SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

27 ta’ Frar 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 20 TFUE – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Ċittadin tal-Unjoni li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu – Applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja tal-konjuġi, ċittadin ta’ pajjiż terz – Ċaħda – Obbligu li wieħed jipprovdi għall-bżonnijiet tal-konjuġi – Assenza ta’ riżorsi suffiċjenti taċ-ċittadin tal-Unjoni – Obbligu tal-konjuġi li jgħixu flimkien – Leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali – Tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni – Ċħid”

Fil-Kawża C‑836/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla-La Mancha (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla-La Mancha, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Diċembru 2018 fil-kawża

Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real

vs

RH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis (Relatur), E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal RH, minn P. García Valdivieso Manrique u A. Ceballos Cabrillo, abogados,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren kif ukoll minn M. Wolff u P. Ngo, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u J. Hoogveld, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Martínez del Peral u E. Montaguti, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Novembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (is-Subdelegazzjoni tal-Gvern fi Ciudad Real, Spanja) (iktar ’il quddiem is-“subdelegazzjoni”) u RH, dwar iċ-ċaħda, mis-subdelegazzjoni, tal-applikazzjoni, imressqa minn RH, ta’ permess ta’ residenza bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 5 p. 46), jipprovdi fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

4

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

[…]

b)

għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

[…]

d)

membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

2.   Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ).”

Id-dritt Spanjol

5

L-Artikolu 32 tal-Kostituzzjoni jipprovdi li:

“1.   Ir-raġel u l-mara għandhom id-dritt li jiżżewġu f’ugwaljanza legali sħiħa.

2.   Il-liġi għandha tirregola l-forom taż-żwieġ, l-età u l-kapaċità għaż-żwieġ, id-drittijiet u d-doveri tal-konjuġi, il-kawżi ta’ separazzjoni u ta’ xoljiment u l-effetti tagħhom […]”.

6

L-Artikolu 68 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) jipprovdi:

“Il-konjuġi huma obbligati li jgħixu flimkien, huma għandhom l-obbligu ta’ fedeltà u ta’ assistenza reċiproka. Barra minn hekk, huma għandhom jaqsmu r-responsabbiltajiet domestiċi kif ukoll il-kura lill-axxendenti u lid-dixxendenti u lill-persuni l-oħra dipendenti fuqhom.”

7

L-Artikolu 70 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“Il-konjuġi għandhom jistabbilixxu bi ftehim komuni l-post tad-domiċilju konjugali u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil, il-kwistjoni għandha tiġi deċiża mill-qorti, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interess tal-familja”

8

Fil-verżjoni applikabbli tiegħu, l-Artikolu 1 tar-Real Decreto 240/2007 de 16 de febrero, sobre entrada, libre circulación y residencia en España de ciudadanos de los Estados miembros de la Unión europea y de otros Estados parte en el Acuerdo sobre el Espacio Económico Europeo (id-Digriet Irjali Nru 240/2007 tas-16 ta’ Frar 2007, dwar id-dħul, il-libertà ta’ moviment u r-residenza fi Spanja taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati l-oħra li huma partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea), tas-16 ta’ Frar 2007, jipprovdi:

“1.   Dan id-Digriet Irjali jirregola l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ dħul u ta’ ħruġ, ta’ moviment liberu, ta’ residenza, ta’ residenza permanenti u ta’ xogħol fi Spanja għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati l-oħra li huma partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll il-limiti tad-drittijiet imsemmija iktar ’il fuq għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.

2.   Il-kontenut ta’ dan id-Digriet Irjali huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet speċjali u tat-trattati internazzjonali li [r-Renju ta’ Spanja huwa] parti fihom.”

9

L-Artikolu 2 ta’ dan id-Digriet Irjali jipprevedi li:

“Dan id-Digriet Irjali japplika wkoll, fit-termini stabbiliti fih, għall-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, meta dawn jakkumpanjawh jew jingħaqdu miegħu, u li huma dawn li ġejjin:

il-konjuġi, ladarba ma jkun hemm l-ebda ftehim jew dikjarazzjoni ta’ nullità taż-żwieġ, divorzju jew separazzjoni legali

[…]”.

10

Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi Digriet Irjali:

“1.   Kull ċittadin tal-Unjoni jew ċittadin ta’ Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea għandu d-dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Spanjol għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur:

[…]

b)

jekk ikollu riżorsi suffiċjenti għalih u għall-membri tal-familja tiegħu sabiex ma jkunx ta’ piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali ta’ Spanja matul il-perijodu ta’ residenza tiegħu, u jkollu assigurazzjoni tal-mard komprensiva fi Spanja; jew,

[…]

d)

jekk huwa membru tal-familja li qiegħed jakkumpanja jew li ser jingħaqad ma’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea li jissodisfa huwa stess il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) jew (c).

2.   Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li ma humiex ċittadini ta’ Stat Membru, meta jakkumpanjaw jew jingħaqdu fi Spanja maċ-ċittadin tal-Unjoni jew ta’ Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, sakemm dan iċ-ċittadin jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1(a), (b) jew (c).

[…]

7.   Fir-rigward tal-mezzi ta’ għajxien suffiċjenti, ma jistax jiġi stabbilit ammont fiss, u għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali taċ-ċittadini tal-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea jew tal-Istat l-ieħor parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. F’kull każ, dan l-ammont ma jistax ikun ogħla mil-livell ta’ riżorsi finanzjarji li taħtu l-Ispanjoli jirċievu assistenza soċjali, jew mill-ammont tal-pensjoni minima tas-sigurtà soċjali.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Fit-13 ta’ Novembru 2015, RH, ċittadin Marokkin maġġorenni, iżżewweġ, f’Ciudad Real (Spanja), lil ċittadina Spanjola maġġorenni li qatt ma eżerċitat il-libertà ta’ moviment tagħha fi ħdan l-Unjoni. Il-legalità ta’ dan iż-żwieġ qatt ma ġiet ikkontestata. Minn dak iż-żmien, il-konjuġi jgħixu flimkien f’Ciudad Real flimkien ma’ missier iċ-ċittadina Spanjola.

12

Fit-23 ta’ Novembru 2015, RH ippreżenta talba intiża għall-kisba ta’ permess ta’ residenza temporanja bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

13

Fl-20 ta’ Jannar 2016, din it-talba ġiet miċħuda mill-awtorità amministrattiva kompetenti minħabba li l-konjuġi ta’ RH ma kinitx stabbilixxiet li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 tad-Digriet Irjali Nru 240/2007. B’mod iktar partikolari, ġie kkunsidrat li l-konjuġi ta’ RH ma kinitx uriet li hija kellha riżorsi finanzjarji suffiċjenti sabiex tieħu ħsieb il-bżonnijiet ta’ żewġha filwaqt li, skont l-imsemmi Artikolu 7, l-obbligu tagħha li tiddisponi minn tali riżorsi kien jaqa’ esklużivament fuqha.

14

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-awtorità amministrattiva kompetenti ma eżaminat ebda ċirkustanza oħra li tista’ taffettwa r-relazzjoni reali tal-konjuġi, u lanqas analizzat ir-riperkussjoni li jkollu, fuq iċ-ċittadina Spanjola, il-fatt li żewġha huwa obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni. L-imsemmija awtorità lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li missier iċ-ċittadina Spanjola impenja ruħu li jkopri l-ispejjeż li jirriżultaw mis-soġġorn ta’ RH fi Spanja, liema offerta u prova tar-riżorsi finanzjarji ta’ missier il-konjuġi ta’ RH huma barra minn hekk stabbiliti.

15

Fl-10 ta’ Marzu 2016, is-subdelegazzjoni kkonfermat iċ-ċaħda tat-talba mressqa minn RH. Dan tal-aħħar ippreżenta rikors kontenzjuż amministrattiv kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Juzgado de lo Contencioso Administrativo no 2 de Ciudad Real (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 2 ta’ Ciudad Real, Spanja).

16

Din il-qorti laqgħet ir-rikors tagħha billi kkunsidrat li l-Artikolu 7 tad-Digriet Irjali 240/2007 ma kienx applikabbli għal RH, membru tal-familja ta’ ċittadina Spanjola li ma eżerċitatx il-libertà ta’ moviment tagħha.

17

L-amministrazzjoni tal-Istat appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

18

Din il-qorti tenfasizza li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) iddeċidiet, permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2010, li d-Digriet Irjali 240/2007 japplika għaċ-ċittadini Spanjoli, irrispettivament minn jekk dawn eżerċitawx jew le l-libertà ta’ moviment tagħhom fit-territorju tal-Unjoni, kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom, ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

19

Il-qorti tar-rinviju tqis, madankollu, li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ma evalwatx korrettament li mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-direttiva tapplika biss għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jiċċirkulaw fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, hija tirrileva li mill-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) jirriżulta li s-sistema ta’ riunifikazzjoni tal-familja taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin Spanjol, prevista mid-Digriet Irjali 240/2007, issa hija l-istess bħal dik ta’ ċittadin tal-Unjoni li stabbilixxa ruħu fi Spanja.

20

Skont il-qorti tar-rinviju, fid-data li fiha ngħatat is-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), id-Digriet Irjali 240/2007 ma kienx integra l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 u, b’mod iktar partikolari, il-kundizzjoni li timponi fuq iċ-ċittadin tal-Unjoni li jkollu riżorsi finanzjarji suffiċjenti għalih u għall-membri tal-familja tiegħu sabiex ma jkunx ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali.

21

Permezz ta’ liġi tal-20 ta’ April 2012, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 ġie finalment traspost, fl-intier tiegħu, fid-dritt Spanjol, inkluż l-obbligu li wieħed ikollu assigurazzjoni għall-mard u li jkollu riżorsi finanzjarji suffiċjenti. Għalhekk, dawn il-kundizzjonijiet saru wkoll applikabbli għaċ-ċittadin Spanjol li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu u li xtaq li l-membri tal-familja tiegħu, ċittadini ta’ pajjiż terz, jingħaqdu miegħu. L-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7 tad-Digriet Irjali 240/2007, kif emendat bil-liġi tal-20 ta’ April 2012, għaċ-ċittadini Spanjoli li ma eżerċitawx il-moviment liberu tagħhom ġiet ikkunsidrata, mill-ġurisprudenza ulterjuri tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), bħala l-effett ta’ dispożizzjoni tad-dritt intern, indipendenti mid-Direttiva 2004/38.

22

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 20 TFUE jipprekludix il-prassi Spanjola li timponi fuq iċ-ċittadin Spanjol li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu fi ħdan l-Unjoni li jipproduċi l-prova li huwa għandu riżorsi finanzjarji suffiċjenti għalih u għall-konjuġi tiegħu sabiex ma jkunx ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali. Din tirrileva, b’mod iktar partikolari, li din il-prattika awtomatika tal-Istat Spanjol, mingħajr il-possibbiltà ta’ adattament għal sitwazzjonijiet partikolari, tista’ tkun kuntrarja għall-imsemmi Artikolu 20 jekk twassal sabiex iċ-ċittadin Spanjol ikollu jitlaq mit-territorju tal-Unjoni.

23

Issa, il-qorti tar-rinviju tqis li dan jista’ jkun il-każ fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Spanjola applikabbli għaż-żwieġ. Fil-fatt, din tenfasizza li d-dritt għal ħajja flimkien jirriżulta mill-kontenut minimu tal-Artikolu 32 tal-Kostituzzjoni. Barra minn hekk, l-Artikoli 68 u 70 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdu li l-konjuġi għandhom jgħixu flimkien u jistabbilixxu bi ftehim komuni l-post tad-domiċilju konjugali. Minn dan isegwi li l-obbligu għall-konjuġi li jgħixu flimkien, skont id-dritt Spanjol, huwa differenti minn sempliċi deċiżjoni ta’ opportunità jew ta’ konvenjenza.

24

Skont il-qorti tar-rinviju, jista’ ma jkunx possibbli li jiġi osservat dan l-obbligu jekk ir-residenza legali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi taċ-ċittadin Spanjol, kienet tiddependi minn kriterji ekonomiċi. Ir-rifjut li jingħata dritt ta’ residenza lill-konjuġi jwassal għall-bżonn, għaċ-ċittadin Spanjol li ma jkollux il-mezzi ta’ għajxien meħtieġa mill-Artikolu 7 tad-Digriet Irjali 240/2007, li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni għaliex dan huwa l-uniku mod kif jiġu rrispettati u reżi effettivi d-dritt u l-obbligu ta’ ħajja flimkien stabbiliti mid-dritt Spanjol. Sabiex wieħed jasal għal tali konklużjoni, ma huwiex neċessarju li jkun ġudizzjarjament possibbli li l-konjuġi jiġu mġiegħla jgħixu flimkien.

25

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 20 TFUE huwa miksur mill-prassi tal-Istat Spanjol li tikkonsisti fir-rifjut awtomatiku tar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ma’ ċittadin Spanjol li qatt ma eżerċita l-libertajiet ta’ moviment tiegħu, għar-raġuni biss li dan iċ-ċittadin ma għandux ċertu livell ta’ għajxien, mingħajr ma l-awtoritajiet ikunu eżaminaw jekk, bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, teżistix relazzjoni ta’ dipendenza ta’ natura tali li, f’każ ta’ rifjut ta’ għoti lil dan tal-aħħar ta’ dritt ta’ residenza dderivat, l-imsemmi ċittadin ikun, minħabba dan il-fatt, imġiegħel li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni fl-intier tiegħu.

26

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-awtoritajiet Spanjoli ċaħdu t-talba ta’ RH, biss minħabba li l-konjuġi tiegħu ma kellhiex riżorsi suffiċjenti, mingħajr ma eżaminaw iċ-ċirkustanzi partikolari taż-żwieġ inkwistjoni. F’dan ir-rigward, din il-qorti tiċħad l-allegazzjonijiet tal-amministrazzjoni li jikkritikaw is-silenzju tal-konjuġi ta’ RH dwar l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari eventwali. Skont il-qorti tar-rinviju, l-Istat Spanjol ma ħalliex il-possibbiltà lill-konjuġi ta’ RH li tesprimi ruħha dwar l-eżistenza eventwali ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejnha u l-konjuġi tagħha. L-awtoritajiet lanqas ma eżaminaw id-dokumenti dwar il-mezzi ta’ sostenn suffiċjenti ta’ missier il-konjuġi ta’ RH, minkejja li ppropona espressament li jieħu ħsieb il-manteniment tal-konjuġi ta’ bintu, li juri li, fil-prattika, l-Istat Spanjol jibbaża ruħu esklużivament u awtomatikament fuq l-insuffiċjenza tal-mezzi ta’ għajxien speċifiċi taċ-ċittadin Spanjol sabiex jirrifjuta li jagħti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz permess ta’ residenza bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla-La Mancha (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla-La Mancha) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Fid-dawl tal-Artikolu 68 tal-Kodiċi Ċivili Spanjol li jipprovdi li l-konjuġi għandhom jgħixu flimkien, l-obbligu impost fuq ċittadin Spanjol li ma eżerċitax id-dritt tiegħu ta’ moviment, li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) ta[d-Digriet Irjali 240/2007], sabiex jiġi rrikonoxxut id-dritt ta’ residenza tal-konjuġi tiegħu ċittadin ta’ Stat terz, skont l-Artikolu 7(2) ta[d-Digriet Irjali 240/2007], jista’ jimplika, f’każ li dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfatti, li hemm ksur tal-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jekk, b’konsegwenza tar-rifjut ta’ dan id-dritt, iċ-ċittadin Spanjol jkun obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni fl-intier tiegħu?

2)

Fi kwalunkwe każ, indipendentement mis-suespost u mir-risposta għad-domanda preċedenti, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fosthom, inter alia, is-sentenza tat-[8 ta’ Mejju 2018, KA et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju)(C‑82/16, EU:C:2018:308)] l-Artikolu 20 tat-TFUE jipprekludi l-prassi tal-Istat Spanjol li tikkonsisti fl-applikazzjoni automatika tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 ta[d-Digriet Irjali 240/2007], billi tirrifjuta l-permess ta’ residenza lil [membru tal-familja] ta’ ċittadin tal-Unjoni li qatt ma eżerċitax id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, sempliċiment peress li ċ-ċittadin tal-Unjoni ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu, mingħajr ma twettaq eżami konkret u individwali tal-kwistjoni dwar jekk teżistix relazzjoni ta’ dipendenza bejn dan iċ-ċittadin tal-Unjoni u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ta’ natura tali li, għal xi raġuni tkun xi tkun u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, twassal sabiex f’każ ta’ rifjut tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, iċ-ċittadin tal-Unjoni ma jkunx jista’ jissepara ruħu mill-membru tal-familja li jiddependi fuqu u jkun obbligat li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

28

Qabel kollox, għandu jiġi indikat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-awtoritajiet Spanjoli kompetenti rrifjutaw, abbażi tal-Artikolu 7 tad-Digriet Irjali 240/2007, li jittrasponi l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, li jagħtu lil RH, ċittadin Marokkin, permess ta’ residenza, bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, minħabba li l-konjuġi tiegħu, ċittadina tal-Unjoni, ma kellhiex riżorsi suffiċjenti għaliha u għall-membri tal-familja tagħha sabiex ma jsirx ta’ piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali nazzjonali, mingħajr ma ħadu inkunsiderazzjoni l-fatt li missier din tal-aħħar kien iddikjara li kien lest li jkopri l-bżonnijiet ta’ RH.

29

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li l-konjuġi ta’ RH hija ċittadina Spanjola li qatt ma eżerċitat il-libertà ta’ moviment tagħha fi ħdan l-Unjoni. Għandu jiġi rrilevat li, f’tali sitwazzjoni, il-konjuġi tagħha, ċittadin ta’ pajjiż terz, ma jista’ jislet dritt ta’ residenza dderivat la mid-Direttiva 2004/38 u lanqas mill-Artikolu 21 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 7 tad-Digriet Irjali 240/2007 japplika, mhux biss għall-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja ppreżentati minn ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38, iżda wkoll, skont ġurisprudenza stabbilita tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), għat-talbiet għar-riunifikazzjoni tal-familja ppreżentati minn ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin Spanjol li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher utli li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja u kif irrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kundizzjoni dwar in-natura suffiċjenti tar-riżorsi, stabbilita fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, għandha tiġi interpretata fis-sens li, għalkemm iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu jkollu riżorsi suffiċjenti, id-dritt tal-Unjoni ma jinkludi, madankollu, l-ebda rekwiżit dwar l-oriġini tagħhom, peress li dawn tal-aħħar jistgħu jiġu pprovduti, b’mod partikolari, minn membru tal-familja tal-imsemmi ċittadin (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, C‑200/02, EU:C:2004:639, punti 30 sa 33, kif ukoll tat-2 ta’ Ottubru 2019, Bajratari, C‑93/18, EU:C:2019:809, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq it-tieni domanda

32

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jiċħad applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, ippreżentata mill-konjuġi, ċittadin ta’ pajjiż terz, ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru u li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, għas-sempliċi raġuni li dan iċ-ċittadin tal-Unjoni ma jkollux riżorsi suffiċjenti għalih u għall-konjuġi tiegħu sabiex ma jsirx ta’ piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali nazzjonali, mingħajr ma jkun ġie eżaminat jekk teżistix relazzjoni ta’ dipendenza bejn dan iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-konjuġi tiegħu li tkun tali li, f’każ ta’ rifjut tal-għoti ta’ permess ta’ residenza dderivata lil dan tal-aħħar, l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni jkun imġiegħel li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat fl-intier tiegħu u b’hekk ikun imċaħħad mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija lilu mill-istatus tiegħu.

33

Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li d-dritt tal-Unjoni ma japplikax, bħala prinċipju, għal applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ma’ membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ Stat Membru li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, u li għalhekk dan ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha tali riunifikazzjoni tal-familja hija suġġetta għal kundizzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti bħal dik deskritta fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

34

Madankollu, għandu jiġi rrilevat, fit-tieni lok, li l-impożizzjoni sistematika, mingħajr ebda eċċezzjoni, ta’ tali kundizzjoni tista’ tikser id-dritt ta’ residenza dderivat li għandu jiġi rrikonoxxut, f’sitwazzjonijiet partikolari ħafna, skont l-Artikolu 20 TFUE, liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 20 TFUE jagħti lil kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni dritt fundamentali u individwali li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet u għar-restrizzjonijiet stabbiliti mit-Trattat u għall-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali, inklużi deċiżjonijiet li jirrifjutaw id-dritt ta’ residenza lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li għandhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jagħtu ebda dritt awtonomu liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz. Fil-fatt, id-drittijiet eventwali mogħtija lil tali ċittadini ma humiex drittijiet proprji għal dawn iċ-ċittadini, iżda drittijiet idderivati minn dawk li jgawdi minnhom iċ-ċittadin tal-Unjoni. L-għan u l-ġustifikazzjoni tal-imsemmija drittijiet idderivati huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut tar-rikonoxximent tagħhom huwa ta’ natura li jippreġudika, b’mod partikolari, il-libertà ta’ moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li jeżistu sitwazzjonijiet partikolari ħafna li fihom, minkejja l-fatt li d-dritt sekondarju dwar id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jkunx applikabbli u li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma jkunx għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, dritt ta’ residenza għandu madankollu jingħata lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin, taħt piena li jiġi ppreġudikat l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jekk, bħala konsegwenza tar-rifjut ta’ tali dritt, dan iċ-ċittadin jiġi mġiegħel, fil-fatt, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat kollu kemm hu, u b’hekk jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet essenzjali mogħtija b’dan l-istatus (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 51).

40

Madankollu, ir-rifjut li jingħata dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jpoġġi indiskussjoni l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni biss jekk ikun hemm, bejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, relazzjoni ta’ dipendenza li twassal sabiex dan tal-aħħar ikun imġiegħel jakkumpanja liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni u li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, meħud kollu kemm hu (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Minn dan isegwi li ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax jippretendi l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat, skont l-Artikolu 20 TFUE, ħlief jekk, fin-nuqqas tal-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza, kemm dan tal-aħħar kif ukoll iċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, ikunu mġiegħla jitilqu mit-territorju tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza dderivat jista’ jiġi previst biss meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet imposti sabiex jikseb, abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra u, b’mod partikolari, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għar-riunifikazzjoni tal-familja, dritt ta’ residenza fl-Istat Membru li l-imsemmi ċittadin huwa ċittadin tiegħu.

42

Madankollu, ladarba jkun ġie kkonstatat li ma jista’ jingħata ebda dritt ta’ residenza, skont id-dritt nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni dderivat, liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, il-fatt li bejn dan iċ-ċittadin u ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun hemm relazzjoni ta’ dipendenza tali li twassal sabiex l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni jkun imġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu, f’każ li dan il-membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, jintbagħat barra mill-imsemmi territorju, għandu bħala konsegwenza li l-Artikolu 20 TFUE jobbliga, bħala prinċipju, lill-Istat Membru kkonċernat li jirrikonoxxi dritt ta’ residenza dderivat lil dan tal-aħħar.

43

Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll, fit-tielet lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li d-dritt ta’ residenza dderivat li jirriżulta mill-Artikolu 20 TFUE ma huwiex assolut, peress li l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jagħtuh f’ċerti ċirkustanzi partikolari.

44

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan l-Artikolu 20 TFUE ma jaffettwax il-possibbiltà għall-Istati Membri li jinvokaw eċċezzjoni għall-imsemmi dritt ta’ residenza dderivat marbuta, b’mod partikolari, maż-żamma tal-ordni pubbliku u mal-protezzjoni tas-sigurtà pubblika (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2016, CS, C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 36, u tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 81).

45

Rifjut ta’ dritt ta’ residenza, fil-konfront ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ pajjiż terz, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ theddida ġenwina, attwali u suffiċjentement serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-reati kriminali mwettqa mill-imsemmi ċittadin, ikun għalhekk konformi mad-dritt tal-Unjoni, anki jekk iwassal għall-obbligu taċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 92 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 20 TFUE jippermettix, bl-istess mod, lill-Istati Membri li jistabbilixxu eċċezzjoni għad-dritt ta’ residenza dderivat li jistabbilixxi dan l-artikolu u li huwa marbut ma’ rekwiżit ta’ riżorsi suffiċjenti fir-rigward taċ-ċittadin tal-Unjoni.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-evalwazzjoni ta’ eċċezzjoni għad-dritt ta’ residenza dderivat li jirriżulta mill-Artikolu 20 TFUE għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2016, CS, C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 36, u tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 81) kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, bħala prinċipju ġenerali tal-Unjoni.

48

Issa, li ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, jiġi rrifjutat dritt ta’ residenza dderivat fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità għar-raġuni biss li dan tal-aħħar ma għandux riżorsi suffiċjenti, minkejja li teżisti, bejn l-imsemmi ċittadin u dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, relazzjoni ta’ dipendenza bħal dik deskritta fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, jikkostitwixxi preġudizzju għat-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet li jirriżultaw mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni li hija sproporzjonata fir-rigward tal-għan imfittex minn tali kundizzjoni ta’ riżorsi, jiġifieri l-ħarsien tal-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, tali għan purament ekonomiku huwa fundamentalment differenti minn dak intiż għaż-żamma tal-ordni pubbliku u li jħares is-sigurtà pubblika u ma jippermettix li jiġi ġġustifikat ksur tant gravi għat-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet li jirriżultaw mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

49

Minn dan isegwi li, meta tkun teżisti relazzjoni ta’ dipendenza, fis-sens tal-punt 39 ta’ din is-sentenza, bejn ċittadin tal-Unjoni u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja tiegħu, l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi li Stat Membru jipprevedi eċċezzjoni għad-dritt ta’ residenza dderivat li dan l-artikolu jirrikonoxxi lil dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, għas-sempliċi raġuni li l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni ma jkollux riżorsi suffiċjenti.

50

Għalhekk, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-obbligu impost fuq iċ-ċittadin tal-Unjoni li jkollu riżorsi suffiċjenti għalih u għall-membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, huwa ta’ natura li jikkomprometti l-effett utli tal-Artikolu 20 TFUE jekk dan iwassal sabiex l-imsemmi ċittadin ikollu jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, meħud fl-intier tiegħu u sabiex, minħabba l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn dan iċ-ċittadin u ċ-ċittadin tal-Unjoni, dan tal-aħħar ikun għaldaqstant imġiegħel li jakkumpanjah u, għaldaqstant, li jitlaq, huwa wkoll, mit-territorju tal-Unjoni.

51

Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-modalitajiet proċedurali li jipprovdu li, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jinvoka l-eżistenza ta’ dritt idderivat skont l-Artikolu 20 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm huwa minnu li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tad-dritt ta’ residenza dderivat li, fis-sitwazzjonijiet partikolari ħafna msemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, għandhom jiġu rrikonoxxuti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz skont l-Artikolu 20 TFUE, xorta jibqa’ l-fatt li dawn il-modalitajiet proċedurali ma jistgħux madankollu jikkompromettu l-effett utli tal-imsemmi Artikolu 20 (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 54).

52

Għalhekk, għalkemm l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx l-obbligu li jeżaminaw sistematikament u ex officio l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza, fis-sens tal-Artikolu 20 TFUE, peress li l-persuna kkonċernata għandha tipproduċi l-provi li jippermettu li jiġi evalwat jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE, madankollu, l-effett utli ta’ dan l-artikolu jkun kompromess jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew iċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, ma jkunux jistgħu jinvokaw l-elementi li jippermettu li jiġi evalwat jekk teżistix relazzjoni ta’ dipendenza bejniethom, fis-sens tal-Artikolu 20 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punti 7576).

53

Għaldaqstant, meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun adita, minn ċittadin ta’ pajjiż terz, b’applikazzjoni għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat, din l-awtorità ma tistax tiċħad, b’mod awtomatiku, din l-applikazzjoni għas-sempliċi raġuni li dan iċ-ċittadin tal-Unjoni ma għandux riżorsi suffiċjenti. Għall-kuntrarju, din għandha tevalwa, abbażi tal-elementi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jagħtuha liberament u billi twettaq, jekk ikun hemm bżonn, ir-riċerki neċessarji, jekk hemmx, bejn dawn iż-żewġ persuni, relazzjoni ta’ dipendenza bħal dik deskritta fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li d-dritt ta’ residenza dderivat għandu, bħala prinċipju, jingħata lil dan iċ-ċittadin, skont l-Artikolu 20 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punti 75 sa 77).

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jiċħad applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, ippreżentata mill-konjuġi, ċittadin ta’ pajjiż terz, ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru u li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, għas-sempliċi raġuni li dan iċ-ċittadin tal-Unjoni ma jkollux riżorsi suffiċjenti għalih u għall-konjuġi tiegħu sabiex ma jsirx ta’ piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali nazzjonali, mingħajr ma jkun ġie eżaminat jekk teżistix relazzjoni ta’ dipendenza bejn l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni u l-konjuġi tiegħu li tkun tali li, f’każ ta’ rifjut tal-għoti ta’ permess ta’ residenza dderivat lil dan tal-aħħar, l-istess ċittadin tal-Unjoni jkun imġiegħel li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat fl-intier tiegħu u b’hekk ikun imċaħħad mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija lilu mill-istatus tiegħu.

Fuq l-ewwel domanda

55

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li teżisti relazzjoni ta’ dipendenza, ta’ natura li tiġġustifika l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat skont dan l-artikolu, biss minħabba li ċ-ċittadin ta’ Stat Membru, maġġorenni u li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, u l-konjuġi tiegħu, maġġorenni u ċittadin ta’ pajjiż terz, għandhom jgħixu flimkien, skont l-obbligi li jirriżultaw miż-żwieġ skont id-dritt tal-Istat Membru li ċ-ċittadin tiegħu huwa ċittadin tal-Unjoni.

56

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li b’differenza mill-minorenni u, a fortiori, jekk dawn huma tfal ta’ età żgħira, adult huwa, bħala prinċipju, f’pożizzjoni li jkollu eżistenza indipendenti mill-membri tal-familja tiegħu. Minn dan isegwi li r-rikonoxximent, bejn żewġ adulti, membri tal-istess familja, ta’ relazzjoni ta’ dipendenza ta’ natura li toħloq dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE, ma tistax tiġi prevista ħlief f’każijiet eċċezzjonali, li fihom, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, il-persuna kkonċernata ma tkun tista’ bl-ebda mod tiġi sseparata mill-membru tal-familja tagħha li minnu tiddependi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 65).

