SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)
30 ta’ Novembru 2022 ( *1 )
“Għajnuna mill-Istat – Industrija nukleari – Għajnuna prevista mill-Ungerija għall-iżvilupp ta’ żewġ reatturi nukleari ġodda fis-sit ta’ Paks – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern bil-kundizzjoni li jiġu osservati ċerti impenji – Artikolu 107(3)(c) TFUE – Konformità tal-għajnuna mad-dritt tal-Unjoni minbarra d-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat – Rabta inseparabbli – Promozzjoni tal-enerġija nukleari – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 192 tat-Trattat Euratom – Prinċipji ta’ protezzjoni tal-ambjent, ta’ min iniġġes iħallas, ta’ prekawzjoni u ta’ sostenibbiltà – Determinazzjoni tal-attività ekonomika kkonċernata – Nuqqas fis-suq – Distorsjoni tal-kompetizzjoni – Proporzjonalità tal-għajnuna – Neċessità ta’ intervent mill-Istat – Determinazzjoni tal-elementi tal-għajnuna – Proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawża T‑101/18,
Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn J. Schmoll, F. Koppensteiner, M. Klamert u T. Ziniel, bħala aġenti, assistiti minn H. Kristoferitsch, avukat,
rikorrenti,
sostnuta minn
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn A. Germeaux u T. Schell, bħala aġenti, assistiti minn P. Kinsch, avukat,
intervenjent,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Blanck, K. Herrmann u P. Němečková, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn
Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil, T. Müller, J. Pavliš u L. Halajová, bħala aġenti,
minn
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. de Moustier u P. Dodeller, bħala aġenti,
minn
L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Fehér, bħala aġent, assistit minn P. Nagy, N. Gràcia Malfeito, B. Karsai, avukati, u C. Bellamy, KC,
minn
Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,
minn
Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn S. Ondrášiková, bħala aġent,
u minn
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn F. Shibli, L. Baxter u S. McCrory, bħala aġenti, assistiti minn T. Johnston, barrister,
intervenjenti,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),
Komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn M. van der Woude, President, G. De Baere u G. Steinfatt (Relatriċi), Imħallfin,
Reġistratur: A. Juhász-Tóth, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
u wara s-seduta tal‑10 ta’ Marzu 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza ( 1 )
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-Repubblika tal-Awstrija titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2112 tas‑6 ta’ Marzu 2017 dwar il-miżura/l-iskema ta’ għajnuna/l-għajnuna mill-Istat SA.38454 ‑ 2015/C (ex 2015/N) li l-Ungerija qiegħda tippjana li timplimenta biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ żewġ reatturi nukleari ġodda fl-impjant tal-enerġija nukleari Paks II (ĠU 2017, L 317, p. 45, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”). |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u d‑Deċiżjoni kkontestata
2 |
Fit‑22 ta’ Mejju 2015, l-Ungerija nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea, taħt in-numru C(2017) 1486, miżura intiża sabiex tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-iżvilupp ta’ żewġ reatturi nukleari ġodda (unitajiet 5 u 6) fis-sit tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks, fl-Ungerija, li fih diġà joperaw erba’ reatturi nukleari. Il-benefiċjarju tal-miżura nnotifikata hija l-kumpannija MVM Paks II Nuclear Power Plant Development Private Company Limited by Shares (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Paks II”), li hija mistennija li ssir il-proprjetarja u l-kumpannija operattiva taż-żewġ reatturi nukleari ġodda. Il-kumpannija Paks II tappartjeni 100 % lill-Istat Ungeriż, li lilu l-ishma tagħha, li oriġinarjament kienu miżmuma kompletament min-negozjant tal-elettriku u l-produttur tal-enerġija Magyar Villamos Művek Zártkörűen Működġ Részvénytársaság (iktar ’il quddiem il-“grupp MVM”), ġew ittrasferiti f’Novembru 2014. |
3 |
Fit‑23 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, dwar il-miżura nnotifikata (ĠU 2016, C 8, p. 2, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”). |
4 |
Fis‑6 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kkontestata. |
5 |
Il-miżura nnotifikata mill-Ungerija hija deskritta fit-Taqsima 2 tad-Deċiżjoni kkontestata. Il-miżura tikkonċerna l-iżvilupp ta’ żewġ reatturi nukleari tat-tip Russu VVER 1200 (V491) tal-ġenerazzjoni III+ (unitajiet 5 u 6) fl-Ungerija, mgħammra bit-teknoloġija għat-tkessiħ u l-moderazzjoni tal-ilma u b’kapaċità installata ta’ mill-inqas 1000 megawatt (MW) għal kull unità, u li l-kostruzzjoni tagħhom hija ffinanzjata kompletament mill-Istat Ungeriż favur il-kumpannija Paks II, li ser iżżomm u topera r-reatturi l-ġodda. Erba’ reatturi nukleari diġà joperaw fuq dan is-sit. Dawn ir-reatturi jappartjenu 100 % lill-grupp MVM li huwa miżmum mill-Istat Ungeriż. Il-kapaċità installata tal-erba’ unitajiet eżistenti tat-tip Russu VVER-440 (V213) tal-impjant tilħaq, bħala total, 2000 MW. Dawn ir-reatturi huma mistennija jitwaqqfu progressivament minn issa sal-2037, bil-ħsieb li jiġu ssostitwiti miż-żewġ reatturi l-ġodda li huma mistennija li jibdew joperaw fl-2025 u fl-2026, rispettivament. |
6 |
Skont ftehim intergovernattiv dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-użu paċifiku tal-enerġija nukleari konkluż fl‑14 ta’ Jannar 2014 bejn il-Federazzjoni Russa u l-Gvern Ungeriż, iż-żewġ pajjiżi għandhom jikkooperaw, fl-ambitu ta’ programm nukleari, għall-manutenzjoni u għat-tkomplija tal-iżvilupp tal-impjant tal-enerġija nukleari attwali ta’ Paks. Skont dan il-ftehim, il-Federazzjoni Russa u l-Ungerija jagħżlu t-tnejn organizzazzjoni pubblika u kkontrollata mill-Istat b’esperjenza, li hija finanzjarjament u teknikament inkarigata li tissodisfa l-obbligi tagħha bħala kontraenti jew proprjetarja f’dak li jirrigwarda d-disinn, il-kostruzzjoni, it-tħaddim u ż-żarmar taż-żewġ reatturi ġodda 5 u 6 b’reatturi tat-tip VVER. Il-Federazzjoni Russa talbet lill-kumpannija b’kapital azzjonarju Nizhny Novgorod Engineering Company Atomenergoproekt (iktar ’il quddiem “JSC NIAEP”), li ser twettaq il-kostruzzjoni ta’ reatturi ġodda, u l-Ungerija ħatret lill-kumpannija Paks II għaż-żamma u l-operazzjoni tagħhom. Għal dan il-għan, JSC NIAEP u l-kumpannija Paks II iffirmaw, fid‑9 ta’ Diċembru 2014, ftehim dwar kuntratt għall-inġinerija, ix-xiri u l-kostruzzjoni taż-żewġ reatturi ġodda 5 u 6 li kellhom jinbnew fuq is-sit tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks. |
7 |
Fil-ftehim intergovernattiv, il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha li tagħti lill-Ungerija self tal-Istat sabiex tiffinanzja l-iżvilupp tar-reatturi l-ġodda tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks. Dan is-self huwa rregolat mill-ftehim intergovernattiv ta’ finanzjament tat‑28 ta’ Marzu 2014 u jipprovdi linja ta’ kreditu li tiġġedded EUR 10 biljun li l-użu tagħha huwa limitat esklużivament għad-disinn, għall-kostruzzjoni u għad-dħul fis-servizz tar-reatturi l-ġodda 5 u 6 tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks. L-Ungerija għandha tipprovdi ammont addizzjonali ta’ EUR 2.5 biljun mill-baġit tagħha stess sabiex tiffinanzja l-imsemmija investimenti. |
8 |
L-Ungerija ma hijiex ser tittrasferixxi l-fondi neċessarji għall-ħlas tal-prezz tax-xiri taż-żewġ reatturi ġodda fil-kontijiet tal-kumpannija Paks II. Il-parti l-kbira ta’ dawn il-fondi ser tinżamm mill-Vnesheconombank (il-Bank għall-Iżvilupp u għall-Affarijiet Ekonomiċi Barranin tar-Russja). Għal kull stadju meqjus li jkun issodisfatt, il-kumpannija Paks II għandha tressaq talba lill-Bank għall-Iżvilupp u għall-Affarijiet Ekonomiċi Barranin tar-Russja għall-ħlas ta’ 80 % tal-ammont dovut direttament lil JSC NIAEP. Hija għandha tressaq ukoll talba quddiem l-Aġenzija tal-Ġestjoni tad-Dejn Governattiv tal-Ungerija għall-ħlas tal-20 % li jifdal. |
9 |
Fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżura nnotifikata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u li l-Artikoli 107 u 108 TFUE kienu applikabbli anki jekk l-investiment inkwistjoni kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat Euratom. F’dak li jirrigwarda l-attribuzzjoni diretta tal-kostruzzjoni taż-żewġ reatturi l-ġodda lill-impriża JSC NIAEP, il-Kummissjoni kkunsidrat li din ma setgħetx tipproduċi distorsjoni addizzjonali tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ fis-suq rilevanti, jiġifieri dak tal-enerġija elettrika. Proċedura distinta kienet tmexxiet fil-kuntest ta’ liema l-osservanza tad-dritt tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-Ungerija kienet ġiet eżaminata. Il-Kummissjoni qieset li l-miżura inkwistjoni, intiża sabiex tippromwovi l-enerġija nukleari, kellha għan ta’ interess komuni stabbilit mit-Trattat Euratom, filwaqt li tikkontribwixxi wkoll għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, u li d-distorsjonijiet potenzjali kollha kienu limitati u kontrabbilanċjati mill-għan komuni enfasizzat u imfittex, li kellu jintlaħaq b’mod proporzjonat, b’mod partikolari fid-dawl tal-konfermi mogħtija mill-Ungerija matul il-proċedura. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni, kif emendata mill-Ungerija fit‑28 ta’ Lulju 2016 u bla ħsara għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni kkontestata, kienet kompatibbli mas-suq intern konformement mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni kkontestata jobbliga lill-Ungerija tieħu diversi miżuri, sabiex tiżgura li l-kumpannija Paks II tosserva ċerti obbligi u restrizzjonijiet li jikkonċernaw b’mod partikolari l-istrateġija tagħha ta’ investiment jew ta’ investiment mill-ġdid, l-operazzjoni ta’ pjattaforma ta’ bejgħ bl-irkant u l-awtonomija ġuridika u strutturali tagħha. |
It-talbiet tal‑partijiet
10 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
11 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Slovakka, jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
12 |
Ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors. |
Fid‑dritt
13 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija tinvoka għaxar motivi insostenn tar-rikors tagħha. Permezz tal-ewwel motiv, hija ssostni li kellha ssir proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni għaż-żewġ reatturi ġodda tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks. It-tieni motiv huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE sa fejn il-kostruzzjoni u t-tqegħid fis-servizz taż-żewġ reatturi ġodda ma humiex intiżi li jilħqu għan ta’ interess komuni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, ibbażata, minn naħa, fuq delimitazzjoni żbaljata tal-“attivitajiet ekonomiċi” u, min-naħa l-oħra, fuq suppożizzjonijiet żbaljati ta’ falliment tas-swieq. Ir-raba’ motiv huwa intiż sabiex juri n-natura sproporzjonata tal-miżura. Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-miżura inkwistjoni twassal għal distorsjonijiet sproporzjonati tal-kompetizzjoni u inugwaljanzi fit-trattament li huma inkompatibbli mas-suq intern. Permezz tas-sitt motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi investiment f’“proġett f’diffikultà”, li joħloq distorsjoni wkoll tal-kompetizzjoni b’mod sproporzjonat, peress li l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU 2014, C 249, p. 1, iktar ’il quddiem il-“linji gwida dwar l-impriżi f’diffikultà”) ma ġewx osservati. Is-seba’ motiv, ibbażat fuq it-tisħiħ jew il-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq tal-elettriku. It-tmien motiv jirrigwarda riskju ta’ likwidità għas-suq bl-ingrossa tal-elettriku Ungeriż. Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq id-determinazzjoni insuffiċjenti tal-għajnuna mill-Istat. L-għaxar motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. |
