SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

30 ta’ April 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 2658/87 – Unjoni doganali u tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Subintestatura 85258091 – Kameras diġitali – Vidjo kameras li jirrekordjaw – Vidjo kamera diġitali li tista’ tieħu u tirrekordja immaġni fissi u sekwenzi ta’ vidjo ta’ kwalità tar-riżoluzzjoni inferjuri għal 800 x 600 pixel”

Fil-Kawża C‑810/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský súd v Trnave (il-Qorti Reġjonali ta’ Trnava, Is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura

DHL Logistics (Slovakia) spol. s r. o.

vs

Finančné riaditeľstvo Slovenskej republiky,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn P. G. Xuereb, President tal-Awla, T. von Danwitz u A. Kumin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn A. Tokár u A. Caeiros, sussegwentement minn A. Tokár, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestatura tariffarja 85258091 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjonijiet tiegħu li jirriżultaw suċċessivament bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008 tad-19 ta’ Settembru 2008 (ĠU 2008, L 291, p. 1), bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 948/2009 tat-30 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 287, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2010, L 149, p. 27), bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010 tal-5 ta’ Ottubru 2010 (ĠU 2010, L 284, p. 1), bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011 tas-27 ta’ Settembru 2011 (ĠU 2011, L 282, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2011, L 290, p. 6, fil-ĠU 2012, L 52, p. 32 u fil-ĠU 2012, L 226, p. 8), u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012 tad-9 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012, L 304, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn DHL Logistics (Slovakia) spol. s r. o. (iktar ’il quddiem “DHL”) u Finančné riaditeľstvo Slovenskej republiky (id-Direttorat għall-Finanzi tar-Repubblika Slovakka, iktar ’il quddiem id-“Direttorat għall-Finanzi”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ vidjo kameras diġitali.

Id-dritt tal-Unjoni

3

Mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-verżjonijiet tan-NM applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali huma dawk relatati mas-snin 2009 sa 2012, li jirriżultaw mir-Regolamenti Nri 1031/2008, 948/2009, 861/2010, 1006/2011 kif ukoll mir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 927/2012, rispettivament. Id-dispożizzjonijiet tan-NM applikabbli għall-kawża prinċipali baqgħu, madankollu, identiċi minn verżjoni għall-oħra tan-NM.

4

Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fil-punt A tat-Taqsima 1 tal-Ewwel Parti tagħha, jipprovdu:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[…]

6.

Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

5

It-Tieni Parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ Dazji tad-Dwana”, tinkludi t-Taqsima XVI, intitolata “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; partijiet tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.

6

In-nota 3, li tinsab taħt it-titolu ta’ din it-taqsima tan-NM, hija fformulata kif ġej:

“Sakemm il-kuntest ma jesiġix mod ieħor, magni komposti magħmulin minn żewġ magni jew aktar mwaħħlin flimkien biex jagħmlu waħda u magni oħrajn maħsubin bil-għan li jagħmlu żewġ funzjonijiet kumplimentari jew alternattivi jew aktar għandhom jiġu kklassifikati daqslikieku magħmulin biss minn dak il-komponent jew huma dik il-magna li tagħmel il-funzjoni prinċipali.”

7

Il-Kapitolu 85 tan-NM, li jinsab taħt l-imsemmija taqsima ta’ din in-nomenklatura, huwa intitolat “Makkinarju u Tagħmir Elettriku u Partijiet tagħhom, Srumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu l-Ħoss, Srumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu Stampa u Ħoss tat-Televiżjoni u Partijiet u Aċċessorji ta’ dawn l-Oġġetti”. Dan il-kapitolu jinkludi l-intestaturi u s-subintestaturi li ġejjin:

“8525

Tagħmir ta’ trasmissjoni għax-xandir bir-radju jew bit-televiżjoni, kemm jekk fih u kemm jekk ma fihx tagħmir ta’ riċezzjoni jew tagħmir ta’ rrekordjar jew riproduzzjoni; kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u vidjowkameras li jirrekordjaw

[…]

[…]

8525 80

– Kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u vidjowkameras li jirrekordjaw:

[…]

[…]

8525 80 30

– – Kameras diġtali

– – Vidjowkameras li jirrekordjaw:

8525 80 91

– – – Jistgħu jirreġistraw biss ħoss u immaġni meħudin b’telekamera [kameras tat-televiżjoni]

8525 80 99

– – – Oħrajn”

8

Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000 tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 3572000), il-Kummissjoni Ewropea mgħejjuna mill-Kumitat tal-Kodiċi tad-Dwana għandha tadotta l-miżuri li jikkonċernaw l-applikazzjoni tan-NM għal dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-oġġetti. Huwa abbażi tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet li ġie adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1231/2007 tad-19 ta’ Ottubru 2007 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti merkanziji fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2007, L 279, p. 3).

