8.4.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 131/20 |
Appell ippreżentat fil-5 ta’ Diċembru 2018 minn Wallapop, S.L. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-3 ta’Ottubru 2018 fil-Kawża T-186/17 — Unipreus vs EUIPO — Wallapop (wallapop)
(Kawża C-763/18 P)
(2019/C 131/25)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: Wallapop, S.L. (rappreżentanti: D. Sarmiento Ramírez-Escudero u N. Porxas Roig, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea u Unipreus, S.L.
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
— |
tannulla s-sentenza, għar-raġunijiet esposti fl-aggravju uniku, billi tiddikjara li s-servizzi kkontestati ma jixxibhux. |
— |
tikkundanna lill-Unipreus għall-ispejjeż sostnuti minn Wallapop kemm fil-kuntest tal-proċeduri fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ din il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Wallapop, S.L. tappella mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-3 ta’ Ottubru 2018, mogħtija fil-Kawża T-186/17 (1), fir-rigward ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni mibdija mill-kumpannija Unipreus, S.L. kontra l-applikazzjoni min-naħa ta’ Wallapop, S.L. għar-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea Nru 13 268 941.
L-appell huwa bbażat fuq aggravju uniku li permezz tiegħu qiegħed jiġi allegat il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (2) [li issa sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea] u tal-ġurisprudenza li tinterpreta l-evalwazzjoni ta’ xebh bejn is-servizzi.
B’mod partikolari, l-appellanti tibbaża l-aggravju uniku fuq l-applikazzjoni żbaljata, mill-Qorti Ġenerali, tal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza għad-determinazzjoni tax-xebh fl-applikazzjoni bejn trade marks; essenzjalment, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ kummerċjalizzazzjoni u s-servizzi li normalment jipprovdi suq online fid-dawl tat-tifsira legali u ġurisprudenzjali tiegħu; jiġifieri, servizzi ta’ intermedjazzjoni u mhux servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni jew servizzi simili.
Il-Qorti Ġenerali kompliet b’din l-evalwazzjoni żbaljata fil-kuntest tal-analiżi tax-xebh bejn is-servizzi inkwistjoni li hija wettqet fis-sentenza tagħha bl-applikazzjoni tal-kriterji ġurisprudenzjali stabbiliti għal dan il-għan (bħan-natura, il-kanali ta’ distribuzzjoni, l-użu intenzjonat u l-perċezzjoni, jew il-kompetizzjoni u l-kumplimentarjetà bejn is-servizzi).
(1) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2018, Unipreus vs EUIPO — Wallapop (wallapop) (T-186/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:640)