SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Lulju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Projbizzjoni tad-diskriminazzjoni ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi l-ilbies viżibbli ta’ kull simbolu politiku, filosofiku jew reliġjuż jew l-ilbies ta’ kull simbolu politiku, filosofiku jew reliġjuż prominenti u ta’ daqs kbir fuq il-post tax-xogħol – Diskriminazzjoni diretta jew indiretta – Proporzjonalità – Ibbilanċjar tal-libertà tar-reliġjon u ta’ drittijiet fundamentali oħrajn – Leġittimità tal-politika ta’ newtralità adottata mill-persuna li timpjega – Neċessità li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ preġudizzju ekonomiku tal-persuna li timpjega”

Fil-Kawżi magħquda C‑804/18 u C‑341/19,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Arbeitsgericht Hamburg (il-Qorti Industrijali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) (C‑804/18), u mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) (C‑341/19), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑21 ta’ Novembru 2018 u tat‑30 ta’ Jannar 2019, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Diċembru 2018 u fit‑30 ta’ April 2019, rispettivament, fil-proċeduri

IX

vs

WABE eV (C‑804/18),

u

MH Müller Handels GmbH

vs

MJ (C‑341/19)

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan, L. Bay Larsen, N. Piçarra u A. Kumin, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, C. Toader, M. Safjan, F. Biltgen (Relatur), P. G. Xuereb, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Novembru 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal IX, minn K. Bertelsmann, Rechtsanwalt,

għal WABE eV, minn C. Hoppe, Rechtsanwalt,

għal MH Müller Handels GmbH, minn F. Werner, Rechtsanwalt,

għal MJ, minn G. Sendelbeck, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Grieg, minn E. M. Mamouna u K. Boskovits, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Svediż, minn H. Eklinder, C. Meyer-Seitz, H. Shev, J. Lundberg u A. Falk, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann, M. Van Hoof u C. Valero, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) u (b), tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), kif ukoll tal-Artikoli 10 u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa fil-Kawża C‑804/18 tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn IX u l-persuna li timpjegaha, WABE eV (iktar ’il quddiem “WABE”), assoċjazzjoni rreġistrata fil-Ġermanja li topera numru kbir ta’ skejjel materni, dwar is-sospensjoni ta’ IX mill-funzjonijiet tagħha wara r-rifjut tagħha li tosserva l-projbizzjoni imposta minn WABE fuq l-impjegati tagħha li jkollhom kwalunkwe sinjal viżibbli ta’ natura politika, filosofika jew reliġjuża fuq il-post tax-xogħol meta dawn ikunu f’kuntatt mal-ġenituri jew mat-tfal tagħhom.

3

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa fil-Kawża C‑341/19 tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn MH Müller Handels GmbH (iktar ’il quddiem “MH”), kumpannija li topera katina ta’ spiżeriji fit-territorju Ġermaniż, u l-impjegata tagħha, MJ, dwar il-legalità tal-ordni li ġiet indirizzata lilha minn MH sabiex tastjeni milli tilbes, fuq il-post tax-xogħol, simboli prominenti u ta’ daqs kbir ta’ natura politika, filosofika jew reliġjuża.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2000/78

4

Il-premessi 1, 4, 11 u 12 tad-Direttiva 2000/78 jistipulaw:

“(1)

Skond l-Artikolu 6 [TUE], l-Unjoni Ewropea hi mibnija fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet umani u għal-libertajiet fundamentali, u wkoll fuq l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri kollha u li tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950] u kif jirriżultaw mit-traduzzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri bħala prinċipji ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni].

[…]

(4)

Id-dritt tal-persuni kollha għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-protezzjoni minn diskriminazzjoni jikonstitwixxi dritt universali rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani, il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar l-Elimazzjoni tal-Forom Kollha tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, mill-Patti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet, iffirmata mill-Istati Membri kollha. Il-Konvenzjoni Nru 111 ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-qasam ta’ l-impjieg u tax-xogħol.

[…]

(11)

Id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat [FUE], speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

(12)

B’dan l-iskop, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, għar-rigward ta’ arji [oqsma] koperti minn din id-Direttiva għandhom ikunu pprojbiti [fl-Unjoni] kollha. […]”

5

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

6

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli [hija, ġiet jew] kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, […]

[…]

5.   Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

7

L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jiddisponi:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-[Unjoni], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

8

Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78:

“L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew jikkonservaw dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti f’din id-Direttiva”.