9

L-Anness tar-Regolament Nru 1231/2007 jikklassifika fin-NM l-oġġetti indikati fl-ewwel kolonna tat-tabella li jinsabu taħt il-kodiċi korrispondenti indikat fit-tieni kolonna ta’ din it-tabella u dan skont il-motivazzjoni indikata fit-tielet kolonna tal-imsemmija tabella. Għal dak li jirrigwarda s-subintestaturi 85258030 u 85258091, din it-tabella tinsab kif ġej:

“3. Kamera diġitali biex tiġbed u tirrekordja immaġni fuq tagħmir ta’ ħażna intern b’kapaċità ta’ 22 [megabytes (MB)] jew fuq kard ta’ memorja ta’ kapaċità massima ta’ 1 [gigabyte (GB)].

Il-kamera hija mgħammra b’tagħmir charge-coupled (CCD) ta’ 6 megapixels u mezz kristall likwidu (LCD) b’qies djagonali ta’ 6,35 ċm (2.5 pulzieri) li jista’ jintuża bħala display waqt li jkun qed jiġbed immaġni jew bħala skrin biex juri l-immaġni li jkunu ġew irrekordjati diġà.

Ir-riżoluzzjoni massima ta’ l-immaġni fissi hija 3 680 × 2 760 pixels..

Meta tuża din ir-rizoluzzjoni li hija l-aktar għolja u l-kard tal-memorja ta’ 1 GB, hija kapaċi tirrekordja madwar 290 immaġni fissi. Meta tuża r-riżoluzzjoni ta’ 640 × 480 pixels u l-karta tal-memorja ta’ 1 GB, hija kapaċi tirrekordja madwar 7 550 immaġni fissi

Ir-riżoluzzjoni massima tal-vidjow hija ta’ 640 × 480 pixels.

Meta tuża din ir-riżoluzzjoni li hija l-aktar għolja u l-karta tal-memorja ta’ 1 GB, hija kapaċi tirrekordja madwar 11-il minuta ta’ vidjow bi 30 frejm kull sekonda.

Il-kamera għandha il-funzjoni ta’ żum ottiku li ma jistax jintuża waqt li tkun qed tirrekordja l-vidjow.

8525 80 30

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-[NC], Nota 3 għal Sezzjoni XVI u l-kliem tal-kodiċi NM 8525, 8525 80 u 8525 80 30.

Il-kamera ma tkunx ikklassifikata f’subtitlu 8525 80 11 jew 8525 80 19 bħala kamera tat-televiżjoni għax hija kapaċi tirrekordja immaġni fissi u vidjow.

Il-prodott jista’ jiġbed u jirrekordja immaġni fissi ta’ kwalità għolja.

Madankollu, il-prodott jista’ jiġbed u jirrekordja biss vidjow ta’ kwalità anqas minn 800 × 600 pixels u m’għandux funzjoni ta’ żum matul l-irrekordjar tal-vidjow (Ara in-Noti ta’ Spjega NM għal subtitlu 8525 80 30).

Fit-tifsira ta’ Nota 3 għal Taqsima XVI, il-funzjoni prinċipali tal-kamera hija l-ġbid u l-irrekordjar ta’ immaġni fissi u, għalhekk, il-prodott għandu jkun ikklassifikat bħala kamera diġitali ta’ subtitlu 8525 80 30.

4. Kamera diġitali biex tiġbed u tirrekordja immaġni fuq kard tal-memorja b’kapaċità massima ta’ 1 GB.

Il-kamera hija mgħammra b’tagħmir charge-coupled (CCD) ta’ 6 megapixels u viewfinder li jintewa ta’ mezz kristall likwidu (LCD) b’qies djagonali ta’ 5,08 ċm (2.0 pulzieri) li jista’ jintuża bħala display waqt li jkun qed jiġbed immaġni jew bħala skrin biex juri l-immaġni li jkunu ġew irrekordjati diġà.

Ir-riżoluzzjoni massima ta’ l-immaġni fissi hija ta’ 3 680 × 2 760 pixels.

Meta tuża din ir-riżoluzzjoni li hija l-aktar għolja u l-kard tal-memorja ta’ 1 GB, hija kapaċi tirrekordja 300 immaġni fissi. Meta tuża r-riżoluzzjoni ta’ 640 × 480 pixels u l-karta tal-memorja ta’ 1 GB, hija kapaċi tirrekordja madwar 7 750immaġni fissi.

Ir-riżoluzzjoni massima tal-vidjow hija 640 × 480 pixels.

