SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

4 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom – Direttiva 86/653/KEE – Artikolu 1(2) – Kunċett ta’ ‘aġent kummerċjali’ – Negozjar tal-bejgħ jew tax-xiri ta’ merkanzija għall-mandant – Intermedjarju li ma għandux il-possibbiltà jemenda l-kundizzjonijiet ta’ bejgħ u l-prezzijiet tal-merkanzija inkarigat mill-bejgħ tagħha”

Fil-Kawża C‑828/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal de commerce de Paris (il-Qorti Kummerċjali ta’ Pariġi, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura

Trendsetteuse SARL

vs

DCA SARL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Rodin, President ta’ Awla, K. Jürimäe (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Trendsetteuse SARL, minn G. Grignon Dumoulin, avocat,

għall-Gvern Franċiż, minn A.‑L. Desjonquères u R. Coesme, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u U. Bartl, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u G. Hesse, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u L. Armati, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Trendsetteuse SARL u DCA SARL dwar talba għal kumpens wara t-terminazzjoni tal-ftehim li kien jorbot dawn iż-żewġ kumpanniji.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

It-tieni u t-tielet premessa tad-Direttiva 86/653 jistabbilixxu:

“Billi d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rappreżentanza kummerċjali sostanzjalment jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u t-twettiq ta’ dik l-attività [fl-Unjoni Ewropea] u huma ta’ ħsara kemm għal protezzjoni disponibbli għal aġenti kummerċjali vis-à-vis il-prinċipali tagħhom u kemm għas-sigurtà ta’ operazzjonijiet kummerċjali; billi barraminnhekk dawk id-differenzi huma tali li jipprevienu sostanzjalment il-konklużjoni u l-operazzjoni ta’ kuntratti ta’ rappreżentanza kummerċjali meta l-prinċipal u l-aġenti kummerċjali jkunu stabbiliti fi Stati Membri differenti;

Billi l-kummerċ fil-merkanzija bejn Stati Membri għandu jitwettaq taħt il-kundizzjonijiet li huma simili għal dawk ta’ suq wieħed, u dan jeħtieġ l-approssimazzjoni tas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri sal-limitu meħtieġ għal funzjonament kif suppost tas-suq komuni; billi f’dan ir-rigward ir-regoli li jikkonċernaw konflitti fil-liġijiet fil-fatt ma jneħħux, fil-materja ta’ rappreżentanza kummerċjali, l-inkonsistenzi msemmija fuq, lanqas ma kienu li kieku saru l-istess, u għalhekk l-armonizzazzjoni proposta hija neċessarja minkejja l-eżistenza ta’ dawk ir-regoli.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Il-miżuri ta’ armonizzazzjoni stipulati minn din id-Direttiva għandhom japplikaw għal-liġijiet, għar-regolamenti u għad-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn aġenti kummerċjali u l-prinċipali tagħhom.

2.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ‘aġent kummerċjali’ għandu jfisser intermedjarju li jaħdem għal rasu li jkollu awtorità kontinwa li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-‘prinċipal’, jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn l-operazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isem dak il-prinċipal.

3.   Aġent kummerċjali għandu jinftiehem fis-sens ta’ din id-Direttiva bħala li ma jinkludix b’mod partikolari:

persuna li, fil-kapaċità tagħha bħala uffiċjal, tkun awtorizzata li tidħol f’impenji li jorbtu fuq kumpannija jew assoċjazzjoni,

sieħeb li huwa legalment awtorizzat li jidħol f’impenji li jorbtu lis-sieħba tiegħu,

riċevitur, riċevitur u amministratur, likwidatur jew trustee f’falliment.”

5

Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva:

“1.   Fit-twettiq ta’ l-attivitajiet tiegħu, aġent kummerċjali għandu jfittex li jħares l-interessi tal-prinċipal tiegħu u jaġixxi kif suppost u b’intenzjoni tajba.

2.   B’mod partikolari, aġent kummerċjali għandu:

(a)

jagħmel sforzi approprjati biex jinnegozja u, meta approprjat, jikkonkludi l-operazzjonijiet li jkun intalab jieħu ħsieb;

(b)

jikkomunika lill-prinċipal tiegħu l-informazjoni kollha neċessarja disponibbli għalih;

(ċ)

jikkonforma ma’ istruzzjonijiet raġjonevoli mogħtija mill-prinċipal tiegħu.”

6

L-Artikolu 4(3) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Il-prinċipal għandu, barra minn dan, jinforma lill-aġent kummerċjali fi żmien raġonevoli bl-aċċettazzjoni, bir-rifjut, u b’kull non-eżekuzzjoni minnu ta’ operazzjoni kummerċjali li l-aġent kummerċjali jkun akkwista għall-prinċipal.”

7

L-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 86/653, dwar il-kumpens dovut lill-aġent kummerċjali wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija, jipprovdi, fil-punt (a) tiegħu:

“L-aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal indennizz jekk u sal-limiti li:

ikun ressaq lill-klijenti prinċipali ġodda jew ikun żied b’mod sinfikanti l-volum tan-negozju ma’ klijenti eżistenti u l-prinċipal jibqa’ jieħu benefiċċji sostanzjali min-negozju ma’ dawn il-klijenti, u

u

il-ħlas ta’ dan l-indennizz ikun indaqs fir-rigward taċ-ċirkostanzi kollha u, b’mod partikolari, il-kommissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali fuq in-negozju mwettaq ma’ dawk il-klijenti. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu biex dawn iċ-ċirkostanzi jinkludu l-applikazzjoni jew xort oħra ta’ klawsola fuq ir-restrizzjoni tal-kummerċ, fis-sens ta’ l-Artikolu 20.”

Id-dritt Franċiż

8

Id-Direttiva 86/653 ġiet trasposta fid-dritt Franċiż permezz tal-Liġi Nru 91–593, tal-25 ta’ Ġunju 1991, dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-Aġenti Kummerċjali u l-Mandanti Tagħhom (JORF tas-27 ta’ Ġunju 1991, p. 8271). L-Artikolu 1 ta’ din il-liġi, ikkodifikat fl-Artikolu L. 134–1 tal-Kodiċi tal-Kummerċ, huwa fformulat kif ġej:

“L-aġent kummerċjali huwa mandatarju li, bħala professjoni indipendenti […], huwa inkarigat b’mod permanenti, jinnegozja u, possibbilment, jikkonkludi kuntratti ta’ bejgħ […] f’isem u għan-nom ta’ produtturi, negozjanti […].”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

DCA, kumpannija li l-għan tagħha huwa b’mod partikolari l-manifattura u d-distribuzzjoni ta’ prodotti kkummerċjalizzati bit-trade mark IZI-MI kif ukoll l-użu ta’ ħwienet tal-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti prêt-à-porter u ta’ ġojjellerija, kienet marbuta, b’effett mix-xahar ta’ Lulju 2003, bi ftehim mhux bil-miktub ma’ Trendsetteuse, li permezz tiegħu din tal-aħħar kellha tiddistribwixxi l-prodotti ta’ DCA fis-sala ta’ espożizzjoni tagħha, inkambju għal kummissjoni fuq il-prezz tal-bejgħ tal-imsemmija prodotti.

10

Dan il-ftehim kien jipprovdi b’mod partikolari li Trendsetteuse kienet inkarigata tikkonkludi, f’isem u għan-nom ta’ DCA, kuntratti ta’ bejgħ ta’ prodotti tat-trade mark IZI-MI fiż-żona msejħa “Grand Nord”, li kienet tikkorrispondi għall-parti tan-naħa ta’ fuq kollha ta’ Franza, kif ukoll fiż-żona msejħa “Grand Sud”, li kienet tikkorrispondi għall-parti tan-naħa ta’ isfel ta’ Franza, bl-eċċezzjoni ta’ Korsika. Għal dan il-għan, Trendsetteusse kienet tqiegħed lil DCA f’kuntatt mal-klijentela, tieħu l-ordnijiet tal-prodotti u ssegwi d-distribuzzjoni u l-kunsinni tagħhom.

11

Fid-29 ta’ Marzu 2016, DCA informat lil Trendsetteuse li hija kienet ser ittemm ir-relazzjoni kuntrattwali tagħhom fir-rigward taż-żona msejħa “Grand Sud”, peress li qieset li l-bejgħ tal-prodotti kkummerċjalizzati bit-trade mark IZI-MI f’din iż-żona kien insuffiċjenti. DCA ppreċiżat ukoll li, fin-nuqqas ta’ aċċettazzjoni minn Trendsetteuse ta’ dan l-irtirar, hija kienet ser twaqqaf kull kollaborazzjoni ma’ din il-kumpannija.

12

Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ April 2016, Trendsetteuse informat lil DCA li hija kienet tikkontesta din id-deċiżjoni li qieset bħala inġustifikata u li kienet timplika nofs id-dħul mill-bejgħ tagħha. Madankollu, fir-rebbiegħa tal-2016, DCA fdat din iż-żona lil kumpannija oħra.

13

Trendsetteuse intimat lil DCA sabiex tħallasha kumpens ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, liema talba DCA ċaħdet billi invokat il-fatt li Trendsetteuse ma kellhiex il-kwalità ta’ aġent kummerċjali, fis-sens tal-Artikolu L. 134–1 tal-Kodiċi tal-Kummerċ.

14

Għaldaqstant, Trendsetteuse ressqet kawża quddiem it-tribunal de commerce de Paris (il-Qorti Kummerċjali ta’ Pariġi, Franza), u sostniet li l-ftehim li kien jorbotha ma’ DCA kien jikkostitwixxi kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali.

15

Bħala difiża, DCA rrifjutat lil dan il-ftehim il-kwalità ta’ kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, minħabba li, skont l-imsemmi ftehim, Trendsetteuse ma kellhiex is-setgħa li temenda l-kundizzjonijiet ta’ bejgħ tal-prodotti li hija kienet tbigħ għan-nom ta’ DCA, b’mod partikolari li tibdel il-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti kif iffissati minn din tal-aħħar.

16

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji rigward il-klassifikazzjoni tal-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, din il-qorti ssostni li l-Artikolu L. 134–1 tal-Kodiċi tal-Kummerċ jiddefinixxi lill-aġent kummerċjali bħala l-mandatarju inkarigat b’mod permanenti li jinnegozja u, possibbilment, li jikkonkludi kuntratti ta’ bejgħ.

17

Filwaqt li tosserva li din id-dispożizzjoni tirriproduċi l-kliem tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif għandu jiġi interpretat it-terminu “jinnegozja”, li jinsab f’dan l-artikolu. Fil-fatt, filwaqt li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) interpretat dan it-terminu fis-sens li persuna ma jistax ikollha l-kwalità ta’ aġent kummerċjali meta ma jkollhiex is-setgħa li tibdel il-kundizzjonijiet tal-bejgħ u li tiffissa l-prezzijiet tal-merkanzija li tkun inkarigata mill-bejgħ tagħha għan-nom tal-mandant, qrati Franċiżi oħra kif ukoll qrati ta’ Stati Membri oħra, billi bbażaw ruħhom fuq is-sens komuni marbut mal-kelma “jinnegozja”, ikkonstataw interpretazzjoni kuntrarja.

18

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk kumpannija bħal Trendsetteuse, li ma għandhiex is-setgħa tibdel il-kundizzjonijiet ta’ bejgħ ta’ prodotti li hija tbigħ f’isem kumpannija oħra, u b’mod partikolari tibdel il-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti, ma tistax titqies li hija inkarigata li “tinnegozja” kuntratti, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal de commerce de Paris (il-Qorti Kummerċjali ta’ Pariġi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva [86/653] għandu jiġi interpretat li jfisser li intermedjarju li jaħdem għal rasu, li jaġixxi inkwantu mandatarju f’isem il-mandant tiegħu, u li ma għandux is-setgħa li jibdel it-tariffi u l-kundizzjonijiet kuntrattwali tal-kuntratti ta’ bejgħ tal-mandant tiegħu, ma huwiex inkarigat li jinnegozja l-imsemmija kuntratti fis-sens ta’ dan l-artikolu u ma jistax konsegwentement jiġi kklassifikat bħala aġent kummerċjali u jibbenefika mill-istatus previst mid-Direttiva?”