Id-dritt Ġermaniż

Il-GG

9

L-Artikolu 4(1) u (2) tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja) tat‑23 ta’ Mejju 1949 (BGB1. 1949 I, p. 1, iktar ’il quddiem il-“GG”) jiddisponi:

“(1)   Il-libertà ta’ twemmin u ta’ kuxjenza u l-libertà tat-tħaddin ta’ twemmin reliġjuż u filosofiku huma invjolabbli.

(2)   L-eżerċizzju liberu tal-qima huwa ggarantit.”

10

L-Artikolu 6(2) tal-GG jipprevedi:

“It-trobbija u l-edukazzjoni tal-ulied huwa dritt naturali tal-ġenituri u obbligu prijoritarju għalihom. L-unjoni tal-istati tissorvelja l-mod kif dawn iwettqu dawn id-dmirijiet.”

11

L-Artikolu 7(1) sa (3) tal-GG huwa fformulat kif ġej:

“1.   It-tagħlim tal-iskola kollu huwa taħt il-kontroll tal-Istat.

2.   Il-persuni li għandhom responsabbiltà ta’ ġenituri għandhom id-dritt jiddeċiedu dwar il-parteċipazzjoni tal-ulied fit-tagħlim reliġjuż.

3.   It-tagħlim reliġjuż huwa suġġett mgħallem b’mod regolari fl-iskejjel pubbliċi bl-eċċezzjoni tal-iskejjel nonkonfessjonali. It-tagħlim reliġjuż jingħata skont il-prinċipji tal-komunitajiet reliġjużi, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kontroll mill-Istat. Ebda għalliem ma jista’ jkun obbligat jagħti tagħlim reliġjuż kontra l-volontà tiegħu.”

12

L-Artikolu 12 tal-GG jipprevedi:

“Il-Ġermaniżi kollha għandhom id-dritt li jagħżlu b’mod liberu l-professjoni, l-impjieg u l-istituzzjoni ta’ taħriġ tagħhom. L-eżerċizzju tal-professjoni jista’ jkun irregolat mil-liġi jew permezz ta’ liġi.

[…]”

L-AGG

13

L’Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament) tal‑14 ta’ Awwissu 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1897, iktar ’il quddiem l-“AGG”), hija intiża li tittrasponi d-Direttiva 2000/78 fid-dritt Ġermaniż.

14

L-Artikolu 1 tal-AGG, li jiddetermina l-għan ta’ din il-liġi, jistipula:

“Din il-liġi għandha l-għan li tipprekludi jew telimina kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, is-sess, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.”

15

L-Artikolu 2(1) tal-AGG jiddisponi:

“Bis-saħħa ta’ din il-liġi, id-diskriminazzjoni bbażata fuq waħda mir-raġunijiet indikati fl-Artikolu 1 hija illegali meta din tirrigwarda:

1. il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu jew għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

2. il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, inkluż ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija, b’mod partikolari, dawk li jinsabu fil-ftehim kollettiv u fil-kuntratti ta’ xogħol individwali, u l-miżuri meħuda waqt l‑eżekuzzjoni u t-terminazzjoni ta’ relazzjoni ta’ xogħol kif ukoll fil-każ ta’ żvilupp professjonali;

[…]”

16

L-Artikolu 3(1) u (2) tal-AGG jipprevedi:

“1.   Diskriminazzjoni diretta tirriżulta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn kif hija ttrattata, ġiet ittrattata jew x’aktarx tiġi ttrattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1. Diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess tirriżulta wkoll għal dak li jirrigwarda l-punti 1 sa 4 tal-Artikolu 2(1), meta mara tkun is-suġġett ta’ trattament inqas favorevoli minħabba t-tqala jew il-maternità tagħha.

2.   Diskriminazzjoni indiretta tirriżulta meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tista’ twassal, għal waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1, għal żvantaġġ partikolari għal ċerti persuni meta mqabbla ma’ oħrajn, sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika ma tkunx oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu u l-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji.”

17

L-Artikolu 7(1) sa (3) tal-AGG jiddisponi:

“1.   Il-ħaddiema impjegati ma għandhom ikunu suġġetti għal ebda diskriminazzjoni għal waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1; din il-projbizzjoni tapplika wkoll meta l-awtur tad-diskriminazzjoni jippreżumi biss l-eżistenza ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 fil-kuntest tal-fatt diskriminatorju.