14 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija rrinunzjat, waqt is-seduta, għat-tieni u t-tielet motiv, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbal tas-seduta. Minn dan isegwi li ma għadx hemm lok li jiġu eżaminati l-imsemmija motivi. |
Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq l‑assenza ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku
15 |
Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li d-Deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’illegalità sa fejn ma saritx proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għall-kostruzzjoni ta’ reatturi nukleari ġodda favur il-kumpannija Paks II. Hija ssostni li l-fatt li JSC NIAEP kienet inkarigata direttament mill-iżvilupp u l-kostruzzjoni ta’ żewġ reatturi ġodda mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika jikkostitwixxi ksur tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65), u tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243). Għaldaqstant, id-Deċiżjoni kkontestata hija nulla minħabba l-ksur ta’ dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li l-osservanza tagħhom hija inseparabbli mill-għan tal-għajnuna. |
16 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, skont l-istruttura ġenerali tat-Trattat FUE, il-proċedura tal-għajnuna qatt ma għandha twassal għal riżultat kuntrarju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dan it-trattat. L-osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat minbarra dawk dwar l-għajnuna mill-Istat hija meħtieġa b’mod partikolari fil-każ fejn dawk id-dispożizzjonijiet l-oħra jkunu intiżi wkoll, bħad-dritt tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, sabiex jiżguraw kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fis-suq intern u sabiex jiggarantixxu użu effettiv tar-riżorsi tal-Istat. |
17 |
In-natura kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni Ewropea tal-modalitajiet tal-għajnuna li ma jistgħux jiġu sseparati mill-għan u mill-iskop ta’ din tal-aħħar taffettwa neċessarjament il-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mas-suq intern. Is-sitwazzjoni tkun differenti biss għall-elementi tal-għajnuna li jistgħu jitqiesu li ma humiex neċessarji għat-twettiq tal-għan jew tal-funzjonament tagħha. |
18 |
F’dan il-każ, il-fatt li JSC NIAEP ġiet inkarigata bl-iżvilupp tar-reatturi l-ġodda jikkostitwixxi, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, modalità inseparabbli mill-għan tal-għajnuna. Kompetizzjoni min-naħa tal-kompetituri setgħet twassal għal għajnuna totalment differenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammont u tal-istruttura tagħha. |
19 |
Il-fatt li ma hijiex JSC NIAEP, iżda l-kumpannija Paks II, li, bħala proprjetarja futura u operatriċi taż-żewġ reatturi nukleari ġodda, hija l-benefiċjarja tal-għajnuna huwa, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, irrilevanti f’dan il-kuntest. Il-Kummissjoni ċaħdet b’mod żbaljat, fil-premessi 281 u 283 tad-Deċiżjoni kkontestata, in-natura inseparabbli tar-rabta bejn l-għoti dirett tal-kuntratt għal kostruzzjoni, minn naħa, u l-għan u l-iskop tal-għajnuna, min-naħa l-oħra, billi invokat l-argument li l-ksur potenzjali tad-Direttiva 2014/25 ma ppermettiex li jiġu kkonstatati distorsjonijiet addizzjonali tal-kompetizzjoni u lanqas tal-kummerċ fis-suq tal-elettriku, peress li tali distorsjoni addizzjonali bl-ebda mod ma kienet meħtieġa. |
20 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, iżżid li, fi kwalunkwe każ, fid-dawl tas-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742), ftit li xejn jimporta, fil-każ tal-għajnuna kontenzjuża, li jsir magħruf jekk din tirrigwardax “modalità inseparabbli” jew ukoll “modalità” tal-għajnuna, peress li, b’mod ġenerali, għajnuna mill-Istat li tikser dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kellha, fid-deċiżjoni kkontestata, tevalwa l-miżura fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Hija kellha għalhekk tikkonstata li, peress li l-kuntratt għal kostruzzjoni ma kienx eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25 skont l-Artikolu 20(1) jew l-Artikolu 50(c) ta’ din tal-aħħar, l-għoti dirett tal-kuntratt għal kostruzzjoni kien jikkostitwixxi ksur serju ta’ din id-direttiva. |
21 |
Il-ksur tad-dispożizzjonijiet vinkolanti tad-Direttiva 2014/25 huwa diġà, bħala tali, ta’ natura li jinfluwenza l-importanza u l-forma tal-għajnuna favur il-kumpannija Paks II, b’tali mod li d-Deċiżjoni kkontestata hija, għal din ir-raġuni wkoll, illegali. |
22 |
L-ewwel, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni tirreferi, fil-premessa 285 tad-Deċiżjoni kkontestata, għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija bdiet. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-riżultat tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu la jippreġudika r-riżultat tal-proċedura skont l-Artikolu 108 TFUE u lanqas dak ta’ din il-kawża. Il-Kummissjoni ma tistax tagħmel l-eżami tal-modalitajiet ta’ għajnuna, li hija obbligata tevalwa fil-kuntest tal-Artikolu 108 TFUE, dipendenti fuq ir-riżultat ta’ proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE li l-introduzzjoni u t-tkomplija tagħha jiddependu mis-setgħa diskrezzjonali tagħha. |
23 |
It-tieni, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, il-Kummissjoni ma tispjegax ir-raġunijiet għalfejn hija titlaq mill-prinċipju li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 50(c) tad-Direttiva 2014/25, li jikkonċernaw il-possibbiltà li tintuża proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel, huma ssodisfatti. Ir-Repubblika tal-Awstrija tfakkar li l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Barra minn hekk, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-parti li tinvoka l-eċċezzjoni inkwistjoni. |
24 |
Il-Kummissjoni, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju Unit u r-Repubblika Franċiża jikkontestaw l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu. |
25 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fit-Taqsima 5.3.2 tad-Deċiżjoni kkontestata (premessi 279 sa 287), ivverifikat il-konformità tal-għajnuna ma’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni minbarra r-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Skont il-premessa 280 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni telqet mill-prinċipju li hija kienet obbligata, skont l-istruttura ġenerali tat-Trattat FUE, tosserva l-konsistenza bejn id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat u d-dispożizzjonijiet speċifiċi minbarra dawk relatati mal-għajnuna mill-Istat u, għalhekk, li tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni ma’ dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi, iżda li tali obbligu kien impost fuqha biss fir-rigward tal-modalitajiet ta’ għajnuna f’dan il-punt marbuta b’mod inseparabbli mal-għan tal-għajnuna li ma jistgħux jiġu evalwati b’mod iżolat. Filwaqt li rreferiet għas-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il‑Kummissjoni (T‑57/11, EU:T:2014:1021), hija ppreċiżat li obbligu tagħha li tieħu pożizzjoni b’mod definittiv, tkun xi tkun ir-rabta bejn il-modalità tal-għajnuna u l-għajn tal-għajnuna inkwistjoni, fil-kuntest ta’ proċedura fil-qasam tal-għajnuna, fuq l-eżistenza jew l-assenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni distinti minn dawk li jaqgħu taħt l-Artikoli 107 u 108 TFUE imur kontra, minn naħa, ir-regoli u l-garanziji proċedurali – parzjalment ferm diverġenti u li jimplikaw konsegwenzi ġuridiċi distinti – li huma applikabbli għall-proċeduri previsti speċjalment għall-kontroll tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ awtonomija tal-proċeduri amministrattivi u tar-rimedji ġudizzjarji. Skont din il-ġurisprudenza, minn dan jirriżulta li, jekk il-modalità tal-għajnuna inkwistjoni tkun marbuta b’mod inseparabbli mal-għan tal-għajnuna, il-konformità tagħha mad-dispożizzjonijiet l-oħra minbarra dawk dwar l-għajnuna mill-Istat tiġi evalwata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mill-Artikolu 108 TFUE u din l-evalwazzjoni tista’ twassal għal dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern. Għall-kuntrarju, jekk il-modalità inkwistjoni tista’ tiġi sseparata mill-għan tal-għajnuna, il-Kummissjoni ma tkunx obbligata tevalwa l-konformità tagħha mad-dispożizzjonijiet li ma jinkludux dawk dwar l-għajnuna mill-Istat fil-kuntest ta’ din il-proċedura. |
26 |
Il-Kummissjoni sussegwentement ikkunsidrat, fil-premessa 281 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq intern tista’ tiġi affettwata minn nuqqas eventwali ta’ osservanza tad-Direttiva 2014/25 jekk hija kienet tipproduċi distorsjoni addizzjonali tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ fis-suq tal-elettriku, peress li dan tal-aħħar huwa s-suq li fih il-benefiċjarju tal-għajnuna, il-kumpannija Paks II, hija attiva. Peress li tali effett ta’ distorsjoni addizzjonali minħabba nuqqas ta’ osservanza tad-Direttiva 2014/25 ma ġiex stabbilit, ma hemmx “rabta inseparabbli” bejn il-ksur eventwali tad-Direttiva 2014/25 u l-għan tal-għajnuna, b’tali mod li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna ma tistax tiġi affettwata minn dan il-ksur eventwali (premessi 283 u 284 tad-Deċiżjoni kkontestata). |
27 |
Fir-rigward tal-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija bbażati fuq is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742), l-ewwel, għandu jiġi kkonstatat li mill-punti 40, 44 u 45 ta’ din is-sentenza jirriżulta b’mod partikolari li l-attività ekonomika promossa mill-għajnuna għandha tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Issa, ebda ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-attività sostnuta, jiġifieri l-produzzjoni tal-enerġija nukleari, ma ġie invokat fil-kuntest tal-ewwel motiv. |
28 |
It-tieni, ebda konsegwenza ma tista’ tinsilet mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx, fis-sentenza tagħha tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742), l-eżistenza ta’ rabta inseparabbli. Fil-fatt, dan il-fatt huwa spjegat mill-fatt li, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, l-allegat ksur tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni kien jirriżulta mill-għan stess tal-għajnuna, jiġifieri l-iżvilupp ta’ impjant għall-produzzjoni tal-elettriku ta’ oriġini nukleari. B’hekk, ma qamitx il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ rabta ma’ modalità tal-għajnuna, distinta mill-għan tagħha. |
