DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
6 ta’ Frar 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea – Direttiva 2003/87/KE – Pjan ta’ sorveljanza – Regolament (UE) Nru 601/2012 – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1) – Punt 20 tal-Anness IV – Kalkolu tal-emissjonijiet tal-installazzjoni – Tnaqqis tas-CO2 ittrasferit – Esklużjoni tas-CO2 użat fil-produzzjoni ta’ karbonat tal-kalċju preċipitat – Evalwazzjoni tal-validità tal-esklużjoni”
Fil-Kawża C‑561/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Awwissu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Settembru 2018, fil-proċedura
Solvay Chemicals GmbH
vs
Bundesrepublik Deutschland,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot (Relatur), President tal-Ewwel Awla, C. Toader, A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1) u tal-punt 20 tal-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 tal‑21 ta’ Ġunju 2012 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2012, L 181, p. 30). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Solvay Chemicals GmbH u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) dwar il-kontabbiltà, bħala emissjonijiet fis-sens tad-Direttiva 2003/87 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 (ĠU 2009, L 140, p. 63) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”), tad-dijossidu tal-karbonju (iktar ’il quddiem is-“CO2”) iġġenerat f’installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ soda u ttrasferit lejn installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ karbonat tal-kalċju preċipitat (iktar ’il quddiem il-“KKP”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2003/87/KE
3 |
Id-Direttiva 2003/87/KE tapplika, konformement mal-Artikolu 2(1) tagħha, “għall-emissjonijiet mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I u għall-gassijiet serra elenkati fl-Annes II.” |
4 |
L-Artikolu 3(b) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “emissjonijiet” bħala: “ir-rilaxx ta’ gassijiet serra fl-atmosfera minn sorsi ta’ emissjonijiet f’installazzjoni jew ir-rilaxx mill-inġenju tal-ajru waqt li jkun qed iwettaq attività marbuta mal-avjazzjoni elenkata fl-Anness I tal-gassijiet speċifikati fir-rigward ta’ dik l-attività”. |
5 |
Skont l-Artikolu 12(3) u (3a) tal-imsemmija direttiva: “3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, l-iktar tard sat‑30 ta’ April ta’ kull sena, l-opertur ta’ kull waħda mill-istallazzjonijiet iċedi numru ta’ kwoti egwali għall-emissjonijiet totali minn din l-istallazzjoni matul is-sena kalendarja ta’ qabel kif verifikat skond l-Artikolu 15, u dawn jiġu sossegwentement ikkanċellati. 3a. M’għandux jinħoloq obbligu biex wieħed iċedi l-kwoti rigward emissjonijiet verifikati bħala emissjonijiet maqbuda u trasportati għal ħażna permanenti lejn faċilità li għaliha jkun hemm permess fis-seħħ taħt id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑23 ta’ April 2009 [dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU 2009, L 140, p. 114)].” |
6 |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Monitoraġġ u rappurtar ta’ emissjonijiet”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “1. Sal‑31 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni għandha tadotta Regolament għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet u, fejn rilevanti, data dwar l-attività, mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ data dwar it-tunellati-kilometri għall-għan ta’ applikazzjoni taħt l-Artikoli 3e jew 3f, li għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji għall-monitoraġġ u r-rappurtar stabbiliti fl-Anness IV u għandu jispeċifika l-potenzjal għat-tisħin globali ta’ kull gass serra fir-rekwiżiti għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet għal dak il-gass. Dik il-miżura, imfassla sabiex temenda elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi tissupplimentaha, għandha tiġi adottata bil-proċedura regolatorja bi skrutinju kif stipulat fl-Artikolu 23(3).” |