2.   Id-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jmorru kontra l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet prevista fil-paragrafu 1 huma mċaħħda mill-effett legali.

3.   Diskriminazzjoni bħal dik imsemmija fil-paragrafu 1, imwettqa mill-persuna li timpjega jew minn ħaddiem ieħor, tikkostitwixxi ksur tal-obbligi kuntrattwali.”

18

Skont l-Artikolu 8(1) tal-AGG:

“Differenza fit-trattament ibbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 hija permessa meta n-natura tal-attività li għandha tiġi eżerċitata jew il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħha jikkostitwixxu rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, sakemm l-għan ikun leġittimu u r-rekwiżit ikun proporzjonat.”

19

L-Artikolu 15 tal-AGG jaqra kif ġej:

“1.   Fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, il-persuna li timpjega għandha tagħmel tajjeb għad-danni li jirriżultaw minn dan. Din ir-regola ma tapplikax jekk il-persuna li timpjega ma hijiex responsabbli għall-ksur ta’ tali obbligu.

2.   Għal dannu li ma jkunx ta’ natura patrimonjali, il-ħaddiem jista’ jitlob kumpens pekunjarju xieraq. F’każ ta’ nuqqas ta’ reklutaġġ, il-kumpens ma jistax ikun ta’ iktar minn tliet salarji mensili meta l-ħaddiem ma jkunx ġie rreklutat anki fil-każ ta’ għażla mhux diskriminatorja.

3.   Fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi, il-persuna li timpjega għandha tkun obbligata tagħti kumpens biss jekk tkun aġixxiet intenzjonalment jew wettqet negliġenza gravi.”

Il-Kodiċi Ċivili

20

Skont l-Artikolu 134 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), “[k]ull att legali li jmur kontra projbizzjoni legali huwa null sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor”.

Il-GewO

21

L-Artikolu 106 tal-Gewerbeordnung (il-Kodiċi Ġermaniż dwar l-Eżerċizzju ta’ Xogħol Artiġjanali, Kummerċjali u Industrijali, iktar ’il quddiem il-“GewO”) jiddisponi:

“Il-persuna li timpjega tista’, filwaqt li teżerċita d-diskrezzjoni tagħha b’mod raġonevoli, tispeċifika l-kontenut, il-post u l-mument fejn għandu jsir ix-xogħol, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ta’ xogħol ma jkunux iddefiniti fil-kuntratt ta’ xogħol, fil-klawżoli ta’ ftehim ta’ impriża jew ta’ ftehim kollettiv applikabbli jew anki f’dispożizzjonijiet leġiżlattivi. Dan japplika wkoll għal dak li jirrigwarda l-osservanza tal-ordinament intern tal-impriża mill-ħaddiem kif ukoll l-aġir ta’ dan tal-aħħar fl-impriża. Fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, il-persuna li timpjega għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll id-diżabbiltajiet tal-ħaddiem.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C‑804/18

22

WABE topera numru kbir ta’ skejjel materni li jinsabu fil-Ġermanja, li jħaddmu iktar minn 600 impjegat u jilqgħu madwar 3500 tifel u tifla. Hija għandha l-għan li tkun newtrali fir-rigward tal-partiti politiċi u d-denominazzjonijiet reliġjużi.

23

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża jsegwi li, fil-kuntest tal-funzjonament ta’ kuljum tagħha, WABE ssegwi u tikkondividi mingħajr riżerva r-rakkomandazzjonijiet tal-Belt ta’ Hamburg (il-Ġermanja) għall-istruzzjoni u l-edukazzjoni tat-tfal applikabbli fl-istabbilimenti ta’ akkoljenza kollettiva, ippubblikati fix-xahar ta’ Marzu 2012 mill-amministrazzjoni tax-xogħol, tal-affarijiet soċjali, tal-familja u tal-integrazzjoni tal-Belt ta’ Hamburg. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jipprovdu, b’mod partikolari, li “[l]-istabbilimenti kollha għandhom jindirizzaw u jispjegaw il-kwistjonijiet etiċi fundamentali kif ukoll it-twemmin reliġjuż u ieħor bħala li jifformaw parti mid-dinja tagħna. L-istabbilimenti għandhom jagħtu għalhekk lit-tfal l-okkażjoni li jistaqsu fuq kwistjonijiet li jolqtu s-sens tal-ħajja, bħall-ferħ u t-tbatija, is-saħħa u l-mard, il-ġustizzja u l-inġustizzja, il-ħtija u l-falliment, il-paċi u l-kunflitti, u Alla. Huma għandhom jgħinu lit-tfal idaħħlu fid-diskussjoni s-sentimenti tagħhom u t-twemmin tagħhom f’dan ir-rigward. Il-possibbiltà li dawn il-mistoqsijiet jiġu indirizzati b’kurjożità u fid-dettall twassal għal interess fil-kontenut u fit-tradizzjonijiet tal-orjentazzjonijiet reliġjużi u kulturali rrappreżentati fost il-grupp ta’ tfal. B’dan il-mod jiżviluppaw l-istima u r-rispett ta’ reliġjonijiet, kulturi u twemmin ieħor. Din il-konfrontazzjoni ssaħħaħ t-tfal fl-immaġni tagħhom stess u fl-esperjenza ta’ soċjetà li tiffunzjona. Din tinkludi wkoll il-possibbiltà li t-tfal jgħixu matul is-sena l-festi ta’ oriġini reliġjużi u jipparteċipaw fihom b’mod attiv. Billi jiltaqgħu ma’ reliġjonijiet oħra, it-tfal jitgħallmu jirrikonoxxu forom differenti ta’ ġabra, fidi u spiritwalità” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

24

IX hija għalliema ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali u ilha taħdem għal WABE mis-sena 2014. Fil-bidu tas-sena 2016, hija ddeċidiet li tilbes il-velu Iżlamiku. Mill‑15 ta’ Ottubru 2016 sat‑30 ta’ Mejju 2018, hija kienet fuq leave parentali.

25

Fix-xahar ta’ Marzu 2018, WABE adottat id-“Direttivi tas-servizz għall-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità” bl-għan li tapplikahom fl-istabbilimenti tagħha, direttivi li IX saret taf bihom fil‑31 ta’ Mejju tal-istess sena. Dawn id-direttivi jipprevedu b’mod partikolari li WABE “hija newtrali fir-rigward tad-denominazzjonijiet reliġjużi u tirriżerva espressament li tilqa’ b’mod favorevoli d-diversità reliġjuża u kulturali. Sabiex tiżgura l-iżvilupp liberu u personali tat-tfal għal dak li jirrigwarda r-reliġjon, it-twemmin u l-politika, l-impjegati […] għandhom josservaw strettament il-prinċipju ta’ newtralità applikabbli lejn il-ġenituri, it-tfal u terzi. [WABE] ssegwi politika ta’ newtralità politika, filosofika u reliġjuża fir-rigward tagħhom. Bl-eċċezzjoni tal-persunal edukattiv, l-obbligi imposti fid-dawl tal-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità ma humiex imposti fuq l-impjegati ta’ WABE li jaħdmu fis-sede tal-impriża għaliex huma ma għandhomx kuntatti, la mat-tfal u lanqas mal-ġenituri. F’dan il-kuntest, ir-regoli li ġejjin “iservu bħala prinċipji għall-osservanza effettiva tal-prinċipju ta’ newtralità fil-post tax-xogħol:

fuq il-post tax-xogħol tagħhom l-impjegati ma għandhom jagħmlu ebda manifestazzjoni politika, filosofika jew reliġjuża lejn il-ġenituri, it-tfal jew terzi;

fuq il-post tax-xogħol tagħhom l-impjegati ma għandhom jilbsu ebda simbolu viżibbli, fil-konfront tal-ġenituri, it-tfal u terzi, tat-twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż tagħhom;

fuq il-post tax-xogħol tagħhom l-impjegati ma għandhom iwettqu ebda rit li jirriżulta minnhom quddiem il-ġenituri, it-tfal u terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

26

Fin-“Nota ta’ informazzjoni dwar il-prinċipju ta’ newtralità” maħruġa minn WABE, it-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija dwar jekk l-ilbies tas-salib Nisrani, tal-velu Iżlamiku jew tal-kippah Lhudija huwiex awtorizzat hija s-segwenti:

“Le, dan ma huwiex awtorizzat peress li t-tfal ma jistgħux jiġu influwenzati mill-edukaturi għal dak li jirrigwarda reliġjon. L-għażla konxja ta’ lbies iggwidata minn kunsiderazzjonijiet reliġjużi jew filosofiċi tmur kontra l-prinċipju ta’ newtralità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

27

Fl‑1 ta’ Ġunju 2018, IX ippreżentat ruħha fuq il-post tax-xogħol tagħha liebsa velu Iżlamiku. Peress li rrifjutat li tneħħi dan il-velu, hija ġiet provviżorjament sospiża mid-direttriċi tal-istabbiliment.