Fuq id-domanda preliminari

20

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna għandha neċessarjament ikollha l-possibbiltà li tibdel il-prezzijiet tal-merkanzija li tkun inkarigata mill-bejgħ tagħha għan-nom tal-mandant sabiex tiġi kklassifikata bħala “aġent kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

21

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 jiddefinixxi, għall-finijiet tagħha, l-aġent kummerċjali bħala intermedjarju li jaħdem għal rasu, li huwa inkarigat b’mod kontinwu, li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra, imsejħa “mandant” jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn it-tranżazzjonijiet għan-nom u f’isem il-mandant.

22

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi għalhekk tliet kundizzjonijiet neċessarji u suffiċjenti sabiex persuna tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala aġent kummerċjali. L-ewwel nett, din il-persuna għandha jkollha l-kwalità ta’ intermedjarju li jaħdem għal rasu. It-tieni nett, hija għandha tkun marbuta kuntrattwalment b’mod permanenti mal-mandant. It-tielet nett, hija għandha teżerċita attività li tikkonsisti fin-negozjar tal-bejgħ jew tax-xiri ta’ merkanzija għall-mandant, jew fin-negozjar u l-konklużjoni ta’ dawn it-tranżazzjonijiet għan-nom u f’isem il-mandant (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, Zako, C‑452/17, EU:C:2018:935, punt 23).

23

F’dan il-każ, għandu jiġi ddefinit is-sens tat-terminu “jinnegozja” previst fit-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, sabiex jiġi stabbilit jekk dan jimplikax neċessarjament, sabiex persuna jkollha l-kwalità ta’ aġent kummerċjali, li hija għandha s-setgħa tibdel il-prezzijiet tal-merkanzija inkarigata mill-bejgħ tagħha f’isem il-mandant.

24

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm id-Direttiva 86/653 ma tiddefinixxix il-kelma “jinnegozja”, il-fatt li l-att ta’ negozjar imsemmi fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva għandu jirrigwarda “il-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija għall-[mandant]” juri r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li dan l-att ikollu bħala għan il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ bejgħ jew ta’ xiri f’isem il-mandant.

25

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, sa fejn l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 ma jagħmel ebda riferiment għad-drittijiet nazzjonali fir-rigward tat-tifsira tal-kunċett ta’ “jinnegozja”, dan għandu jitqies, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Engie Cartagena, C‑523/18, EU:C:2019:1129, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ termini li fir-rigward tagħhom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni fid-dritt tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita skont it-tifsira komuni tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jiffurmaw parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online, C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 77).

27

Madankollu, għalkemm il-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 jużaw termini li jistgħu jiġu tradotti bħala “jinnegozja”, il-verżjonijiet, b’mod partikolari, bil-Ġermaniż u bil-Pollakk jużaw termini iktar estiżi, li jistgħu jiġu tradotti bħala “iservi ta’ intermedjarju”.

28

Madankollu, u minkejja din id-diskrepanza, it-termini użati fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 ma jimplikawx obbligatorjament li l-aġent kummerċjali jista’ jiffissa huwa stess il-prezz tal-merkanzija inkarigat mill-bejgħ tagħha għan-nom tal-mandant.

29

Hemm lok, sussegwentement, li t-terminu “jinnegozja”, li jinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653, jiġi interpretat b’kunsiderazzjoni għall-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u għall-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva.

30

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni, l-ewwel nett, mill-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 86/653 jirriżulta li, fil-kuntest tal-kuntratt tiegħu, l-aġent kummerċjali għandu jiżgura l-interessi tal-mandant, b’mod partikolari billi jaħdem kif meħtieġ għan-negozjar u, skont il-każ, għall-konklużjoni tat-tranżazzjonijiet li huwa inkarigat minnhom. L-għan tal-attività tal-aġent kummerċjali għalhekk jiddependi mit-termini tal-kuntratt li jorbtuh mal-mandant, u b’mod partikolari mill-ftehim tal-partijiet fir-rigward tal-merkanzija li l-mandant għandu l-intenzjoni jbigħ jew jixtri permezz ta’ dan l-aġent (sentenza tas-7 ta’ April 2016, Marchon Germany, C‑315/14, EU:C:2016:211, punti 31 u 32).

