Kawżi Magħquda C‑804/18 u C‑341/19
IX
vs
WABE eV
u
MH Müller Handels GmbH
vs
MJ
(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Arbeitsgericht Hamburg u mill-Bundesarbeitsgericht)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑15 ta’ Lulju 2021
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi l-ilbies viżibbli ta’ kull simbolu politiku, filosofiku jew reliġjuż jew l-ilbies ta’ kull simbolu politiku, filosofiku jew reliġjuż prominenti u ta’ daqs kbir fuq il-post tax-xogħol – Diskriminazzjoni diretta jew indiretta – Proporzjonalità – Ibbilanċjar tal-libertà tar-reliġjon u ta’ drittijiet fundamentali oħrajn – Leġittimità tal-politika ta’ newtralità adottata mill-persuna li timpjega – Neċessità li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ preġudizzju ekonomiku tal-persuna li timpjega”
Drittijiet fundamentali – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon – Kunċett ta’ reliġjon – Portata – Kunċett ta’ twemmin
(Artikolu 19 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 10(1) u 21; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 1)
(ara l-punti 45 sa 48, 81)
Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Kunċett ta’ diskriminazzjoni – Differenza fit-trattament prodotta fi ħdan grupp ta’ persuni li jaderixxu għal ċerta reliġjon jew għal twemmin partikolari – Inklużjoni
(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 1 u 2(1) u (2))
(ara l-punti 49 sa 51)
Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi l-ilbies viżibbli ta’ kull simbolu politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol – Ħaddiema li josservaw regoli ta’ kondotta reliġjużi li jimponu l-obbligu ta’ ċertu lbies – Assenza ta’ diskriminazzjoni diretta – Kundizzjoni – Applikazzjoni b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni tal-imsemmija regola – Verifika mill-qorti nazzjonali
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 10 u 16; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 1 u 2(2)(a))
(ara l-punti 52, 53, 55 u d-dispożittiv 1
Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi l-ilbies viżibbli ta’ kull simbolu politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol – Eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta possibbli – Ġustifikazzjoni bbażata fuq it-tfittxija ta’ għan leġittimu – Rieda tal-persuna li timpjega li tfittex politika ta’ newtralità fuq il-post tax-xogħol – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Verifika mill-qorti nazzjonali
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 10, 16 u 21; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, premessi 4, 11 u 12 u Artikolu 2(2)(a) u (b)(i))
(ara l-punti 59 sa 65, 67 sa 70 u d-dispożittiv 2)
Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Regola interna ta’ impriża li tipprojbixxi l-ilbies viżibbli ta’ kull simbolu politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol – Eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta possibbli – Ġustifikazzjoni bbażata fuq it-tfittxija ta’ għan leġittimu – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Kundizzjoni – Projbizzjoni limitata għas-sinjali ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż prominenti u ta’ daqs kbir – Regola li tista’ taffettwa b’mod iktar serju lill-persuni li jaderixxu għal prattiki reliġjużi jew non-konfessjonali li jipprevedu l-ilbies ta’ ilbies jew ta’ simbolu ta’ daqs kbir – Kriterju marbut b’mod inseparabbli ma’ reliġjon jew twemmin wieħed jew diversi – Diskriminazzjoni diretta
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 10 u 16; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 2(2)(a) u (b)(i))
(ara l-punti 72 sa 74, 76, 77 u d-dispożittiv 3)
Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Differenza fit-trattament indirettament bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Eżami tan-natura xierqa ta’ tali differenza fit-trattament – Teħid inkunsiderazzjoni bħala dispożizzjonijiet iktar favorevoli tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipproteġu l-libertà ta’ reliġjon – Ammissibbiltà
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 10, 14, 16 u 21; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, premessa 1 u Artikoli 1 u 2(2)(b)(i))
(ara l-punti 82 sa 90 u d-dispożittiv 4)
Sunt
Il-projbizzjoni ta’ lbies ta’ kwalunkwe forma viżibbli ta’ espressjoni tat-twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol tista’ tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa tal-persuna li timpjega li tippreżenta ruħha b’mod newtrali fil-konfront tal-klijenti tagħha jew sabiex tevita kunflitti soċjali
Madankollu, din il-ġustifikazzjoni għandha tissodisfa ħtieġa reali tal-persuna li timpjega u, fil-kuntest tal-konċiljazzjoni tad-drittijiet u interessi inkwistjoni, il-qrati nazzjonali jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest rispettiv tal-Istat Membru tagħhom u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-libertà ta’ reliġjon
IX u MJ, impjegati fi ħdan kumpanniji rregolati bid-dritt Ġermaniż bħala, rispettivament, għalliema ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali, u bejjiegħa u kaxxiera, libsu, fuq il-post tax-xogħol rispettiv tagħhom, velu Iżlamiku.
