Kawża T-257/18
Iberpotash, SA
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Jannar 2020
“Għajnuna mill-Istat – Settur tal-minjieri – Miżura li tikkonsisti, minn naħa, fit-tnaqqis tal-garanziji finanzjarji għar-restawr ta’ art li fiha kien hemm il-minjieri, u minn naħa l-oħra, l-investiment tal-Istat għar-restawr ta’ art li fiha kien hemm il-minjieri li jiżgura livell ogħla ta’ protezzjoni ambjentali – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Kunċett ta’ għajnuna – Vantaġġ – Trasferiment tar-riżorsi tal-Istat – Natura selettiva – Aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali – Kalkolu tal-ammont tal-għajnuna”
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġ permezz tar-riżorsi tal-Istat imputabbli lill-Istat – Vantaġġi li jwasslu għal tnaqqis tal-baġit tal-Istat jew għal riskju ta’ tali tnaqqis – Bżonn li tiġi stabbilita rabta suffiċjentement diretta bejn il-vantaġġ mogħti u t-tnaqqis jew riskju konkret ta’ tnaqqis tal-baġit tal-Istat – Liċenzji għall-użu tal-minjieri mogħtija permezz ta’ kostituzzjoni ta’ garanziji finanzjarji mhux suffiċjenti fid-dawl tar-riskju legali ta’ teħid tat-tiswija ta’ eventwali danni ambjentali li jaqgħu fuq l-Istat Membru – Inklużjoni
(Art. 107(1) TFUE)
(ara l-punti 49-57, 60-80)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni – Evalwazzjoni tal-legalità skont informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni – Klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat – Impossibbiltà għal rikorrent li pparteċipa fil-proċedura formali ta’ eżami li jieħu vantaġġ, insostenn tar-rikors tiegħu, ta’ elementi fattwali jew legali mhux prodotti matul din il-proċedura
(Art. 108(2), u 263 TFUE)
(ara l-punti 92, 93, 99, 107, 112)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura legali – Interpretazzjoni bbażata fuq elementi oġġettivi – Evalwazzjoni ekonomika kumplessa – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata
(Art. 107(1) TFUE)
(ara l-punti 95, 96)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Kriterju ta’ evalwazzjoni –Għajnuna individwali – 96244 / Preżunzjoni ta’ għażla
(Art. 107(1) TFUE)
(ara l-punt 117)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli tal- proċedura tal-Artikolu 108 TFUE – Aspettattivi leġittimi possibbli tal-benefiċjarji – Ċertezza legali – Protezzjoni – Kundizzjonijiet u limiti
(Art. 108(2) TFUE ; Regolament tal-Kunsill Nru 2015/1589, Artikolu 16(1))
(ara l-punti 130-151)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji – Intervent mill-Istat li jtaffi l-ispejjeż li normalment huma ta’ piż għall-baġit ta’ impriża – Miżura ta’ rkupru ta’ munzell tal-iskart, deċiża u ffinanzjata mill-awtoritajiet pubbliċi, li tissostitwixxi r-responsabbiltà ġenerali li hija ta’ piż fuq l-impriża proprjetarja skont il-protezzjoni tal-ambjent – Inklużjoni – Miżura li tmur lil hinn mir-rekwiżiti tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent – Assenza ta’ effett
(Article 107(1) TFUE ; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2008/C 82/01, punti 7, 8 u 9)
(ara l-punti 157, 158, 162-174)
Résumé
Permezz tas-sentenza Iberpotash vs Il-Kummissjoni (T‑257/18), deċiża fis-16 ta’ Jannar 2020, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-kumpannija Iberpotash, SA, kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-illegalità u l-inkompatibbiltà mas-suq intern ta’ żewġ miżuri ta’ għajnuna li ngħatawlha mir-Renju ta’ Spanja fil-kuntest tal-attivitajiet minjieri tagħha ( 1 ).