Ir-Regolament Nru 601/2012
7 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 601/2012 jistabbilixxi: “Il-monitoraġġ u r-rapportar għandhom ikunu kompluti u jkopru l-emissjonijiet kollha tal-proċess u l-kombustjoni mis-sorsi ta’ emissjonijiet u l-flussi mis-sorsi kollha li jagħmlu parti mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE u attivitajiet rilevanti oħra inklużi skont l-Artikolu 24 ta’ dik id-Direttiva, u tal-gassijiet serra kollha speċifikati b’rabta ma’ dawk l-attivitajiet waqt li jiġi evitat l-għadd doppju.” |
8 |
Skont l-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament: “Kull operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru għandu jimmonitorja l-emissjoniijet ta’ gassijiet serra, fuq bażi ta’ pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 12, b’kunsiderazzjoni tan-natura u l-funzjonament tal-installazzjoni jew l-attività ta’ avjazzjoni li japplika għalihom. […]” |
9 |
Mill-Artikolu 20(2) tal-imsemmi regolament jirriżulta li, “[m]eta jkun qed jiddefinixxi l-proċess ta’ monitoraġġ u rapportar, l-operatur għandu jinkludi r-rekwiżiti speċifiċi għas-settur stabbiliti fl-Anness IV.” |
10 |
L-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 601/2012, intitolat “CO2 ttrasferit”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-operatur għandu jnaqqas mill-emissjonijiet tal-installazzjoni kwalunkwe ammont ta’ CO2 li joriġina minn karbonju fossili f’attivitajiet koperti bl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, li ma jiġix rilaxxat mill-installazzjoni, iżda jiġi ttrasferit ’il barra mill-installazzjoni lejn kwalunkwe minn dawn li ġejjin:
Għal kwalunkwe trasferiment ieħor ta’ CO2 ’l barra mill-installazzjoni, ma għandu jiġi permess l-ebda tnaqqis ta’ CO2 mill-emissjonijiet tal-installazzjoni.” |
11 |
L-Anness IV ta’ dan ir-regolament, intitolat “Metodoloġiji ta’ Monitoraġġ speċifiċi għall-attivitajiet relatati ma’ Installazzjonijiet (Artikolu 20(2))”, jinkludi punt 20 stabbilit għall-“[p]roduzzjoni ta’ Rmied tas-Soda u Bikarbonat tas-Sodju kif elenkat fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE”. Taħt it-Titolu B tiegħu, dwar ir-“Regoli Speċifiċi ta’ Monitoraġġ”, dan il-punt jipprevedi b’mod partikolari: “Fejn jintuża d-CO2 mill-produzzjoni tal-irmied tas-soda għall-produzzjoni ta’ bikarbonat tas-sodju, l-ammont ta’ CO2 użat għall-produzzjoni tal-bikarbonat tas-sodju mill-irmied tas-soda għandu jiġi kkunsidrat bħala rilaxxat mill-installazzjoni li tkun qiegħda tipproduċi d-CO2.” |
Id-dritt Ġermaniż
12 |
Skont l-Artikolu 5(1) tal-Gesetz über den Handel mit Berechtigungen zur Emission von Treibhausgasen (il-Liġi dwar l-Iskambji ta’ Drittijiet ta’ Emissjoni ta’ Gassijiet Serra) tal‑21 ta’ Lulju 2011 (BGBl. 2011 I, p. 1475), kif emendata: “L-operatur huwa obbligat li jiddetermina, skont il-parti 2 tal-Anness 2, l-ammont tal-emissjonijiet iġġenerati mill-attività tiegħu matul sena kalendarja u li jirrapporta dan l-ammont lill-awtorità kompetenti qabel il‑31 ta’ Marzu tas-sena sussegwenti.” |
13 |
L-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi, kif emendata, jistabbilixxi: “L-operatur huwa obbligat li jressaq quddiem l-awtorità kompetenti, għal kull perijodu ta’ skambju ta’ kwoti, pjan ta’ monitoraġġ li jikkonċerna d-determinazzjoni u r-rapportar tal-emissjonijiet, skont l-Artikolu 5(1). […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14 |
Solvay Chemicals topera f’Rheinberg (il-Ġermanja) installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ soda, fejn l-attività tagħha hija suġġetta għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra. Huwa stabbilit li parti mis-CO2 iġġenerat minn din l-installazzjoni hija ttrasferita lejn installazzjoni oħra għall-produzzjoni ta’ KKP, li jfisser li b’hekk dan is-CO2 ma huwiex irrilaxxat fl-atmosfera. |
15 |
