti u mill-intervenjenti quddiem l-istess Bord tal-Appell li adotta d-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża. L-imsemmi Bord tal-Appell, li ntalab jiddeċiedi fuq il-kwistjonijiet tal-prova tal-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti inkwistjoni u fuq ix-xebh kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, ikkonferma l-evalwazzjonijiet magħmula mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fid-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2017. Għalhekk, peress li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-imsemmija kwistjonijiet ma ġietx ikkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali, l-evalwazzjonijiet fid-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2017 saru definittivi. B’mod iktar preċiż, l-intervenjenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża hija purament konfermatorja fir-rigward tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2017, inkwantu la tieħu inkunsiderazzjoni elementi ġodda u lanqas tinkludi eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-partijiet, peress li l-Bord tal-Appell irrefera espressament għall-analiżi ta’ dawn id-domandi li saret fil-kuntest tal-proċedura ta’ oppożizzjoni preċedenti bejn l-istess partijiet. Għalhekk, billi titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża, ir-rikorrenti titlob de facto l-annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2017. Fl-aħħar nett, l-intervenjenti ssostni li, jekk il-Qorti Ġenerali ma tqisx l-ilmenti inkwistjoni inammissibbli, hija tmur kontra l-prinċipji ta’ res judicata u ta’ ne bis in idem u toħloq sitwazzjoni ta’ inċertezza rigward id-drittijiet esklużivi tagħha, kuntrarjament għall-aspettattivi leġittimi tagħha u għall-prinċipju ta’ ċertezza legali.

35

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, li jeżiġi li n-natura definittiva ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ma tiġix ikkontestata, ma huwiex applikabbli għar-relazzjoni bejn deċiżjoni ta’ diviżjoni tal-oppożizzjoni u oppożizzjoni magħmula sussegwentement fi proċedura differenti, peress li, b’mod partikolari, il-proċeduri quddiem l-EUIPO huma ta’ natura amministrattiva u mhux ta’ natura ġudizzjarja (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2015, Giand vs UASI – Flamagas (FLAMINAIRE),T‑583/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:943, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). A fortiori, il-motivi ta’ deċiżjoni mogħtija minn diviżjoni tal-oppożizzjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni differenti ma għandhomx l-awtorità ta’ res judicata. Dawn il-motivi ma jistgħux joħolqu drittijiet miksuba jew aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-partijiet ikkonċernati.

36

Għalhekk, l-intervenjenti ma tistax issostni li ċ-ċaħda tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tagħha toħloq sitwazzjoni ta’ inċertezza fir-rigward tad-drittijiet esklużivi tagħha, kuntrarjament għall-aspettattivi leġittimi tagħha u għall-prinċipju ta’ ċertezza legali.

37

It-tieni nett, il-prinċipju ta’ ne bis in idem, li jipprojbixxi li tiġi imposta sanzjoni fuq l-istess persuna iktar minn darba għall-istess aġir illegali sabiex jiġi protett l-istess interess ġuridiku, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li l-qorti għandha tiżgura l-osservanza tiegħu. Madankollu, dan il-prinċipju huwa applikabbli biss għal sanzjonijiet, li ma huwiex il-każ ta’ deċiżjonijiet mogħtija mill-EUIPO fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2015, FLAMINAIRE, T‑583/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:943, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, fil-każ ineżami, l-invokazzjoni tal-imsemmi prinċipju hija ineffettiva.