Iberpotash, sussidjarja Spanjola tal-ikbar produttur ta’ fertilizzanti fid-dinja u sid ta’ żewġ minjieri tal-potassa fis-siti ta’ Súria u ta’ Sallent/Balsareny fil-Cataluña, fl-2006 u fl-2008, kisbet mill-Generalidad de Cataluña (il-Ġeneralità ta’ Cataluña, Spanja) awtorizzazzjonijiet ambjentali biex tiġi estratta il-potassa. Dawn l-awtorizzazzjonijiet kienu ġew awtorizzati permezz ta’ programmi ta’ restawr tal-art, qabel ma jiddefinixxu l-miżuri intiżi li jipprevjenu u li jikkompensaw il-konsegwenzi ta’ ħsara fuq l-ambjent, attivitajiet ta’ estrazzjoni maħsuba, meħtieġa bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni Spanjola li tiżgura, b’mod partikolari, it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/21 ( 2 ). L-applikabbiltà ta’ dawn il-programmi kienet iggarantita mill-obbligu għall-operatur tal-minjieri li jikkostitwixxi garanziji finanzjarji, ikkalkolati skont iż-żona affettwata mir-restawr tal-art u tal-ispiża globali tagħha. Dawn il-garanziji kienu ġew iffissati inizjalment għal EUR 773 682.28 (li telgħu għal EUR 828 013.24 fl-2008) għas-sit ta’ Súria EUR 1130128 għas-sit ta’ Sallent/Balsareny. Wara deċiżjoni ġudizzjarja tal-11 ta’ Ottubru 2011, li ġġudikat li l-pjan ta’ restawr tal-art tal-mina ta’ Sallent/Balsareny kienet inkompleta u li l-garanzija finanzjarja kkostitwita għal dan l-effett kienet dgħajfa wisq, dawn l-ammonti ttellgħu mill-awtoritajiet Spanjoli għal, rispettivament EUR 6160 872.35 u EUR 6979 471.83. Barra minn hekk, fis-17 ta’ Diċembru 2007, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali Spanjoli ddeċidew li jirkupraw, bl-ispejjeż tagħhom, il-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns, ukoll proprjetà ta’ Iberpotash.
Fid-deċiżjoni kkontestata, adottata wara lment anonimu, il-Kummissjoni kkunsidrat, minn naħa, li, minħabba l-livell eċċessivament baxx ta’ garanziji kkostitwiti, Iberpotash kienet ibbenefikat minn għajnuna fil-forma ta’ kummissjonijiet ta’ garanzija mnaqqsa. Hija kkunsidrat, min-naħa l-oħra, li Iberpotash kienet ukoll ibbenefikat minn għajnuna għall-investiment għall-irkupru tal-munzell tal-iskart ta’ Villafruns. Din l-għajnuna, mogħtija bi ksur tal-obbligu ta’ notifikazzjoni, li hija ta’ piż fuq l-Istati Membri ( 3 ), peress li kienet illegali u inkompatibbli mas-suq intern, konsegwentement, il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha.
Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, ikkonfermat li d-djufija tal-garanziji finanzjarji kkonstitwiti bil-għan tal-użu taż-żewġ minjieri kellha tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, u l-obbligu ta’ rkupru kien jirriżulta minn dan għall-Istat Membru.
L-ewwel nett, qabel xejn għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn l-ammonti taż-żewġ garanziji finanzjarji kienu ġew stabbiliti mill-Ġeneralità ta’ Cataluña f’żewġ deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ liċenzji għall-użu, dawn il-miżuri kienu imputabbli lill-Istat, imbagħad ikkonfermat li d-djufija tagħhom obbligat fuq l-Istat ir-riskju miżjud u konkret li kellu jimmobilizza r-riżorsi biex ikopri l-ispiża reali tad-danni ambjentali u tar-restawr tal-art, u implikat għalhekk riżorsi tal-Istat. F’dan ir-rigward, huwa rrilevat b’mod partikolari li l-Istat Spanjol kien suġġett, bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, għal obbligu ta’ intervent sussidjarju f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi ambjentali li huma ta’ piż fuq l-impriżi li jeżerċitaw attività tal-minjieri. Huwa mfakkar ukoll li, skont id-Direttiva 2004/35 ( 4 ), l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti setgħu jieħdu l-miżuri ta’ tiswija tad-danni ambjentali li jaqgħu fuq l-utenti, billi jiġi ppreċiżat li, fl-assenza ta’ tali intervent, dawn jistgħu jonqsu għall-obbligi tagħhom skont id-Direttiva 2006/21, ikunu s-suġġett ta’ proċedura għal ksur u jiġu kkundannati għall-ħlas ta’ pieni. Minbarra dan, ġie enfasizzat li l-finalità tal-obbligu li tiġi kkostitwita garanzija ( 5 ) kienet li tiżgura li l-impriżi tal-minjieri għandhom riżorsi suffiċjenti li jkopru l-ispejjeż fil-futur ta’ restawr tal-art tas-siti minjieri, tkun li tkun is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom fil-futur, u jevitaw li l-Istat ikollu jintervjeni flokhom. Wara li ċaħdet, barra minn hekk, l-argumenti b’mod partikolari mislutin minn Iberpotash tal-kapaċità finanzjarja tagħha, li setgħet tevolvi f’kull mument, u taċ-ċirkustanza li t-telf ta’ dħul kien jikkonċerna l-baġit ta’ stabbiliment bankarju privat, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-djufija tal-garanziji finanzjarji meħtieġa f’dan il-każ kien jippreżenta riskju suffiċjentement konkret li titwettaq, fil-futur, spiża addizzjonali għall-Istat sabiex il-miżuri jkunu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat.
