27.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 301/21


Appell ippreżentat fit-12 ta’ Lulju 2018 mill-Ungerija mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fil-25 ta’ April 2018 fil-Kawżi magħquda T-554/15 u T-555/15, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-456/18 P)

(2018/C 301/29)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Appellanti: L-Ungerija (rappreżentanti: M. Z. Fehér u G. Koós, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-Ungerija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ April 2018 fil-Kawżi magħquda T-554/15 u T-555/15.

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 4805 tal-15 ta’ Lulju 2015 dwar il-kontribuzzjoni lejn is-saħħa Ungeriża min-negozji tal-industrija tat-tabakk, sa fejn tordna s-sospensjoni tal-applikazzjoni kemm tar-rati progressivi tat-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa kif ukoll it-tnaqqis ta’ din il-kontribuzzjoni fil-każ ta’ investimenti, stabbiliti permezz tal-a dohányipari vállalkozások 2015. évi egészségügyi hozzájárulásáról szóló 2014. évi XCIV. törvény (il-Liġi Nru XCIV tal-2014 dwar il-kontribuzzjoni għas-saħħa għall-2015 tal-impriżi tas-settur tat-tabakk), approvata mill-Parlament Ungeriż

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 4808 tal-15 ta’ Lulju 2015 dwar l-emenda tal-2014 tat-tariffa ta’ spezzjoni tal-katina alimentari tal-Ungerija, sa fejn tordna s-sospensjoni tal-applikazzjoni tar-rati progressivi tat-tariffa ta’ spezzjoni tal-katina tal-ikel.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Gvern Ungeriż essenzjalment jibbaża l-appell tiegħu fuq tliet argumenti, skont il-kriterji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha.

L-ewwel nett, il-Gvern Ungeriż jibbaża l-appell tiegħu fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat id-dritt meta eżaminat il-motivi tar-rikors li huma interrelatati.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat u indebitu, fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41(1) tal-Karta.

It-tielet nett, il-Gvern Ungeriż jinvoka żball ta’ evalwazzjoni li wassal għal kunsiderazzjoni inadegwata tal-allegazzjonijiet magħmula mill-Ungerija u għal interpretazzjoni mhux xierqa tal-argumenti mressqa fir-rikors tagħha.

Skont il-Gvern Ungeriż, il-Kummissjoni ma osservatx bis-sħiħ ir-regoli rilevanti ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni meta adottat id-Deċiżjonijiet ikkontestati, peress li ma kienx hemm eżattezza materjali tal-fatti u l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha. Għalkemm l-eżami ta’ dan kollu kien fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar naqset milli twettaq tali eżami jew naqset milli tagħmel hekk b’mod xieraq.

Il-Gvern Ungeriż isostni li, konsegwentement, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (1) u ma applikatx b’mod korrett il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan l-artikolu. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta hija evalwat b’mod żbaljat, skont il-Gvern Ungeriż, l-argument ifformulat fir-rigward tar-rekwiżiti tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament u waslet b’mod żbaljat għall-konklużjoni li l-koerenza mad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni u mal-prassi tagħha ma kinux essenzjali mill-perspettiva taċ-ċertezza legali. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma interpretatx b’mod adegwat l-argument tal-Gvern Ungeriż dwar l-issodisfar tal-kundizzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat u ma kkunsidratx dan l-argument bħala rilevanti, inkluż fir-rigward tal-effetti fuq is-sospensjoni. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni peress li kkonkludiet, kuntrarjament għall-approċċ meħud mill-Kummissjoni matul il-proċedura kollha, li kundizżjoni meħtieġa sabiex tordna s-sospensjoni tad-Deċiżjonijiet kienet li l-Ungerija ma kinitx biħsiebha timplimentahom u li dan il-fatt kien ġie kkonfermat b’mod sodisfaċjenti mill-Kummissjoni fid-Deċiżjonijiet tagħha.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).