DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Jannar 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Fil-Kawża C‑169/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Marzu 2018, fil-proċedura

Atif Mahmood,

Shabina Atif,

Mohammed Ahsan,

Mohammed Haroon,

Nik Bibi Haroon,

Noor Habib et

vs

Minister for Justice, Equality and Law Reform,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President, A. Rosas, L. Bay Larsen, u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. Mahmood u S. Atif, minn U. O’Brien u C. Sinnott, solicitors, C. O’Dwyer, SC, kif ukoll minn D. Leonard, BL,

għal M. Ahsan, minn U. O’Brien u C. Sinnott, solicitors, C. O’Dwyer, SC, kif ukoll minn S. Michael Haynes, barrister,

għal M. Haroon u N. B. Haroon, minn S. Kirwan, solicitor, M. Lynn, SC, kif ukoll minn A. Lowry, BL,

għal N. Habib, minn E. Larney, solicitor, kif ukoll minn M. Lynn, SC, A. Lowry, BL,

għall-Irlanda, minn M. Browne u G. Hodge kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn M. Collins, SC, u minn S. Kingston, BL,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon u R. Fadoju, bħala aġenti, assistiti minn D. Blundell, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Tomkin u E. Montaguti, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Atif Mahmood, Shabina Atif, Mohammed Ahsan, Mohammed Haroon, Nik Bibi Haroon u Noor Habib et u, min-naħa l-oħra, il-Minister for Justice, Equality and Law Reform (il-Ministru tal-Ġustizzja, tal-Ugwaljanza u tar-Riforma tad-Dritt, l-Irlanda, iktar ’il quddiem il-“Ministru”), dwar it-terminu għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża mressqa mill-membri tal-familja ta’ A. Mahmood, M. Ahsan, M. Haroon u N. Habib.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

3

A. Mahmood, M. Ahsan, M. Haroon u N. Habib, ċittadini tar-Renju Unit, ippreżentaw, rispettivament fit-16 ta’ Novembru 2015, fit-18 ta’ Marzu 2016, fil-21 ta’ Diċembru 2015 u fis-16 ta’ Diċembru 2015, azzjoni quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) kontra l-Ministru, minħabba l-allegat dewmien fl-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal viża ta’ dħul fl-Irlanda għall-membri tal-familji tagħhom, ċittadini ta’ stati terzi, jiġifieri r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan.

4

Billi l-High Court (il-Qorti Għolja) laqgħet l-imsemmija azzjonijiet, il-Ministru ressaq appelli quddiem il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), li ddeċidiet li tiġborhom flimkien sabiex jiġu ttrattati flimkien.

5

A. Mahmood huwa ċittadin tar-Renju Unit residenti abitwali fir-Renju Unit u miżżewweġ mis-sena 2013 lil ċittadina Pakistana, S. Atif. Bl-intenzjoni li jivvjaġġa lejn l-Irlanda ma’ martu, A. Mahmood talab għaliha, fit-9 ta’ Lulju 2015, viża tad-dħul mill-Konsulat tal-Irlanda f’Karachi (il-Pakistan). It-tnejn li huma jgħixu fil-Pakistan, sakemm din l-applikazzjoni tiġi konkluża.

6

M. Ahsan huwa ċittadin tar-Renju Unit li ilu jaħdem fl-Irlanda mix-xahar ta’ Mejju 2015. Matul ix-xahar ta’ Ġunju 2012, huwa żżewweġ, fil-Pakistan, lil Malaika Gulshan, ċittadina Pakistana, li magħha kellu tifel. Fis-7 ta’ Awwissu 2015, M. Gulshan ressqet applikazzjoni għal viża tad-dħul fl-Irlanda għaliha nnifisha u għal binha quddiem ċentru ta’ eżami f’Lahore (il-Pakistan).

7

M. Haroon huwa ċittadin tar-Renju Unit li jopera impriża ta’ fast food fl-Irlanda u ilu miżżewweġ lil N. B. Haroon, ċittadina Afgana, mis-sena 2013. Fl-4 ta’ Ġunju 2015, din tal-aħħar ressqet fl-Irlanda, permezz tal-avukati tagħha, applikazzjoni għal viża tad-dħul f’dan l-Istat Membru sabiex tingħaqad ma’ żewġha.

8

N. Habib huwa ċittadin tar-Renju Unit, stabbilit fl-Irlanda minn Frar 2015 bħala ħaddiem indipendenti. Imwieled fl-Afganistan fl-1968, huwa żżewweġ lill-ewwel konjuġi tiegħu fl-1990 u kellu tlett itfal minn dan iż-żwieġ. Matul ix-xahar ta’ Ġunju 2015, applikazzjoni għal viża tad-dħul ġiet ippreżentata għal ommu fl-Uffiċċju tal-Viża tal-Irlanda f’Abu Dhabi (l-Emirati Għarab Magħquda), u applikazzjonijiet għal viża tad-dħul għaż-żewġ uliedu u erba’ neputijiet tiegħu ġew ippreżentati fl-Irlanda mir-rappreżentant legali tagħhom.