29 |
It-tielet, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, mis-sentenza tat‑-22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742), ma jirriżultax li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni testendi l-portata tal-istħarriġ li għandha l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex tivverifika l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern. Fil-fatt, huwa b’riferiment għas-sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast (C‑390/06, EU:C:2008:224, punti 50 u 51), li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punt 44 tas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742), li hija kienet diġà ddeċidiet li għajnuna mill-Istat li kienet tikser dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma setgħetx tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. Dan il-prinċipju huwa effettivament konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif jixhdu r-riferimenti li jinsabu fil-punt 50 tas-sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast (C‑390/06, EU:C:2008:224). |
30 |
Konsegwentement, peress li, fil-punt 44 tas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għal ġurisprudenza stabbilita, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li hija kellha l-intenzjoni li tabbanduna l-ġurisprudenza tagħha li tipprovdi li għandha ssir distinzjoni bejn il-modalitajiet li jippreżentaw rabta inseparabbli mal-għan tal-għajnuna u dawk li ma kellhomx tali rabta. |
31 |
Barra minn hekk, obbligu tal-Kummissjoni li tieħu pożizzjoni b’mod definittiv, indipendentement mir-rabta bejn il-modalità tal-għajnuna u l-għan tal-għajnuna inkwistjoni, fil-kuntest ta’ proċedura fil-qasam ta’ għajnuna, fuq l-eżistenza jew l-assenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni distinti minn dawk li jaqgħu taħt l-Artikoli 107 u 108 TFUE, imur kontra, minn naħa, ir-regoli u l-garanziji proċedurali – parzjalment ferm diverġenti u li jimplikaw konsegwenzi ġuridiċi distinti – li huma applikabbli għall-proċeduri previsti speċjalment għall-kontroll tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ awtonomija tal-proċeduri amministrattivi u tar-rimedji ġudizzjarji (sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punti 313 u 314; ara, ukoll, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il‑Kummissjoni, T‑57/11, EU:T:2014:1021, punt 183 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni, C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 44). |
32 |
Għalhekk għandha tiġi miċħuda l-interpretazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija li skontha, fid-dawl tas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742), il-Kummissjoni hija issa obbligata tivverifika fir-rigward ta’ kull modalità tal-għajnuna jew ta’ kull ċirkustanza inkonnessjoni mal-għajnuna, anki jekk ma jkollha ebda rabta inseparabbli magħha, li din ma tikser ebda dispożizzjoni jew prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. |
33 |
Għandu jingħad ukoll li, f’sitwazzjoni fejn, bħal f’din il-kawża, ikunu inkwistjoni żewġ proċeduri distinti li t-tnejn li huma jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni u li tagħhom hija għandha tosserva r-regoli rispettivi, jinħoloq riskju ta’ kontradizzjoni jew ta’ ksur tar-regoli tal-imsemmija proċeduri jekk il-Kummissjoni tkun obbligata tevalwa l-istess modalità tal-għajnuna kemm fil-kuntest tal-proċedura dwar l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni kif ukoll fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
34 |
Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li l-istħarriġ tagħha kellu jiġi limitat, fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 108 TFUE, għall-miżura ta’ għajnuna nnifisha kif ukoll għall-modalitajiet li għandhom rabta inseparabbli magħha. |
35 |
Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Awstrija tiżbalja meta ssostni li l-fatt li JSC NIAEP ġiet inkarigata bil-kostruzzjoni ta’ reatturi ġodda jikkostitwixxi modalità inseparabbli mal-għan tal-għajnuna, minħabba li kompetizzjoni min-naħa tal-kompetituri setgħet twassal għal għajnuna totalment differenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammont u tal-istruttura ta’ din tal-aħħar. |
36 |
F’dan il-każ, l-għajnuna inkwistjoni tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas ta’ żewġ reatturi nukleari ġodda favur il-kumpannija Paks II sabiex tużahom. Il-kwistjoni dwar jekk l-għoti tal-kuntratt għall-kostruzzjoni ta’ dawn iż-żewġ reatturi kellux ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti tikkonċerna l-manifattura u l-provvista tal-proprjetà li ser tkun disponibbli mingħajr ħlas u tippreċedi għalhekk il-miżura ta’ għajnuna fil-veru sens tal-kelma. B’hekk, id-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt għall-iżvilupp u l-kostruzzjoni taż-żewġ reatturi ġodda ma tikkostitwixxix modalità tal-għajnuna hija stess. |
37 |
Iż-żamma ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku u l-eventwali użu ta’ impriża oħra għall-kostruzzjoni tar-reatturi la jibdlu l-għan tal-għajnuna, jiġifieri li jsiru disponibbli mingħajr ħlas żewġ reatturi ġodda għall-użu tagħhom, u lanqas il-benefiċjarju tal-għajnuna, li huwa l-kumpannija Paks II. Barra minn hekk, ksur tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi jipproduċi effetti biss fis-suq tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ impjanti nukleari u ma jistax ikollu konsegwenzi fis-suq previst mill-għan tal-miżura tal-għajnuna kontenzjuża. |
38 |
Fir-rigward tal-influwenza tal-assenza ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika fuq l-ammont tal-għajnuna, il-Kummissjoni, l-Ungerija u r-Repubblika Franċiża ġustament isostnu li ma ntweriex li offerenti oħra setgħu jipprovdu ż-żewġ reatturi tat-teknoloġija VVER 1200 b’kundizzjonijiet aħjar jew bi prezz iktar baxx. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva ġustament ukoll li l-legalità tad-deċiżjoni tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ma tiddependix mill-osservanza tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi meta l-għażla ta’ impriża oħra għall-kostruzzjoni ta’ reatturi ma tibdilx l-evalwazzjoni fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, anki fil-każ li l-użu ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti seta’ jibdel l-ammont tal-għajnuna, dan il-fatt ma kellu fih innifsu ebda konsegwenza fuq il-vantaġġ li l-imsemmija għajnuna kienet tikkostitwixxi għall-benefiċjarju tagħha, il-kumpannija Paks II, peress li dan il-vantaġġ kien jikkonsisti fil-fatt li żewġ reatturi ġodda saru disponibbli għaliha mingħajr ħlas għall-użu tagħhom. Konsegwentement, żieda jew tnaqqis tal-ammont tal-għajnuna ma jirriżultax, f’dan il-każ, f’bidla tal-għajnuna fil-veru sens tal-kelma u lanqas f’bidla fl-effett antikompetittiv tagħha. |
39 |
Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ġustament qieset li l-għoti tal-kuntratt għall-kostruzzjoni ta’ żewġ reatturi ġodda ma kienx jikkostitwixxi modalità tal-għajnuna li kellha rabta inseparabbli magħha. |
40 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li d-deċiżjoni li jingħata l-kuntratt għal kostruzzjoni lil JSC NIAEP kisret id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/25, peress li dan il-kuntratt ma huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha skont l-Artikolu 20(1) jew l-Artikolu 50(c) tagħha, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ttrattat il-kwistjoni tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/25 fil-premessa 285 tad-Deċiżjoni kkontestata. F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprevedix obbligu li tinbeda proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-kuntratt għall-inġinerija, ix-xiri u l-kostruzzjoni taż-żewġ reatturi ġodda tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks, il-Kummissjoni rrilevat f’dan ir-rigward li, fi kwalunkwe każ, l-osservanza, mill-Ungerija, tad-Direttiva 2014/25 kienet ġiet evalwata minnha fil-kuntest ta’ proċedura distinta, li fiha l-konklużjoni preliminari magħmula abbażi tal-informazzjoni disponibbli kienet li l-proċeduri stabbiliti mid-Direttiva 2014/25 ma kinux applikabbli għall-għoti tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi abbażi tal-Artikolu 50(c). |
41 |
Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fl-interess tal-konsistenza tar-riżultati tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna u tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li hija setgħet tirreferi għall-evalwazzjoni tagħha mwettqa fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
42 |
Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet konvinta, fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li l-għoti dirett tal-kostruzzjoni ta’ żewġ reatturi ġodda ma kienx jikser id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Din il-konvinzjoni kienet ibbażata fuq analiżi fil-fond tar-rekwiżiti tekniċi li l-Ungerija kienet invokat sabiex tiġġustifika l-assenza ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti. |
43 |
Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub li l-Qorti Ġenerali għamlitilha abbażi ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni kkonfermat li l-“proċedura distinta” imsemmija fil-premessa 285 tad-Deċiżjoni kkontestata kienet il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu NIF 2015/4231‑32 mibdija kontra l-Ungerija skont l-Artikolu 258 TFUE. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura u abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ungeriżi kompetenti, hija kkonkludiet li l-għoti dirett lill-kumpannija JSC NIAEP tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni taż-żewġ reatturi 5 u 6 seta’ jitwettaq mingħajr sejħa minn qabel għal kompetizzjoni, peress li, għal raġunijiet tekniċi, ma kienx hemm kompetizzjoni, b’tali mod li l-Artikolu 40(3)(ċ)(ii) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19) (li sar l-Artikolu 50(c)(ii) tad-Direttiva 2014/25) ma kienx rilevanti. |
44 |
It-tweġiba tal-Kummissjoni hija kkonfermata mid-dokumentazzjoni ppreżentata f’dan ir-rigward wara l-imsemmija miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, b’mod partikolari permezz ta’ żewġ “dokumenti NIF”, bin-numri 2015/4231 u 2015/4232 u li jesponu r-raġunijiet għall-għeluq tal-proċedura NIF 2015/4231‑32. Minn dan jirriżulta b’mod partikolari li l-Kummissjoni qieset li l-argument li skontu l-kuntratt seta’ jingħata direttament lill-kontraent għal raġunijiet tekniċi (Artikolu 40(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/17) kien iġġustifikat għall-partijiet essenzjali tal-proġett. |
45 |
Mill-istess dokument ippreżentat fl-Anness X.5 jirriżulta wkoll li l-Ungerija impenjat ruħha lejn il-Kummissjoni li ssegwi proċedura ta’ kuntratt pubbliku fir-rigward tal-parti l-kbira tal-partijiet l-oħra tal-proġett b’mod trasparenti u b’osservanza tal-prinċipji bażiċi ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li dan l-impenn meħud mill-Ungerija kien rifless fil-premessa 372 tad-Deċiżjoni kkontestata, li għandha tinqara flimkien mal-premessa 285 tagħha. |
