Kawża C-808/18

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Ungerija

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-17 ta’ Diċembru 2020

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja – Politika dwar il-kontrolli fil-fruntieri, fl-ażil u fl-immigrazzjoni – Direttivi 2008/115/KE, 2013/32/UE u 2013/33/UE – Proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali – Aċċess effettiv – Proċedura fuq il-fruntiera – Garanziji proċedurali – Tqegħid obbligatorju f’żoni ta’ tranżitu – Detenzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet amministrattivi li jiċħdu l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Dritt li persuna tibqa’ fit-territorju”

1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Eżami tal-fondatezza mill-Qorti tal-Ġustizzja – Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni – Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata

(Artikolu 258 TFUE)

(ara l-punti 68, 156)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Mument tal-ksib tal-kwalità ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali – Mument tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Assenza ta’ formalità amministrattiva

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikoli 2(c) u 6(1))

(ara l-punti 97-100)

3.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Aċċess għall-proċedura– Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-applikanti jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom f’waħda miż-żoni ta’ tranżitu li jinsabu fil-fruntiera – Limitazzjoni drastika mill-awtoritajiet nazzjonali tan-numru ta’ applikanti awtorizzati li jidħlu kuljum f’dawn iż-żoni – Prattika amministrattiva kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni – Eżistenza tal-imsemmija prattika murija mill-Kummissjoni u rifjut insuffiċjenti tal-Istat Membru inkwistjoni – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikolu 3(6))

(ara l-punti 93, 94, 102, 103, 106-108, 110, 114-128, 315 u d-dispożittiv 1)

4.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Oneru li jaqa’ fuq il-Kummissjoni – Preżunzjonijiet – Inammissibbiltà – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta minn prassi amministrattiva li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni – Eżiġenzi partikolari ta’ prova – Konfutazzjoni li għandha ssir mill-Istat Membru inkwistjoni

(Artikolu 258 TFUE)

(ara l-punti 111-113)

5.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33 – Kunċett ta’ detenzjoni – Kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni – Obbligu magħmul fuq talba ta’ applikant li jibqa’ f’żona ta’ tranżitu – Inklużjoni – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/33, Artikolu 2(h))

(ara l-punti 159, 160, 162-166)

6.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33 – Detenzjoni – Motivi – Applikant obbligat li jibqa’ f’żona ta’ tranżitu matul il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu – Motiv barra minn dawk previsti fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 – Inammissibbiltà – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikolu 43, u 2013/33, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3)

(ara l-punti 168, 170-180, 185, 186, 209, 226, 315, u d-dispożittiv 1)

7.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Artikolu 43 – Proċeduri speċifiċi li jistgħu jiġu previsti mill-Istati Membri fil-fruntieri tagħhom jew fiż-żoni ta’ tranżitu tagħhom – Detenzjoni ta’ applikant f’żona ta’ tranżitu fil-kuntest ta’ tali proċedura – Ammissibbiltà – Limiti – Tul massimu u oġġettiv tad-detenzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikoli 31(8), 33 u 43)

(ara l-punti 181-185)

8.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Applikanti li jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali – Detenzjoni fil-kuntest tal-proċeduri li jistgħu jiġu previsti mill-Istati Membri fil-fruntieri tagħhom jew fiż-żoni ta’ tranżitu tagħhom – Ammissibbiltà – Limitu – Obbligu li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà ta’ din id-detenzjoni mal-bżonnijiet speċifiċi tal-imsemmija applikanti u l-appoġġ adegwat li għandu jingħatalhom – Ksur – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/32, Artikolu 24(3))

(ara l-punti 191-199, 209, 226, 315 u d-dispożittiv 1)

9.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33 – Detenzjoni ta’ persuni vulnerabbli u ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li għandhom bżonnijiet partikolari fil-qasam tal-ażil – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-applikanti minorenni, bl-eċċezzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati ta’ inqas minn 14 il-sena, li jibqgħu f’żona ta’ tranżitu matul il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tagħhom – Inammissibbiltà – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/33, Artikolu 11)

(ara l-punti 201, 203, 209, 226, 315, u d-dispożittiv 1)

10.      Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33 – Garanziji offruti lill-applikanti detenuti – Obbligu li tiġi adottata deċiżjoni bil-miktub u motivata li tordna dan it-tqegħid – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/33, Artikolu 9)

(ara l-punti 205, 208, 209, 226, 315, u d-dispożittiv 1)

11.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Kamp ta’ applikazzjoni – Ineżistenza ta’ riżerva ġenerali li teskludi l-miżuri meħuda bħala sigurtà pubblika – Kompetenza tal-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri intiżi li jipproteġu l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħhom – Oneru tal-prova tan-neċessità li jsir rikors għaliha li jaqa’ fuq l-Istat Membru kkonċernat – Portata – Politika tal-ażil – Invokazzjoni ta’ riskju ta’ inkwiet għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà interna minħabba influss massiv ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali – Assenza li tintwera l-ħtieġa li ssir deroga għal ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/32 – Inammissibbiltà – Possibbiltà effettiva ta’ derogi għall-Istati Membri previsti mid-Direttivi 2013/32 u 2013/33 – Kundizzjonijiet

(Artikolu 72 TFUE, Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikoli 24(3) u 43, u 2013/33, l-ewwel subparagrafu (e) tal-Artikolu 8(1)), Artikoli 10(1), 18(9))

(ara l-punti 212, 214 sa 38)

12.      Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment– Direttiva 2008/115 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti t-tneħħija bil-forza ta’ tali ċittadin, li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, mingħajr osservanza minn qabel tal-proċeduri u garanziji previsti minnha – Inammissibbiltà – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikoli 6(1), 12(1) u 13(1))

(ara l-punti 248-254, 266, 315, u d-dispożittiv 1)

13.      Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115 – Tkeċċija – Kunċett – Teħid bil-forza ta’ tali ċittadin fuq strixxa ta’ art dejqa nieqsa minn kull infrastruttura, lil hinn minn għeluq tal-fruntiera mibni fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, il-punt 5 tal-Artikolu)

(ara l-punti 255-260)

14.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Kamp ta’ applikazzjoni – Ineżistenza ta’ riżerva ġenerali li teskludi l-miżuri meħuda bħala sigurtà pubblika – Kompetenza tal-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri intiżi sabiex jipproteġu l-interessi vitali tas-sigurtà tagħhom – Oneru tal-prova tan-neċessità li jsir rikors għaliha li jaqa’ fuq l-Istat Membru kkonċernat – Portata – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Invokazzjoni ta’ riskju ta’ tfixkil għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà nazzjonali – Assenza ta’ prova tan-neċessità ta’ deroga għal ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 – Inammissibbiltà – Possibbiltà effettiva ta’ derogi għall-Istati Membri previsti mill-imsemmija direttiva – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikoli 6(1), 7(11) u 12(1)(b))

(ara l-punti 261-264)

15.      Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Rimedju kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat sal-iskadenza tat-terminu previst għall-eżerċizzju ta’ tali rikors jew fl-istennija tal-eżitu ta’ dan ir-rikors – Modalitajiet ta’ eżerċizzju stabbiliti minn dan l-Istat Membru – Kundizzjonijiet – Modalitajiet konformi mad-drittijiet iggarantiti mid-Direttivi 2013/32 u 2013/33 – Modalitajiet suffiċjentement ċari u preċiżi – Assenza – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikolu 46(5), u  2013/33))

(ara 286, 287, 289, 291-302, 314, 315, dispożittiv 1) 1)

16.      Atti tal-istituzzjonijiet – Direttivi – Implimentazzjoni mill-Istati Membri – Neċessità ta’ traspożizzjoni ċara u preċiża

(It-tielet paragrafu tal-Artikolu 288(3) TFUE

(ara l-punt 288)

Sunt

L-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ proċeduri dwar l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali u r-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jirrisjedu irregolarment. B’mod partikolari, il-limitazzjoni tal-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, id-detenzjoni irregolari tal-applikanti għal din il-protezzjoni f’żoni ta’ tranżitu kif ukoll it-teħid f’żona tal-fruntiera ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jirrisjedu irregolarment, mingħajr ma jiġu osservati l-garanziji relatati ma’ proċedura ta’ ritorn, jikkostitwixxu ksur tad-dritt tal-Unjoni.

B’reazzjoni għall-kriżi tal-migrazzjoni u l-wasla korrispondenti ta’ diversi applikanti għal protezzjoni internazzjonali, l-Ungerija adattat il-leġiżlazzjoni tagħha dwar id-dritt għall-ażil u r-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment. B’hekk, liġi tal-2015 (1) ipprevediet b’mod partikolari l-ħolqien ta’ żoni ta’ tranżitu, li jinsabu fil-fruntiera Serbo-Ungeriża (2), li fihom jiġu applikati l-proċeduri ta’ ażil. Din il-liġi introduċiet ukoll il-kunċett ta’ “sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva”, li twassal, meta tali sitwazzjoni tiġi ddikjarata mill-Gvern, għall-applikazzjoni ta’ regoli ta’ deroga bħala regoli ġenerali. Fl-2017, liġi ġdida (3) wessgħet il-każijiet li jippermettu li tiġi ddikjarata l-eżistenza ta’ tali sitwazzjoni ta’ kriżi u emendat id-dispożizzjonijiet li jippermettu deroga mid-dispożizzjonijiet ġenerali.

Fl-2015, il-Kummissjoni Ewropea kienet diġà informat lill-Ungerija bid-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni tagħha fil-qasam tal-ażil mad-dritt tal-Unjoni. Il-Liġi tal-2017 qajmet tħassib supplimentari. Hija tikkritika b’mod partikolari lill-Ungerija talli, bi ksur tal-garanziji materjali u proċedurali previsti mid-Direttivi “proċeduri” (4), “akkoljenza” (5) u “ritorn” (6), illimitat l-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, stabbilixxiet sistema ta’ detenzjoni ġġeneralizzata tal-applikanti għal din il-protezzjoni u wettqet teħid bil-forza, fuq strixxa ta’ art tal-fruntiera, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment, mingħajr ma osservat il-garanziji previsti mid-Direttiva “ritorn”. F’dan il-kuntest, hija ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi kkonstatat li parti sostanzjali tal-leġiżlazzjoni Ungeriża f’dan il-qasam tikser ċerti dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, li ltaqgħet bħala Awla Manja, laqgħet il-parti prinċipali tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Kummissjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li hija diġà ddeċidiet uħud mill-kwistjonijiet imqajma minn dan ir-rikors f’sentenza reċenti (7), mogħtija fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari magħmul minn qorti Ungeriża. Hija tinnota wkoll li, sabiex tikkonforma ma’ din is-sentenza, l-Ungerija, minn dakinhar, għalqet iż-żewġ żoni ta’ tranżitu tagħha. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li dan l-għeluq ma jaffettwax dan ir-rikors, peress li s-sitwazzjoni għandha tiġi evalwata fid-data li kienet ġiet stabbilita mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha sabiex tirrimedja n-nuqqasijiet ikkonstatati, jiġifieri t-8 ta’ Frar 2018.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura aċċess effettiv għall-proċedura tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali (8), peress li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jaċċedu, mill-fruntiera Serbo-Ungeriża, għal din il-proċedura ġew ikkonfrontati, fil-fatt, minn kważi impossibbiltà li jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom. Dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirriżulta minn kombinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprevedi li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jistgħu, bħala regola ġenerali, jiġu ppreżentati biss f’waħda miż-żewġ żoni ta’ tranżitu, u minn prassi amministrattiva kostanti u ġġeneralizzata, stabbilita mill-awtoritajiet Ungeriżi, li tikkonsisti f’li jiġi limitat drastikament in-numru ta’ applikanti awtorizzati li jidħlu kuljum f’dawn iż-żoni. Għall-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ din il-prattika ġiet ippruvata biżżejjed mill-Kummissjoni, li bbażat ruħha fuq diversi rapporti internazzjonali. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, qabel ir-reġistrazzjoni tagħha, l-introduzzjoni tagħha u l-eżami tagħha, hija stadju essenzjali fil-proċedura għall-għoti ta’ din il-protezzjoni u li l-Istati Membri ma jistgħux idewmuha b’mod inġustifikat. Għall-kuntrarju, dawn tal-aħħar għandhom jiggarantixxu li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jippreżentaw applikazzjoni, inkluż fil-fruntieri, malli juru r-rieda tagħha.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma, kif diġà ddeċidiet reċentement (9), li l-obbligu impost fuq l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jibqgħu f’waħda miż-żoni ta’ tranżitu matul il-proċedura kollha ta’ eżami tal-applikazzjoni tagħhom jikkostitwixxi detenzjoni (10). Magħmula din il-kjarifika, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li din is-sistema ta’ detenzjoni ġiet stabbilita barra mill-każijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni u mingħajr osservanza tal-garanziji li normalment għandhom jirregolawha.

Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-każijiet li fihom hija awtorizzata d-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali huma elenkati b’mod eżawrjenti mid-Direttiva “akkoljenza” (11). Issa, wara li analizzat kull wieħed minn dawn il-każijiet, hija kkonkludiet li s-sistema Ungeriża ma taqa’ f’ebda wieħed minnhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina b’mod partikolari l-ipoteżi li fiha Stat Membru jista’ jqiegħed applikant għal protezzjoni internazzjonali f’detenzjoni sabiex jiddeċiedi dwar id-dritt ta’ dħul tiegħu fit-territorju tiegħu, peress li din id-detenzjoni tista’ sseħħ fil-kuntest ta’ proċeduri implementati fuq il-fruntiera, sabiex jiġi vverifikat, qabel ma jingħata dritt ta’ dħul, jekk l-applikazzjoni ma hijiex inammissibbli jew jekk ma hijiex infondata għal ċerti raġunijiet speċifiċi (12). Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kundizzjonijiet li taħthom id-detenzjoni hija awtorizzata fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri fil-fruntiera ma humiex sodisfatti f’dan il-każ.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li d-Direttivi “proċeduri” u “akkoljenza” jirrikjedu, fost oħrajn, li detenzjoni tiġi ordnata bil-miktub u mmotivata (13), li l-ħtiġijiet speċifiċi tal-applikanti li jkunu ġew identifikati bħala vulnerabbli u li jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex jibbenefikaw minn “appoġġ adegwat” (14), jew ukoll li l-minorenni jitqiegħdu f’detenzjoni biss bħala l-aħħar għażla (15). Issa, minħabba, b’mod partikolari, in-natura ġeneralizzata u awtomatika tiegħu, ir-reġim ta’ detenzjoni previst mil-leġiżlazzjoni Ungeriża fiż-żoni ta’ tranżitu, li tikkonċerna l-applikanti kollha minbarra minorenni mhux akkumpanjati taħt l-età ta’ 14-il sena, ma tippermettix lill-applikanti li jibbenefikaw minn dawn il-garanziji.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-argument tal-Ungerija li l-kriżi tal-migrazzjoni ġġustifikat deroga minn ċerti regoli tad-Direttivi “proċeduri” u “akkoljenza”, bil-ħsieb li tinżamm l-ordni pubblika u tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà interna, skont l-Artikolu 72 TFUE (16). F’dan ir-rigward, hija tfakkar li dan l-artikolu għandu jiġi interpretat b’mod strett u tqis li l-Ungerija ma wrietx biżżejjed il-ħtieġa li tirrikorri għalih. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li d-Direttivi “proċeduri” u “akkoljenza” diġà jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni li fiha Stat Membru jkollu jaffronta żieda sinjifikattiva ħafna fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, peress li dawn jipprevedu, permezz ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi, il-possibbiltà li jitwarrbu wħud mir-regoli imposti normalment.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ssib li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva “ritorn”, sa fejn il-leġiżlazzjoni Ungeriża tippermetti t-tneħħija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jirrisjedu irregolarment fit-territorju mingħajr ma osservaw, l-ewwel, il-proċeduri u l-garanziji previsti minn din id-direttiva (17). Dwar dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li dawn iċ-ċittadini ġew skortati bil-forza mill-awtoritajiet tal-pulizija lejn in-naħa l-oħra ta’ għeluq mibni ftit metri mill-fruntiera mas-Serbja, fuq strixxa ta’ art nieqsa minn kwalunkwe infrastruttura. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan it-teħid bil-forza huwa assimilat ma’ tneħħija, fis-sens tad-Direttiva “ritorn”, peress li l-persuni kkonċernati ma għandhomx, fil-prattika, għażla oħra ħlief li jitilqu sussegwentement mit-territorju Ungeriż sabiex imorru s-Serbja. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva “ritorn” għandu jkun suġġett għal proċedura ta’ ritorn, bl-osservanza tal-garanziji sostantivi u proċedurali li din id-direttiva tistabbilixxi, qabel ma sseħħ, jekk ikun il-każ, it-tneħħija tiegħu, bil-kundizzjoni li t-tneħħija bil-forza sseħħ biss bħala l-aħħar għażla. Barra minn hekk, għal raġunijiet analogi għal dawk diġà esposti, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-argument tal-Ungerija li kien permess lilha, skont l-Artikolu 72 TFUE, li tidderoga mill-garanziji materjali u proċedurali stabbiliti mid-Direttiva “ritorn”.