Meta tuża din ir-riżoluzzjoni li hija l-aktar għolja u l-kard tal-memorja ta’ 1 GB, hija kapaċi tirrekordja madwar 42 minuta ta’ vidjow bi 30 frejm fis-sekonda.

Il-kamera għandha funzjoni ta’ żum ottiku li jista’ jintuża waqt l-irrekordjar tal-vidjow..

8525 80 30

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-[NC], Nota 3 għal Sezzjoni XVI u l-kliem tal-kodiċi NM 8525, 8525 80 u 8525 80 30.

Il-kamera ma tkunx ikklassifikata f’subtitli 8525 80 11 jew 8525 80 19 bħala kamera għat-televiżjoni, għax hija kapaċi tirrekordja immaġni fissi u vidjow.

Il-prodott jista’ jiġbed u jirrekordja immaġni fissi ta’ kwalità għolja.

Għalkemm il-prodott għandu d-disinn ta’ vidjowkamera li tirrekordja, għandu funzjoni ta’ żum meta jkun qiegħed jirrekordja vidjow u huwa kapaċi jirrekordja sa 42 minuta ta’ vidjow b’riżoluzzjoni ta’ 640 × 480 pixels, l-irrekordjar tal-vidjow jibqa’ funzjoni sekondarja għax il-prodott jista’ jiġbed u jirrekordja biss vidjow ta’ kwalità ta’ anqas minn 800 × 600 pixels. (Ara n-Noti ta’ Spjega NM għal subtitlu 8525 80 30).

Fit-tifsira ta’ Nota 3 għal Taqsima XVI, il-funzjoni prinċipali tal-kamera hija l-ġbid u l-irrekordjar ta’ immaġni fissi u, għalhekk, il-prodott għandu jkun ikklassifikat bħala kamera diġitali ta’ subtitlu 8525 80 30.

5. Vidjowkamera diġitali biex tiġbed u tirrekordja immaġni fuq kard tal-memorja b’kapaċità massima ta’ 2 GB.

Il-kamera hija mgħammra b’tagħmir charge-coupled (CCD) ta’ 5 megapixels u viewfinder li jintewa ta’ mezz ta’ dajowd organiku li jarmi d-dawl (OLED) b’qies djagonali ta’ 5,59 ċm (2.2 pulzieri) li jista’ jintuża waqt il-ġbid ta’ l-immaġni jew bħala skrin biex juri l-immaġni li jkunu irrekordjati diġà.

Hija mgħammra b’input għal mikrofonu u b’output awdjo-vidjow.

Ir-riżoluzzjoni massima tal-vidjow hija ta’ 1 280 × 720 pixels.

Meta tuża din ir-riżoluzzjoni li hija l-aktar għolja u l-kard tal-memorja ta’ 2 GB, hija kapaċi tirrekordja madwar 42 minuta ta’ vidjow bi 30 frejm kull sekonda. Meta tuża r-riżoluzzjoni ta’ 640 × 480 pixels u l-kard tal-memorja ta’ 2 GB, hija kapaċi li tirrekordja sagħtejn ta’ vidjow bi 30 frejm kull sekonda.

Ir-riżoluzzjoni massima ta’ l-immaġni fissi hija ta’ 3 680 × 2 760 pixels.

Meta tuża din ir-riżoluzzjoni li hija l-aktar għolja u l-karta tal-memorja ta’ 2 GB, hija kapaċi tirrekordja madwar 600 immaġni fissi. Meta tuża r-riżoluzzjoni ta’ 640 × 480 pixels u l-kard tal-memorja ta’ 2 GB, hija kapaċi tirrekordja madwar 15 500 immaġni fissi.

Il-kamera għandha funzjoni ta’ żum ottiku li jista’ jintuża waqt l-irrekordjar tal-vidjow.

8525 80 91

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-[NM], Nota 3 għal Sezzjoni XVI u l-kliem tal-kodiċi NM 8525, 8525 80 and 8525 80 91.

Il-kamera ma tistax tkun ikklassifikata f’subtitlu 8525 80 11 jew 8525 80 19 bħala kamera għat-televiżjoni għax hija kapaċi tirrekordja immaġni fissi u vidjow.

Fit-tifsira ta’ Nota 3 għal Taqsima XVI, il-funzjoni prinċipali tal-kamera hija l-ġbid u l-irrekordjar ta’ vidjow, għax jista’ jirrekordja vidjow ta’ kwalità ogħla minn 800 × 600 pixels għal madwar 42 minuta b’riżoluzzjoni ta’ 1 280 × 720 pixels bi 30 frejm kull sekonda. Aktar minn hekk, il-kamera għandha funzjoni ta’ żum ottiku li jista’ jintuża waqt l-irrekordjar ta’ vidjow. (Ara n-Noti ta’ Spjega NM għal subtitli 8525 80 91 u 8525 80 99).