46 |
Barra minn hekk, mid-dokumenti ppreżentati fl-Annessi X.1 sa X.3 jirriżulta li ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (ĊKR) tal-Kummissjoni u l-esperti tad-Direttorat Ġenerali “Enerġija” kkonfermaw is-singularità teknika tar-reattur VVER 1200 prodott minn Rosatom u magħżul mill-Ungerija skont l-għażla leġittima tagħha kkaratterizzata minn kriterji razzjonali. |
47 |
Barra minn hekk, ma jistax jiġi aċċettat li, skont il-proċedura dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, id-deċiżjonijiet kollha meħuda preċedentement u li diġà kienu s-suġġett ta’ proċedura distinta, irregolata minn regoli speċifiċi fis-sens tas-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni (C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 44), u differenti minn dawk applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, huma mqiegħda f’dubju. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li l-Kummissjoni teżamina mill-ġdid l-għoti tal-kuntratt għal kostruzzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat meta ma jkollhiex informazzjoni ġdida meta mqabbla mal-mument li fih hija ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonfermat, fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, li, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fis‑6 ta’ Marzu 2017, hija kellha l-istess informazzjoni bħal dik li sostniet id-deċiżjoni tagħha tas‑17 ta’ Novembru 2016 li ttemm il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Ungerija minħabba l-għoti dirett tal-kuntratt għal kostruzzjoni lil JSC NIAEP. |
48 |
Lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma tistax tippreġudika l-evalwazzjoni ta’ ksur eventwali tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi fil-kuntest tal-proċedura dwar l-għajnuna mill-Istat, sa fejn il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija rregolata mill-prinċipju ta’ opportunità. Fil-fatt, il-fatt li l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija rregolata mill-prinċipju ta’ opportunità huwa irrilevanti peress li l-Kummissjoni effettivament bdiet tali proċedura li fil-kuntest tagħha hija wettqet analiżi tar-raġunijiet tekniċi li fuqhom ibbażat ruħha l-Ungerija u li fi tmiemha hija waslet għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 50(c) tad-Direttiva 2014/25 kienu ssodisfatti. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-kunċett ta’ opportunità, użat fid-deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, kien jirreferi għall-mument tad-deċiżjoni u mhux għall-kontenut tagħha. Bi tweġiba għat-tielet mistoqsija magħmula fil-kuntest tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni barra minn hekk ippreċiżat li r-riżultat ta’ din il-proċedura kien ġie kklassifikat bħala “konklużjoni preliminari” fil-premessa 285 tad-Deċiżjoni kkontestata, biss minħabba l-possibbiltà tagħha li tiftaħ f’kull mument proċedura ġdida tal-istess natura abbażi ta’ informazzjoni ġdida. |
49 |
Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta bbażat ruħha, fi kwalunkwe każ, fuq ir-riżultat tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għall-finijiet tad-Deċiżjoni kkontestata. |
50 |
Mill-premess jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud. [omissis] |
Fuq il‑ħames motiv, ibbażat fuq l‑eżistenza ta’ distorsjonijiet sproporzjonati tal‑kompetizzjoni u ta’ inugwaljanzi fit‑trattament li jirrendu l‑għajnuna inkompatibbli mas‑suq intern
89 |
Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq intern sa fejn l-allokazzjoni tagħha tipproduċi distorsjonijiet sproporzjonati tal-kompetizzjoni u inugwaljanzi fit-trattament li jwasslu għall-esklużjoni tal-produtturi tal-enerġija rinnovabbli mis-suq intern illiberalizzat tal-elettriku. |
90 |
Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Awstrija tinvoka inugwaljanzi fit-trattament taħt żewġ aspetti, jiġifieri aspett ta’ oriġini teknika u aspett ta’ oriġini regolatorja. |
91 |
L-ewwel, is-sussidju sinjifikattiv tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kapaċitajiet ta’ bażi għolja li ġejjin mill-enerġija nukleari jiżvantaġġa lill-produtturi tal-elettriku alternattiv inqas għoli, li jkunu obbligati jnaqqsu artifiċjalment l-injezzjonijiet tagħhom fin-network sabiex ma jikkompromettux l-istabbiltà ta’ dan tal-aħħar f’każ ta’ kapaċità żejda temporanja fis-suq tal-elettriku. L-għajnuna inkwistjoni b’hekk twassal għal distorsjonijiet strutturali tal-kompetizzjoni fit-tul u għal tneħħija ta’ produtturi mis-suq intern illiberalizzat tal-elettriku. It-tnaqqis artifiċjali tal-produzzjoni jaffettwa wkoll lill-produtturi transkonfinali li jesportaw l-elettriku tagħhom lejn l-Ungerija. |
92 |
It-tieni, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, f’dan il-każ, l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-ippjanar, mill-kostruzzjoni, mill-finanzjament estern u mit-tqegħid fis-servizz ta’ proġett mhux kompetittiv u li ma jħallix qligħ huma sostnuti mill-Istat, filwaqt li l-produtturi tal-enerġija rinnovabbli jibbenefikaw minn għajnuna kunsiderevolment iżgħar u biss bil-kundizzjoni li jiġu osservati kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà ħafna iktar stretti, kif iddefiniti fil-linji gwida AEE. Minn dan jirriżulta trattament mhux ugwali mill-aspett tad-dritt tal-għajnuna bejn produtturi tal-istess prodott li jikkompetu fl-istess suq. |
93 |
Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-għajnuna mogħtija lill-kumpannija Paks II toħloq ukoll distorsjoni tal-kompetizzjoni minħabba li tmur kontra l-prinċipji essenzjali ta’ gwida tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55), u, b’mod partikolari, kontra l-għan tal-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali għall-impriżi tal-elettriku kollha stabbiliti fl-Unjoni kif ukoll kontra l-għan li l-konsumaturi tal-enerġija jiġu pprovduti bl-iktar prezz kompetittiv. |
94 |
Barra minn hekk, id-Deċiżjoni kkontestata għandha valur ta’ preċedent għal għajnuna sostanzjali oħra favur impjanti nukleari oħra, li jistgħu joħolqu distorsjoni strutturali u sproporzjonata tal-kompetizzjoni fis-suq intern kollu tal-elettriku. |
95 |
Fl-aħħar nett, jekk, skont id-Deċiżjoni kkontestata, l-evalwazzjoni iżolata ta’ kull għajnuna individwali ma tikkawżax dannu lill-kompetizzjoni, anki jekk din tkun fil-livell ta’ EUR 12.5 biljun, l-għajnuna kollha tkun, fl-aħħar mill-aħħar, awtomatikament kompatibbli mas-suq intern. |
96 |
Il-Kummissjoni u l-Ungerija jikkontestaw l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija. |
97 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment tar-Repubblika tal-Awstrija dwar it-trattament mhux ugwali fir-rigward tal-produtturi tal-enerġija rinnovabbli bbażat, b’mod partikolari, fuq il-prinċipji gwida tad-Direttiva 2009/72, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li Stat Membru kien liberu li jiddetermina l-kompożizzjoni tat-taħlita tal-enerġija tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punti 79 u 80). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax teżiġi li l-finanzjamenti tal-Istat ikunu allokati għas-sorsi ta’ enerġija alternattivi. Minn dan isegwi wkoll li ma jistax jiġi impost fuq Stat Membru li jipprevedi kundizzjonijiet ta’ finanzjament jew ta’ operat assolutament identiċi għall-produtturi kollha tal-enerġija. Dan ir-rekwiżit jeskludi, barra minn hekk, kull għajnuna għal proġett speċifiku ta’ produzzjoni ta’ enerġija. |
98 |
Fit-tieni lok, kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, it-theddida ta’ ċerta distorsjoni tal-kompetizzjoni hija inerenti għal kull għajnuna. Għalhekk, din għandha tiġi aċċettata, sa ċertu punt, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna intiża sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, fejn il-limitu jinqabeż jekk din l-għajnuna tbiddel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni. |
99 |
Fil-premessa 391 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-effetti negattivi li jirriżultaw eventwalment mill-għajnuna inkwistjoni huma minn tal-inqas ikkumpensati mill-għan ta’ interess komuni mfittex. L-ammont ta’ EUR 12.5 biljun ta’ din l-għajnuna jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ bbilanċjar. Madankollu, meħud waħdu, dan l-element ma jistax ikun deċiżiv. Sa fejn dawn huma biss spejjeż ta’ investiment f’żewġ reatturi ġodda intiżi sabiex jissostitwixxu l-erba’ reatturi antiki li ser jitwaqqfu gradwalment minħabba l-età tagħhom, peress li ma hijiex prevista għajnuna għall-funzjonament, l-effett fuq is-suq tal-enerġija jkun biss wieħed limitat. |
100 |
Fil-fatt, il-Kummissjoni esponiet b’mod motivat liema ishma mis-suq setgħu jintlaħqu, minn naħa, mill-kumpannija Paks II biss wara l-waqfien tar-reatturi l-antiki u, min-naħa l-oħra, mill-grupp MVM u mill-kumpannija Paks II flimkien matul il-perijodu limitat tal-operat parallel fis-suq Ungeriż u, ukoll, fis-swieq magħquda tar-Rumanija u tas-Slovakkja. Kif turi l-grafika 10 li tinsab fid-Deċiżjoni kkontestata, is-sehem tal-kumpannija Paks II f’dawn is-swieq flimkien ma taqbiżx l-10 %. L-ishma mis-suq komuni tal-grupp MVM u tal-kumpannija Paks II fis-swieq Slovakk u Rumen, flimkien mal-Ungerija, ma jaqbżux, skont l-istess grafika, 20 %. Konsegwentement, l-effetti taż-żewġ reatturi ġodda għandu jkollhom portata limitata fuq it-tqassim tal-ishma mis-suq. |
101 |
Fir-rigward tal-interessi tal-konsumaturi tal-enerġija li jiksbu l-iktar prezz kompetittiv possibbli, għandu jitfakkar li, skont l-istudju NERA, li r-riżultati tiegħu ma humiex ikkontestati mir-Repubblika tal-Awstrija, l-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks ser jibqa’ prenditur tal-prezzijiet, kif jirriżulta mill-premessi 113, 365, 369 u 376 tad-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kif spjegat il-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-premessa 365 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-prezzijiet tal-elettriku huma determinati prinċipalment mill-ispejjeż marġinali tal-produtturi parteċipanti f’ċertu suq. It-teknoloġiji rinnovabbli għandhom spejjeż marġinali baxxi, peress li l-parti l-kbira tagħhom jistgħu joperaw mingħajr spejjeż ta’ kombustibbli. It-teknoloġija nukleari għandha wkoll spejjeż baxxi ta’ funzjonament. Għall-kuntrarju, teknoloġiji bbażati fuq kombustibbli, bħall-impjanti tal-faħam u l-impjanti tat-turbini li jaħdmu bil-gass, għandhom spejjeż operattivi ogħla u b’hekk iżidu l-prezz tal-elettriku. Konsegwentement, l-enerġija nukleari hija prenditur tal-prezzijiet iktar milli dik li tistabbilixxi l-prezzijiet. Għaldaqstant, f’dan ir-rigward, ma hemmx kunflitt bejn l-għajnuna inkwistjoni u l-prinċipji essenzjali ta’ gwida tad-Direttiva 2009/72 invokati mir-Repubblika tal-Awstrija. |
102 |