Fir-raba’ lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Ungerija ma rrispettatx id-dritt mogħti, fil-prinċipju, bid-Direttiva “proċedura” lil kwalunkwe applikant għal protezzjoni internazzjonali, li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat wara ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu, sa l-iskadenza tat-terminu previst sabiex jiġi ppreżentat rikors kontra din iċ-ċaħda jew, jekk ikun sar rikors, sakemm tkun ittieħdet deċiżjoni dwaru (18). Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, fil-każ li tkun ġiet iddikjarata “sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva”, il-leġiżlazzjoni Ungeriża tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għal modalitajiet li ma josservawx id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-obbligu li wieħed jibqa’ f’żoni ta’ tranżitu, li huwa simili għad-detenzjoni li tmur kontra d-Direttivi “proċeduri” u “akkoljenza”. Min-naħa l-oħra, fil-każ li tali sitwazzjoni ma tkunx ġiet iddikjarata, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huwa suġġett għal kundizzjonijiet li, mingħajr ma jkunu neċessarjament kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, ma humiex previsti b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-portata eżatta tad-dritt tagħhom u li jevalwaw il-kompatibbiltà ta’ dawn il-kundizzjonijiet mad-Direttivi “proċeduri” u “akkoljenza”.


1      Egyes törvényeknek a tömeges bevándorlás kezelésével összefüggő módosításáról szóló 2015. évi CXL. törvény (il-Liġi Nru CXL tal-2015 li Temenda Ċerti Liġijiet f’Kuntest ta’ Ġestjoni tal-Immigrazzjoni Massiva) ((Magyar Közlöny 2015/124).


2      Iż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa.


3      Határġrizeti területen lefolytatott eljárás szigorításával kapcsolatos egyes törvények módosításáról szóló 2017. évi XX. törvény (il-Liġi Nru XX tal-2017 li temenda Ċerti Liġijiet dwar it-Tisħiħ tal-Proċedura Applikata fiż-Żona tal-Fruntiera Ssorveljata) (Magyar Közlöny 2017/39).


4      Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘proċeduri’”).


5      Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘akkoljenza”’).


6      Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98) (iktar 'il quddiem id-“Direttiva ‘ritorn”’).


7      Sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367).


8      Dan l-obbligu jirriżulta mill-Artikolu 6 tad-Direttiva “proċeduri”, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tagħha.


9      Sentenza ċċitata iktar ’il fuq tal‑14 ta’ Mejju 2020.


10      Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva.


11      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva.


12      L-ewwel subparagrafu (c) tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva “akkoljenza” u Artikolu 43 tad-Direttiva “proċeduri”.


13      Artikolu 9(2) tad-Direttiva “akkoljenza”.


14      Artikolu 24(3) tad-Direttiva “proċeduri”.


15      Artikolu 11(2) tad-Direttiva “akkoljenza”.


16      Dan l-artikolu jipprevedi li d-dispożizzjonijiet li jinsabu taħt it-Titolu V tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ sigurtà, libertà u ġustizzja, li minnhom jagħmlu parti r-regoli dwar il-protezzjoni internazzjonali, ma jippreġudikawx l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna.


17      Dawn il-garanziji huma b’mod partikolari previsti fl-Artikoli 5, 6(1),12(1) u 13(1) tad-Direttiva “ritorn”.


18      Artikolu 46(5) tad-Direttiva “proċeduri”.