1.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 352/26


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza) fit-23 ta’ Lulju 2018 – RE vs Praxair MRC

(Kawża C-486/18)

(2018/C 352/31)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: RE

Konvenuta: Praxair MRC

Domandi preliminari

1)

Il-Klawżola 2(4) u (6) tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta’ Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (1), għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-applikazzjoni għal persuna impjegata fuq leave parentali part-time fil-mument tat-tkeċċija tagħha ta’ dispożizzjoni ta’ dritt intern bħall-Artikolu L. 3123-13 tal-Kodiċi tax-Xogħol, dak iż-żmien applikabbli, li jipprovdi li “L-allowance ta’ tkeċċija u l-allowance tal-irtirar tal-persuna impjegata li tkun ħadmet full-time u part-time fl-istess impriża huma kkalkolati proporzjonalment mal-perijodi ta’ impjieg imwettqa skont waħda minn dawn iż-żewġ modalitajiet sa mid-dħul tagħha fl-impriża”?

2)

Il-Klawżola 2(4) u (6) tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta’ Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-applikazzjoni għal persuna impjegata part-time fil-mument tat-tkeċċija tagħha ta’ dispożizzjoni ta’ dritt intern bħall-Artikolu R. 1233-32 tal-Kodiċi tax-Xogħol li jipprovdi li, matul il-perijodu tal-leave għal bidla fl-impjieg li jeċċedi t-tul tal-avviż tat-temm ta’ impjieg, il-persuna impjegata tgawdi minn remunerazzjoni mensili mħallsa mill-persuna li timpjega, li l-ammont tagħha huwa ta’ mill-inqas 65 % tar-remunerazzjoni mensili gross medja tagħha suġġetta għall-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu L. 5422-9 tal-aħħar tnax-il xahar qabel in-notifika tat-tkeċċija?

3)

Fl-ipoteżi li tingħata risposta fl-affermattiv għal xi waħda miż-żewġ domandi preċedenti, l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet ta’ dritt intern bħall-Artikoli L. 3123-13 tal-Kodiċi tax-Xogħol, dak iż-żmien applikabbli, u R 1233-32 tal-istess kodiċi, sa fejn numru kunsiderevolment ogħla ta’ nisa milli rġiel jagħżlu li jgawdu mil-leave parentali part-time u li d-diskriminazzjoni indiretta li tirriżulta minn dan fir-rigward tad-dħul ta’ allowance ta’ tkeċċija u ta’ għoti ta’ leave għal bidla fl-impjieg imnaqqsa meta mqabbel mal-persuni impjegati li ma ħadux leave parentali part-time ma huwiex iġġustifikat minn elementi oġġettivi li bl-ebda mod ma huma diskriminatorji?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285.