Il-prodott, li huwa kapaċi jirrekordja biss ħsejjes u immaġni meħuda minn kamera għat-televiżjoni, huwa kklassifikat bħala vidjowkamera li jirrekordja ta’ subtitlu 8525 80 91.”

10

In-Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2011, C 137, p. 1) jirrigwardaw in-NM fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament Nru 861/2010 (iktar ’il quddiem in-“Noti ta’ Spjega tan-NM”). Dawn huma, madankollu, rilevanti għal dak li jikkonċerna l-kawża prinċipali peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 3 ta’ din is-sentenza, il-kliem tal-intestatura 8525 kif ukoll tas-subintestaturi 85258030 u 85258091 tan-NM baqa’ identiku wara l-emendi li saru għal din in-nomenklatura bir-Regolament Nru 1006/2011 kif ukoll bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 927/2012. In-Noti ta’ Spjega tan-NM relatati ma’ dawn l-intestaturi u subintestaturi jinqraw kif ġej:

“8525

Tagħmir ta’ trasmissjoni għax-xandir bir-radju jew bit-televiżjoni, kemm jekk fih u kemm jekk ma fihx tagħmir ta’ riċezzjoni jew tagħmir ta’ rrekordjar jew riproduzzjoni; kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u vidjowkameras li jirrekordjaw

[…]

[…]

[…]

8525 80 30

Kameras diġtali

Kameras diġitali ta’ dan is-subtitlu huma dejjem kapaċi li jirrekordjaw immaġni fissa, kemm jekk fuq memorja interna kif ukoll fuq midja li tinqala’ u tinbidel.

Ħafna mill-kameras ta’ dan is-subtitlu għandhom ix-xeħta ta’ kamera fotografika tradizzjonali u m’għandhomx viewfinder li jintewa.

Dawn il-kameras jistgħu wkoll ikunu kapaċi jieħdu vidjow biex jirrekordjaw sekwenzi ta’ vidjow.

Kameras jibqgħu kklassifikati f’dan is-subtitlu għajr meta, meta tintuża l-kapaċità ta’ ħażna massima, huma kapaċi jirrekordjaw bi kwalità ta’ 800 × 600 pixels (jew ogħla) bi 23 frejm kull sekonda (jew ogħla), għallinqas 30 minuta f’sekwenza waħda ta’ vidjow.

Imqabbla mal-vidjowkameras li jirrekordjaw ta’ subtitli 8525 80 91 u 8525 80 99, ħafna kameras diġitali (meta jintużaw bħala vidjowkameras) m’għandhomx il-funzjoni ta’ żum ottiku waqt li jkunu qed jirrekordjaw il-vidjow. Il-kapaċità ta’ ħażna ma taffettwax hekk kif xi kameras, wara ċertu perijodu ta’ ħin, iwaqqfu l-irrekordjar tal-vidjow awtomatikament.

8525 80 91

u

8525 80 99

Vidjowkameras li jirrekordjaw

Il-vidjowkameras li jirrekordjaw ta’ dawn is-subtitli huma dejjem kapaċi li jirrekordjaw sekwenzi ta’ vidjow, kemm fuq memorja interna kif ukoll fuq midja li tinqala’ u tinbidel.

Ġeneralment, il-vidjowkameras li jirrekordjaw ta’ dawn is-subtitli għandhom id-disinn li jvarja mill-kameras diġitali ta’ subtitlu 8525 80 30. Ġeneralment ikollhom viewfinder li jintewa u ta’ spiss ikunu ppreżentati flimkien ma’ apparat għall-kontroll mill-bogħod Dejjem joffru l-funzjoni ta’ żum ottiku matul l-irrekordjar tal-vidjow.

Dawn il-vidjowkameras diġitali jistgħu wkoll jirrekordjaw immaġni fissa.

Kameras diġitali huma esklużi minn dawn is-subtitli jekk mhumiex kapaċi, meta tintuża lkapaċità ta’ ħażna massima, jirrekordjaw bi kwalità ta’ 800 × 600 pixels (jew ogħla) bi 23 frejm kull sekonda (jew ogħla), għallinqas 30 minuta f’sekwenza waħda ta’ vidjow.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li bejn is‑sena 2009 u 2012 DHL importat oġġetti identifikati fid-dikjarazzjoni doganali bil-miktub bħala “vidjo kameras diġitali” (iktar ’il quddiem l-“oġġetti inkwistjoni”), li jaqgħu taħt is-subintestatura 85258091 tan-NM, li tikkonċerna l-“Vidjowkameras li jirrekordjaw [u li j]istgħu jirreġistraw biss ħoss u immaġni meħudin b’telekamera [kameras tat-televiżjoni]” u li għaliha tapplika rata ta’ dazju ta’ 4.9 %.

12

Fit-13 ta’ Novembru 2012, DHL ressqet quddiem iċ-Colný úrad Trnava (l-Uffiċċju Doganali ta’ Trnava, is-Slovakkja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Doganali”) 35 talba għar-rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni imposti fuqha minn deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tal-proċedura doganali, billi sostniet li l-oġġetti inkwistjoni kien messhom ġew ikklassifikati fis-subintestatura 85258030 tan-NM, li tirrigwarda l-“Kameras diġitali” u li għaliha tapplika rata ta’ żero ta’ dazji fuq l-importazzjoni.

13

Peress li l-Uffiċċju Doganali ċaħad dawn it-talbiet, DHL appellat quddiem id-Direttorat għall-Finanzi.

14

Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2017, din l-awtorità nazzjonali ċaħdet l-appell u, konsegwentement, ikkonfermat id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Doganali. DHL għaldaqstant ippreżentat appell intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tad-Direttorat għall-Finanzi quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Krajský súd v Trnave (il-Qorti Reġjonali ta’ Trnava, is-Slovakkja).

15

Din il-qorti rrilevat li l-oġġetti inkwistjoni huma apparati li għandhom diversi funzjonijiet. Fil-fatt huma jistgħu, minn naħa, jirrekordjaw vidjos ta’ iktar minn 30 minuta mingħajr interruzzjoni, b’riżoluzzjoni ta’ immaġni ta’ 720 x 576 pixels b’50 immaġni fis-sekonda u matul l-irrekordjar tista’ tiġi attivata l-funzjoni “zoom” mill-utent. Min-naħa l-oħra, dawn l-apparati jippermettu wkoll li jittieħdu u jiġu rrekordjati immaġni fissi bi kwalità ta’ 800 × 600 pixels, u saħansitra ta’ 1600 x 1200 pixels għal ċerti serje ta’ mudelli. Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li l-irrekordjar tal-vidjo u l-immaġni fissi jinħażnu fuq kard tal-memorja.

16

Sabiex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti inkwistjoni, hemm bżonn, skont il-qorti tar-rinviju, ta’ konformità mar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, moqrija flimkien man-noti tat-Taqsima XVI ta’ din tal-aħħar u, b’mod partikolari, in-Nota 3, hekk kif imsemmija fil-punti 4, 5 u 6 ta’ din is-sentenza rispettivament. Għaldaqstant, għandha tiġi ddeterminata l-funzjoni prinċipali li tikkaratterizza dawn l-oġġetti, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kliem tas-subintestaturi u tan-noti kkonċernati tan-NM.

17

Issa, in-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali jirrigwarda preċiżament il-kwistjoni dwar liema hija l-funzjoni prinċipali tal-oġġetti inkwistjoni.

18

DHL essenzjalment tqis li dawn l-oġġetti, li jippermettu li jittieħdu u jiġu rrekordjati vidjos bi kwalità ta’ riżoluzzjoni tal-immaġni massima ta’ 720 x 576 pixels – jiġifieri kwalità ta’ riżoluzzjoni ta’ immaġni inferjuri għal dik meħtieġa mill-Anness tar-Regolament Nru 1231/2007 sabiex jiġu kklassifikati fis-subintestatura 85258091 tan-NM – huma “Kameras diġitali” li jaqgħu taħt is-subintestatura 85258030 ta’ din in-nomenklatura, peress li l-funzjoni prinċipali tagħhom hija li jieħdu u jirrekordjaw immaġni fissi.

19

Insostenn tal-pożizzjoni tagħha, DHL tirrileva, b’mod partikolari, li fid-dawl tal-“informazzjoni tariffarja vinkolanti” mogħtija għall-istess oġġetti f’diversi Stati Membri, jiġifieri, fost oħrajn, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fir-Renju Unit u fi Franza, l-oġġetti inkwistjoni kien messhom ġew ikklassifikati fis-subintestatura 85258030 tan-NM bħala “Kameras diġitali”.

