DIGRIET TAL-IMĦALLEF GĦAL MIŻURI PROVVIŻORJI

22 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Appell – Digriet għal miżuri provviżorji – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli lil ċerti klabbs tal-futbol – Garanzija mogħtija minn entità pubblika fil-kuntest ta’ self favur tliet klabbs tal-futbol tal-Komunità awtonoma ta’ Valencia – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Ordni ta’ rkupru – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Urġenza – Motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża C‑334/18 P(R),

li għandha bħala suġġett appell skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2018,

Hércules Club de Fútbol SAD stabbilita f’Alicante (Spanja), irrappreżentata minn Y. Martínez Mata u S. Rating, abogados,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-proċedura li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky, u G. Luengo kif ukoll minn P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Renju ta’ Spanja

intervenjenti fl-ewwel istanza,

L-IMĦALLEF GĦAL MIŻURI PROVVIŻORJI

wara li sema’ lill-Avukat Ġenerali, G. Hogan,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tal-appell tagħha, Hércules Club de Fútbol SAD (iktar ’il quddiem “Hércules CF”) titlob l-annullament tad-Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-22 ta’ Marzu 2018, Hércules Club de Fútbol vs Il‑Kummissjoni (T‑766/16 R, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2018:170), li bih din tal-aħħar ċaħdet it-talba tagħha sabiex tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/365, tal-4 ta’ Lulju 2016, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36387 (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2013/CP) implimentata minn Spanja għal Valencia Club de Fútbol [SAD], Hércules Club de Fútbol [SAD] u Elche Club de Fútbol [SAD] (ĠU 2017, L 55, p. 12, iktar’ il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

L-appellanti, Hércules CF hija klabb tal-futbol professjonali mwaqqfa f’1922, li evolva fit-tieni diviżjoni B tal-kampjonat Spanjol tal-futbol.

3

Fl-2012 u fl-2013, il-Kummissjoni Ewropea kienet mgħarrfa dwar l-eżistenza ta’ allegata għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Generalitat Valenciana fil-forma ta’ garanziji ta’ self bankarju favur tliet klabbs tal-futbol tal-Komunità awtonoma ta’ Valencia, li tagħha tagħmel parti Hércules CF.

4

Fl-4 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. F’din id-deċiżjoni, hija kkonstatat, essenzjalment, fl-Artikolu 1 tagħha, li r-Renju ta’ Spanja kien ta għajnuna illegali mill-Istat, inkompatibbli mas-suq intern, b’mod partikolari lil Fundacion Hércules Club de Fútbol (iktar ’il quddiem “Fundacion Hércules”), ammont ta’ EUR 6143000, taħt il-garanzija pubblika mogħtija mill-Instituto Valenciano de Finanzas, l-istituzzjoni finanzjarja tal-Generalitat Valenciana, biex tkopri self bankarju lil Fundación Hércules għas-sottoskrizzjoni ta’ ishma f’Hércules CF, fil-kuntest tat-trażazzjoni taż-żieda fil-kapital minn din tal-aħħar. Fl-Artikoli 2 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ordnat lir-Renju ta’ Spanja sabiex tipproċedi għall-irkupru immedjat u effettiv tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni mingħand Hércules CF, inkluż l-imgħax mid-data li fiha l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar, u tikkomunikalha l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

5

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż, essenzjalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

6

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji sabiex tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni tordna l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni quddiemha.

7

Fid-9 ta’ Novembru 2016, il-President tal-Qorti Ġenerali għamel lir-rikorrenti mistoqsijiet għal risposta bil-miktub, li għalihom din tal-aħħar irrispondiet fl-istess jum.

8

Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Novembru 2016, il-President tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 157(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, provviżorjament ta sospensjoni tal-eżekuzzjoni, sal-adozzjoni tad-digriet li temmet il-proċeduri għal miżuri provviżorji.

9

Fil-11 ta’ Diċembru 2017, il-President tal-Qorti Ġenerali stieden lir-rikorrenti “tagħti informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, sostnuta minn provi dokumentarji xierqa, inkluż l-aħħar dikjarazzjoni finanzjarja vverifikata, u kwalunkwe tip ieħor ta’ informazzjoni rilevanti dwar il-bidliet li seħħew wara l-preżentata tat-talba għal miżuri provviżorji”. Ir-rikorrenti ssodisfat din it-talba fil-21 ta’ Diċembru 2017. Fit-18 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni fuq ir-risposti mogħtija mir-rikorrenti.