Barra minn hekk, fit-Taqsima 5.3.8.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat inter alia b’mod dettaljat l-ostakoli għad-dħul fis-suq għal atturi ġodda. Din il-kwistjoni ġiet analizzata b’mod partikolari fid-dawl tal-effetti potenzjali tal-miżura fis-suq Ungeriż (premessi 357 sa 365), tal-effetti transkonfinali potenzjali tagħha (premessi 366 sa 371) u tal-effetti potenzjali tal-operat parallel tar-reatturi antiki u ġodda tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks (premessi 372 sa 376). Ir-Repubblika tal-Awstrija ma wrietx żbalji manifesti f’din l-evalwazzjoni. Sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija ma tikkontestax, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, li l-kapaċità ta’ reatturi ġodda ma twassalx għal żieda fit-tul fil-kapaċità nukleari installata totali fl-Ungerija, li hija stmata fil-livell ta’ 36 % tal-konsum totali tal-elettriku, is-sostituzzjoni tal-erba’ reatturi tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks b’żewġ reatturi ġodda li jipproduċu l-istess kwantità ta’ enerġija u li huma ffinanzjati permezz tal-għajnuna għall-investiment inkwistjoni ma tistax tikkawża esklużjoni kunsiderevoli tal-produtturi tal-enerġija li toriġina minn sorsi oħra. |
103 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li d-Deċiżjoni kkontestata għandha valur ta’ preċedent għal għajnuna sostanzjali oħra favur impjanti nukleari oħra, li tista’ toħloq distorsjoni strutturali u sproporzjonata tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern tal-elettriku kollu kemm hu. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ġustament tikkonstata li l-valur ta’ preċedent tad-Deċiżjoni kkontestata ma huwiex argument ġuridiku, iżda argument politiku li ma jistax iwassal għan-nullità ta’ din id-deċiżjoni. |
104 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ħames motiv ma huwiex fondat u għandu jiġi miċħud. [omissis] |
Fuq is‑seba’ motiv, ibbażat fuq it‑tisħiħ jew il‑ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fis‑suq
[omissis]
125 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija tfakkar li ż-żewġ kumpanniji li joperaw ir-reatturi l-antiki u r-reatturi l-ġodda tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks huma miżmuma 100 % mill-Istat Ungeriż, peress li dan tal-aħħar huwa l-proprjetarju indirett ta’ dawn il-kumpanniji permezz ta’ MVM Hungarian Electricity Ltd., li, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, qajmet dubji inkwantu t-tqegħid fis-servizz tar-reatturi l-ġodda tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks iwassal għal konċentrazzjoni tas-suq ferm sinjifikattiva fl-Ungerija. |
126 |
Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, iż-żewġ impenji minimi tal-Ungerija previsti fid-Deċiżjoni kkontestata ma humiex suffiċjenti. Il-fatt li l-ġestjoni taż-żewġ kumpanniji hija attribwita lil ministeri differenti ma jbiddel xejn mill-fatt li, fl-aħħar mill-aħħar, huwa l-Istat Ungeriż li, bħala detentur tal-kapital, għandu l-ishma kollha taż-żewġ kumpanniji u huwa f’pożizzjoni li jikkontrolla l-aġir ta’ dawn tal-aħħar. Mill-perspettiva funzjonali, jeħtieġ, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni tas-suq, li jiżdiedu l-ishma taż-żewġ impriżi. Ir-riferiment, li sar mill-Kummissjoni fil-premessa 353 tad-Deċiżjoni kkontestata, għall-Avviż Ġurisdizzjonali kkonsolidat tagħha dwar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), ma jbiddel xejn mill-evalwazzjoni preċedenti. |
127 |
Fir-rigward tal-operat parallel tar-reatturi l-antiki u tar-reatturi l-ġodda tal-impjant tal-enerġija nukleari, ir-Repubblika tal-Awstrija tirrileva li l-fatt li dan tal-aħħar huwa intiż li jdum seba’ snin biss ma huwiex ta’ natura li jelimina d-dubji abbażi tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fir-realtà, matul dan il-perijodu, kompetituri ser ikollhom jonqsu mis-suq. Iktar minn hekk, id-data prevista għall-waqfien tar-reatturi nukleari l-antiki ma hijiex iggarantita. |
128 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma eżaminatx ir-riperkussjonijiet fuq il-possibbiltajiet ta’ dħul ta’ operaturi ġodda fis-suq, b’mod partikolari għall-perijodu bejn l-2026 u l-2032 jew l-2037. Hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-investimenti fl-impjanti nukleari jikkontribwixxu b’mod ġenerali għal tnaqqis tal-investimenti statali fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u, fl-istess ħin, għal żieda sinjifikattiva fil-konċentrazzjoni tas-suq kollu tal-enerġija. |
129 |
Fir-rigward tal-konstatazzjoni li l-ishma mis-suq ikkombinati tal-grupp MVM u tal-kumpannija Paks II fis-suq magħqud tal-Ungerija, tas-Slovakkja u tar-Rumanija ma jeċċedux 20 %, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li dan il-fatt waħdu ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li hemm esklużjoni awtomatika ta’ effett transkonfinali. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, il-Kummissjoni kellha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-istruttura tas-suq kollu kemm hu. Fid-dawl tal-fatt li l-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks diġà għandu bir-reatturi l-antiki sehem mis-suq ta’ iktar minn 50 % fl-Ungerija, ir-riskju ta’ abbuż minn din il-pożizzjoni u ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minnha huwa evidenti. |
130 |
Il-Kummissjoni, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka jikkontestaw l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija. |
131 |
Għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, għajnuna tista’ tiġi awtorizzata biss jekk din ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni, li jimplika li jiġu bbilanċjati l-effetti pożittivi tal-għajnuna maħsuba għall-iżvilupp tal-attivitajiet li hija intiża li ssostni u l-effetti negattivi li din l-għajnuna jista’ jkollha fuq is-suq intern (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punt 101). Tali effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni jeżistu b’mod partikolari meta l-għajnuna tikkawża l-ħolqien jew iż-żamma ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq tal-benefiċjarju tal-għajnuna. |
132 |
F’din il-perspettiva, il-Kummissjoni eżaminat, fit-Taqsima 5.3.8.1 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni dwar jekk iż-żieda eventwali ta’ konċentrazzjoni tas-suq kinitx tirriżulta mill-għaqda tal-proprjetà u tal-operat futuri tar-reatturi l-antiki tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks mal-ġodda. |
133 |
Fil-premessa 347 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat li s-suq Ungeriż tal-produzzjoni tal-elettriku kien ikkaratterizzat minn konċentrazzjoni relattivament qawwija, peress li l-impjant tal-enerġija nukleari attwali ta’ Paks (grupp MVM) jipproduċi kważi 50 % tal-elettriku nazzjonali. Mill-premessa 349 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kienet imħassba bil-fatt li separazzjoni legali tal-kumpannija Paks II u tal-grupp MVM kienet insuffiċjenti jew ma setgħetx tinżamm mingħajr garanzija addizzjonali f’dan ir-rigward. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li ċerta informazzjoni kienet tirrispondi għall-preokkupazzjonijiet tagħha, jiġifieri, l-ewwel, li l-għan tal-miżura Ungeriża kien is-sostituzzjoni progressiva tal-kapaċitajiet nukleari eżistenti tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks bejn l-2025 u l-2037, it-tieni, li l-Ungerija kienet sostniet li l-grupp MVM u l-kumpannija Paks II kienu indipendenti u mingħajr rabta u, it-tielet, li, skont l-Ungerija, il-kumpannija Paks II, is-suċċessuri tagħha u l-impriżi affiljati tagħha huma totalment distinti fuq il-livelli legali u strutturali u li ż-żamma, il-ġestjoni u l-operazzjoni tagħhom huma indipendenti u mingħajr rabta mal-Grupp MVM u l-impriżi, is-suċċessuri u l-impriżi affiljati kollha tiegħu kif ukoll impriżi oħra taħt kontroll statali, preżenti fil-produzzjoni, il-bejgħ bl-ingrossa jew bl-imnut tal-enerġija (premessi 350 sa 354 tad-Deċiżjoni kkontestata). |
Fuq is‑saħħa tal‑impjant tal‑enerġija nukleari ta’ Paks fis‑suq Ungeriż u fis‑suq intern tal‑Unjoni
134 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq permezz tal-għajnuna inkwistjoni. |
135 |
Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks diġà għandu bir-reatturi antiki sehem mis-suq ta’ iktar minn 50 % fl-Ungerija, li jagħti lok għal preżunzjoni inkonfutabbli tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Issa, dan l-argument huwa bbażat fuq żball fir-rigward tal-fatti. |
136 |
Skont il-premessa 43 tad-Deċiżjoni kkontestata, “[b]ħala ġeneratur, il-Grupp MVM proprjetà tal-Istat għandu preżenza sinifikanti fis-suq, minħabba l-assi ta’ ġenerazzjoni ewlieni tiegħu, Paks NPP, li pprovda 52,67 % mill-elettriku ġġenerat domestikament fl-2015”. Issa, din il-konstatazzjoni, l-istess bħall-premessi 18 u 347 tad-Deċiżjoni kkontestata, tittratta s-sehem tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks fl-enerġija prodotta fl-Ungerija. L-imsemmija perċentwali madankollu ma jindikawx is-sehem mis-suq tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks fis-suq Ungeriż tal-enerġija elettrika. Dan tal-aħħar jirriżulta pjuttost mill-illustrazzjoni grafika 1, riprodotta wkoll fil-premessa 43 tad-Deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għall-“konsum tal-elettriku totali fl-Ungerija fl-2015” u li tipprovdi li s-sehem mis-suq tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks jammonta għal 36.19 %. Peress li l-Ungerija hija importatur tal-elettriku nett li l-importazzjonijiet tiegħu jirrappreżentaw madwar 30 % tal-konsum tal-elettriku, kif spjegat il-Kummissjoni fil-premessa 47 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-sehem mis-suq tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks jitnaqqas mekkanikament mill-imsemmija importazzjonijiet li jkopru parti sostanzjali tal-konsum domestiku fl-Ungerija. |
137 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament enfasizzat li, fil-premessa 358 tad-Deċiżjoni kkontestata, hija bbażat ruħha fuq il-fatt li l-elettriku prodott mill-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks kien ikopri 36 % tal-konsum globali tal-elettriku fl-Ungerija. Barra minn hekk, fil-premessa 358 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, l-ewwel, l-elettriku prodott f’dak iż-żmien mill-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks kien ikopri 36 % tal-konsum globali tal-elettriku fl-Ungerija, it-tieni, il-proporzjon jonqos fid-dawl tat-tkabbir mistenni tad-domanda u, it-tielet, il-produzzjoni tar-reatturi l-ġodda tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks għandha tkun simili ladarba r-reatturi l-antiki tiegħu ikunu progressivament tneħħew. |
138 |