Permezz tas-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Jannar 2017, Schaefer Kalk (C‑460/15, EU:C:2017:29), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 601/2012 u tal-punt 10(B) tal-Anness IV ta’ dan ir-regolament huma invalidi, sa fejn jinkludu sistematikament fl-emissjonijiet tal-installazzjoni għall-kalċinazzjoni tal-ġir is-CO2 ittrasferit lejn installazzjoni oħra għall-produzzjoni ta’ karbonat tal-kalċju, kemm jekk dan is-CO2 jiġix irrilaxxat jew le fl-atmosfera. |
16 |
Wara din id-deċiżjoni, Solvay Chemicals, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ modifikat tal-installazzjoni tagħha, talbet, permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Settembru 2017, lid-Deutsche Emissionshandelsstelle (id-Dipartiment Ġermaniż għall-Iskambji ta’ Kwoti ta’ Emissjoni, iktar ’il quddiem id-“DEHSt”) għall-awtorizzazzjoni sabiex ma tirrapportax dwar is-CO2 ittrasferit għall-produzzjoni ta’ KKP minħabba li, peress li huwa marbut kimikament fil-KKP, is-CO2 ma kienx irrilaxxat fl-atmosfera u, għalhekk, ma jikkorrispondix mal-“emissjonijiet” previsti fl-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87. |
17 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2017, id-DEHSt ċaħad dan il-pjan ta’ monitoraġġ modifikat. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fl‑4 ta’ Mejju 2018 wara li ġie ppreżentat ilment. Id-DEHSt fil-fatt qies li l-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Jannar 2017, Schaefer Kalk (C‑460/15, EU:C:2017:29), kienet espressament limitat id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha għar-regola li tinsab fir-Regolament Nru 601/2012 li tirrigwarda l-impossibbiltà li jitnaqqas is-CO2 prodott minn installazzjonijiet ta’ kalċinazzjoni tal-ġir u ttrasferit għall-produzzjoni ta’ KKP. Barra minn hekk, dan qies li, avolja kien probabbli li d-dispożizzjoni simili tar-Regolament Nru 601/2012 dwar il-produzzjoni ta’ soda, jiġifieri l-punt 20 tal-Anness IV ta’ dan ir-regolament, kienet invalida wkoll, huwa ma kellux is-setgħa, bħala awtorità amministrattiva, li ma japplikax dispożizzjoni legali tal-Unjoni. |
18 |
Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat fis‑17 ta’ Mejju 2018 quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), Solvay Chemicals ikkontestat id-deċiżjoni tad-DEHSt. |
19 |
Peress li kellha dubji rigward il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 601/2012, din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
20 |
Preliminarjament, hemm lok li jiġi ppreċiżat li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 601/2012 u tal-punt 20 tal-Anness IV tiegħu, is-CO2 prodott minn installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ soda u ttrasferit, bħal fil-kawża prinċipali, lejn installazzjoni oħra għall-produzzjoni ta’ KKP jitqies bħala emissjoni tal-ewwel installazzjoni. |
21 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn, billi inkludiet sistematikament fl-emissjonijiet tal-installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ soda s-CO2 ittrasferit għall-produzzjoni ta’ KKP, kemm jekk dan is-CO2 jiġix irrilaxxat jew le fl-atmosfera, dawn imorru lil hinn mid-definizzjoni tal-emissjonijiet kif adottata fl-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87. |
22 |
Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta domanda magħmula b’mod preliminari tkun identika għal domanda li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà ddeċidiet, meta r-risposta għal tali domanda tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari magħmula ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li tinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat. |
23 |
Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
24 |
Għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 601/2012 ġie adottat skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/87, li jgħid li l-Kummissjoni għandha tadotta regolament relatat b’mod partikolari mal-monitoraġġ u mar-rapportar tal-emissjonijiet, fejn din il-miżura hija intiża sabiex tbiddel elementi mhux essenzjali tal-imsemmija direttiva billi tikkompletaha. Konsegwentement, l-evalwazzjoni, f’dan il-każ, tal-validità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni ta’ dan ir-regolament twassal sabiex jiġi vverifikat li l-Kummissjoni, meta adottat dawn id-dispożizzjonijiet, ma eċċedietx il-limiti hekk stabbiliti mid-Direttiva 2003/87 (sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2017, Schaefer Kalk,C‑460/15, EU:C:2017:29, punt 27). |
25 |
Skont l-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87, l-“emissjonijiet”, għall-finijiet tagħha, huma mifhuma bħala r-rilaxx ta’ gassijiet serra fl-atmosfera minn sorsi li jinsabu ġewwa installazzjoni. Għalhekk, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li emissjoni fis-sens tagħha jippreżumi r-rilaxx ta’ gass serra fl-atmosfera (sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2017, Schaefer Kalk,C‑460/15, EU:C:2017:29, punt 32). |
26 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li huwa minnu li l-Artikolu 12(3a) tad-Direttiva 2003/87 jipprevdi li ma humiex suġġetti għall-obbligi ta’ ċediment tal-kwoti, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-emissjonijiet li huma maqbuda u ttrasportati għall-ħażna ġeoloġika permanenti tagħhom lejn installazzjoni li għaliha permess ikun fis-seħħ konformement mad-Direttiva 2009/31. Madankollu, dan ma jfissirx li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li l-operaturi huma eżentati mill-obbligu ta’ ċediment fil-każ biss ta’ ħażna ġeoloġika permanenti (sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2017, Schaefer Kalk,C‑460/15, EU:C:2017:29, punti 33 u 34). |
27 |
Fil-fatt, bid-differenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 601/2012, li jipprevedi li, għat-tipi l-oħra kollha ta’ trasferiment ta’ CO2, l-emissjonijiet tal-installazzjoni ma jistgħu jkunu suġġetti għal ebda tnaqqis ta’ CO2, l-Artikolu 12(3a) tad-Direttiva 2003/87 ma jinkludix regola simili (sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2017, Schaefer Kalk,C‑460/15, EU:C:2017:29, punt 35). |
28 |
Din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li fil-fatt hija intiża għal sitwazzjoni speċifika waħda biss, u li għandha bħala għan li tiffavorixxi l-ħażna ta’ gassijiet serra, la kellha bħala għan u lanqas bħala effett li tbiddel id-definizzjoni tal-“emissjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87, u lanqas, konsegwentement, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva kif ġie stabbilit fl-Artikolu 2(1) tagħha (sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2017, Schaefer Kalk,C‑460/15, EU:C:2017:29, punt 36). |
29 |
Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk is-CO2 li jirriżulta mill-attività ta’ produzzjoni ta’ soda, minn installazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87, konformement mal-Artikolu 2(1) u mal-Annessi I u II tagħha, hemm lok li jiġi vverifikat jekk tali produzzjoni twassalx għal rilaxx ta’ dan is-CO2 fl-atmosfera (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2017, Schaefer Kalk,C‑460/15, EU:C:2017:29, punt 37). |
30 |
Mill-punti ta’ informazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha jirriżulta li s-CO2 użat għall-produzzjoni ta’ KKP huwa kimikament marbut ma’ dan il-prodott stabbli. Barra minn hekk, l-attivitajiet ta’ produzzjoni ta’ KKP ma humiex fost dawk li, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/87 u tal-Anness I tagħha, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
31 |