Peress li qieset li l-ilbies ta’ tali velu ma kienx jikkorrispondi mal-politika ta’ newtralità politika, filosofika u reliġjuża segwita fil-konfront tal-ġenituri, tat-tfal u tat-terzi, il-persuna li timpjega lil IX, WABE eV (iktar ’il quddiem “WABE”) talbitha tneħħi dan il-velu u, wara r-rifjut tagħha, issospendietha provviżorjament darbtejn mill-funzjonijiet tagħha, filwaqt li imponiet fuqha twissija. Il-persuna li timpjega lil MJ, MH Müller Handels GmbH (iktar ’il quddiem “MH”), fir-rigward tagħha, quddiem ir-rifjut tagħha li tneħħi dan il-velu fuq il-post tax-xogħol tagħha, l-ewwel assenjatha għal pożizzjoni oħra li tippermettilha tilbes l-imsemmi velu, u sussegwentement, wara li bagħtitha d-dar, talbitha tippreżenta ruħha fuq il-post tax-xogħol tagħha mingħajr simboli prominenti u ta’ daqs kbir ta’ espressjoni ta’ kwalunkwe twemmin reliġjuż, politiku jew filosofiku.
IX adixxiet lill-Arbeitsgericht Hamburg (il-Qorti Industrijali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) b’rikors intiż li WABE tiġi kkundannata tirtira mill-fajl personali tagħha t-twissijiet dwar l-ilbies tal-velu Iżlamiku. Min-naħa tagħha, MJ ippreżentat rikors quddiem il-qrati nazzjonali intiż li tiġi kkonstatata l-invalidità tal-ordni ta’ MH u li tikseb kumpens għad-dannu subit. Peress li MJ rebħet quddiem dawn il-qrati, MH ippreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-Bundesarbeitsgericht (il Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja).
Huwa f’dan il-kuntest li ż-żewġ qrati tar-rinviju ddeċidew li jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78 ( 1 ). B’mod partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija jekk regola interna ta’ impriża, li tipprojbixxi lill-ħaddiema milli jilbsu kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol, tikkostitwixxix, fil-konfront tal-ħaddiema li josservaw ċerti regoli ta’ lbies skont regoli ta’ kondotta reliġjużi, diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, f’liema kundizzjonijiet l-eventwali differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin li tirriżulta minn tali regola tista’ tiġi ġġustifikata u liema huma l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tan-natura xierqa ta’ tali differenza fit-trattament.
Fis-sentenza tagħha, mogħtija fl-Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża b’mod partikolari f’liema kundizzjonijiet differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, li tirriżulta minn tali regola interna, tista’ tiġi ġġustifikata.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, fl-ewwel lok, b’rabta mal-Kawża C‑804/18, jekk regola interna ta’ impriża, li tipprojbixxi lill-ħaddiema milli jilbsu kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol, tikkostitwixxix, fil-konfront tal-ħaddiema li josservaw ċerti regoli ta’ lbies skont regoli ta’ kondotta reliġjużi, diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin, ipprojbita mid-Direttiva 2000/78 ( 2 ).
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-ilbies ta’ simboli jew ta’ ħwejjeġ sabiex wieħed juri r-reliġjon jew it-twemmin huwa kopert mil-“libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon” ( 3 ). Barra minn hekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, il-kliem “reliġjon” u “twemmin” għandhom jiġu analizzati bħala ż-żewġ naħat tal-istess u l-unika raġuni ta’ diskriminazzjoni.
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar il-ġurisprudenza tagħha li tgħid li tali regola ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta peress li din tirrigwarda b’mod indifferenti kwalunkwe manifestazzjoni ta’ tali twemmin u titratta b’mod identiku lill-ħaddiema kollha tal-impriża, billi timponi fuqhom, b’mod ġenerali u mingħajr differenza, newtralità tal-ilbies li tipprekludi l-ilbies ta’ tali simboli. Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li din il-konstatazzjonijiet ma hijiex ikkontestata mill-kunsiderazzjoni li ċerti ħaddiema josservaw regoli ta’ kondotta reliġjużi li jimponu li jintlibes ċertu lbies. Fil-fatt, għalkemm regola bħal dik imsemmija iktar ’il fuq ċertament hija ta’ natura li tikkawża inkonvenjenza partikolari għal tali ħaddiema, din ma taffettwax il-konstatazzjoni li din l-istess regola, li tirrifletti politika ta’ newtralità tal-impriża, bħala prinċipju ma tistabbilixxix differenza fit-trattament bejn ħaddiema bbażata fuq kriterju marbut b’mod inseparabbli mar-reliġjon jew mat-twemmin.