28

Fl‑4 ta’ Ġunju 2018, IX reġgħet ippreżentat ruħha għax-xogħol b’velu Iżlamiku. Inħarġitilha twissija bl-istess data talli libset il-velu fl‑1 ta’ Ġunju 2018 u ġiet mistiedna, fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità, twettaq ix-xogħol tagħha mingħajr velu fil-futur. Peress li IX reġgħet irrifjutat li tneħħi l-imsemmi velu, hija ntbagħtet id-dar u ġiet provviżorjament sospiża. Fl-istess jum, hija rċeviet twissija oħra.

29

Matul dan l-istess perijodu, WABE ġiegħlet lil impjegata li kellha pendent fil-forma ta’ salib sabiex tneħħih.

30

IX adixxiet lill-qorti tar-rinviju b’rikors sabiex WABE tiġi kkundannata tirtira mill-fajl personali tagħha t-twissijiet dwar l-ilbies tal-velu Iżlamiku. Insostenn tar-rikors tagħha, hija ssostni, qabelxejn, li minkejja n-natura ġenerali tal-projbizzjoni tal-ilbies viżibbli ta’ sinjali ta’ natura politika, filosofika jew reliġjuża, din il-projbizzjoni tirrigwarda direttament l-ilbies tal-velu Iżlamiku u għalhekk tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta, sussegwentement, li din il-projbizzjoni tikkonċerna esklużivament lin-nisa u għalhekk għandha wkoll tiġi eżaminata fir-rigward tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq is-sess u, fl-aħħar nett, li din il-projbizzjoni tikkonċerna iktar lin-nisa ġejjin mill-immigrazzjoni, b’tali mod li hija tista’ wkoll tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika. Barra minn hekk, il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) iddeċidiet li l-projbizzjoni li tilbes il-velu Iżlamiku fuq il-post tax-xogħol, fi stabbiliment ta’ akkoljenza għat-tfal, kienet tikkostitwixxi preġudizzju gravi għal-libertà tat-twemmin u għad-denominazzjoni u għandha, sabiex tkun ammissibbli, tkun ibbażata fuq riskju stabbilit u konkret. Fl-aħħar nett, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2017:203), ma tippermettix li tiġi prekluża t-talba għall-irtirar tal-imsemmija twissijiet. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet biss standards minimi fid-dritt tal-Unjoni b’mod li l-livell ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni miksub fil-Ġermanja, bis-saħħa tal-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) dwar l-Artikolu 4(1) tal-GG u l-Artikolu 8 tal-AGG, ma jistax jitnaqqas.

31

WABE titlob lill-qorti tar-rinviju tiċħad dan ir-rikors. Insostenn ta’ din it-talba, hija ssostni, b’mod partikolari, li r-regola interna li tipprojbixxi l-ilbies viżibbli ta’ sinjali politiċi, filosofiċi jew reliġjużi hija konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 106 tal-GewO, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(1) sa (3) tal-AGG u li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali għandhom jiġu interpretati b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni. Issa, mis-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2017:203) jirriżulta li persuna li timpjega privata hija awtorizzata timplimenta politika ta’ newtralità fi ħdan l-impriża sakemm issegwiha b’mod koerenti u sistematiku u tillimitaha għall-impjegati li jkunu f’kuntatt mal-klijenti. Ma jkunx hemm diskriminazzjoni indiretta jekk id-dispożizzjoni kkonċernata tkun oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu, bħalma hija r-rieda tal-persuna li timpjega li ssegwi politika ta’ newtralità fil-kuntest tal-kuntatti mal-klijenti, u jekk il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan huma xierqa u neċessarji. Issa, dan huwa l-każ hawnhekk. Barra minn hekk, IX ma tistax tiġi assenjata f’pożizzjoni li ma tinvolvix kuntatti mat-tfal u mal-ġenituri tagħhom sa fejn tali pożizzjoni ma tikkorrispondix mal-kapaċitajiet u mal-kwalifiki tagħha. Permezz tas-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2017:203), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod definittiv il-kwistjoni tal-ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-Karta fil-każ ta’ obbligu ta’ newtralità impost mill-persuna li timpjega. Peress li l-Artikolu 3(2) tal-AGG huwa intiż sabiex jittrasponi d-dritt tal-Unjoni, il-qrati Ġermaniżi ma jistgħux iwettqu evalwazzjoni differenti tal-libertà tar-reliġjon, bħal dik adottata mill-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali), mingħajr ma jiksru s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju tal-interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riskju konkret jew ta’ dannu ekonomiku konkret sabiex tiġi limitata l-libertà tar-reliġjon, din il-prova hija prodotta wkoll f’dan il-każ, peress li mill-kontribuzzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali esposti fuq il-paġna personali tagħha ta’ netwerk soċjali jirriżulta li hija xtaqet, permezz tal-aġir tagħha, tinfluwenza lil terzi b’mod immirat u intenzjonat.

32

Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, il-qorti tar-rinviju tqis li IX setgħet kienet is-suġġett ta’ diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, minħabba r-rabta fit-trattament sfavorevoli li hija ġarrbet, jiġifieri l-ħruġ ta’ twissija, mal-karatteristika protetta li tikkostitwixxi r-reliġjon.

33

Fl-ipoteżi ta’ assenza ta’ diskriminazzjoni diretta, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk politika ta’ newtralità adottata minn impriża tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq ir-reliġjon jew, fid-dawl tal-fatt li l-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna lin-nisa fil-parti l-kbira tal-każijiet, diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess. F’dan il-kuntest, hija tistaqsi jekk differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon u/jew is-sess tistax tiġi ġġustifikata minn politika ta’ newtralità stabbilita sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni x-xewqat tal-klijenti. Barra minn hekk, fil-każ ta’ differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina jekk, għall-finijiet tal-eżami tan-natura xierqa ta’ tali differenza fit-trattament, hija tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji previsti fl-Artikolu 4(1) tal-GG bħala dispożizzjoni iktar favorevoli fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Arbeitsgericht Hamburg (it-Tribunal Industrijali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Direttiva unilaterali tal-persuna li timpjega, li tipprojbixxi l-ilbies ta’ kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ natura politika, filosofika jew reliġjuża, tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon fis-sens tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) tad-Direttiva [2000/78], tal-ħaddiema li josservaw ċerti regoli fl-ilbies minħabba preċetti reliġjużi li jeżiġu li jkopru lilhom infushom?

2)

Direttiva unilaterali tal-persuna li timpjega, li tipprojbixxi l-ilbies ta’ kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ natura politika, filosofika jew reliġjuża, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq ir-reliġjon u/jew il-ġeneru, fis-sens tal-Artikolu 2(1) u (2)(b) tad-Direttiva [2000/78], ta’ ħaddiema li tilbes velu minħabba l-fidi Musulmana tagħha?

B’mod partikolari:

a)

Diskriminazzjoni [indiretta] bbażata fuq ir-reliġjon u/jew il-ġeneru tista’ wkoll tkun iġġustifikata taħt id-Direttiva 2000/78 bix-xewqa suġġettiva tal-persuna li timpjega li tfittex li ssegwi politika ta’ newtralità politika, filosofika u reliġjuża, meta l-persuna li timpjega trid tikkunsidra wkoll ix-xewqat suġġettivi tal-klijenti tagħha?

b)

Id-Direttiva 2000/78 u/jew id-dritt fundamentali għal-libertà ta’ intrapriża previst fl-Artikolu 16 tal-[Karta] jipprekludu, fid-dawl tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78, leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li, għall-finijiet tal-protezzjoni tad-dritt fundamentali għal-libertà ta’ reliġjon, sempliċi abbiltà astratta intiża li ddgħajjef in-newtralità tal-persuna li timpjega ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika projbizzjoni ta’ lbies reliġjużi, u li tipprevedi li din il-projbizzjoni tista’ biss tkun iġġustifikata b’riskju konkret biżżejjed, partikolarment it-theddida konkreta ta’ żvantaġġ ekonomiku għall-persuna li timpjega jew terz ikkonċernat?”