10

Fit-22 ta’ Marzu 2018, il-President tal-Qorti Ġenerali adotta d-digriet appellat, li permezz tiegħu huwa ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji.

11

Għal dan il-għan, il-President tal-Qorti Ġenerali eżamina fl-ewwel lok jekk il-kundizzjoni dwar l-urġenza hijiex sodisfatta. F’dan ir-rigward, huwa b’mod partikolari fakkar, fil-punt 33 tad-digriet appellat, li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ ta’ talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att tal-Unjoni, l-għoti tal-miżura provviżorja mitluba huwa ġġustifikat biss jekk l-att inkwistjoni jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu gravi u irreparabbli allegat. Huwa żied jgħid, fil-punt 35 tal-imsemmi digriet, li, meta d-dannu invokat ikun ta’ natura finanzjarja, il-miżuri provviżorji mitluba jkunu ġġustifikati jekk jidher li, fl-assenza ta’ dawn il-miżuri, il-parti li qed titlob tkun tinsab f’sitwazzjoni li tista’ tqiegħed fil-perikolu s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha qabel l-intervent tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura dwar il-mertu jew li l-ishma tas-suq tagħha kienu se jinbidlu b’mod sinjifikattiv, fid-dawl, b’mod partikolari, tad-daqs u tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża tagħha kif ukoll, jekk ikun il-każ, tal-karatteristiċi tal-grupp li għalih hija tappartjeni.

12

Mill-punt 41 tad-digriet appellat jirriżulta li, sabiex turi l-urġenza tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba, ir-rikorrenti sostniet, minn naħa, li l-irkupru tal-ammont inkwistjoni jipperikola l-vijabbiltà finanzjarja tagħha li twassal għal-likwidazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-likwidazzjoni tagħha jkollha konsegwenzi ta’ natura mhux pekunarja, peress li hija ma tkunx tista’ iktar tipparteċipa f’kompetizzjonijiet sportivi, b’riperkussjonijiet negattivi kemm għall-organizzaturi tal-kompetizzjonijiet kif ukoll għall-klabbs parteċipanti u li l-għajbien tagħha jwassal għal kunflitti soċjali u telf ekonomiku fir-reġjun.

13

F’dan ir-rigward, il-President tal-Qorti Ġenerali kkonstata, fil-punt 42 tad-digriet appellat, li d-dannu invokat mir-rikorrenti kien ta’ natura pekunjarja.

14

Wara analiżi tal-elementi mressqa mir-rikorrenti, il-President tal-Qorti Ġenerali kkunsidra, essenzjalment, fil-punti 48 sa 53 tad-digriet appellat, li, fid-dawl tal-insuffiċjenza tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti, ma kienx f’pożizzjoni li jivvaluta jekk, għall-finijiet tal-eżami tal-urġenza, huwa seta’ jillimita ruħu li jeżamina s-sitwazzjoni tar-rikorrenti waħedha jew jekk kellu jqis eventwali kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi jew tal-azzjonisti tagħha. Il-President tal-Qorti Ġenerali b’hekk ikkonkluda li, fin-nuqqas għar-rikorrenti li tipproduċi stampa fidila u globali tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, ma setax jikkonkludi l-eżistenza ta’ riskju għall-vijabbiltà finanzjarja tagħha.

15

Il-President tal-Qorti Ġenerali, għalhekk, ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji tar-rikorrenti u annulla d-digriet tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2016.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

16

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata;

li tadotta digriet ta’ sospensjoni inaudita altera parte, skont l-Artikolu 160(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17

Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Ġunju 2018, l-appellanti ressqet talba għal miżuri provviżorji.

18

Peress li l-Viċi President u l-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja huma preklużi, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ġie ddeżinjat fl-4 ta’ Ġunju 2018, sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ mħallef għal miżuri provviżorji, bis-saħħa tal-Artikolu 13 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

19

Fir-risposta tagħha, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni titlob:

li tiċħad l-appell bħala inammissibbli;

li tiċħad l-appell bħala infondat;

li tiċħad it-talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni, bħala prekawzjoni, tad-deċiżjoni kkontestata, inkluża talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni inaudita altera parte, u

li tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

20

Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2018, Hércules Club de Fútbol vs Il‑Kummissjoni (C‑334/18 P(R)-R, mhux ippubblikat, EU:C:2018:548), adottat mingħajr ma jkunu nstemgħu l-partijiet l-oħra fil-proċedura skont l-Artikolu 160(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ġiet ordnata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u din sal-adozzjoni tad-digriet li ser isseħħ l-iktar kmieni bejn dak li jtemm il-proċedura għal miżuri provviżorji u dak li jagħti deċiżjoni dwar dan l-appell.