Għandu jingħad ukoll li l-ishma mis-suq ma jiddeterminawx fihom innifishom pożizzjoni dominanti, kif ġustament tindika l-Ungerija, iżda jservu biss bħala punt ta’ tluq għal analiżi tas-suq li għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra kollha, bħall-ostakoli għad-dħul u għall-iżvilupp tas-suq fuq perijodu itwal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il‑Kummissjoni, 27/76, EU:C:1978:22, punt 66), jew l-istruttura tas-suq ikkonċernat. F’dan ir-rigward, l-Ungerija tfakkar ġustament li, minn naħa, il-kostruzzjoni tar-reatturi l-ġodda tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks huwa proġett intiż għaż-żamma tal-kapaċità ta’ produzzjoni tal-elettriku u mhux għat-tkabbir tagħha u li joffri soluzzjoni fid-dawl tal-previżjoni ta’ sitwazzjoni ta’ skarsezza, filwaqt li jikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tan-network, u, min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni kkontestata inkludiet, fl-Artikolu 3 tagħha, kundizzjonijiet, b’mod partikolari fuq l-użu tal-profitti, fuq il-modalitajiet ta’ negozjar kummerċjali u fuq il-garanzija tas-separazzjoni ġuridika u strutturali tal-kumpannija Paks II u tal-grupp MVM, li huma intiżi sabiex jillimitaw l-effetti antikompetittivi tal-għajnuna u, b’żieda ma’ dan, li fir-rigward tagħhom l-Ungerija impenjat ruħha li tissottometti rapporti annwali. |
139 |
Fil-fatt, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha ta’ eventwali distorsjoni tas-suq fuq dawn l-elementi kollha, mingħajr ma r-Repubblika tal-Awstrija qiegħdet f’dubju l-istudji ekonomiċi dwar is-sitwazzjoni attwali u l-previżjonijiet dwar l-iżvilupp fis-suq Ungeriż u s-swieq interkonnessi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni. |
140 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar b’mod partikolari li, skont l-imsemmija studji u kif spjegat il-Kummissjoni fil-premessi 360 u 388 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ enerġija fl-Ungerija għandha tippersisti, b’tali mod li l-pajjiż ser jibqa’ importatur nett wara t-tneħħija progressiva tal-erba’ unitajiet tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks li attwalment joperaw. Barra minn hekk, skont il-premessa 373 tad-Deċiżjoni kkontestata, mill-istudju NERA jirriżulta li anki matul operat parallel tar-reatturi l-ġodda u l-antiki tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks mill-2025 sal-2037, id-domanda massima nazzjonali dejjem tiżdied prevista ma hijiex ser tiġi ssodisfatta biss permezz tal-impjanti nazzjonali (ara wkoll il-premessa 389 tad-Deċiżjoni kkontestata). Id-dikjarazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija li, matul l-operat parallel tar-reatturi l-antiki u dawk ġodda tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks bejn l-2026 u l-2032, ikun hemm imblokk tas-suq Ungeriż tal-elettriku b’ostakolu għad-dħul fis-suq ta’ atturi ġodda li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni fid-Deċiżjoni kkontestata hija għalhekk infondata. |
141 |
Fir-rigward tal-ilment dwar il-kompetituri fis-suq Ungeriż u fis-swieq magħquda tal-Ungerija, tas-Slovakkja u tar-Rumanija, l-effetti fuqhom ġew analizzati fil-premessi 357 et seq. u fil-premessi 366 et seq. tad-Deċiżjoni kkontestata u ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-konklużjoni dwar id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-kumpens globali fil-premessa 388 tad-Deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ishma mis-suq flimkien taż-żewġ impriżi sa fejn l-indipendenza tal-kumpannija Paks II tal-grupp MVM ġiet ipprovata u ggarantita, kif ġie espost fil-punti 152 et seq. iktar ’il quddiem. |
142 |
Indipendentement minn dak li ntqal iktar ’il fuq, il-kritika tar-Repubblika tal-Awstrija li s-seba’ snin ta’ produzzjoni parallela jikkostitwixxu perijodu li matulu kompetituri jkollhom jitilqu mis-suq, b’tali mod li effett ta’ esklużjoni huwa inevitabbli għal żmien twil, ma hijiex fondata. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, fil-premessa 387 tad-Deċiżjoni kkontestata u abbażi ta’ studji ppreżentati fiha, waslet għall-konklużjoni li kull ostakolu għad-dħul ta’ tipi oħra ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni, b’mod partikolari matul il-perijodu limitat tal-operat parallel tar-reatturi l-anitiki u dawk ġodda tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks, kien limitat għar-raġuni li l-iskarsezza fil-kapaċità globali futura installata, stabbilita mill-operatur tan-networks tat-trasport Ungeriż, tippermetti li jiġu ppenetrati teknoloġiji oħra ta’ produzzjoni, rinnovabbli u mhux b’karbonju baxx, indipendentement minn jekk ir-reatturi l-ġodda jinbnewx jew le. |
143 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-eventwali esklużjoni tal-produtturi tal-enerġija minn sorsi ġodda u rinnovabbli, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt, espost fis-sottomissjonijiet bil-miktub u mhux ikkontestat mir-Repubblika tal-Awstrija, li dawn l-enerġiji huma min-natura tagħhom intermittenti u diffiċilment jistgħu jikkontribwixxu għall-ispejjeż bażiċi li għandhom jiġu koperti (ara l-premessa 181 tad-Deċiżjoni kkontestata). |
144 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li jgħid li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ konċentrazzjoni eventwali tas-suq, studju mwettaq minn Candole Partners, li fuqu hija bbażat ruħha sabiex tiddetermina l-vantaġġi tal-għajnuna inkwistjoni u li jinkludi stimi dwar il-konċentrazzjoni tas-suq. Ir-Repubblika tal-Awstrija tiddeduċi minn dan l-istudju li l-investimenti fl-impjanti nukleari jikkontribwixxu b’mod ġenerali għal tnaqqis tal-investimenti statali fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u, fl-istess ħin, għal żieda sinjifikattiva fil-konċentrazzjoni tas-suq fis-suq tal-enerġija kollu. |
145 |
L-ewwel, għandu jitfakkar li huwa l-Istat Membru li għandu jiddetermina liberament it-taħlita tal-enerġija tiegħu. |
146 |
Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, mill-premessa 362 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-istrateġija nazzjonali tal-Ungerija tipprevedi l-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tagħha, skont il-Pakkett tal-Unjoni dwar il-Klima u l-Enerġija 2020, skont il-miri nazzjonali fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku, stabbiliti fid-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16), u skont il-miri ewlenin tal-qafas ta’ azzjoni dwar il-klima u l-enerġija tal-2030. Iktar minn hekk, fid-dawl tal-għanijiet u tal-obbligi fil-livell tal-Unjoni u fil-livell nazzjonali msemmija fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, l-Ungerija ma hijiex eċċezzjoni fir-rigward tal-użu ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ sabiex jitħaddmu impjanti ġodda li jipproduċu l-elettriku minn sorsi rinnovabbli. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li parti mill-iskema Ungeriża fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli kienet operattiva minn Jannar 2017, filwaqt li partijiet oħra tal-iskema marbuta ma’ produtturi ikbar minn sorsi rinnovabbli kienu fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata qegħdin jistennew l-approvazzjoni tagħha fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. |
147 |
It-tieni, l-indizji li jkejlu l-konċentrazzjoni tas-suq riprodotti mir-Repubblika tal-Awstrija jikkonfermaw biss f’ċifri dak li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata diġà jirrilevaw: l-indiċi ta’ Herfindahl-Hirschman (HHI) jilħaq valuri li jikkorrispondu għal “konċentrazzjoni tas-suq għolja” ta’ 2594 illum, ta’ 6889 fl-2030 (perijodu ta’ operat parallel) u ta’ 2582 fl-2040. Peress li r-Repubblika tal-Awstrija ma tippreċiżax sa fejn id-data li tirriżulta mill-imsemmi studju tista’ tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-portata ta’ eventwali distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandu jiġi miċħud l-argument li l-istudju mwettaq minn Candole Partners ma ġiex inkluż fl-eżerċizzju ta’ bbilanċjar. |
148 |
Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni qieset ġustament, fil-premessa 372 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-effett tal-għajnuna inkwistjoni fis-suq kien proporzjonat fir-rigward tal-għanijiet ta’ sigurtà tal-provvista u tan-neċessità li jiġi ppreparat bir-reqqa ż-żarmar tal-unitajiet tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks. Ir-Repubblika tal-Awstrija ma wrietx żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżami tal-konċentrazzjoni tas-suq li jista’ jirriżulta mill-għajnuna inkwistjoni. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud. |
Fuq l‑estensjoni tal‑operat parallel tar‑reatturi l‑antiki u ta’ dawk ġodda tal‑impjant tal‑enerġija nukleari ta’ Paks
149 |
Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, il-Kummissjoni kellha tipprevedi, fid-Deċiżjoni kkontestata, l-obbligu li tagħlaq ir-reatturi antiki tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks bħala kundizzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna. Fin-nuqqas ta’ tali kundizzjoni, l-operat parallel tar-reatturi l-antiki u ta’ dawk ġodda jista’ jibqa’ jsir teoretikament għal żmien twil, b’tali mod li ma jkunx hemm ċertezza li r-reatturi 1 sa 4 tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks ma jkunux operati lil hinn mill-2032, 2034, 2036 u 2037, sa fejn l-estensjoni tat-tul tal-ħajja tkun mixtieqa jew implimentata f’diversi Stati. |
150 |
Issa, f’dan il-każ, l-istabbiliment ta’ kundizzjoni fid-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata ma jikkostitwixxix rekwiżit imperattiv sabiex tiġi ggarantita l-affidabbiltà tal-imsemmi fatt. Mill-premessa 350 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta, minn naħa, li l-perijodu ta’ operat parallel għandu jkun limitat għall-intervall 2026‑2032 u, min-naħa l-oħra, li l-irtirar tal-kapaċitajiet nukleari kollha tar-reatturi l-antiki tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks għandu jitwettaq sal-2037. Il-programm tal-irtirar tal-kapaċitajiet nukleari huwa inkluż ukoll fid-deskrizzjoni tal-għajnuna fit-Taqsima 2 tad-Deċiżjoni kkontestata, intitolata “Deskrizzjoni Ddettaljata tal-Miżura”, fejn il-Kummissjoni ppreċiżat fil-premessa 10 li “[l]-operar tal-unitajiet 5 u 6 hu maħsub biex jikkumpensa għat-telf fil-kapaċità meta jirtiraw l-unitajiet 1 sa 4 (2000 MW flimkien)” u li “[l]-Ungerija [kienet] [i]ssottomettiet li l-unitajiet 1‑4 ser ikunu qed joperaw sa tmiem l-2032, l-2034, l-2036 u l-2037, rispettivament, mingħajr il-prospettiva prevista ta’ estensjoni ulterjuri tal-ħajja”. Għaldaqstant, fid-deskrizzjoni tal-għajnuna, il-miżura hija deskritta bħala li tikkonsisti f’sostituzzjoni gradwali tal-kapaċitajiet nukleari tar-reatturi l-antiki tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks. Issa, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern tirrigwarda biss l-għajnuna kif deskritta f’din id-deċiżjoni, b’tali mod li d-Deċiżjoni kkontestata tawtorizza l-għajnuna biss sa fejn din tibqa’ konformi mal-miżura nnotifikata. |
151 |
Barra minn hekk, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija li jqiegħdu f’dubju l-affidabbiltà tad-dikjarazzjoni tal-Ungerija li l-perijodu previst li matulu l-erba’ reatturi attwalment użati ser jiffunzjonaw b’mod parallel mat-tnejn il-ġodda għandu jkun limitat għall-intervall 2026‑2032, bl-irtirar tal-kapaċitajiet nukleari kollha tagħhom sal-2037, ma ġewx sostnuti bi provi li jistgħu juru li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-eżistenza probabbli ta’ pożizzjoni dominanti. |
Fuq l‑indipendenza tal‑impriża li topera r‑reatturi l‑antiki tal‑impjant tal‑enerġija nukleari ta’ Paks mill‑impriża li topera r‑reatturi l‑ġodda tal‑istess impjant tal‑enerġija nukleari
