Kawża T-248/18
Diosdado Cabello Rondón
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-14 ta’ Lulju 2021
“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-lista – Żamma tal-isem tar-rikorrent fil-lista – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Żball ta’ evalwazzjoni – Libertà ta’ espressjoni”
Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Iffriżar ta’ fondi tal-persuni responsabbli għall-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem jew li jippreġudika l-Istat tad-dritt – Rekwiżiti minimi
(Artikolu 296 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(ċ); Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2074, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2018/90, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill 2017/2063, Anness IV, u 2018/88)
(ara l-punti 40-43)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Iffriżar ta’ fondi tal-persuni responsabbli għall-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem jew li jippreġudika l-Istat tad-dritt – Obbligu ta’ identifikazzjoni fil-motivazzjoni tar-raġunijiet individwali u speċifiċi li jiġġustifikaw dawn il-miżuri – Deċiżjoni li tidħol f’kuntest magħruf tal-persuna interessata li tippermettilu jifhem il-portata tal-miżuri adottati fil-konfront tiegħu
(Artikolu 296 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(ċ); Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2074, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2018/90, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill 2017/2063, Anness IV, u 2018/88)
(ara l-punti 44, 47-53)
Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Iffriżar ta’ fondi tal-persuni responsabbli għall-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem jew li jippreġudika l-Istat tad-dritt – Obbligi tal-Kunsill – Komunikazzjoni lill-persuna interessata tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni li fuqhom huma bbażati l-miżuri u dritt għal smigħ – Osservanza ta’ terminu raġonevoli
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 41(2)(a) u 47; Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2074, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2018/90, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill 2017/2063, Anness IV, u 2018/88)
(ara l-punti 55-58, 61)
Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Portata tal-istħarriġ – Prova tal-fondatezza tal-miżura – Obbligu li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tistabbilixxi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati
(Deċiżjoni tal-Kunsill (PESC) 2017/2074, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2018/90 u (PESK) 2018/1656, Anness I ; Regolamenti tal-Kunsill 2017/2063, Anness IV, u 2018/1653)
(ara l-punti 64-67)
Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Portata tal-istħarriġ – Inklużjoni tal-persuni responsabbli għall-preġudizzju għad-demokrazija u għall-Istat tad-dritt – Inklużjoni tar-rikorrent fil-lista annessa mad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-involviment tiegħu fil-preġudizzju għad-demokrazija u għall-Istat tad-dritt – Dokumenti eżibiti – Valur probatorju – Prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Assenza
(Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2074, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2018/90 u (PESK) 2018/1656, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill 2017/2063, Anness IV, u 2018/1653)
(ara l-punti 69, 78, 79, 86, 91-94)
Drittijiet fundamentali – Libertà ta’ espressjoni – Rikonoxximent mill-Artikoli 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – Sens u portata identiċi
(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 1 TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 11 u 52(7))
(ara l-punti 100, 101)
Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet fundamentali – Rispett żgurat mill-Qorti tal-Unjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – Libertà ta’ espressjoni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Inċitament għall-mibegħda, għall-vjolenza u għall-intolleranza permezz tal-media f’kuntest politiku – Benefiċċju tal-libertà ta’ espressjoni msaħħa – Assenza
(Deċiżjoni tal-Kunsill (PESC) 2017/2074, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2018/90 u (PESK) 2018/1656, Anness I ; Regolamenti tal-Kunsill 2017/2063, Anness IV, u 2018/1653)
(ara l-punti 102-115, 117, 118)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew li jippreġudika l-Istat tad-dritt – Ħarsien tad-dritt tal-libertà ta’ espressjoni – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza
Artikoli 21(2)(b) u 29 TUE; Artikolu 215 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 11 u 52(1); Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2074, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2018/90 u (PESK) 2018/1656, Artikoli 7(4) u 13, u Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 2017/2063, Artikolu 9(1) u Anness IV, 2018/88 u 2018/1653)
(ara l-punti 119-127, 130-132)
Sunt
Fit-13 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 u r-Regolament (UE) 2017/2063 ( 1 ) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela kkaratterizzata minn degradazzjoni kostanti tad-demokrazija, tal-Istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem. Dawn l-atti jipprevedu b’mod partikolari l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lil persuni li l-azzjonijiet, il-politiki jew l-attivitajiet tagħhom jippreġudikaw b’xi mod id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Venezwela. Permezz tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/90 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/88 tal-22 ta’ Jannar 2018 ( 2 ), il-Kunsill inkluda lir-rikorrent, Cabello Rondòn, fil-listi ta’ persuni u entitajiet koperti minn dawn l-atti minħabba l-involviment tiegħu, bħala membru tal-Assemblea Kostituttiva u l-ewwel Viċi President tal-Partijiet Soċjalista unifikat, fil-preġudizzju għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt fil-Venezwela, b’mod partikolari bl-użu tal-media sabiex jattakka u jhedded pubblikament media oħra u lis-soċjetà ċivili. Ir-rikorrent ippreżenta, fis-16 ta’ April 2018, rikors intiż għall-annullament ta’ dawn l-atti u sussegwentement kien adatta r-rikors tiegħu sabiex dan jirrigwarda wkoll id-Deċiżjoni 2018/1656 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1653 ( 3 )li permezz tagħhom il-Kunsill kien estenda l-miżuri restrittivi adottati kontrih billi aġġorna, fil-motivi li ġġustifikaw dawn il-miżuri, ir-riferiment għall-funzjonijiet tar-rikorrent, li kien sar il-President tal-Assemblea Kostituttiva.