Fuq talba li tiġi ordnata, inaudita altera parte, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

21

Fl-appell tagħha, ir-rikorrenti talbet li tiġi ordnata, inaudita altera parte, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

22

Bis-saħħa tal-Artikolu 160(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali talba għandha tiġi ppreżentata permezz ta’ att separat, peress li tali att għadu ġie ppreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ġie rrilevat fil-punt 17 ta’ dan id-digriet.

23

Minn dan isegwi li l-imsemmija talba, sa fejn ġiet ifformulata fl-appell, hija inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Jannar 1965, Merlini vs L‑Awtorità Għolja, 108/63, EU:C:1965:4, p. 12, u tas-17 ta’ Ġunju 1965, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, 32/64, EU:C:1965:61, p. 484 kif ukoll id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 2016, ICA Laboratories et vs Il‑Kummissjoni, C‑170/16 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2016:462, punti 21 sa 24).

Fuq l-appell

Fuq l-ammissibbiltà

24

Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-appell li, fil-fehma tagħha, hija intiża sabiex tinkiseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti kkonstatati mill-Qorti Ġenerali.

25

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-President tal-Qorti Ġenerali ppreżuma, b’mod żbaljat, minn naħa, li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ impriża, jittieħdu inkunsiderazzjoni ipotetiċi kontribuzzjonijiet bla ħlas ta’ terzi jew azzjonisti minoritarji u, min-naħa l-oħra, li l-kontribuzzjonijiet ta’ tali persuni f’dan il-każ setgħu jilħqu l-ammont speċifikat fl-ordni ta’ rkupru.

26

Dan il-motiv huwa intiż, essenzjalment, sabiex jikkontesta n-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 49 tad-digriet appellat, li r-rikorrenti x’aktarx li jkun hemm l-għoti ta’ parti terza biex tissodisfa l-obbligi finanzjarji tagħha li tirriżulta mill-ordni ta’ rkupru.

27

Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali hijiex insuffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt li tista’, bħala tali, tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P et C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 67).

28

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-President tal-Qorti Ġenerali kiser id-drittijiet tad-difiża, billi bbaża l-konstatazzjoni tiegħu dwar l-assenza ta’ produzzjoni ta’ stampa fidila u globali tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha dwar l-allegata bidla fl-ishma tar-rikorrenti, li ma kienet bl-ebda mod imqajma fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

29

Issa, eventwali ksur tad-drittijiet tad-difiża quddiem il-Qorti Ġenerali hija kwistjoni ta’ dritt li hija ammissibbli fl-istadju tal-appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il‑Parlament, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 38).

30

Minn dan isegwi li l-appell huwa ammissibbli.

Fuq il-mertu

31

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju

32

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, dirett kontra l-punt 49 tad-digriet appellat, l-appellanti tikkritika lill-President tal-Qorti Ġenerali talli bbaża fuq preżunzjoni doppja l-konklużjoni tiegħu li l-informazzjoni pprovduta minnha ma kienu la kompleti lanqas kredibbli. Fil-fatt, dan tal-aħħar, minn naħa, żbaljatament ippreżuma li jeħtieġ, għall-finijiet li tiġi evalwata s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ impriża, li jittieħdu inkunsiderazzjoni kontribuzzjonijiet ipotetiċi mingħajr ħlas minn terzi jew azzjonisti minoritarji u, b’hekk, jitqies li persuni lesti jagħtu riżorsi limitati lil impriża jikkontrollawha jew jappartjenu għall-istess grupp. Min-naħa l-oħra, l-appellanti ssostni li, anki jekk jiġi preżunt li l-istabbiliment ta’ tali preżunzjoni ma jkunx ivvizzjat minn żball ta’ liġi, il-President tal-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, huwa limitat jassumi li l-kontribuzzjonijiet ta’ dawn il-persuni setgħu jiksbu l-ammont speċifikat fl-ordni ta’ rkupru.

