28.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/9


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Bonn (il-Ġermanja) fit-23 ta’ Frar 2018 – Antonio Romano, Lidia Romano vs DSL Bank

(Kawża C-143/18)

(2018/C 182/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Bonn

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Antonio Romano, Lidia Romano

Konvenuta: DSL Bank

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 2002/65 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali jew prattika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tipprevedix li, fir-rigward tal-kuntratti ta’ kreditu mill-bogħod, l-irtirar huwa eskluż jekk il-kuntratt ikun ġie eżegwit fl-intier tiegħu miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur qabel ma dan tal-aħħar eżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar?

2)

L-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5(1), it-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2002/65 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-kwistjoni ta’ jekk l-informazzjoni prevista mid-dritt nazzjonali konformement mal-Artikolu 5(1) u mal-punt 3(a) tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva ġietx debitament ikkomunikata lill-konsumatur, u tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar minn dan tal-aħħar konformement mad-dritt nazzjonali, il-konsumatur li għandu jittieħed bħala referenza huwa l-konsumatur medju normalment informat, raġonevolment attent u avżat, fid-dawl tal-fatti rilevanti kollha u taċ-ċirkustanzi kollha marbuta mal-konklużjoni tal-kuntratt?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel u għat-tieni domanda:

L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/65 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprevedi li, wara li l-konsumatur ikun irtira mill-kuntratt ta’ self mill-bogħod, il-fornitur għandu mhux biss jagħti lura lill-konsumatur l-ammont li huwa kien irċieva mingħand dan tal-aħħar fl-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt, iżda wkoll kumpens għall-użu ta’ dan l-ammont?


(1)  Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 98/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321).