Kif jirriżulta mill-punt 39 tas-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2017, Schaefer Kalk, (C‑460/15, EU:C:2017:29), f’sitwazzjoni fejn is-CO2 prodott minn installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ ġir huwa ttrasferit lejn installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ KKP, jidher li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 601/2012 u tal-punt 10(B) tal-Anness IV tiegħu, is-CO2 ittrasferit kollu, kemm jekk parti minnu tiġix irrilaxxata jew le fl-atmosfera, matul it-trasport tiegħu, jew minħabba tnixxija, jew minħabba l-proċess ta’ produzzjoni stess, jitqies bħala li ġie rrilaxxat mill-installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ ġir li fiha kien ġie prodott dan is-CO2, minkejja li dan it-trasferiment ma jista’ jipprovoka ebda rilaxx ta’ CO2 fl-atmosfera. B’hekk, dawn id-dispożizzjonijiet joħolqu preżunzjoni iuris et de iure ta’ rilaxx fl-atmosfera tas-CO2 ittrasferit kollu. |
32 |
Bl-istess mod, f’sitwazzjoni fejn is-CO2 prodott minn installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ soda huwa ttrasferit lejn installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ KKP, l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 601/2012 u tal-punt 20(B) tal-Anness IV tiegħu, toħloq preżunzjoni iuris et de iure ta’ rilaxx fl-atmosfera tas-CO2 ittrasferit kollu. |
33 |
Dawn id-dispożizzjonijiet iwasslu għalhekk li s-CO2 ittrasferit f’tali ċirkustanzi jitqies bħala li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “emissjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87, minkejja li ma jkunx, fil-każijiet kollha, irrilaxxat fl-atmosfera. Billi adottat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 601/2012 u tal-punt 20(B) tal-Anness IV tiegħu, il-Kummissjoni għalhekk estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2017, Schaefer Kalk,C‑460/15, EU:C:2017:29, punt 40). |
34 |
B’konsegwenza ta’ din il-preżunzjoni, l-operaturi kkonċernati ma jistgħu jnaqqsu f’ebda każ mill-emissjonijiet totali tal-installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ soda tagħhom il-kwantità ta’ CO2 ittrasferit għall-produzzjoni ta’ KKP, minkejja li dan is-CO2 ma huwiex, fil-każijiet kollha, irrilaxxat fl-atmosfera. Tali impossibbiltà timplika li l-kwoti għandhom jiġu ċeduti għas-CO2 kollu ttrasferit għall-produzzoni ta’ KKP u ma jistgħux jinbiegħu iktar bħala eċċess, li jqajjem dubju dwar l-iskema għall-iskambji ta’ kwoti, f’sitwazzjoni li għaldaqstant tissodisfa l-għan finali tad-Direttiva 2003/87 li huwa intiż għall-protezzjoni tal-ambjent permezz ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2017, Schaefer Kalk,C‑460/15, EU:C:2017:29, punt 41). |
35 |
Minn dan kollu jirriżulta li l-Kummissjoni, billi bidlet element essenzjali tad-Direttiva 2003/87 billi adottat id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 601/2012 u tal-punt 20(B) tal-Anness IV tiegħu, eċċediet il-limiti stabbiliti mill-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva (ara, b’anoloġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2017, Schaefer Kalk,C‑460/15, EU:C:2017:29, punt 48). |
36 |
Konsegwentement, hemm lok li d-domandi magħmula jiġu risposti li d-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 601/2012 u tal-punt 20(B) tal-Anness IV ta’ dan ir-regolament, sa fejn jinkludu sistematikament fl-emissjonijiet tal-installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ soda s-CO2 ittrasferit lejn installazzjoni oħra għall-produzzjoni ta’ KKP, kemm jekk dan is-CO2 jiġix irrilaxxat jew le fl-atmosfera, huma invalidi. |
Fuq l-ispejjeż
37 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tordna: |
Id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 tal‑21 ta’ Ġunju 2012 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u tal-punt 20(B) tal-Anness IV ta’ dan ir-regolament, sa fejn dawn jinkludu sistematikament fl-emissjonijiet tal-installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ soda d-dijossidu tal-karbonju (CO2) ittrasferit lejn installazzjoni oħra għall-produzzjoni ta’ karbonat tal-kalċju preċipitat, kemm jekk dan id-dijossidu tal-karbonju jiġix irrilaxxat jew le fl-atmosfera, huma invalidi. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż.