26.2.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 72/29 |
Appell ippreżentat fil-5 ta’ Jannar 2018 minn Alfamicro – Sistemas de computadores, Sociedade Unipessoal, Lda. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fl-14 ta’ Novembru 2017 fil-Kawża T-831/14, Alfamicro vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-14/18 P)
(2018/C 072/38)
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Partijiet
Appellanti: Alfamicro – Sistemas de computadores, Sociedade Unipessoal, Lda. (rappreżentanti: G. Gentil Anastácio u D. Pirra Xarepe, advogados)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Novembru 2017, mogħtija fil-kawża T-831/14; |
— |
tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali, sabiex tiġi deċiża skont l-Artikolu 263 TFUE. |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għat-totalità tal-ispejjeż. |
Aggravji u argumenti prinċipali
— |
Alfamicro ma taqbilx mal-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali li ddikjarat infondata l-azzjoni ppreżentata minn Alfamicro, fejn ikkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea l-ammont ta’ EUR 277 849,93, inkrementat b’EUR 26,88 ta’ interessi għal kull ġurnata ta’ dewmien fil-ħlas. Alfamicro tqis li l-Qorti Ġenerali jmissha ddeċidiet il-kawża billi bbażat lilha nnifisha fuq l-Artikolu 263 TFUE, u mhux fuq l-Artikolu 272 TFUE. Barra minn hekk, Alfamicro tqis li l-Kummissjoni, bħall-Qorti Ġenerali, ma osservatx, fid-deċiżjoni tagħha, li għandha n-natura ta’ deċiżjoni amministrattiva, il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ bona fide, u ta’ ċertezza legali. |
— |
Alfamicro ssostni li, kemm l-analiżi kif ukoll il-kuntest, tal-ittra tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ottubru 2014, juru li din l-ittra tikkostitwixxi att amministrattiv deċiżjonali, jiġifieri deċiżjoni amministrattiva. Il-kliem li bih huwa redatt, il-fatt li huwa bbażat fuq verifika tal-Qorti tal-Awdituri, il-fatt li l-Kummissjoni siltet konklużjonijiet mill-verifika għall-ftehimiet kollha li fihom hija parti l-appellanti, l-aġġustamenti mwettqa mill-Kummissjoni, kollha jindikaw li din hija kwistjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva. Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, li tirrifletti l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li tattribwixxi lill-azzjoni ppreżentata l-kwalità ta’ azzjoni dikjaratorja u mhux ta’ azzjoni li tikkontesta deċiżjoni amministrattiva, tillimita serjament id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti. Barra minn hekk, Alfamicro tqis li l-Qorti Ġenerali kisret b’mod serju l-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn il-partijiet u l-prinċipju ta’ ekwilibriju kuntrattwali. |
— |
Billi naqqset iktar minn 93 % mill-għajnuna miftehma mal-appellanti, il-Kummissjoni ma adottatx il-miżuri xierqa, hekk kif kien jimponi l-ftehim ta’ għajnuna, u b’dan il-mod kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Billi ma kkundannatx dan l-aġir tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma tosservax u taffettwa l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Minbarra dan, il-Kummissjoni, li kellha tadotta l-miżuri xierqa, adottat miżuri li ma kinux xierqa, li kienu arbitrarji, u għaldaqstant ma hemmx ċertezza legali. Billi ma kkundannatx dan l-aġir tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wkoll ma tosservax il-prinċipju ta’ ċertezza legali. |