Il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors tar-rikorrent, billi tqis b’mod partikolari li l-miżuri restrittivi li huwa suġġett għalihom ma jiksrux il-libertà ta’ espressjoni tiegħu.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont l-Artikoli 21 u 23 TUE, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni ggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ‘il quddiem il-“Karta”), kif ukoll mill-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), huwa obbligatorju għal kull azzjoni tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li, għalkemm il-KEDB ma tikkostitwixxix strument legali formalment integrat fl-ordinament ġuridiku Ewropew, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minnha jagħmlu parti, skont l-Artikolu 6(3) TUE, mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali. L-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi, barra minn hekk, li d-drittijiet li jinsabu fiha li jikkorrispondu mad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom l-istess sens u l-istess portata bħal dawk mogħtija mill-KEDB.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ‘il quddiem il-“Qorti EDB”) diġà ddeċidiet li l-libertà ta’ espressjoni tikkostitwixxi waħda mill-bażijiet essenzjali ta’ soċjetà demokratika. Filwaqt li tagħti piż partikolari lir-rwol tal-ġurnalisti bħala “klieb tal-għassa” tad-demokrazija, il-Qorti EDB tirrakkomanda “l-ikbar prudenza” sabiex tiġi evalwata l-validità tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ espressjoni tagħhom. Madankollu, hija tqis, a fortiori fil-każ tal-media awdjoviżiva, li d-dritt tagħhom li jikkomunikaw informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess ġenerali huwa protett bil-kundizzjoni li jaġixxu in bona fide, abbażi ta’ fatti eżatti, u li jipprovdu informazzjoni “affidabbli u preċiża” b’osservanza tal-etika ġurnalistika. Barra minn hekk, skont il-Qorti EDB, il-KEDB taċċetta ftit restrizzjonijiet għal-libertà ta’ espressjoni fil-qasam tad-diskors politiku jew ta’ kwistjonijiet ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet li saru jeħtieġu protezzjoni qawwija, ħlief fil-każijiet fejn id-diskors politiku jiddeġenera f’sejħa għall-vjolenza, għall-mibegħda jew għall-intolleranza.
Madankollu, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, kuntrarjament għall-kawżi li fihom il-Qorti EDB żviluppat il-ġurisprudenza tagħha, ir-rikorrent ma jinvokax il-libertà ta’ espressjoni bħala mezz ta’ difiża kontra l-Istat Venezwelan, iżda sabiex jipproteġi ruħu mill-miżuri restrittivi, li għandhom natura kawtelatorja, u mhux kriminali, li l-Kunsill adotta fil-konfront tiegħu.
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat status ta’ ġurnalist tal-appellant, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li x-xandira televiżiva tiegħu ta’ kull ġimgħa, l-unika prova tal-istatus tiegħu ta’ ġurnalist, tidher li hija estensjoni tal-attivitajiet politiċi tiegħu. Huwa jikkonstata li l-interventi medjatiċi tiegħu, li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill sabiex jiġġustifika l-atti kkontestati, jaqgħu b’mod partikolari taħt l-atti politiċi tiegħu. Il-Qorti Ġenerali tfakkar f’dan ir-rigward li mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li l-prinċipji dwar il-bona fide u l-obbligi etiċi tal-ġurnalisti japplikaw ukoll għall-persuni l-oħra li jipparteċipaw fid-dibattitu pubbliku. Issa, ir-rikorrent uża liberament il-media sabiex jhedded u jintimidixxi pubblikament lill-oppożizzjoni politika, lill-media oħra u lis-soċjetà ċivili. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li l-atti tar-rikorrent li l-Kunsill eżamina fir-rigward tiegħu jikkostitwixxu inċitament għall-vjolenza, għall-mibegħda u għall-intolleranza b’mod li ma jistgħux jibbenefikaw mil-libertà ta’ espressjoni msaħħa li tipproteġi bħala prinċipju d-dikjarazzjonijiet magħmula f’kuntest politiku. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq ir-rwol tiegħu bħala ġurnalist dwar il-libertà ta’ espressjoni li jgawdu minnha l-ġurnalisti.
Fit-tieni lok, wara li fakkret li “kull persuna” tibbenefika mil-libertà ta’ espressjoni, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jistgħu jwasslu sabiex tiġi llimitata l-libertà ta’ espressjoni tar-rikorrent. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-libertà ta’ espressjoni ma tikkostitwixxix prerogattiva assoluta u li l-eżerċizzju tagħha jista’ jkun is-suġġett, taħt ċerti kundizzjonijiet, ta’ limitazzjonijiet. Preġudizzju għal-libertà ta’ espressjoni huwa permess biss jekk ikun previst mil-liġi, ikollu għan ta’ interess ġenerali u ma jkunx eċċessiv. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti f’dan il-każ u tiddeċiedi, għaldaqstant, li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ma jiksrux il-libertà ta’ espressjoni tar-rikorrent.
( 1 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2074 tat-13 ta’ Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2017, L 295, p. 60) u Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2063 tat-13 ta’ Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2017, L 295, p. 21).
( 2 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/90 tat-22 ta’ Jannar 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2018, L 16 I, p. 14) u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/88 tat-22 ta’ Jannar 2018 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2018, L 16 I, p. 6).
( 3 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1656 tas-6 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2018, L 276, p. 10) u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1653 tas-6 ta' Novembru 2018 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2018, L 276, p. 1).