152 |
F’dak li jirrigwarda t-tieni u t-tielet elementi li fuqhom il-Kummissjoni, fil-premessi 351 sa 353 tad-Deċiżjoni kkontestata, tibbaża ruħha bil-ħsieb li tneħħi t-tħassib tagħha fir-rigward tat-tisħiħ ta’ influwenza fuq is-suq Ungeriż tal-enerġija, jiġifieri l-assenza ta’ għaqda bejn l-operatur tar-reatturi l-antiki tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks, il-grupp MVM, minn naħa, u l-kumpannija Paks II li topera r-reatturi l-ġodda, min-naħa l-oħra, jew ta’ koordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, essenzjalment, li l-erba’ karatteristiċi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-konstatazzjoni tagħha ta’ separazzjoni ġuridika u strutturali ma humiex biżżejjed għal dan il-għan. Dawn il-karatteristiċi jikkonsistu fil-ġestjoni minn amministrazzjonijiet differenti (il-Ministeru għall-Iżvilupp Nazzjonali li jamministra l-MVM u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li jamministra l-kumpannija Paks II), fl-assenza ta’ tmexxija kondiviża jew konġunta fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ kull impriża, fl-eżistenza ta’ garanziji li jiżguraw li l-impriżi ma jiskambjawx informazzjoni kummerċjalment sensittiva u kunfidenzjali u fil-fatt li s-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ kull impriża jkunu distinti u indipendenti minn xulxin. |
153 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li l-kumpannija Paks II kienet tifforma parti mill-grupp MVM waqt il-ħolqien tiegħu. Mill-premessa 27 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ishma tal-kumpannija Paks II, miżmuma oriġinarjament mill-grupp MVM, ġew ittrasferiti lill-Istat Ungeriż fl-2014. Issa, id-Deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fis‑6 ta’ Marzu 2017, b’tali mod li, fil-mument meta l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-ishma tal-kumpannija Paks II kienu inizjalment miżmuma mill-grupp MVM kien irrilevanti. |
154 |
Fit-tieni lok, l-allegazzjoni li permezz tagħha r-Repubblika tal-Awstrija tfittex tqiegħed f’dubju l-validità tat-tieni kriterju elenkat fil-premessa 352 tad-Deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 152 iktar ’il fuq), jiġifieri l-eżistenza ta’ setgħa awtonoma ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, ma tistax tkun konvinċenti. Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, minkejja s-separazzjoni ġuridika u strutturali taż-żewġ produtturi tal-enerġija, il-fatt li l-ġestjoni taż-żewġ kumpanniji hija attribwita lil ministeri differenti ma jbiddel xejn mill-fatt li, fl-aħħar mill-aħħar, huwa l-Istat Ungeriż li għandu l-ishma kollha taż-żewġ kumpanniji u li huwa f’pożizzjoni li jmexxi jew jikkoordina l-aġir ta’ dawn tal-aħħar, u dan huwa iktar u iktar il-każ inkwantu dawn huma ministri tal-istess gvern u, b’mod partikolari, il-“Ministru President” għandu rwol partikolari fil-Gvern Ungeriż. |
155 |
Madankollu, l-Ungerija ġustament tirrileva li r-Repubblika tal-Awstrija ma pprovdiet ebda element bħala bażi għall-allegazzjoni li r-rwol partikolari li jokkupa l-Prim Ministru Ungeriż fi ħdan il-Gvern Ungeriż jippermettilu li jikkontrolla u jiggwida l-istrateġija tal-kumpannija li topera r-reatturi l-antiki u tal-impriża li topera r-reatturi l-ġodda. Ir-Repubblika tal-Awstrija lanqas ma pprovdiet informazzjoni fir-rigward tal-eventwali drittijiet istruttorji. B’mod partikolari, ma jistax jiġi preżunt li s-sempliċi fatt li l-Prim Ministru għandu, skont il-Kostituzzjoni Ungeriża, id-dritt li jipproponi r-revoka tal-ministri, kif sostniet ir-Repubblika tal-Awstrija waqt is-seduta, huwa indizju suffiċjenti ta’ ġestjoni kkoordinata ta’ dawn il-kumpanniji ġuridikament distinti. |
156 |
Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta l-approċċ tal-Kummissjoni segwit fil-premessa 353 tad-Deċiżjoni kkontestata sabiex tiddetermina l-indipendenza tal-kumpannija Paks II, tas-suċċessuri tagħha u tal-impriżi affiljati tagħha, fuq il-livelli ġuridiċi u strutturali, fir-rigward tal-grupp MVM. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-punti 52 u 53 tal-Avviż Ġurisdizzjonali kkonsolidat tagħha dwar ir-Regolament Nru 139/2004. Il-punt 52 ta’ dan l-avviż jittratta konċentrazzjonijiet li jinvolvu impriżi pubbliċi u juża bħala kriterju sabiex issir distinzjoni bejn ristrutturazzjoni interna u konċentrazzjoni l-fatt li l-impriżi għandhom “setgħa awtonoma ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet”. |
157 |
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tispeċifikax ir-raġunijiet li għalihom dan l-approċċ huwa inkorrett. Hija sempliċement tipproponi l-applikazzjoni ta’ approċċ differenti billi tirreferi għad-dritt tal-kuntratti pubbliċi. |
158 |
Issa, f’dan il-każ, dawn ma humiex kuntratti konklużi bejn żewġ entitajiet li jappartjenu lill-istess persuna ġuridika. Il-kriterji previsti għal din is-sitwazzjoni li jinsabu fl-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2014/25 ma jistgħux jiġu trasposti għall-kwistjoni dwar jekk għandhiex tiżdied is-saħħa ta’ żewġ entitajiet f’suq identiku li t-tnejn jappartjenu lill-Istat, iżda li huma strutturalment separati. Fil-fatt, l-għan imfittex mill‑Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2014/25 ma huwiex dak li jwaqqaf il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti. Il-kwistjoni dwar jekk, f’sitwazzjoni “in house” fejn waħda mill-entitajiet hija meqjusa li tipprovdi servizzi lill-oħra, din tal-aħħar għandhiex tkun tista’ twettaq l-imsemmija servizzi mingħajr ma tidħol f’kompetizzjoni ma’ impriżi esterni ma hijiex fil-fatt komparabbli ma’ dik tad-determinazzjoni ta’ eventwali konċentrazzjoni fis-suq li fih iż-żewġ entitajiet huma attivi. Ir-regola ċċitata tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi ma għandhiex bħala għan il-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ żewġ entitajiet fl-istess suq, iżda tittratta s-sitwazzjoni ta’ kuntratt konkluż bejn l-entitajiet rispettivi. Għaldaqstant, huwa irrilevanti għal din il-kawża li, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tad-dritt tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, dwar is-sitwazzjonijiet imsejħa “in house”, il-grupp MVM, minn naħa, u l-kumpannija Paks II, min-naħa l-oħra, għandhom, kif tinvoka r-Repubblika tal-Awstrija, jiġu imputati lill-Istat. |
159 |
Fir-rigward tar-riferiment tar-Repubblika tal-Awstrija għal sentenza li tikkonċerna d-dritt tal-kompetizzjoni, lanqas din ma tqiegħed f’dubju l-approċċ adottat mill-Kummissjoni. Fis-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, EU:C:2006:8, punti 112 u 113), il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ma kkonstatatx li l-entitajiet kollha li kienu ġuridikament jew de facto kkontrollati mill-istess entità kienu kkunsidrati bħala impriża waħda, iżda hija qieset li entità li ma kienet teżerċita ebda attività ekonomika oħra minbarra l-kontroll ta’ impriża oħra kienet hija stess ikklassifikata bħala impriża. Madankollu, din is-sitwazzjoni partikolari għall-każ tal-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza ma għandha ebda rabta maċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami. |
160 |
Fir-raba’ lok, għandu jiġi nnotat li l-istabbiliment kif ukoll iż-żamma tal-garanziji strutturali li jiżguraw awtonomija fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-grupp MVM u tal-kumpannija Paks II huma żgurati mill-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni kkontestata li jinkludi l-kundizzjoni li ġejja: “Barra minn hekk, l-Ungerija għandha tieħu impenn li Paks II, is-suċċessuri u l-affiljati tagħha jkunu legalment u strutturalment separati għalkollox u jkunu soġġetti għal setgħa indipendenti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet skont il-paragrafi 52 u 53 tal-Avviż Ġuriżdizzjonali dwar il-Fużjonijiet u għandhom jinżammu, jiġu mmaniġġjati u operati b’mod indipendenti u mhux konness minn mal-Grupp MVM u n-negozji kollha tiegħu, mis-suċċessuri u mill-affiljati tiegħu u minn kumpanniji oħra kkontrollati mill-Istat attivi fil-ġenerazzjoni, fil-bejgħ bl-ingrossa jew fil-bejgħ bl-imnut tal-enerġija”. Iktar minn hekk, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni kkontestata jipprevedi li “[l]-Ungerija għandha tissottometti lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar l-issodisfar tal-impenji msemmija fl-Artikolu 3” u li “[l]-ewwel rapport għandu jiġi sottomess xahar wara d-data tal-għeluq tal-ewwel sena finanzjarja tal-operat kummerċjali ta’ Paks II”. Kif jenfasizzaw l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka, permezz ta’ din il-kundizzjoni u l-premessa 381 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-sitwazzjoni tas-suq wara t-tnedija tar-reatturi l-ġodda tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks hija taħt il-kontroll permanenti tal-Kummissjoni. L-Ungerija żżid ġustament li l-ksur ta’ dawn il-kundizzjonijiet iwassal għal investigazzjoni ġdida mill-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, li jikkomprometti l-investiment pendenti tal-Ungerija fil-proġett. |
161 |
Mill-premess jirriżulta li d-determinazzjoni tal-indipendenza tal-kumpannija Paks II fir-rigward tal-grupp MVM li saret mill-Kummissjoni ma tinkludi ebda żball ta’ evalwazzjoni u li ma hemmx indizji li jsostnu l-preokkupazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija dwar il-fatt li l-Istat Ungeriż jista’ jeżerċita l-influwenza tiegħu b’mod ikkoordinat fuq iż-żewġ impriżi u, għaldaqstant, isaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tiegħu. |
162 |
Għaldaqstant, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud. |
Fuq it‑tmien motiv, ibbażat fuq ir‑riskju għal‑likwidità tas‑suq bl‑ingrossa tal‑elettriku Ungeriż
163 |
Permezz tat-tmien motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti r-riskju għal-likwidità tas-suq bl-ingrossa tal-elettriku Ungeriż. |