38

It-tielet nett, għandu jitfakkar li deċiżjoni purament konfermatorja fir-rigward ta’ deċiżjoni preċedenti li ma ġietx ikkontestata fit-termini stabbiliti ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat. Fil-fatt, bil-għan li ma jerġax jibda jiddekorri t-terminu għal preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni konfermatorja, rikors intiż kontra tali deċiżjoni konfermatorja għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. Għalhekk, meta l-att ikkontestat ikun purament konfermatorju fir-rigward ta’ att preċedenti, ir-rikors ikun biss ammissibbli jekk l-att ikkonfermat jiġi kkontestat fit-termini stabbiliti (ara d-digriet tat-13 ta’ Lulju 2017, myToys.de vs EUIPO – Laboratorios Indas (myBaby), T‑519/15, mhux ippubblikat, EU:T:2017:502, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Deċiżjoni titqies li hija purament konfermatorja ta’ deċiżjoni preċedenti jekk ma tinkludi ebda element ġdid fir-rigward ta’ din tal-aħħar u jekk ma tkunx ġiet ippreċeduta minn eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni preċedenti (ara d-digriet tat-13 ta’ Lulju 2017, myBaby, T‑519/15, mhux ippubblikat, EU:T:2017:502, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan ir-rigward, deċiżjoni ta’ bord tal-appell, anki jekk ikun fiha talbiet identiċi għal dawk ta’ deċiżjoni preċedenti adottata minn diviżjoni ta’ oppożizzjoni fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni differenti, hija r-riżultat tal-eżami mill-ġdid ta’ kwistjonijiet ġuridiċi u fattwali li ġew ippreżentati lilha. Huwa minnu li dan l-eżami mill-ġdid jista’ jwassal għal riżultat identiku għal dak miksub preċedentement quddiem id-diviżjoni tal-oppożizzjoni fil-kuntest ta’ proċedura differenti bejn l-istess partijiet u li tirrigwarda sinjali identiċi għal dawk inkwistjoni fi proċedura sussegwenti quddiem l-EUIPO. Madankollu, din l-identiċità ta’ soluzzjoni adottata minn żewġ istanzi differenti tal-EUIPO fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni differenti ma timplikax għaldaqstant li d-deċiżjoni mogħtija minn bord tal-appell hija ta’ natura konfermatorja fir-rigward ta’ dik mogħtija preċedentement minn diviżjoni tal-oppożizzjoni fi proċedura differenti.

41

Dan ikun a fortiori l-każ jekk jitqies li l-prova ta’ użu ġenwin tat-trade marks preċedenti tista’ tvarja matul iż-żmien u ma tista’ qatt titqies bħala li ngħatat b’mod definittiv fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni differenti minn dawk li fihom jintalbu. Bl-istess mod, peress li l-paragun ta’ sinjali kunfliġġenti jista’ jvarja skont il-pubbliku rilevanti kif ukoll skont iż-żmien, tali paragun ma jistax jitqies li ġie deċiż b’mod definittiv b’deċiżjoni preċedenti tal-EUIPO li ma ġietx ikkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali.

42

Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tirrigwarda l-kwistjonijiet tal-prova tal-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti u tax-xebh kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, ma tistax titqies bħala “konfermatorja” fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata minn diviżjoni tal-oppożizzjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni differenti li jikkonċernaw l-istess partijiet u li għandhom bħala suġġett l-istess trade marks.

43

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-intervenjenti ma jistgħux jintlaqgħu u għandhom jiġu miċħuda.

Fuq il-mertu

Fuq il-prova tal-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti

[omissis]

– Fuq in-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea

73

Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies li l-użu fi Spanja tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea kien biżżejjed sabiex tintwera n-natura ġenwina tal-użu ta’ din it-trade mark fi ħdan l-Unjoni. Skont ir-rikorrenti, mis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken (C‑149/11, EU:C:2012:816) jirriżulta li trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea għandha tintuża f’territorju iktar vast minn dak ta’ Stat Membru wieħed sabiex l-użu tagħha jkun jista’ jiġi kkwalifikat bħala ġenwin u li huwa biss f’ċerti ċirkustanzi partikolari li l-użu fi Stat Membru wieħed ikun biżżejjed sabiex tintwera n-natura ġenwina tal-użu ta’ din it-trade mark fi ħdan l-Unjoni.