20

Skont id-Direttorat għall-Finanzi, l-oġġetti inkwistjoni jiġġeneraw immaġni fissa b’riżoluzzjoni baxxa, jiġifieri ta’ 1600 x 1200 pixels biss, u saħansitra ta’ 800 x 600 pixels fil-każ ta’ ċerti serje ta’ mudelli. Għaldaqstant, ma jistax jiġi affermat li l-funzjoni prinċipali tagħhom hija li jieħdu u jirrekordjaw immaġni fissi. Dawn l-oġġetti għandhom għaldaqstant jiġu kklassifikati bħala “vidjowkameras li jirrekordjaw” li jaqgħu taħt is-subintestatura 85258091 tan-NM. Barra minn hekk l-uniku kriterju ssodisfat mill-imsemmija oġġetti sabiex jiġu kklassifikati fis-subintestatura 85258030 tagħha bħala “kameras diġitali” huwa l-kwalità tar-riżoluzzjoni tal-immaġni inferjuri għal 800 x 600 pixels meta l-apparat jintuża sabiex jittieħdu jew jiġu rrekordjati vidjos.

21

Skont il-qorti tar-rinviju, l-oġġetti inkwistjoni jissodisfaw, bl-eċċezzjoni ta’ kriterju wieħed, jiġifieri dak li jikkonċerna l-kwalità tar-riżoluzzjoni tal-immaġni meta l-apparat jintuża sabiex jittieħdu u jiġu rreġistrati vidjos, il-kriterji l-oħrajn kollha li jippermettu li dawn jiġu kklassifikati fis-subintestatura 85258091 tan-NM bħala “vidjowkameras li jirrekordjaw”. Fid-dawl ta’ dan, dan il-kriterju jitqies bħala fundamentali min-Noti ta’ Spjega tan-NM sabiex l-imsemmija oġġetti jiġu kkassifikati fis-subintestatura 85258030 ta’ din in-nomenklatura bħala “kameras diġitali”.

22

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Krajský súd v Trnave (il-Qorti Reġjonali ta’ Trnava) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Is-subintestatura tan-[NM] 85258091 […] għandha tiġi interpretata fis-sens li merkanzija bħal vidjo kameras diġitali (inkwistjoni fil-kawża prinċipali) jistgħu jiġu kklassifikati f’din is-subintestatura minkejja li dawn jippermettu biss li tittieħed u li tiġi rreġistrata sekwenza ta’ vidjo ta’ kwalità inferjuri għal 800 x 600 pixel, f’dan il-każ ta’ 720 x 576 pixel, u li funzjoni oħra ta’ din il-merkanzija, jiġifieri t-teħid u r-reġistrazzjoni ta’ stampi fissi, hija limitata bir-riżoluzzjoni tal-imsemmija stampi li hija ta’ 1600 x 1200 pixel (1,92 megapixel)?”

Fuq id-domanda preliminari

23

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li vidjo kameras diġitali li għandhom funzjoni doppja, jiġifieri jieħdu u jirrekordjaw kemm immaġni fissi kif ukoll sekwenzi ta’ vidjo, minkejja li, għal dak li jirrigwarda s-sekwenzi tal-vidjo dawn il-kameras jippermettu biss li tali sekwenzi jittieħdu u jiġu rrekordjati permezz ta’ kwalità ta’ riżoluzzjoni tal-immaġni inferjuri għal 800 x 600 pixels, jaqgħu taħt is-subintestatura 85258091 tan-NM bħala “vidjowkameras li jirrekordjaw”.

24

Għandu l-ewwel nett jiġi enfasizzat li meta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jitressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa iktar li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li bl-implementazzjoni tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM, milli li tikklassifikahom hija stess, u dan peress li l-Qorti tal-Ġustizzja mhux neċessarjament tiddisponi mill-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, jidher li, fi kwalunkwe każ, il-qorti nazzjonali tkun tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex tagħmel il-klassifikazzjoni inkwistjoni (sentenzi tas-16 ta’ Frar 2006, Proxxon, C‑500/04, EU:C:2006:111, punt 23; tat-22 ta’ Novembru 2012, Digitalnet et, C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, EU:C:2012:745, punt 61, kif ukoll id-digriet tat-22 ta’ Ottubru 2014, Mineralquelle Zurzach, C‑139/14, EU:C:2014:2313, punt 28).

