23.4.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 142/29 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Wien (l-Awstrija) fis-26 ta’ Jannar 2018 – Skarb Pánstwa Rzeczpospolitej Polskiej – Generalny Dyrektor Dróg Krajowych i Autostrad vs Stephan Riel, li jaġixxi bħala amministratur stralċjarju fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza kontra Alpine Bau GmbH
(Kawża C-47/18)
(2018/C 142/39)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberlandesgericht Wien
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Skarb Pánstwa Rzeczpospolitej Polskiej – Generalny Dyrektor Dróg Krajowych i Autostrad
Konvenut: Stephan Riel, bħala amministratur stralċjarju fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza kontra Alpine Bau GmbH
Domandi preliminari
Domanda 1
L-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ir-Regolament Brussell I bis) (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ kreditu skont id-dritt Awstrijaku tikkonċerna l-insolvenza fis-sens tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Brussell I bis u li hija, konsegwentement, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament?
Domanda 2a (unikament fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-Domanda 1)
L-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ir-Regolament Brussell I bis) għandu jiġi applikat b’analoġija għal azzjonijiet relatati li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000?
Domanda 2b (unikament fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda jew fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-Domanda 2a):
L-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ir-Regolament Brussell I bis) għandu jiġi interpretat fis-sens li talba li għandha l-istess suġġett u l-istess kawża titressaq bejn l-istess partijiet meta kreditur – ir-rikorrenti– , li jkun invoka kreditu identiku (essenzjalment) fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali Awstrijaka u fil-proċedura ta’ insolvenza sekondarja Pollakka, liema kreditu ġie kkontestat (essenzjalment) mill-amministraturi stralċjarji kkonċernati, jippreżenta, l-ewwel fil-Polonja kontra l-amministratur stralċjarju tal-proċedura sekondarja Pollakka, sussegwentement fl-Awstrija kontra l-amministratur stralċjarju tal-proċedura prinċipali – il-konvenut – azzjonijiet għal dikjarazzjonijiet ta’ kreditu ta’ ċertu ammont?
Domanda 3a:
L-Artikolu 41 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] (2) għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun issodisfa r-rekwiżit relatat mal-indikazzjoni tan-“natura tat-talba, id-data li fiha din tkun saret u l-ammont tagħha” – bħal f’dan il-każ – il-kreditur li għandu s-sede tiegħu fi Stat Membru għajr l-Istat ta’ ftuħ tal-proċeduri – ir-rikorrenti –
a) |
li jillimita ruħu, fid-dikjarazzjoni ta’ kreditu tiegħu fil-proċedura ta’ involvenza prinċipali, li jiddeskrivi l-kreditu billi jindika ammont konkret, iżda mhux id-data li fiha tnissel (billi juża pereżempju t-termini “kreditu tas-subappaltatur JSV Slawomir Kubica fir-rigward tal-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet fit-toroq”) |
b) |
u li, għalkemm ebda data ta’ tnissil tal-kreditu ma hija indikata fid-dikjarazzjoni stess, data ta’ tnissil tista’ madankollu tiġi dedotta mill-annessi mehmuża mad-dikjarazzjoni ta’ kreditu (pereżempju, abbażi tad-data li tidher fil-fattura prodotta)? |
Domanda 3b:
L-Artikolu 41 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli, in concreto, lill-kreditur li jiddikjara li għandu s-sede tiegħu fi Stat Membru għajr l-Istat ta’ ftuħ tal-proċeduri – fir-rigward, pereżempju, tar-rekwiżit tal-indikazzjoni tad-data ta’ tnissil tal-kreditu?
(2) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191.