74

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken (C‑149/11, EU:C:2012:816), imsemmija mir-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, fir-rigward tal-Artikolu 47(2) u (3) tar-Regolament 2017/1001, li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-espressjoni “użu [fl-Unjoni]” għandha tiġi interpretata fis-sens li l-portata territorjali tal-użu ma kinitx tikkostitwixxi kriterju separat tal-użu ġenwin, iżda wieħed mill-komponenti ta’ dan l-użu, li kellu jiġi integrat fl-analiżi globali u jiġi studjat b’mod parallel mal-komponenti l-oħra tiegħu, u li t-termini “[fl-Unjoni]” kienu intiżi sabiex jippreċiżaw is-suq ġeografiku ta’ riferiment għal kull analiżi tal-eżistenza ta’ “użu ġenwin” ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-espressjoni “użu ġenwin [fl-Unjoni]”, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 2017/1001, kienet tfisser li l-użu tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea fi Stati terzi ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C‑149/11, EU:C:2012:816, punti 36 sa 38 u punt 1 tad-dispożittiv).

75

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li r-Regolament 2017/1001 kellu bħala għan li jelimina l-ostakolu tat-territorjalità tad-drittijiet li l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri jagħtu lill-proprjetarji tat-trade marks, billi jippermetti lill-impriżi jadattaw l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom għad-daqs tal-Unjoni u li jeżerċitawhom mingħajr ostakoli. It-trade mark tal-Unjoni Ewropea tippermetti għalhekk lill-proprjetarju tagħha jidentifika l-prodotti jew is-servizzi tiegħu b’mod identiku fl-Unjoni kollha, irrispettivament mill-fruntieri. Kuntrarjament, l-impriżi li ma jridux protezzjoni għat-trade marks tagħhom fil-livell tal-Unjoni jistgħu jagħżlu li jużaw trade marks nazzjonali, mingħajr ma jkunu obbligati li jirreġistraw it-trade marks tagħhom bħala trade marks tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li n-natura unitarja tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea timplika t-tgawdija ta’ protezzjoni uniformi fit-territorju kollu tal-Unjoni, fis-sens li trade mark tal-Unjoni Ewropea ma setgħetx, bħala prinċipju, tiġi rreġistrata jew ittrasferita u tkun is-suġġett ta’ rinunzja, ta’ deċiżjoni ta’ revoka tad-drittijiet tal-proprjetarju tagħha jew ta’ nullità u li l-użu tagħha ma setax jiġi pprojbit fir-rigward tal-Unjoni kollha. Għaldaqstant, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li jiġi kkonferit, fil-kuntest tas-sistema tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, sinjifikat partikolari lit-territorji tal-Istati Membri, ikun jostakola t-twettiq tal-għan imsemmi iktar ’il fuq u jkun jippreġudika n-natura unitarja tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ “użu ġenwin [fl-Unjoni]”, kellhom jiġu esklużi l-fruntieri tat-territorju tal-Istati Membri (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C‑149/11, EU:C:2012:816, punti 39 sa 42 u 44).

76

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament ċaħdet, minn naħa, l-argument sostnut quddiemha li jitqies li l-portata territorjali tal-użu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ma setgħet f’ebda każ tiġi limitata għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 49) u, min-naħa l-oħra, l-argument li jipprovdi li, anki jekk jiġu esklużi l-fruntieri tal-Istati Membri fi ħdan is-suq intern, il-kundizzjoni tal-użu ġenwin ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea teżiġi li din tkun intużat f’parti sostanzjali tat-territorju tal-Unjoni, li jista’ jikkorrispondi mat-territorju ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C‑149/11, EU:C:2012:816, punti 52 u 53).

77

F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat li, għalkemm kien ċertament raġonevoli li jitqies li trade mark tal-Unjoni Ewropea kellha tkun suġġetta għal użu f’territorju iktar vast minn dak ta’ Stat Membru wieħed sabiex dan ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala użu ġenwin, ma kienx neċessarju li dan l-użu jkun ġeografikament estiż sabiex jiġi kkwalifikat bħala ġenwin, peress li tali kwalifika kienet tiddependi mill-karatteristiċi tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat fis-suq korrispondenti (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 54).