9

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li t-termini għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal viża inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu ksur tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38.

10

Min-naħa l-oħra, skont il-Ministru, qabelxejn, it-terminu għall-ipproċessar ta’ dawn applikazzjonijiet għal viża ma huwiex irraġonevoli sa fejn huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li jitwettqu verifiki u kontrolli għall-preżenza ta’ frodi, abbuż ta’ dritt jew każijiet ta’ żwiġijiet ta’ konvenjenza. F’dan ir-rigward, il-Ministru jenfasizza l-eżistenza, fl-Irlanda u fir-Renju Unit, ta’ netwerks kriminali li jiffaċilitaw żwiġijiet ta’ konvenjenza kif ukoll impriżi li joperaw bi qligħ li jiffaċilitaw id-dħul fl-Irlanda ta’ ċittadini tal-Unjoni biss bl-għan artifiċjali li jiġi stabbilit obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni.

11

Sussegwentement, il-Ministru jqis li l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex irraġonevoli sa fejn huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li jitwettqu kontrolli fil-fond ta’ sigurtà sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ theddida ta’ attakk terroristiku meta dawn il-persuni kkonċernati jkunu ġejjin minn Stati terzi li joħolqu tħassib speċifiku bħalma huwa l-każ fil-każ ineżami.

12

Finalment, il-Ministru jiġbed l-attenzjoni għaż-żieda qawwija ta’ applikazzjonijiet għal viża ppreżentati mill-konjuġi ta’ ċittadini tal-Unjoni stabbiliti f’dawn l-Istati terzi. Dan l-ammont żdied b’1 417 % matul il-perijodu li jkopri s-snin 2013 sa 2015 u l-għadd ta’ applikazzjonijiet żdied minn 663 fis-sena 2013 għal 10062 fl-2015. Din iż-żieda imprevedibbli tiġġustifika, għall-Ministru, estensjoni tat-terminu għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża.

13

Barra minn hekk, il-Ministru jsostni li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistgħux jinvokaw l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38 sakemm il-verifiki u l-kontrolli ma twettqux. Skont dan tal-aħħar, l-applikant għal viża għal membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ relazzjoni awtentika li tippermetti lill-membru tal-familja ċittadin ta’ Stat terz li jikseb dritt ta’ residenza qabel ma jkun jista’ jinvoka din id-dispożizzjoni.

14

Il-qorti tar-rinviju tqis li dan l-argument ta’ difiża għandu jiġi miċħud, billi l-kwistjoni vera hija dik dwar jekk dewmien fl-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal viża tad-dħul bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix ksur tal-imsemmija dispożizzjoni u jekk dan jistax jiġi ġġustifikat permezz taċ-ċirkustanzi invokati.

15

Skont il-qorti tar-rinviju, dewmien li jilħaq sentejn fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal-viża tad-dħul jikkostitwixxi, bħala prinċipju, ksur tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38. Barra min hekk, hija tiddubita jekk tali dewmien jistax jiġi ġġustifikat mir-raġunijiet imressqa mill-Ministru, billi tqis li, kieku dan kien il-każ, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien jipprovdi espressament għal dan f’din id-direttiva.

16

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tinnota li hemm fil-preżent madwar 7300 applikazzjoni għal viża tad-dħul pendenti quddiem il-Ministru u li l-eżitu tal-kawża li għandha quddiemha se jkollu impatt fuq kull waħda minnhom.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Suġġett għall-ġustifikazzjonijiet potenzjali deskritti fit-tieni, fit-tielet u fir-raba’ domanda, Stat Membru jikser ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva [2004/38] li jgħid li l-viża għandha tinħareġ kemm jista’ jkun malajr lill-konjuġi u lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita d-drittijiet ta’ moviment liberu fl-Istat Membru inkwistjoni jew li jkollu l-intenzjoni li jeżerċita tali drittijiet, meta d-dewmien fl-ipproċessar ta’ din l-applikazzjoni jeċċedi tnax-il xahar jew iktar?

2)

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel domanda, dewmien fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal viża skont dan l-Artikolu 5(2), jew b’mod iktar ġenerali fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar tali applikazzjoni, minħabba li għandu jiġi żgurat b’mod partikolari permezz ta’ verifiki tal-isfond li din l-applikazzjoni ma hijiex qarrieqa jew abbuż ta’ dritt, inkluż li ż-żwieġ [ma huwiex] żwieġ ta’ konvenjenza, huwa [ġġustifikat], kemm jekk skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva [2004/38] kif ukoll jekk skont xi dispożizzjoni oħra, u b’hekk ma jiksirx l-Artikolu 5(2) [ta’ din id-direttiva]?