F’dan il-każ, ir-regola inkwistjoni donnha ġiet applikata b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, peress li l-persuna li timpjega kkonċernata rrikjediet ukoll u kisbet minn impjegata liebsa salib reliġjuż it-tneħħija ta’ dan is-simbolu. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li, f’dawn il-kundizzjonijiet, regola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix, fil-konfront tal-ħaddiema li josservaw ċerti regoli ta’ lbies skont regoli ta’ kondotta reliġjużi, diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin.
Il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, fit-tieni lok, jekk differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin ( 4 ), li tirriżulta minn tali regola interna, tistax tiġi ġġustifikata mir-rieda tal-persuna li timpjega li ssegwi politika ta’ newtralità politika, filosofika u reliġjuża fil-konfront tal-klijenti jew utenti tagħha, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-aspettattivi leġittimi tagħhom. Hija tirrispondi fl-affermattiv, filwaqt li tidentifika l-elementi li jikkundizzjonaw din il-konklużjoni.
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva, qabelxejn, li r-rieda ta’ persuna li timpjega li turi, fir-relazzjonijiet mal-klijenti, politika ta’ newtralità politika, filosofika jew reliġjuża tista’ tikkostitwixxi għan leġittimu. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża madankollu li din is-sempliċi rieda ma hijiex biżżejjed, bħala tali, sabiex tiġġustifika b’mod oġġettiv differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, peress li n-natura oġġettiva ta’ tali ġustifikazzjoni tista’ tiġi identifikata biss fil-preżenza ta’ ħtieġa reali ta’ din il-persuna li timpjega. L-elementi rilevanti sabiex tiġi identifikata tali ħtieġa huma b’mod partikolari d-drittijiet u l-aspettattivi leġittimi tal-klijenti jew tal-utenti u, b’mod partikolari, fil-qasam tat-tagħlim, ix-xewqa tal-ġenituri li jaraw lit-tfal tagħhom imdawra b’persuni li ma jurux ir-reliġjon tagħhom jew it-twemmin tagħhom meta jkunu f’kuntatt mat-tfal.
Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali ħtieġa, huwa b’mod partikolari rilevanti li l-persuna li timpjega tkun ipproduċiet il-prova li, fl-assenza ta’ tali politika ta’ newtralità, tiġi ppreġudikata l-libertà ta’ intrapriża tagħha ( 5 ), sa fejn, fid-dawl tan-natura tal-attivitajiet tagħha jew tal-kuntest li jidħlu fih, hija ssofri konsegwenzi sfavorevoli.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, sussegwentement, li l-imsemmija differenza fit-trattament għandha tkun adatta sabiex tiżgura l-applikazzjoni tajba tal-imsemmija politika ta’ newtralità, li jippreżupponi li din il-politika tiġi segwita b’mod koerenti u sistematiku. Fl-aħħar nett, il-projbizzjoni tal-ilbies ta’ kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju fid-dawl tal-kobor u tal-gravità reali tal-konsegwenzi sfavorevoli li l-persuna li timpjega tfittex li tevita permezz ta’ tali projbizzjoni.
Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, b’rabta mal-kawża C‑341/19, jekk diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin li tirriżulta minn regola interna ta’ impriża li tipprojbixxi, fuq il-post tax-xogħol, l-ilbies ta’ simboli viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż, bl-għan li tiġi żgurata politika ta’ newtralità fi ħdan din l-impriża, tistax tiġi ġġustifikata biss jekk din tkopri kull forma viżibbli ta’ espressjoni ta’ tali twemmin jew jekk tistax tiġi ammessa projbizzjoni limitata għall-ilbies ta’ simboli prominenti u ta’ daqs kbir, sakemm din tiġi implimentata b’mod koerenti u sistematiku.
Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li tali projbizzjoni limitata tista’ taffettwa b’mod iktar serju lill-persuni li jaderixxu ma’ prattiki reliġjużi, filosofiċi u non-konfessjonali li jipprevedu l-ilbies ta’ ilbies jew ta’ simbolu prominenti ta’ daqs kbir, bħal xedd ir-ras. Għalhekk, meta l-kriterju tal-ilbies ta’ simboli prominenti ta’ daqs kbir tat-twemmin ippreċitati huwa marbut b’mod inseparabbli ma’ reliġjon jew twemmin partikolari wieħed jew diversi, il-projbizzjoni tal-ilbies ta’ dawn is-simboli abbażi ta’ tali kriterju jkollha l-konsegwenza li ċerti ħaddiema jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn oħrajn abbażi tar-reliġjon tagħhom jew tat-twemmin tagħhom, li huwa ekwivalenti għal diskriminazzjoni diretta, li ma tistax tiġi ġġustifikata.
Fl-ipoteżi li diskriminazzjoni diretta ma kellhiex tiġi kkonstatata, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li differenza fit-trattament bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun tikkostitwixxi, jekk din twassal għal żvantaġġ partikolari għall-persuni li jaderixxu għal reliġjon jew għal twemmin partikolari, diskriminazzjoni indiretta, li tkun tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk il-projbizzjoni tkopri kwalunkwe forma viżibbli ta’ espressjoni tat-twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż. Hija tfakkar, f’dan ir-rigward, li politika ta’ newtralità fi ħdan l-impriża tista’ tikkostitwixxi għan leġittimu u għandha tissodisfa ħtieġa vera tal-impriża, bħall-prevenzjoni tal-kunflitti soċjali jew il-preżentazzjoni tal-persuna li timpjega b’mod newtrali fil-konfront tal-klijenti, sabiex tiġġustifika b’mod oġġettiv differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin. Issa, sabiex tali politika tiġi segwita b’mod effettiv, ebda manifestazzjoni viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż ma għandha tiġi ammessa meta l-ħaddiema huma f’kuntatt mal-klijenti jew huma f’kuntatt bejniethom għaliex l-ilbies ta’ kwalunkwe simbolu, anki ta’ daqs żgħir, jikkomprometti l-kapaċità tar-regola li tilħaq l-għan imfittex.
Fl-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li dispożizzjonijiet nazzjonali li jipproteġu l-libertà tar-reliġjon jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala dispożizzjonijiet iktar favorevoli ( 6 ), fil-kuntest tal-eżami tan-natura xierqa ta’ differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin. F’dan ir-rigward, hija tfakkar, fl-ewwel lok, li, fl-eżami tan-natura xierqa, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78, tar-restrizzjoni li tirriżulta minn miżura intiża li tiżgura l-applikazzjoni ta’ politika ta’ newtralità politika, filosofika u reliġjuża, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi drittijiet u libertajiet inkwistjoni u li huma l-qrati nazzjonali, fid-dawl tal-elementi kollha tal-proċess inkwistjoni, li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi inkwistjoni u li jillimitaw ir-restrizzjonijiet għal-libertajiet inkwistjoni għal dak li huwa strettament neċessarju. Dan ikun jippermetti li jiġi żgurat li, meta diversi drittijiet fundamentali u prinċipji sanċiti fit-trattati jkunu inkwistjoni, l-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ssir b’osservanza tal-konċiljazzjoni neċessarja tar-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni tad-diversi drittijiet u prinċipji inkwistjoni u ta’ bilanċ ġust bejniethom. Hija tikkonstata, fit-tieni lok, li, billi ma wettaqx huwa stess, fid-Direttiva 2000/78, il-konċiljazzjoni neċessarja bejn il-libertà tal-ħsieb, ta’ twemmin u ta’ reliġjon u l-għanijiet leġittimi li jistgħu jiġu invokati bħala ġustifikazzjoni għal inugwaljanza fit-trattament, u billi ħalla l-kompitu li ssir din il-konċiljazzjoni lill-Istati Membri u lill-qrati tagħhom, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppermetta li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest rispettiv ta’ kull Stat Membru u li jirrikonoxxi lil kull wieħed minnhom marġni ta’ evalwazzjoni fil-kuntest ta’ din il-konċiljazzjoni.
( 1 ) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).
( 2 ) Artikolu 1 u Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.
( 3 ) Protetta mill-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
( 4 ) Fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni indiretta, ibbażata b’mod partikolari fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, sakemm il-kriterju jew il-prattika li jirriżulta minnha ma jkunx oġġettivament iġġustifikat minn għan leġittimu u l-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji.
( 5 ) Irrikonoxxuta fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
( 6 ) Fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78, li jkopri d-dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti fid-direttiva. Dan ikun il-każ, per eżempju, ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jissuġġettaw il-ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq ir-reliġjon għal rekwiżiti ogħla milli jagħmel l-Artikolu 2(2)(b)(i) tal-imsemmija direttiva.