164 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija targumenta li, fil-kuntest tal-eżami tar-riperkussjonijiet ekonomiċi negattivi tal-għajnuna, għandhom jiġu vverifikati l-effetti fuq is-swieq downstream. L-approvazzjoni tal-għajnuna hija illegali sa fejn ir-riskju ta’ tnaqqis tal-likwidità tas-suq, ammess mill-Kummissjoni stess fil-premessa 377 tad-Deċiżjoni kkontestata, jibqa’ u huwa saħansitra aggravat. Diversi fatturi jżidu r-riskju għal-likwidità, b’mod partikolari l-operat parallel tar-reatturi l-antiki u ta’ dawk ġodda tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks matul perijodu relattivament twil u l-konċentrazzjoni għolja fis-suq tal-elettriku Ungeriż. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, il-Kummissjoni aċċettat mingħajr ġustifikazzjoni reali li telimina d-dubji tagħha li s-suq, li fi ħdanu l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni huma kkontrollati ħafna mill-Istat, jista’ jsir inqas likwidu, peress li l-atturi rari tas-suq jistgħu jillimitaw l-offerti tal-provvista. Ma huwiex suffiċjenti li wieħed jikkonstata, kif għamlet il-Kummissjoni, l-esklużjoni ta’ rabtiet bejn il-kumpannija Paks II u operaturi statali fis-suq bl-imnut u jfakkar l-kundizzjonijiet-qafas l-oħra stabbiliti fid-Deċiżjoni kkontestata li jipprevedu l-garanzija, mill-Ungerija, ta’ bejgħ fuq il-borża tal-elettriku u ta’ bejgħ bl-irkant. Fir-realtà, ir-rabtiet jibqgħu eżistenti, sa fejn il-kumpannija Paks II, bħall-grupp MVM, hija kkontrollata mill-Istat, li, anki fil-każ ta’ impriża intermedjarja, bħala proprjetarja 100 %, tkun f’pożizzjoni li tieħu d-deċiżjonijiet kollha neċessarji, b’mod partikolari fir-rigward tal-persunal. Bl-istess mod, id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn ministeri differenti tista’ tiġi faċilment emendata skont id-dritt nazzjonali u, fi ħdan il-gvern, jeżisti minimu ta’ komunikazzjoni u ta’ konsultazzjoni. Minkejja d-distinzjoni bejn iż-żewġ impriżi fil-livelli ġuridiċi u strutturali, l-Istat jista’ għalhekk jeżerċita l-influwenza tiegħu b’mod ikkoordinat fuq iż-żewġ impriżi, b’mod li ma tistax tiġi eskluża pożizzjoni dominanti fis-suq. Fir-rigward tal-garanzija ta’ bejgħ fil-borża tal-elettriku u ta’ bejgħ bl-irkant, ir-Repubblika tal-Awstrija targumenta li l-elettriku ssussidjat jasal fis-suq u jipproduċi effetti diretti fuq il-prezz tas-suq tal-elettriku, irrispettivament mill-mezz ta’ bejgħ. Peress li ebda kwantità minima ta’ elettriku li għandha b’mod obbligatorju tinbiegħ b’dan il-mod ma hija prevista, strateġija kummerċjali tal-grupp MVM u tal-kumpannija Paks II li tikkonsisti fit-tnaqqis tal-offerta tal-elettriku sabiex il-prezzijiet jogħlew tista’ perfettament tiġi kkunsidrata. |
165 |
Il-Kummissjoni u l-Ungerija jsostnu li t-tmien motiv għandu jiġi miċħud. |
166 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija tibbaża t-tmien motiv tagħha, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti r-riskju għal-likwidità tas-suq bl-ingrossa tal-elettriku Ungeriż, fuq żewġ gruppi ta’ argumenti. |
167 |
Fl-ewwel lok, għandhom mill-ewwel jiġu miċħuda l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija li huma bbażati fuq id-dikjarazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti tal-kumpannija Paks II. |
168 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jsir riferiment għall-evalwazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-eżami tas-seba’ motiv fil-punti 131 et seq. iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li l-kundizzjoni stabbilita fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni kkontestata, iċċitata fil-punt 160 iktar ’il fuq, li hija intiża sabiex tipprekludi l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq tal-enerġija matul il-perijodu ta’ operat parallel tar-reatturi l-antiki u ta’ dawk ġodda, tipprevedi li l-garanzija tal-indipendenza tal-ġestjoni u tal-operat tar-reatturi l-ġodda u tal-assenza ta’ kull rabta mal-grupp MVM tirrigwarda espressament impriżi oħra taħt kontroll statali attivi fil-bejgħ bl-ingrossa jew bl-imnut tal-enerġija. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 379 tad-Deċiżjoni kkontestata, li skontha l-esklużjoni ta’ rabtiet bejn il-kumpannija Paks II u operaturi statali fis-suq bl-imnut ikkontribwixxiet sabiex tingħata tweġiba għal xi wħud mill-preokkupazzjonijiet tagħha ma hijiex imqiegħda f’dubju mill-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li s-sitwazzjoni tista’ tiġi faċilment emendata skont id-dritt nazzjonali u li, fi ħdan il-Gvern, jeżisti minimu ta’ komunikazzjoni u ta’ konsultazzjoni. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, l-Ungerija tosserva, ġustament, li l-Kummissjoni ddikjarat li l-għajnuna kienet kompatibbli mas-suq intern bla ħsara għal kundizzjonijiet li jinkludu, ukoll, l-impenn iċċitat iktar ’il fuq dwar is-separazzjoni taż-żewġ impriżi. Fid-dawl tal-obbligu ta’ preżentazzjoni ta’ rapport annwali stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni kkontestata, l-osservanza tal-imsemmija kundizzjoni tibqa’ taħt il-kontroll tal-Kummissjoni. |
169 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-enerġija prodotta, għandu jiġi nnotat li, fid-Deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fit-Taqsima 2.6 tagħha, il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha dwar is-sitwazzjoni tal-istrutturi attwali tal-bejgħ bl-ingrossa tal-enerġija prodotta fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks mill-grupp MVM. Fil-premessa 377 tad-Deċiżjoni kkontestata, hija indikat li t-tranżazzjonijiet l-iktar komuni fis-settur Ungeriż tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku kienu konklużi permezz ta’ ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku bilaterali u li l-borża ta’ skambju tal-elettriku Ungeriża kienet għadha ma tatx lok għal livell ta’ likwidità adegwat. Hija rrilevat li s-swieq jistgħu jsiru inqas likwidi peress li l-atturi kkonċernati jistgħu jillimitaw in-numru ta’ offerti ta’ provvista disponibbli fis-suq. Fil-premessa 378 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset ukoll li l-mod kif l-elettriku prodott mir-reatturi l-ġodda kien jinbiegħ fis-suq jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-likwidità u li l-ispejjeż imħallsa mill-kompetituri downstream setgħu jiżdiedu permezz tar-restrizzjoni għall-aċċess kompetittiv tagħhom għal input sinjifikattiv (esklużjoni ta’ input) u li dan jista’ jseħħ jekk l-elettriku prodott mill-kumpannija Paks II jiġi mibjugħ prinċipalment permezz ta’ kuntratti għal żmien twil lil ċerti fornituri biss, li jibdel għalhekk is-saħħa fis-suq tal-kumpannija Paks II fl-ambitu tas-suq tal-produzzjoni f’saħħa fis-suq fl-ambitu tas-suq tal-imnut. |
170 |
Abbażi tal-analiżi ta’ din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni pprevediet kundizzjonijiet intiżi sabiex jillimitaw ir-riskju ta’ likwidata bl-impenn tal-Ungerija li tiggarantixxi l-osservanza ta’ ċerti regoli ta’ negozjar tal-produzzjoni tal-kumpannija Paks II. Dawn ir-regoli jinsabu fit-tielet u r-raba’ paragrafu tad-Deċiżjoni kkontestata u jipprovdu dan li ġej: “L-Ungerija għandha tiżgura li l-istrateġija ta’ negozjar tal-output tal-enerġija ta’ Paks II se tkun strateġija ta’ ottimizzazzjoni tal-profitt kummerċjali b’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta li titwettaq permezz ta’ arranġamenti ta’ nnegozjar kummerċjali konklużi permezz ta’ offerti kklerjati fuq pjattaforma ta’ negozjar jew kambju trasparenti. L-istrateġija għan-negozjar tal-output tal-enerġija ta’ Paks II (eskluż il-konsum proprju ta’ Paks II) għandha tkun kif ġej: Saff 1. Paks II għandha tbigħ tal-inqas 30 % tal-output tal-elettriku totali tagħha fis-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u tal-futuri tal-Kambju tal-Enerġija tal-Ungerija (HUPX). Kambji simili oħra tal-elettriku jistgħu jintużaw soġġetti għall-qbil jew għall-kunsens tas-servizzi tal-Kummissjoni li jrid jingħata jew jiġi rrifjutat fi żmien ġimagħtejn mit-talba tal-awtoritajiet Ungeriżi. Saff 2. Il-bqija tal-output totali tal-elettriku ta’ Paks II għandu jinbiegħ minn Paks b’termini oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji permezz ta’ rkanti. Il-kundizzjonijiet għat-tali rkanti għandhom jiġu ddeterminati mir-regolatur tal-enerġija tal-Ungerija, b’mod simili għar-rekwiżiti tal-irkanti imposti fuq MVM Partner [(Deċiżjoni 741/2011 tar-Regolatur tal-Ungerija)]. Ir-regolatur tal-enerġija tal-Ungerija għandu jissorvelja wkoll it-twettiq ta’ dawn l-irkanti. L-Ungerija għandha tiżgura li l-pjattaforma tal-irkant għas-Saff 2 tiġi operata minn Paks II u li l-offerti jkunu disponibbli b’mod ekwu għan-negozjanti lliċenzjati jew irreġistrati kollha bl-istess termini tas-suq. Is-sistema tal-ikklerjar tal-offerti għandha tkun verifikabbli u trasparenti. Ma għandha tkun imposta ebda restrizzjoni fuq l-użu finali tal-elettriku mixtri.” |
171 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni kkontestata, l-Ungerija impenjat ruħha wkoll li tippreżenta lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar l-osservanza tal-impenji msemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-implimentazzjoni tagħhom tibqa’ taħt il-kontroll kontinwu tal-Kummissjoni. |
172 |
Fil-premessi 383 u 384 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li b’hekk ġie żgurat li l-elettriku prodott mir-reatturi l-ġodda jkun disponibbli fis-suq bl-ingrossa għall-atturi kollha tas-suq, b’mod trasparenti, u li għalhekk ma kienx hemm riskju li l-elettriku prodott mill-kumpannija Paks II jiġi mmonopolizzat f’kuntratti għal żmien twil, peress li dan it-tip ta’ kuntratt joħloq riskju għal-likwidità tas-suq. Għaldaqstant jirriżulta li l-Kummissjoni kkonkludiet ġustament li r-riskji li jistgħu jirriżultaw għal-likwidità tas-suq kienu minuri. |
173 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija ma tippreċiżax kif il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni ma humiex suffiċjenti sabiex jiġu rrimedjati l-problemi marbuta mal-għoti tal-għajnuna li twassal għas-sostituzzjoni tal-produzzjoni mir-reatturi l-antiki b’dik tar-reatturi l-ġodda. Fil-fatt, il-likwidità ser tiżdied u ma hemm l-ebda indizju li jistabbilixxi li s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-kundizzjonijiet tal-għajnuna li jinsabu fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni kkontestata tipproduċi distorsjonijiet sproporzjonati tal-kompetizzjoni fis-suq. |
174 |
Il-kritika tar-Repubblika tal-Awstrija li l-assenza ta’ ffissar ta’ kwantità minima ta’ elettriku li għandha neċessarjament tinbiegħ tista’ tippermetti strateġija kummerċjali min-naħa tal-grupp MVM u tal-kumpannija Paks II li tikkonsisti fit-tnaqqis tal-offerta tal-elettriku sabiex il-prezzijiet jogħlew ukoll fil-kuntest tal-bejgħ fuq il-borża tal-elettriku jew fil-kuntest ta’ bejgħ bl-irkant ma hijiex konvinċenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni tfakkar ġustament li ż-żewġ impjanti tal-enerġija nukleari huma mistennija jipproduċu l-kapaċità msejħa bażika, b’tali mod li huma ma jistgħux ibaxxu arbitrarjament is-saħħa tar-reatturi biss sabiex jillimitaw l-offerta tal-elettriku, sa fejn it-tħaddim mill-ġdid tal-impjanti tal-enerġija nukleari jinvolvi spejjeż għoljin u jimplika volum ta’ xogħol sinjifikattiv. |
175 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lill-kumpannija Paks II sabiex twettaq is-sostituzzjoni tar-reatturi l-antiki tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks b’reatturi ġodda kien konformi mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE fir-rigward tal-aspett tal-likwidità tas-suq bl-ingrossa tal-elettriku. |
176 |
Għaldaqstant, it-tmien motiv huwa infondat u għandu jiġi miċħud. |
Fuq id‑disa’ motiv, ibbażat fuq id‑determinazzjoni insuffiċjenti tal‑għajnuna mill‑Istat
177 |
Permezz tad-disa’ motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tirrendi l-element ta’ għajnuna determinabbli b’mod ċar. B’mod partikolari, l-ispejjeż tal-finanzjament tad-dejn u l-ispejjeż tat-trattament tal-iskart ma ssemmewx. [omissis] |
Għal dawn ir-raġunijiet, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Van der Woude De Baere Steinfatt Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑30 ta’ Novembru 2022. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
( 1 ) Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li huma utli għall-pubblikazzjoni.