57

Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li s-sempliċi fatt li jista’ jidher mixtieq għal ċittadin ta’ Stat Membru, għal raġunijiet ekonomiċi jew sabiex iżomm l-unità tal-familja fit-territorju tal-Unjoni, li membri tal-familja tiegħu, li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, jistgħu jirrisjedu miegħu fit-territorju tal-Unjoni, ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jitqies li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jekk tali dritt ma jingħatax (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

Għalhekk, l-eżistenza ta’ rabta familjari, kemm jekk tkun ta’ natura bijoloġika jew ġuridika bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika li jiġi rrikonoxxut, skont l-Artikolu 20 TFUE, dritt ta’ residenza dderivat lill-imsemmi membru tal-familja fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni huwa ċittadin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 75).

59

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li prinċipju tad-dritt internazzjonali, affermat mill-ġdid fl-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 4 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li d-dritt tal-Unjoni ma jistax jitqies li jikser fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, jipprekludi li Stat Membru jirrifjuta liċ-ċittadini tiegħu stess id-dritt li jaċċedu għat-territorju tiegħu u li jirrisjedu hemmhekk taħt kwalunkwe titolu.

60

Peress li dritt ta’ residenza inkundizzjonat huwa għalhekk irrikonoxxut liċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ dan tal-aħħar (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 37), Stat Membru ma jistax jobbliga legalment lil wieħed miċ-ċittadini tiegħu jitlaq mit-territorju tiegħu sabiex, b’mod partikolari, josserva l-obbligi li jirriżultaw miż-żwieġ tiegħu, mingħajr ma jikser il-prinċipju tad-dritt internazzjonali mfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

61

Għalhekk, anki jekk jitqies li, kif issostni l-qorti tar-rinviju fir-rigward tad-dritt Spanjol, ir-regoli ta’ Stat Membru dwar iż-żwieġ jimponu fuq iċ-ċittadin ta’ dan l-Istat Membru u fuq il-konjuġi tiegħu li jgħixu flimkien, tali obbligu ma jista’ qatt, madankollu, iġiegħel legalment lil dan iċ-ċittadin jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, anki jekk il-konjuġi tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, ma jingħatax permess ta’ residenza fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’ il fuq, tali obbligu legali impost fuq il-konjuġi li jgħixu flimkien ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jistabbilixxi li teżisti, bejniethom, relazzjoni ta’ dipendenza ta’ tali natura li timponi, fuq dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, fil-każ li l-konjuġi tiegħu jirritorna barra mit-territorju tal-Unjoni, li jakkumpanjah u, għaldaqstant, li jitlaq, huwa wkoll, mit-territorju tal-Unjoni.

62

Fi kwalunkwe każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-obbligu impost fuq il-konjuġi li jgħixu flimkien, li jirriżulta mid-dritt Spanjol, ma huwiex eżekuttiv b’mod ġudizzjarju.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li relazzjoni ta’ dipendenza, ta’ natura li tiġġustifika l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat skont dan l-artikolu, ma teżistix biss minħabba li ċ-ċittadin ta’ Stat Membru, maġġorenni u li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, u l-konjuġi tiegħu, maġġorenni u ċittadin ta’ pajjiż terz, huma obbligati li jgħixu flimkien, skont l-obbligi li jirriżultaw miż-żwieġ skont id-dritt tal-Istat Membru li ċ-ċittadin tal-Unjoni huwa ċittadin tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jiċħad applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, imressqa mill-konjuġi, ċittadin ta’ pajjiż terz, ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru u li ma jkunx eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, għas-sempliċi raġuni li dan iċ-ċittadin tal-Unjoni ma jkollux, għalih u għall-konjuġi tiegħu, riżorsi suffiċjenti sabiex ma jsirx piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali nazzjonali, mingħajr ma jkun ġie eżaminat jekk teżistix relazzjoni ta’ dipendenza bejn l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni u l-konjuġi tiegħu li tkun tali li, f’każ ta’ rifjut tal-għoti ta’ permess ta’ residenza dderivat lil dan tal-aħħar, l-istess ċittadin tal-Unjoni jkun imġiegħel li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat fl-intier tiegħu u b’hekk ikun imċaħħad mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija lilu mill-istatus tiegħu.

 

2)

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li relazzjoni ta’ dipendenza, ta’ natura li tiġġustifika l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat skont dan l-artikolu, ma teżistix biss minħabba li ċ-ċittadin ta’ Stat Membru, maġġorenni u qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, u l-konjuġi tiegħu, maġġorenni u ċittadin ta’ pajjiż terz, għandhom jgħixu flimkien, skont l-obbligi li jirriżultaw miż-żwieġ skont id-dritt tal-Istat Membru li ċ-ċittadin tal-Unjoni huwa ċittadin tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.