25

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-kwalitajiet oġġettivi tagħhom, hekk kif iddefiniti fil-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli tagħha (sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2000, Eru Portuguesa, C‑42/99, EU:C:2000:501, punt 13, kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 2015, Vario Tek, C‑178/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:152, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li d-destinazzjoni tal-prodott tista’ tikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn tkun inerenti għall-imsemmi prodott u dan għandu jkun jista jiġi evalwat skont il-karatteristiċi u kwalitajiet oġġettivi tiegħu (sentenza tal-15 ta’ Mejju 2019, Korado, C‑306/18, EU:C:2019:414, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fost l-elementi rilevanti f’dan ir-rigward, għandhom jiġu evalwati kemm l-użu li għalih il-prodott huwa intiż mill-manifattur kif ukoll il-modalitajiet u l-post tal-użu tiegħu (sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, Onlineshop, C‑268/18, EU:C:2019:353, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fit-tielet lok, il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ prodott għandha sseħħ b’teħid inkunsiderazzjoni tal-funzjoni prinċipali tiegħu. Għaldaqstant, in-Nota 3 tat-Taqsima XVI tat-Tieni Parti tan-NM tipprevedi li makkinarju li għandu diversi funzjonijiet għandu jiġi kklassifikat skont il-funzjoni prinċipali li tikkaratterizzah (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Amazon EU, C‑58/14, EU:C:2015:385, punt 23). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni dak li l-konsumatur iqis bħala funzjoni prinċipali jew aċċessorja (sentenza tat-2 ta’ Mejju 2019, Onlineshop, C‑268/18, EU:C:2019:353, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Għal dak li jirrigwarda l-oġġetti inkwistjoni, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dawn għandhom funzjoni doppja, jiġifieri li jieħdu u jirrekordjaw kemm immaġni fissi kif ukoll sekwenzi ta’ vidjo.

29

Għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlu l-Gvern Slovakk u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub, li fid-dawl tal-proprjetajiet tekniċi ta’ dawn l-oġġetti, jidher li l-funzjoni prinċipali tagħhom tikkonsisti f’li jieħdu u jirrekordjaw sekwenzi ta’ vidjo, b’tali mod li għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 85258091 tan-NM bħala “vidjowkameras li jirrekordjaw”, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

30

Fil-fatt, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, l-ewwel nett, għalkemm il-kwalità tar-riżoluzzjoni tal-immaġni fissi meħuda u rrekordjati hija relattivament baxxa, jiġifieri 1600 x 1200 pixels, u saħansitra ta’ 800 x 600 pixels għal ċerti serje ta’ mudelli, il-kwalità tar-riżoluzzjoni tas-sekwenzi tal-vidjo meħuda u rrekordjati, jiġifieri 720 x 576 pixels, kif ukoll il-veloċità li biha jittieħdu u jiġu rrekordjati, jiġifieri 50 immaġni fis-sekonda, jikkorrispondu għall-kwalità ta’ DVD standard. It-tieni nett, il-proprjetajiet tekniċi tal-imsemmija oġġetti, b’mod partikolari l-forma tagħhom u l-viewfinder, jagħtuhom l-apparenza ta’ vidjo kameras li jirrekordjaw iktar milli dik ta’ kameras diġitali. It-tielet nett, l-oġġetti kollha inkwistjoni ġew offruti għall-bejgħ bħala vidjo kameras diġitali li jirrekordjaw bil-funzjoni prinċipali li jieħdu u jirrekordjaw sekwenzi tal-vidjo. Ir-raba’ nett, jidher li l-manifattur innifsu ppreżenta dawn l-oġġetti fil-fuljetti tal-istruzzjonijiet bħala vidjo kameras diġitali li jirrekordjaw intiżi għall-grupp ta’ persuni li jirrekordjaw vidjos bl-għan li jippubblikawhom fuq YouTube.

31

Barra minn hekk, il-Gvern Slovakk u l-Kummissjoni ġustament jenfasizzaw, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li l-fatt li l-oġġetti inkwistjoni ma jissodisfawx il-parametru marbut mal-kwalità tal-irrekordjar, li jinsab fin-Noti ta’ Spjega tan-NM, sabiex ikunu jistgħu jiġu kklassifikati fis-subintestatura 85258091 ta’ din in-nomenklatura bħala “vidjowkameras li jirrekordjaw”, jiġifieri li huma ma jistgħux jirrekordjaw sekwenzi ta’ vidjo li għandhom tal-inqas kwalità ta’ riżoluzzjoni ta’ immaġni ta’ 800 x 600 pixels, ma jfissirx madankollu li dawn l-oġġetti għandhom awtomatikament jiġu kklassifikati fis-subintestatura 85258030 tan-NM bħala “kameras diġitali”.

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li n-Noti ta’ Spjega tan-NM, filwaqt li jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji, ma għandhomx saħħa vinkolanti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2018, Kreyenhop & Kluge, C‑471/17, EU:C:2018:681, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-16 ta’ Mejju 2019, Estron, C‑138/18, EU:C:2019:419, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Min-naħa l-oħra, dan il-fatt ma jaffettwax il-funzjoni prinċipali tal-oġġetti inkwistjoni, hekk kif iddeterminati mill-karatteristiċi oġġettivi tagħhom.