78

Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex eskluż li, “f’ċerti ċirkustanzi”, is-suq tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tkun ġiet irreġistrata trade mark tal-Unjoni Ewropea jkun, fil-fatt, limitat għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża għalhekk li, f’tali każ, użu tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea f’dan it-territorju jista’ jissodisfa kemm il-kundizzjoni tal-użu ġenwin ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-użu ġenwin ta’ trade mark nazzjonali (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 50).

79

Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, meta l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 50 tas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken (C‑149/11, EU:C:2012:816), użat l-espressjoni “f’ċerti ċirkustanzi”, hija ma kellhiex l-intenzjoni li tistabbilixxi li r-rikonoxximent tan-natura ġenwina tal-użu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea użat fi Stat Membru wieħed kien jikkostitwixxi eċċezzjoni għal prinċipju ġenerali. Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet, l-iktar l-iktar, għall-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza stabbilita sabiex tevalwa n‑natura ġenwina tal-użu ta’ trade mark, jiġifieri l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha li juru li l-użu kummerċjali ta’ din it-trade mark kien jippermetti li jinħoloq jew jinżamm sehem mis-suq tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li kien impossibbli li jiġi ddeterminat a priori, b’mod astratt, liema portata territorjali kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea kellux jew le natura ġenwina u għalhekk li regola de minimis ma setgħetx tiġi stabbilita (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken (C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, trade mark tal-Unjoni Ewropea tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin meta tintuża b’mod konformi mal-funzjoni essenzjali tagħha u bil-għan li jinżamm jew jinħoloq sehem mis-suq fl-Unjoni tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mill-imsemmija trade mark. Għalhekk, waqt l-evalwazzjoni tal-użu ġenwin, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tas-suq inkwistjoni, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi protetti mit-trade mark, il-portata territorjali u kwantitattiva tal-użu kif ukoll il-frekwenza u r-regolarità ta’ dan tal-aħħar (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 56).

80

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta, l-ewwel nett, li l-portata territorjali hija biss fattur fost oħrajn li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea u, it-tieni nett, li regola de minimis sabiex jiġi stabbilit jekk dan il-fattur huwiex issodisfatt ma tistax tiġi stabbilita. Fil-fatt, ma huwiex neċessarju li l-użu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jiġi estiż ġeografikament sabiex jiġi kkwalifikat bħala ġenwin, sa fejn tali kwalifika tiddependi mill-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati fis-suq korrispondenti u, b’mod iktar ġenerali, mill-fatti u miċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu juru li l-użu kummerċjali ta’ din it-trade mark jippermetti li jinħoloq jew jinżamm sehem mis-suq tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija tkun ġiet irreġistrata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 55). Barra minn hekk, sabiex l-użu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jiġi kklassifikat bħala ġenwin, ma huwiex meħtieġ li din tal-aħħar tintuża f’parti sostanzjali tat-territorju tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-possibbiltà li t-trade mark inkwistjoni tkun intużat fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed ma għandhiex tiġi eskluża, sa fejn ma għandhom jiġu esklużi l-fruntieri tal-Istati Membri u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati.

81

Konfermement mal-prinċipji stabbiliti mis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken (C‑149/11, EU:C:2012:816), il-Qorti Ġenerali kkonstatat diversi drabi li l-użu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea fi Stat Membru wieħed (pereżempju, fil-Ġermanja, fi Spanja, fir-Renju Unit), jew f’belt waħda fl-Unjoni Ewropea, bħar-Renju Unit (pereżempju, Londra), huwa suffiċjenti sabiex jiġi ssodisfatt il-kriterju tal-portata territorjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 2015, Now Wireless vs UASI – Starbucks (HK) (now), T‑278/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:57, punti 52 u 53; tal-15 ta’ Lulju 2015, TVR Automotive vs UASI – TVR Italia (TVR ITALIA), T‑398/13, EU:T:2015:503, punt 57; tad-9 ta’ Novembru 2016, Gallardo Blanco vs EUIPO – Expasa Agricultura y Ganadería (Rappreżentazzjoni ta’ lġiem fil-forma ta’ h), T‑716/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:649, punti 41 sa 44; tat-30 ta’ Novembru 2016, K&K Group vs EUIPO – Pret A Manger (Europe) (Pret A Diner), T‑2/16, mhux ippubblikata, EU:T:2016:690, punt 50; tat-28 ta’ Ġunju 2017, Tayto Group vs EUIPO – MIP Metro (real), T‑287/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:443, punt 59; tal-15 ta’ Novembru 2018, DRH Licensing & Managing vs EUIPO – Merck (Flexagil), T‑831/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:791, punt 67, u tas-6 ta’ Marzu 2019, Serenity Pharmaceuticals vs EUIPO – Gebro Holding (NOCUVANT), T‑321/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:139, punti 43 sa 45).