33

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tal-appellanti. Hija tqis li huwa ġust li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni materjali tal-appellanti, ir-riżorsi li għandu b’mod globali l-grupp li għalih din tal-aħħar tappartjeni. Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward ta’ klabb tal-futbol, li mhux biss l-azzjonisti tiegħu iżda wkoll il-membri u s-supporters għandhom interess li l-klabb ikompli l-attivitajiet sportivi tiegħu.

34

Fid-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali b’mod partikolari fakkar, fil-punt 28 tiegħu, minn naħa, li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħra jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-għoti tagħhom ikun iġġustifikat prima facie fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li huma urġenti, fis-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li titlobhom, li dawn ikunu stabbiliti u jipproduċu l-effetti tagħhom qabel id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta. Huwa enfasizza ukoll, fil-punt 38 tad-digriet ikkontestat, li l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jkollu indikazzjonijiet konkreti u preċiżi, sostnuti minn provi dokumentarji dettaljati u ċċertifikati, li juru s-sitwazzjoni li tinsab fiha l-parti li titlob il-miżuri provviżorji u jippermettu li jiġu evalwati l-konsegwenzi li x’aktarx li jirriżultaw mingħajr il-miżuri mitluba, li jimplika bħala prinċipju, tal-imsemmija parti, b’mod partikolari meta hija tinvoka l-okkorrenza ta’ dannu ta’ natura finanzjarja, il-produzzjoni, dokumenti ta’ sostenn, ta’ stampa fidila u globali tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.

35

Sussegwentement, il-President tal-Qorti Ġenerali eżamina jekk il-kundizzjoni dwar l-urġenza hijiex sodisfatta.

36

F’dan ir-rigward, huwa fakkar, fil-punti 44 sa 47 tad-digriet appellat, li, sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni materjali ta’ kumpannija, b’mod partikolari l-vijabbiltà finanzjarja tagħha, għandu jittieħed kont tal-karatteristiċi tal-grupp ta’ kumpanniji li magħhom tintrabat permezz tal-ishma tagħha u, b’mod partikolari, ir-riżorsi li għandu b’mod ġlobali dan il-grupp, li jista’ jwassal lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jqis li l-kundizzjoni relatata mal-urġenza ma hijiex issodisfatta minkejja l-istat ta’ insolvenza prevedibbli tal-kumpannija rikorrenti, meħuda individwalment. Hija b’hekk enfasizzat li n-natura gravi tad-dannu allegat għandha tiġi evalwata fil-livell ta’ grupp kompost minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jikkontrollawh jew li huma membri tiegħu. Il-koinċidenza tal-interessi tal-kumpannija kkonċernata u ta’ dawk il-persuni li jiġġustifikaw li l-interess ta’ din il-kumpannija li tkompli l-attività tagħha ma hijiex evalwata indipendentament mill-interess li għandhom tagħha għall-vijabbiltà tagħha. Huwa żied jgħid li din il-ġurisprudenza tapplika mhux biss għal persuni ġuridiċi, iżda wkoll għall-persuni fiżiċi li jikkontrollaw il-kumpannija kkonċernata.

37

Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza għas-sitwazzjoni materjali tar-rikorrenti, il-President tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 48 u 49 tad-digriet appellat, irrileva dan li ġej:

“48

Issa, minn naħa, jirriżulta mir-risposta [tar-rikorrenti] tal-21 ta’ Diċembru 2017 li investiet f’‘plejers ta’ kwalità’ b’pagi li jaqbżu d-dħul tagħha u li ‘l-President [tar-rikorrenti] intrabat formalment quddiem il-Comisión Delegada ta’ Liga de Fútbol Profesional, fil-21 ta’ Settembru 2017 biex ikopri it-telf irreġistrat minn kontribuzzjonijiet privati’.

49

Minn dan jirriżulta li [ir-rikorrenti] għandha l-kontribuzzjoni ta’ terzi għal impenji li jeċċedu r-riżorsi ekonomiċi proprji tagħha. Dan bilfors iqajjem mistoqsijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, u sa liema punt, [ir-rikorrenti] tista’ tibbenefika minn tali kontribuzzjoni biex tħallas is-somma mitluba mill-[Instituto Valenciano de Finanzas] għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni [kkontestata]. Madankollu, [ir-rikorrenti] tonqos milli tipprovdi informazzjoni f’dan ir-rigward.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

38

Għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali għandhom ikunu suffiċjentement motivati sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li r-raġunament ikun ċar u li jinftiehem u li jkun, barra minn hekk, ta’ natura li jimmotiva l-konklużjoni li huwa intiż li jsostni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 2002, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑232/02 P(R), EU:C:2002:601, punt 56, u digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑426/13 P(R), EU:C:2013:848, punt 66).

