23.4.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 142/37 |
Appell ippreżentat fit-23 ta’ Frar 2018 mir-River Kwai International Food Industry Co. Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fl-14 ta’ Diċembru 2017 fil-Kawża T-460/14, Association européenne des transformateurs de maïs doux (AETMD) vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-144/18 P)
(2018/C 142/49)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: River Kwai International Food Industry Co. Ltd (rappreżentanti: F. Graafsma u J. Cornelis, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Association européenne des transformateurs de maïs doux (AETMD), Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2017 mogħtija fil-Kawża T-460/14, Association européenne des transformateurs de maïs doux (AETMD) vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea; u |
— |
tikkundanna lill-AETMD għall-ispejjeż tal-appellanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-460/14. |
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma vvizzjati minn diversi żbalji ta’ liġi kif ukoll minn żnaturament tal-fatti u tal-provi. Konsegwentement, l-appellanti titlob li s-sentenza appellata tiġi annullata.
L-appellanti tibbaża ruħha fuq tliet aggravji għall-annullament.
L-ewwel nett, l-assenza ta’ risposta, fis-sentenza appellata, għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors imqajma minn Kwai International Food Industry – inkluż fir-rigward tar-raba’ motiv – ippreġudikat id-drittijiet tad-difiża ta’ River Kwai International Food Industry quddiem il-Qorti Ġenerali. Is-sentenza appellata injorat l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbilità mqajma mill-appellanti mingħajr ma mmotivat id-deċiżjoni tagħha dwar dan il-punt.
It-tieni nett, billi kklassifikat il-kwistjoni tal-allokazzjoni tal-ispejjeż bħala kwistjoni marbuta mad-determinazzjoni tal-valur normali u konsegwentement, mal-kalkolu tal-marġni ta’dumping, u mhux bħala kwistjoni marbuta mal-eżistenza ta’ bidla fit-tul taċ-ċirkustanzi, is-sentenza appellata żnaturat il-provi. Ebda waħda mill-osservazzjonijiet magħmula mill-AETDM matul il-proċedura amministrattiva ma rabtet il-problema tal-allokazzjoni tal-ispejjeż mal-kalkolu tal-marġni tad-dumping.
Fl-aħħar nett, is-sentenza appellata tikser l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku (1), kif ukoll il-prinċipju ġenerali ta’ nuqqas ta’ retreattività peress li d-dazju anti-dumping impost fuq l-appellanti huwa effettivament miżjud b’mod retroattiv minn 3,6 % għal 12,8 %.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51).