Il-Kawża C‑341/19

35

MJ ilha impjegata mis-sena 2002 bħala bejjiegħa u kaxxiera f’waħda mis-sussidjarji ta’ MH. Sa mis-sena 2014, hija tilbes velu Iżlamiku. Peress li ma kkonformatx ruħha mal-ordni ta’ MH li tneħħi dan il-velu fuq il-post tax-xogħol tagħha, hija ġiet assenjata f’pożizzjoni oħra li tippermettilha tilbes l-imsemmi velu. Fix-xahar ta’ Ġunju 2016, MH mill-ġdid ordnatilha tneħħi l-imsemmi velu. Wara r-rifjut ta’ MJ li tikkonforma ruħha ma’ din l-ordni, hija ntbagħtet id-dar. Fix-xahar ta’ Lulju 2016, MH talbitha tippreżenta ruħha fuq il-post tax-xogħol tagħha mingħajr simboli prominenti u ta’ daqs kbir ta’ espressjoni ta’ kwalunkwe twemmin reliġjuż, politiku jew filosofiku.

36

MJ ippreżentat rikors quddiem il-qrati nazzjonali intiż sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità tal-imsemmija ordni u sabiex tikseb kumpens għad-dannu subit. Insostenn tar-rikors tagħha, MJ invokat il-libertà tar-reliġjon tagħha, protetta mill-GG, filwaqt li sostniet li l-politika ta’ newtralità mixtieqa minn MH ma tibbenefikax minn supremazija inkundizzjonata fir-rigward tal-libertà tar-reliġjon u għandha tkun suġġetta għal eżami ta’ proporzjonalità. MH sostniet li, sa mix-xahar ta’ Lulju 2016, direttiva interna li tipprojbixxi l-użu ta’ simboli prominenti u ta’ daqs kbir ta’ natura reliġjuża, politika jew filosofika fuq il-post tax-xogħol kienet tapplika fis-sussidjarji kollha tagħha (iktar ’il quddiem id-“direttiva interna”). L-għan ta’ din id-direttiva huwa li tinżamm in-newtralità fi ħdan l-impriża u b’hekk jiġu evitati kunflitti bejn impjegati. Tali kunflitti, attribwibbli għad-diversi reliġjonijiet u kulturi preżenti fl-impriża, diġà mmanifestaw ruħhom diversi drabi fil-passat.

37

Peress li MJ rebħet quddiem dawn il-qrati, MH ippreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) fejn sostniet ukoll li mis-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2017:203) isegwi li ma huwiex neċessarju li tiġi stabbilita l-okkorrenza ta’ dannu ekonomiku konkret jew tnaqqis tal-klijentela sabiex projbizzjoni li turi t-twemmin tagħha tkun tista’ tiġi applikata b’mod validu. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tat piż ikbar lil-libertà ta’ intrapriża protetta mill-Artikolu 16 tal-Karta milli lil-libertà tar-reliġjon. Riżultat differenti ma jistax jiġi ġġustifikat fid-dawl tad-drittijiet fundamentali protetti mid-dritt nazzjonali.

38

Il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża pendenti quddiemha, hija għandha tevalwa l-legalità tal-ordni indirizzata lil MJ minn MH kif ukoll id-direttiva interna, fid-dawl tal-limitazzjonijiet imposti fuq id-dritt ta’ persuna li timpjega li tagħti istruzzjonijiet skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 106 tal-GewO. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tindika li hija għandha, fl-ewwel lok, teżamina jekk din l-ordni u d-direttiva interna li fuqha hija bbażata jikkostitwixxux inugwaljanza fit-trattament fis-sens tal-Artikolu 3 tal-AGG u jekk din l-inugwaljanza fit-trattament tikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita. Jekk l-imsemmija ordni tosserva l-kuntest ġuridiku eżistenti, fit-tieni lok, għandha ssir l-evalwazzjoni tagħha ex aequo et bono, li, skont il-qorti tar-rinviju, teħtieġ ibbilanċjar tal-interessi konkorrenti filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-qafas kostituzzjonali u leġiżlattiv, il-prinċipji ġenerali ta’ proporzjonalità u ta’ adegwatezza kif ukoll l-użanzi. Iċ-ċirkustanzi partikolari kollha tal-kawża prinċipali għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’din l-evalwazzjoni.