34

F-aħħar nett, sa fejn il-qorti tar-rinviju ssostni li n-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali jirrigwarda l-punt dwar jekk l-oġġetti inkwistjoni jikkorrispondux għal kameras diġitali jew għal vidjo kameras diġitali (vidjo kameras li jirrekordjaw), fis-sens tal-Anness tar-Regolament Nru 1231/2007, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li tali regolament ta’ klassifikazzjoni jiġi adottat mill-Kummissjoni meta l-klassifikazzjoni ta’ prodott partikolari fin-NM tkun tista’ tqajjem diffikultajiet jew tista’ tkun suġġett ta’ tilwima u, min-naħa l-oħra, li tali regolament għandu portata ġenerali peress li ma japplikax għal operatur partikolari, iżda b’mod ġenerali għal prodotti identiċi għal dak li jkun is-suġġett ta’ tali klassifikazzjoni (sentenza tad‑19 ta’ Frar 2009, Kamino International Logistics, C‑376/07, EU:C:2009:105, punt 63).

35

Issa, kif ġustament jenfasizzaw il-Gvern Slovakk u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub, il-prodotti li ġew ikklassifikati mir-Regolament Nru 1231/2007, bħal dawk imsemmija fil-punti 3 sa 5 tat-tabella annessa ma’ dan ir-Regolament, ma humiex identiċi għall-oġġetti inkwistjoni. Fil-fatt, il-kameras diġitali msemmija minn dawn id-dispożizzjonijiet huma differenti mill-oġġetti inkwistjoni b’mod partikolari sa fejn huma jippermettu l-irrekordjar, minn naħa, ta’ immaġni fissi ta’ kwalità ogħla u, min-naħa l-oħra, ta’ vidjos b’riżoluzzjoni iktar baxxa u b’veloċità ta’ 30 immaġni meħuda fis-sekonda, filwaqt li l-oġġetti inkwistjoni jippermettu l-irrekordjar ta’ vidjos b’veloċità ta’ 50 immaġni meħuda fis-sekonda.

36

Huwa minnu li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni b’analoġija ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni għall-prodotti analogi għal dawk koperti minn dan ir-regolament tiffavorixxi interpretazzjoni koerenti tan-NM kif ukoll l-ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi (sentenza tal-4 ta’ Marzu 2004, Krings, C‑130/02, EU:C:2004:122, punt 35).

37

Madankollu, tali applikazzjoni b’analoġija la tkun neċessarja u lanqas possibbli meta, permezz tar-risposta tagħha għal domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun ipprovdiet lill-qorti tar-rinviju l-informazzjoni kollha neċessarji għall-klassifikazzjoni ta’ prodott fl-intestatura adatta tan-NM (sentenza tat-12 ta’ April 2018, Medtronic, C‑227/17, EU:C:2018:247, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li vidjo kameras diġitali li għandhom funzjoni doppja, jiġifieri jieħdu u jirrekordjaw kemm immaġni fissi kif ukoll sekwenzi ta’ vidjo, minkejja li, għal dak li jirrigwarda s-sekwenzi tal-vidjo dawn il-kameras jippermettu biss li tali sekwenzi jittieħdu u jiġu rrekordjati permezz ta’ kwalità ta’ riżoluzzjoni tal-immaġni inferjuri għal 800 x 600 pixels, jaqgħu taħt is-subintestatura 85258091 tan-NM bħala “vidjowkameras li jirrekordjaw”, peress li l-funzjoni prinċipali ta’ dawn il-vidjo kameras diġitali hija li jieħdu u jirrekordjaw tali sekwenzi, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjonijiet tiegħu li jirriżultaw suċċessivament bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008 tad-19 ta’ Settembru 2008, bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 948/2009 tat-30 ta’ Settembru 2009, bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010 tal-5 ta’ Ottubru 2010, bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011 tas-27 ta’ Settembru 2011, u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012 tad-9 ta’ Ottubru 2012, għandha tiġi interpretata fis-sens li vidjo kameras diġitali li għandhom funzjoni doppja, jiġifieri jieħdu u jirrekordjaw kemm immaġni fissi kif ukoll sekwenzi ta’ vidjo, minkejja li, għal dak li jirrigwarda s-sekwenzi tal-vidjo dawn il-kameras jippermettu biss li tali sekwenzi jittieħdu u jiġu rrekordjati permezz ta’ kwalità ta’ riżoluzzjoni tal-immaġni inferjuri għal 800 x 600 pixels, jaqgħu taħt is-subintestatura 85258091 tan-NM bħala “vidjowkameras li jirrekordjaw”, peress li l-funzjoni prinċipali ta’ dawn il-vidjo kameras diġitali hija li jieħdu u jirrekordjaw tali sekwenzi, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.