22.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 381/14


Appell ippreżentat fis-26 ta’ Lulju 2018 minn Inge Barnett mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fis-16 ta’ Mejju 2018 fil-Kawża T-23/17, Barnett vs Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)

(Kawża C-503/18 P)

(2018/C 381/15)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Inge Barnett (rappreżentanti: S. Orlandi, T. Martin, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 2018, Barnett vs KESE, T-23/17, EU:T:2018:271;

tannulla d-deċiżjoni tal-KESE tal-21 ta’ Marzu 2016, meħudha b’eżekuzzjoni tas-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2015, Barnett vs KESE, F-20/14, EU:F:2015:107;

tikkundanna lill-KESE għall-ispejjeż.

Sussidjarjament:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 2018, Barnett vs KESE, T-23/17, EU:T:2018:271;

tannulla d-deċiżjoni tal-KESE tal-21 ta’ Marzu 2016, meħudha b’eżekuzzjoni tas-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2015, Barnett vs KESE, F-20/14, EU:F:2015:107;

tikkundanna lill-KESE tħallas lill-appellanti l-ammont ta’ EUR 207 994,14 għad-dannu materjali mġarrab, flimkien mal-interessi moratorji kkalkolati mid-data tal-iskadenza tal-ammonti dovuti, bir-rata stabbilita mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, miżjuda bi tliet punt u nofs, kif ukoll ammont ta’ EUR 25 000 għad-dannu morali mġarrab.

tikkundanna lill-KESE għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi billi qieset li l-KESE seta’, b’eżekuzzjoni tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jillimita ruħu għall-eżami mill-ġdid tal-kandidatura tal-appellanti fid-dawl ta’ allegat interess tas-servizz li ġie identifikat tliet snin wara l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tagħha u li ma kienx magħruf mill-partijiet sal-20 ta’ Marzu 2016. Dan l-allegat interess tas-servizz, li jelimina lir-rikorrenti mil-lista tal-benefiċjarji peress li hija indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tas-servizz, ma għandu l-ebda rabta mad-DĠI tal-KESE applikabbli. Barra minn hekk, dan il-preżunt interess tas-servizz ġie invokat mingħajr konsultazzjoni mal-Kumitat Konġunt. Dan il-korp konġunt kien madankollu indika fl-2013 li fil-każ ta’ rinunzja ta’ wieħed miż-żewġ benefiċjarji tal-miżura, jiġi ssuġġerit li dan il-vantaġġ jingħata lill-appellanti, fid-dawl tal-interess tas-servizz.

L-appellanti ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali kisret l-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Fl-aħħar nett, is-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi fis-sens li l-Qorti Ġenerali qieset li, minkejja t-tħassir tal-bażi legali neċessarja għall-adozzjoni tad-deċiżjoni appellata, il-KESE baqa’ kompetenti sabiex jadotta deċiżjoni bħala tweġiba għall-kandidatura tal-appellanti. Meta indirizzat dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali barra minn hekk żnaturat l-argumenti invokati insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inkompetenza mqajma mill-appellanti.