82

Fi kliem ieħor, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha mogħtija fil-kawża Leno Merken (C‑149/11, EU:C:2012:422), ma huwiex daqshekk rilevanti li trade mark tal-Unjoni Ewropea tkun intużat fi Stat Membru wieħed jew iktar. Dak li huwa rilevanti huwa l-impatt tal-użu fis-suq intern; b’mod iktar speċifiku, il-kwistjoni dwar jekk dan huwiex suffiċjenti sabiex jinżamm jew jinħoloq sehem mis-suq f’dan is-suq tal-prodotti u servizzi koperti mit-trade mark u jekk dan jikkontribwixxix għall-preżenza kummerċjalment sinjifikattiva tal-prodotti u servizzi f’dan is-suq. Ma huwiex daqshekk rilevanti li dan l-użu jwassal għal suċċess kummerċjali effettiv (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Leno Merken, C‑149/11, EU:C:2012:422, punt 50).

83

Fil-każ ineżami, fid-dawl, l-ewwel nett, tan-numru kunsiderevoli ta’ provi prodotti mill-intervenjenti, it-tieni nett, tat-tul u tal-frekwenza tal-użu li jattestaw għalih dawn id-dokumenti, it-tielet nett, tal-karatteristiċi tal-prodotti li fir-rigward tagħhom ġie pprovat dan l-użu u tal-kanali ta’ distribuzzjoni abitwali, jiġifieri li hemm inkwistjoni prodotti li jaqgħu fil-qasam tas-saħħa pprovduti b’mod partikolari minn spiżeriji u sptarijiet u, ir-raba’ nett, tal-importanza ta’ dan l-użu kemm f’termini ta’ volum ta’ bejgħ u ta’ dħul mill-bejgħ, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken (C‑149/11, EU:C:2012:816), deskritti fil-qosor fil-punt 80 iktar ’il fuq, li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta qies, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-intervenjenti kienet ipprovat l-użu tat-trade mark INDAS fi Spanja u li, sa fejn kellhom jiġu esklużi l-fruntieri tal-Istati Membri, dan l-użu kien biżżejjed sabiex jiġi pprovat l-użu fl-Unjoni.

84

Fil-fatt, għandu jitqies li l-użu ta’ trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea fi Stat Membru jista’ jipproduċi effetti fuq is-suq intern, billi jiżgura, pereżempju, li l-prodotti jintgħarfu – b’mod sinjifikattiv fuq livell kummerċjali – mill-operaturi ta’ suq iktar wiesa’ minn dak li jikkorrispondi għat-territorju li fih tintuża t-trade mark (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Leno Merken, C‑149/11, EU:C:2012:422, punt 54).

85

Il-provi kollha prodotti mill-intervenjenti jattestaw użu suffiċjenti sabiex jinżamm jew jinħoloq sehem mis-suq fis-suq ikkonċernat u sabiex isir kontribut għal preżenza kummerċjali sinjifikattiva tal-prodotti, imsemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq, li jaqgħu taħt il-klassi 10 u li huma koperti mit-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell lanqas ma wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-użu ġenwin tal-imsemmija trade mark kien intwera għal dawn il-prodotti.

86

Għaldaqstant, it-tieni lment tar-rikorrenti, imsemmi fil-punt 44 iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud.

[omissis]

Fuq l-ispejjeż

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Intas Pharmaceuticals Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Gervasoni

Madise

da Silva Passos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Novembru 2019.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Qegħdin jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.