39

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita wkoll tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din ma timponix fuq il-Qorti Ġenerali li tipprovdi spjegazzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha mqajma mill-partijiet fit-tilwima, u li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ għalhekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li din tkun tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ġunju 2016, Chemtura Netherlands vs EFSA, C‑134/16 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2016:442, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-każ, kif issostni r-rikorrenti, jirriżulta mill-punt 48 tad-digriet appellat li, fin-nota tagħha tal-21 ta’ Diċembru 2017, hija indikat lill-President tal-Qorti Ġenerali, fuq stedina tiegħu msemmija fil-punt 9 ta’ dan id-digriet, li l-President tiegħu kien impenja ruħu, fid-dawl tal-fatt li l-ammont ta’ pagi ta’ ċerti plejers kien jeċċedi d-dħul tar-rikorrenti, li tkopri d-defiċit irreġistrat f’dan ir-rigward minn kontribuzzjonijiet privati.

41

Jekk, ċertament, kif irrileva, essenzjalment, il-President tal-Qorti Ġenerali fil-punt 49 tad-digriet appellat, din id-dikjarazzjoni tal-President tar-rikorrenti tixhed il-fatt li din tal-aħħar għandha, sa ċertu punt, il-kontribuzzjonijiet ta’ individwi biex tegħleb n-nuqqasijiet ta’ likwidità msemmija f’din id-dikjarazzjoni, hija ma tippermettix, minnha nnifisha u mingħajr ebda raġunijiet oħra f’dan ir-rigward, li jiġi konkluż, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni materjali tar-rikorrenti, li dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom, skont il-ġurisprudenza msemmija mill-President tal-Qorti Ġenerali fil-punti 44 sa 47 tad-digriet appellat u mfakkra fil-punt 36 ta’ dan id-digriet, jiġu kkunsidrati bħala li joriġinaw mill-grupp ta’ kumpanniji li miegħu r-rikorrenti tintrabat permezz tal-ishma tagħha, peress li l-President tal-Qorti Ġenerali enfasizza barra minn hekk espressament f’dan ir-rigward li jikkonċernaw kontribuzzjonijiet ta’ “terzi”.

42

Tali dikjarazzjoni ma tippermettix iktar li, kif irrilevat ġustament ir-rikorrenti, minnha nnifisha u mingħajr ebda raġunijiet oħra f’dan ir-rigward, tibbaża l-konklużjoni li tgħid li tali kontribuzzjonijiet speċjali, limitati għan-nuqqas ta’ likwidità kkawżat mill-ħlas tas-salarji tal-persunal sportiv ta’ klabb li jopera fit-tieni diviżjoni B tal-Lega Spanjola tal-futbol, ikunu jistgħu jilħqu l-ammont speċifikat fl-ordni ta’ rkupru inkwistjoni.

43

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li d-digriet appellat huwa vvizzjat b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

44

Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju tal-appell huwa fondat.

Fuq it-tieni aggravju

45

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, dirett kontra l-punt 50 tad-digriet appellat, l-appellanti ssostni li l-President tal-Qorti Ġenerali kiser id-drittijiet tad-difiża, u bbaża l-konstatazzjonijiet tiegħu dwar l-allegati bidliet tal-ishma tar-rikorrenti fuq informazzjoni li ma tinsabx fil-proċess tal-Qorti Ġenerali u li dwar ir-rilevanza tagħhom il-partijiet ma nstemgħux.

46

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tal-appellanti. Huwa paċifiku li r-rikorrenti ma għaddietx lill-President tal-Qorti Ġenerali l-bidla fl-ishma tagħha. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-element għall-eżaminazzjoni tal-vijabbiltà finanzjarja tar-rikorrenti huwa f’dan ir-rigward nieqes minn rilevanza.