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkonfermat li, peress li l-livell tal-garanziji kien effettivament mhux adegwat u nettament inqas minn dak li kien sar neċessarju biex ikopri l-ispejjeż tar-restawr tal-art tas-siti u li l-miżuri kienu ġew adottati permezz ta’ deċiżjonijiet individwali ta’ liċenzja ta’ użu, huma taw vantaġġ selettiv lil Iberpotash. Fil-kuntest tal-analiżi tagħha, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari rrilevat li l-fatt li l-Kummissjoni ma wettqitx l-evalwazzjoni tagħha stess tal-livelli korretti tal-garanziji finanzjarji ma wasslitx għall-ksur tad-dmir tagħha ta’ diliġenza, peress li kien iġġustifikat mill-margni ta’ diskrezzjoni rikonoxxut f’dan ir-rigward lill-Istati Membri permezz tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/21.
It-tielet nett, finalment, il-Qorti Ġenerali ġġudikat li l-obbligu għall-Istat Membru li jirkupra l-għajnuna b’hekk illegalment mogħtija ma kienx iwassal għal ksur la tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, peress li naqqset Iberpotash li stabbiliet li kienet irċeviet assigurazzjonijiet suffiċjentement preċiżi, inkondizzjonali u konkordanti li jirriżultaw minn azzjoni pożittiva tal-Kummissjoni jew li wriet l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, u lanqas tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-konstatazzjoni f’dan il-każ ta’ trasferiment ta’ riżorsi Statali li ma jidhrux imprevidibbli fid-dawl tal-prassi preċedenti tal-Kummissjoni, għal operatur ekonomiku attent u avżat.
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kkonfermat li l-irkupru tal-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns, deċiż u ffinanzjat b’mod sħiħ mill-awtoritajiet pubbliċi, kien jikkostitwixxi provvista pożittiva, bl-istess mod bħal sussidju, li jwassal neċessarjament għal vantaġġ għal Iberpotash. Fil-fatt, din il-miżura kkontribwiet li ssolvi l-problema tat-tniġġiż b’mod effikaċi, b’mod sostenibbli u mhux sproporzjonata, billi tillibera Iberpotash mir-responsabbiltà ġenerali tagħha, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli, li tirrimedja kontinwament l-eventwali konsegwenzi negattivi tal-ġestjoni tas-sit u li tevitalha li jkollha timplimenta miżura oħra ta’ restawr tal-art għal żmien twil ħafna. Minn dan ikkonkludiet li l-miżura kienet iffavorixxiet din tal-aħħar billi naqqset ir-riskji ambjentali għall-futur. Barra minn hekk, filwaqt li tirrikonoxxi, bħall-Kummissjoni li Iberpotash kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ legalità perfetta fid-dawl tal-osservanza tal-obbligi ambjentali tagħha, peress li l-Istat iddeċieda li jadotta livell ta’ protezzjoni ambjentali ogħla minn dak li kien neċessarju fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ġġudikat li, bħala impriża proprjetarja tas-sit, hija ma kinitx madankollu eżenta milli ssostni l-ispejjeż, peress li ġie ppreċiżat, barra minn hekk, li d-deċiżjoni kkontestata ħadet dan l-element inkunsiderazzjoni billi imponiet biss l-irkupru ta’ parti tal-ammont tal-investiment tal-Istat li b’hekk twettaq.
( 1 ) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (EU) 2018/118 tal-31 ta’ Awwissu 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.35818 (2016/C) (ex 2015/NN) (ex 2012/CP) implimentata minn Spanja għal Iberpotash (innotifikata bid-dokument C(2017) 5877); (ĠU 2018, L 28, p. 25).
( 2 ) Id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (ĠU 2006, L 102, p. 15).
( 3 ) L-Artikolu 108(3) TFUE.
( 4 ) Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 357)
( 5 ) Prevista fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/21.