28.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 252/3


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juge d’instruction du tribunal de grande instance de Paris (Franza) fid-29 ta’ Ottubru 2018 – Proċeduri kriminali kontra Y

(Kawża C-691/18)

(2021/C 252/03)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Juge d’instruction du tribunal de grande instance de Paris

Parti fil-proċeduri kriminali nazzjonali

Y

fil-preżenza ta’: BT, Consommation, logement et cadre de vie (CLCV), Générations futures, Greenpeace France, CU, Union fédérale des consommateurs – Que choisir (UFC – Que choisir)

B’digriet tas-6 ta’ Mejju 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) iddeċidiet:

1)

Il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “element tad-disinn”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, software integrat fil-kompjuter li jikkontrolla l-magna jew li jaġixxi fuqha, meta dan jaġixxi fuq il-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet u meta dan inaqqas l-effettività tagħha.

2)

Il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li jidħlu fil-kunċett ta’ “sistema għall-kontroll tal-emissjonijiet”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kemm it-teknoloġiji u l-istrateġija msejħa “ta’ trattament sussegwenti tal-gass tal-exhaust”, li jnaqqsu l-emissjonijiet downstream, jiġifieri wara l-formazzjoni tagħhom, kif ukoll dawk li, bħas-sistema ta’ riċiklaġġ tal-gass tal-exhaust, inaqqsu l-emissjonijiet upstream, jiġifieri waqt il-formazzjoni tagħhom.

3)

Il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “tagħmir ta’ riduzzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, dispożittiv li jidentifika kull parametru marbut mal-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni stabbiliti minn dan ir-regolament, għall-finijiet li jtejjeb il-prestazzjoni, matul dawn il-proċeduri, tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet, u b’hekk li tinkiseb iċ-ċertifikazzjoni tal-vettura, anki jekk tali titjib jista’ jiġi osservat ukoll, b’mod speċifiku, f’kundizzjonijiet ta’ użu normali tal-vettura.

4)

L-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li tagħmir ta’ riduzzjoni li jtejjeb sistematikament, waqt il-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni, il-prestazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tal-vetturi għall-finijiet li jiġu osservati l-limiti ta’ emissjonijiet iffissati minn dan ir-regolament, u b’hekk li tinkiseb iċ-ċertifikazzjoni ta’ dawn il-vetturi, ma jistax jaqa’ taħt l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ tali tagħmir prevista f’din id-dispożizzjoni, relattiva għall-protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura, anki jekk dan it-tagħmir jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tat-tqaddim jew li tinstadd il-magna.


(1)  ĠU 2007, L 171, p. 1.