1.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 352/17


Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Ġunju 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

(Kawża C-430/18)

(2018/C 352/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. Scharf, J. Rius, G. von Rintelen, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi ma adottax, qabel it-18 ta’ Settembru 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq tad-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (1), jew, fi kwalunkwe każ, billi ma nnotifikax dawn id-dispożizzjonijiet kollha lill-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 29(1) ta’ din id-direttiva;

timponi fuq ir-Renju ta’ Spanja, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 48 919,20, b’effett mid-data meta tingħata s-sentenza li tiddikjara n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jadotta, jew, fi kwalunkwe każ, li jinnotifika lill-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonforma mad-Direttiva 2014/92/UE;

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2014/92/UE, l-Istati Memmbri kellhom jadottaw u jippubblikaw, mhux iktar tard mit-18 ta’ Settembru 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa għat-twettiq ta’ dak li huwa stabbilit f’din id-direttiva, u li jinformaw immedjatament b’dan lill-Kummissjoni.

Billi r-Renju ta’ Spanja ma wettaqx it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2014/92/UE u ma nnotifikax lill-Kummissjoni bil-miżuri ta’ traspożizzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Kummissjoni tipproponi li r-Renju ta’ Spanja jiġi kkundannat iħallas pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 48 919,20 b’effett mid-data meta tingħata s-sentenza, ikkalkolati skont il-gravità, it-tul tal-ksur u l-effett dissważiv meqjusa fid-dawl tal-kapaċita ta’ ħlas ta’ dan l-Istat Membru.


(1)  ĠU 2014, L 257, p. 214.