3)

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel domanda, dewmien fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal viża skont l-imsemmi Artikolu 5(2), jew fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar tali applikazzjoni, minħabba li għandu jiġi żgurat li jsiru verifiki fil-fond tal-isfond u verifiki ta’ sigurtà fuq persuni ġejjin minn ċerti pajjiżi terzi, minħabba tħassib speċifiku dwar is-sigurtà fil-każ ta’ vjaġġaturi ġejjin minn dawn il-pajjiżi terzi, huwa ġġustifikat, kemm jekk skont l-Artikolu 27 jew l-Artikolu 35 tad-Direttiva [2004/38] kif ukoll jekk skont xi dispożizzjoni oħra, u b’hekk ma jiksirx l-Artikolu 5(2) [ta’ din id-direttiva]?

4)

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel domanda, dewmien fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal viża skont l-imsemmi Artikolu 5(2), jew fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar tali applikazzjoni, li jirriżulta minn influss f’daqqa u mhux antiċipat ta’ applikazzjoni bħal dawn minn ċerti pajjiżi terzi meqjusa li huma ta’ tħassib ta’ theddida reali għas-sigurtà, huwa ġġustifikat, u b’hekk ma jiksirx l-Artikolu 5(2) [tad-Direttiva 2004/38]?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18

Fl-istadju tal-proċedura bil-miktub, l-Irlanda osservat li l-applikazzjonijiet għal viża inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu s-suġġett ta’ deċiżjonijiet ta’ rifjut matul ix-xahar ta’ Marzu 2017. L-appelli mressqa minn dawn id-deċiżjonijiet ġew miċħuda, rispettivament, fix-xahar ta’ Lulju 2017 fir-rigward tal-konjuġi ta’ A. Mahmood, fix-xahar ta’ Diċembru 2017 fir-rigward tal-konjuġi u l-wild ta’ M. Ahsan, fix-xahar ta’ Frar 2018 fir-rigward tal-konjuġi ta’ M. Haroon u fix-xahar ta’ Jannar 2018 fir-rigward tal-omm, iż-żewġt ulied u l-erba’ neputijiet ta’ N. Habib.

19

Wara din l-informazzjoni, skont l-Artikolu 101(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja stieden, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Ottubru 2018, lill-qorti tar-rinviju tindika lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-proċedura fil-kawża prinċipali tilfitx l-iskop tagħha jew jekk ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għadhiex meħtieġa għas-soluzzjoni tal-kawża pendenti quddiemha.

20

Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Ottubru 2018, il-qorti tar-rinviju rrispondiet li, minkejja li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, madankollu, hija xtaqet iżżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari sa fejn tali risposta jkollha implikazzjonijiet fuq eluf ta’ każijiet pendenti.

Fuq ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari

21

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima li huma jkunu mitluba jsolvu (digriet tal-15 ta’ Novembru 2017, Aranyosi, C‑496/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:866, punt 22).

22

Kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari teħtieġ li effettivament ikun hemm tilwima pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma jkunu msejħa jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni id-deċiżjoni preliminari (digriet tat-3 ta’ Marzu 2016, Euro Bank, C‑537/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:143, punt 32).

23

Fil-fatt, il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ kawża (digriet tat-3 ta’ Marzu 2016, Euro Bank, C‑537/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:143, punt 33).

24

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-allegat dewmien tal-Ministru fl-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal viża inkwistjoni u li dan tal-aħħar jiġi ordnat jagħti deċiżjoni dwar dawn it-talbiet.

25

Issa, peress li l-applikazzjonijiet għall-viża inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu s-suġġett ta’ deċiżjonijiet ta’ rifjut li ġew ikkontestati permezz ta’ rimedji ġudizzjarji li ma ntlaqgħux u peress li l-qorti tar-rinviju ppreċiżat li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tkun ta’ vantaġġ għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta mill-punti 18 u 20 ta’ dan id-digriet, il-kawża prinċipali saret mingħajr skop u, konsegwentement, jidher li risposta għad-domandi magħmula ma għadhiex iktar meħtieġa.

26

B’hekk, anki fl-assenza ta’ rtirar tat-talba għal deċiżjoni preliminari mill-qorti tar-rinviju, li tagħha huwa l-kompitu, bħala prinċipju, li tislet il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ viża u, b’mod partikolari, li tikkonkludi jekk għandhiex iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, jew temendaha, jew tirtiraha, għandu jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq l-imsemmija talba (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-24 ta’ Marzu 2009, Nationale Loterij, C‑525/06, EU:C:2009:179, punt 11).

Fuq l-ispejjeż

27

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tordna:

 

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2018, fil-Kawża C‑169/18.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.