19.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 104/18


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (il-Latvja) fit-2 ta’ Jannar 2018 – SIA Oriola Rīga vs Valsts ieņēmumu dienests

(Kawża C-1/18)

(2018/C 104/23)

Lingwa tal-kawża: il-Latvja

Qorti tar-rinviju

Augstākā tiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: SIA Oriola Rīga

Il-parti l-oħra fil-kawża: Valsts ieņēmumu dienests

Domandi preliminari

1)

F’każ li l-merkanziji importati jkunu jikkonsistu fi prodotti mediċinali, fil-mument tad-determinazzjoni tal-valur doganali tal-imsemmija merkanziji skont l-Artikolu 30(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (1) tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, u skont l-Artikolu 151(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (2) tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju, għandu jitqiesu li l-merkanziji simili huma dawk il-prodotti mediċinali li fis-sustanza attiva u fil-kwantità tagħhom huma ugwali (jew simili), jew inkella, sabiex jiġu identifikati merkaniziji simili, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-pożizzjoni fis-suq, jiġifieri l-popolarità u d-domanda għall-prodott mediċinali importat inkwistjoni u tal-produttur tiegħu?

2)

Fil-mument tad-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanziji importati skont l-Artikolu 30(2)c) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi applikat bi flessibbiltà it-terminu ta’ 90 jum imsemmi fl-Artikolu 152(1)(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju?

3)

Jekk it-terminu stabbilit għandu jiġi applikat bi flessibbiltà, għandha tingħata prijorità lid-data li tikkonċerna tranżazzjonijiet li jkunu l-eqreb il-mument tal-importazzjoni tal-merkanziji li għandhom jiġu vvalutati, liema merkanziji jkunu identiċi jew simili u li jinbiegħu fi kwantità suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit il-prezz unitarju jew, għall-kuntrarju, għandha tingħata prijorità lid-data li tikkonċerna tranżazzjonijiet li jkunu inqas qrib iżda li s-suġġett tagħhom ikun il-merkanziji importati?

4)

Fil-mument tad-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanziji importati skont l-Artikolu 30(2)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandhom jiġu applikati l-iskontijiet mogħtija li ddeterminaw il-prezz li bih ġew effettivament mibjugħa il-merkaniziji?


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (GU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6. p. 3).