47

Il-prinċipju tal-kontradittorju jifforma parti mid-drittijiet tad-difiża. Huwa japplika għal kull proċedura li tista’ twassal għal deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li taffettwa b’mod sensibbli l-interessi ta’ persuna. Il-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw li jiġi osservat quddiemhom u li josservaw huma stess il-prinċipju tal-kontradittorju (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punti 5051 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li huwa ksur ta’ prinċipju bażiku ta’ dritt li deċiżjoni ġudizzjarja tiġi bbażata fuq fatti u dokumenti li fuqhom il-partijiet, jew xi waħda minnhom, ma setgħux jadottaw pożizzjoni dwarhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan il-każ, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni, mill-President tal-Qorti Ġenerali, ta’ tibdil possibbli fil-kompożizzjoni tal-ishma tar-rikorrenti, il-punti 50 sa 52 tad-digriet appellat jistabbilixxu dan li ġej:

“50

Min-naħa l-oħra, jidher li bidliet fl-ishma [tar-rikorrenti] seħħew qabel ir-risposta [tar-rikorrenti] tal-21 ta’ Diċembru 2017. Madankollu, minkejja l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, adottata mill-President tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Diċembru 2017, li tgħid li [r-rikorrenti] kellha tipprovdi ‘kwalunkwe tip ieħor ta’ informazzjoni rilevanti dwar il-bidliet li seħħew wara t-tressiq tat-talba għal miżuri provviżorji’, [ir-rikorrenti] ma pprovdiet l-ebda informazzjoni dwar din it-tranżazzjoni.

51

Din l-informazzjoni kienet iktar u iktar neċessarja minħabba l-fatt li [r-rikorrenti] kienet taf il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 44 sa 47 [tad-digriet appellat] u li jirriżulta mill-punt 73 tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji li [hija] sostniet li hija ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, fir-rigward tal-assenza ta’ ‘azzjonist maġġoritarju li għalih tista’ tiġi applikata l-ġurisprudenza dwar ir-rikorsi minn terzi li jistgħu jikkontestaw l-urġenza’. F’dan ir-rigward, [ir-rikorrenti] speċifikat fit-talba tagħha għal miżuri provviżorji li kien jirriżulta mil-lista tal-azzjonisti attwali tagħha li ‘l-azzjonist ewlieni tibqa’ Fundacion Hércules, li l-assenza ta’ riżorsi tagħha ġiet ikkonfermata mill-Kummissjoni’.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-insuffiċjenza tal-informazzjoni mogħtija mir-[rikorrenti], il-President tal-Qorti Ġenerali ma huwiex f’pożizzjoni li jevalwa jekk, għall-finijiet tal-eżaminazzjoni ta’ urġenza, jista’ jillimita ruħu li jeżamina is-sitwazzjoni [tar-rikorrenti meħuda] waħedha jew għandu jqis eventwali kontribuzzjoni tal-azzjonisti li tista’ tibbenefika minnha [ir-rikorrenti].”

50

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-punt 50 tad-digriet appellat, u b’mod partikolari mill-użu tal-kliem “jidher”, li l-President tal-Qorti Ġenerali bbaża il-konstatazzjoni tiegħu dwar l-allegati bidliet tal-ishma tar-rikorrenti fuq elementi li ma jinsabux fil-proċess tal-Qorti Ġenerali, peress li l-Kummissjoni indikat f’dan ir-rigward li, fir-risposta tagħha, din il-bidla minn azzjonist kienet ġiet “imsemmija fl-istampa tal-mument”.

51

Barra minn hekk, huwa paċifiku li, minkejja l-fatt li fuq dawn l-elementi ġiet ibbażata l-konklużjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali li tgħid li r-rikorrenti ma pproduċietx stampa fidila u globali tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, il-partijiet ma kinux f’pożizzjoni li jieħdu pożizzjoni fuq ir-realtà u r-rilevanza ta’ dawn l-elementi, bi ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

52

Minn dan isegwi li t-tieni aggravju huwa fondat.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi annullat id-digriet appellat.

Fuq it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni

54

Bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tagħti deċiżjoni. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għall-appelli ppreżentati skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 ta’ dan l-Istatut (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, C‑35/15 P(R), EU:C:2015:275, punt 59, u digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 2016, EMA vs Pari Pharma, C‑406/16 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2016:775, punt 49).

55

Billi l-kawża ma kinitx fi stat li tiġi deċiża, din għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi, konformement mal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Għal dawn il-motivi, l-imħallef għal miżuri provviżorji jordna:

 

1)

Id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-22 ta’ Marzu 2018, Hércules Club de Fútbol vs Il‑Kummissjoni (T-766/16 R, mhux ippubblikat, EU:T:2018:170), huwa annullat.

 

2)

Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.