31

Madankollu, tali kuntratt jista’ jipprevedi l-prezzijiet ta’ bejgħ tal-merkanzija, mingħajr ma jkun possibbli għall-aġent kummerċjali li jemendahom fil-kuntest tan-negozjati. Fil-fatt, tali ffissar kuntrattwali tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-merkanzija jista’ jiġi ġġustifikat minn raġunijiet ta’ politika kummerċjali, li teżiġi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi bħall-pożizzjoni ta’ impriża fis-suq, il-prezzijiet ipprattikati mill-kompetituri u s-sostenibbiltà ta’ din l-impriża.

32

It-tieni nett, il-fatt li aġent kummerċjali ma jkollux il-possibbiltà li jibdel il-prezzijiet tal-merkanzija inkarigat mill-bejgħ tagħha f’isem il-mandant ma jipprekludix it-twettiq mill-aġent kummerċjali tal-kompiti prinċipali tiegħu, kif deskritti fid-Direttiva 86/653.

33

Fil-fatt, minn qari flimkien tal-Artikolu 4(3) u tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 jirriżulta li l-kompiti prinċipali ta’ aġent kummerċjali jikkonsistu fi klijentela ġdida lill-mandant u fl-iżvilupp tat-tranżazzjonijiet mal-klijenti eżistenti.

34

Kif enfasizza, essenzjalment, il-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, it-twettiq ta’ dawn il-kompiti jista’ jiġi żgurat mill-aġent kummerċjali permezz ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ konsulenza kif ukoll permezz ta’ diskussjonijiet, li jkunu ta’ natura li jiffavorixxu l-konklużjoni tat-tranżazzjoni ta’ bejgħ tal-merkanzija f’isem il-mandant, mingħajr ma l-aġent kummerċjali jkollu l-possibbiltà li jibdel il-prezzijiet tal-imsemmija merkanzija.

35

Fit-tieni lok, interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 fis-sens li din id-dispożizzjoni teskludi mill-klassifikazzjoni ta’ “aġent kummerċjali” il-persuni li ma jkollhomx il-possibbiltà li jibdlu l-prezzijiet tal-merkanzija inkarigati mill-bejgħ tagħha f’isem il-mandant tmur kontra l-għanijiet ta’ din id-direttiva.

36

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mit-tieni u mit-tielet premessa, l-imsemmija direttiva hija intiża li tipproteġi l-aġenti kummerċjali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-mandanti tagħhom, li tippromwovi s-sigurtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u li tiffaċilita l-iskambji ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri bl-approssimazzjoni tas-sistemi legali ta’ dawn tal-aħħar fil-qasam tar-rappreżentanza kummerċjali (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, Zako, C‑452/17, EU:C:2018:935, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Madankollu, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 b’mod restrittiv, fis-sens li, sabiex tibbenefika mill-protezzjoni ta’ din id-direttiva, persuna għandha neċessarjament ikollha l-possibbiltà li tibdel il-prezzijiet tal-merkanzija inkarigata mill-bejgħ tagħha f’isem il-mandant, tillimita l-portata ta’ din il-protezzjoni, billi teskludi minn dan il-benefiċċju l-persuni kollha li ma jkollhomx l-imsemmija possibbiltà.

38

Tali interpretazzjoni tippermetti lill-mandant, kif osservaw kemm il-Gvern Awstrijak u Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, jevita d-dispożizzjonijiet imperattivi tad-Direttiva 86/653, b’mod partikolari dik relatata mal-kumpens tal-aġent kummerċjali fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt, filwaqt l jkollu skont dan il-kuntratt kull dritt li jinnegozja l-prezzijiet tal-merkanzija, liema fatt jippreġudika t-twettiq tal-għan imfittex minn din id-direttiva.

39

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ma għandhiex neċessarjament ikollha l-possibbiltà li tibdel il-prezzijiet tal-merkanzija inkarigata mill-bejgħ tagħha għan-nom tal-mandant sabiex tiġi kklassifikata bħala aġent kummerċjali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ma għandhiex neċessarjament ikollha l-possibbiltà li tibdel il-prezzijiet tal-merkanzija inkarigata mill-bejgħ tagħha għan-nom tal-mandant sabiex tiġi kklassifikata bħala aġent kummerċjali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.