5.3.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 83/17 |
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Jannar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija
(Kawża C-27/18)
(2018/C 083/24)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Samnadda, Y. Marinova, G. von Rintelen, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Bulgarija
Talbiet
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
— |
tikkonstata li, peress li, sa mhux iktar tard mill-10 ta’ April 2016, ma kinitx adottat il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (1), jew, fi kwalunkwe każ, peress li ma nnotifikatx lill-Kummissjoni dwar dawn il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43(1) tal-imsemmija direttiva; |
— |
tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, tħallas pagamenti ta’ penalità minħabba n-nuqqas tagħha li twettaq l-obbligu tagħha li tinnotifika lill-Kummissjoni l-miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2014/26/UE, fl-ammont ta’ EUR 19 121,60 għal kull jum mid-data tal-għoti tad-deċiżjoni tagħha dwar dan ir-rikors; |
— |
tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż tal-kawża. |
Motivi u argumenti prinċipali
1. |
Skont l-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2014/26/UE, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ruħhom mad-Direttiva sal-10 ta’ April 2016 u għandhom immedjatament jinformaw lill-Kummissjoni b’dan. Peress li l-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni, din tal-aħħar iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
2. |
Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tipproponi li r-Repubblika tal-Bulgarija tiġi kkundannata tħallas pagamenti perijodiċi ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 19 121,60 għal kull jum. L-ammont tal-pagamenti perijodiċi ta’ penalità huwa kkalkolat fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur kif ukoll fid-dawl tal-effett dissważiv fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas ta’ dan l-Istat Membru. |