39

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li d-direttiva interna ta’ MH, li għandha n-natura ta’ regola ġenerali, tikkostitwixxi inugwaljanza fit-trattament indirettament ibbażata fuq ir-reliġjon, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-AGG u tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78. Fil-fatt, MJ tkun iddiskriminata b’mod partikolari meta mqabbel mal-impjegati l-oħrajn minħabba raġuni msemmija fl-Artikolu 1 tal-AGG, peress li l-anjostiċi jesprimu iktar rari fil-pubbliku t-twemmin tagħhom permezz ta’ ħwejjeġ, ġojjellerija jew simboli oħrajn mill-persuni li jaderixxu għal ċerta reliġjon jew għal twemmin partikolari. Madankollu, sabiex jiġi ddeterminat jekk din l-inugwaljanza fit-trattament tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta illegali, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-AGG, għandha tingħata risposta wkoll għad-domanda dwar jekk projbizzjoni kompleta li tkopri kull forma viżibbli ta’ espressjoni tat-twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż hijiex adatta sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minn politika ta’ newtralità stabbilita fi ħdan l-impriża jew jekk – bħal fil-kuntest tal-kawża prinċipali –projbizzjoni limitata għas-simboli prominenti ta’ daqs kbir hijiex suffiċjenti għal dan l-għan, sakemm hija implimentata b’mod koerenti u sistematiku. Issa, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod iktar partikolari s-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2017:203), kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2017, Bougnaoui u ADDH (C‑188/15, EU:C:2017:204), ma tagħtix risposta għal din il-kwistjoni.

40

Jekk kellu jiġi konkluż li din il-limitazzjoni tal-aħħar kienet suffiċjenti, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tidher neċessarja, hijiex xierqa, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi f’dan ir-rigward jekk għandux, fil-kuntest tal-eżami tan-natura xierqa ta’ din il-projbizzjoni, isir ibbilanċjar tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 16 tal-Karta, minn naħa, u fl-Artikolu 10 tal-Karta, min-naħa l-oħra, jew jekk dan l-ibbilanċjar għandux isir biss fil-mument tal-applikazzjoni tar-regola ġenerali fil-każ individwali kkonċernat, pereżempju fil-mument meta hija indirizzata direttiva lil ħaddiem jew matul tkeċċija. Jekk kellu jiġi konkluż li d-drittijiet kunfliġġenti li jirriżultaw mill-Karta u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tan-natura xierqa tal-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fis-sens strett, tqum allura l-kwistjoni dwar jekk dritt, protett minn dispożizzjoni nazzjonali ta’ livell kostituzzjonali, b’mod partikolari l-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin protetta mill-Artikolu 4(1) u (2) tal-GG, tistax titqies bħala li tikkostitwixxi leġiżlazzjoni iktar favorevoli, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78.

41

Fl-aħħar nett, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk id-dritt tal-Unjoni – f’dan il-każ l-Artikolu 16 tal-Karta – jeskludix il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni drittijiet fundamentali protetti mid-dritt nazzjonali fil-kuntest tal-eżami tal-validità ta’ direttiva ta’ persuna li timpjega. Issa, tkun tqum b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk individwu, bħal persuna li timpjega, jistax, fil-kuntest ta’ tilwima esklużivament bejn persuni privati, jinvoka l-Artikolu 16 tal-Karta.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Inugwaljanza fit-trattament indiretta bbażata fuq ir-reliġjon fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva [2000/78] u li tirriżulta minn regola interna ta’ impriża privata tista’ tkun iġġustifikata biss jekk tipprojbixxi l-ilbies ta’ kwalunkwe sinjal viżibbli ta’ twemmin reliġjuż, politiku jew filosofiku u mhux biss l-ilbies ta’ sinjali prominenti u ta’ daqs kbir?

2)

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv:

(a)

L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva [2000/78] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 10 tal-[Karta] u mill-Artikolu 9 tal-[KEDB] jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tal-ġustifikabbiltà tal-inugwaljanza fit-trattament indiretta kkonstatata, ibbażata fuq ir-reliġjon, u li tirriżulta minn regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi l-ilbies ta’ kwalunkwe sinjal ta’ twemmin reliġjuż, politiku jew filosofiku li huwa prominenti u ta’ daqs kbir?

(b)

L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva [2000/78] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regoli nazzjonali ta’ livell kostituzzjonali li jipproteġu l-libertà tar-reliġjon jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala dispożizzjonijiet iktar favorevoli fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva [2000/78], waqt l-eżami tal-ġustifikabbiltà tal-inugwaljanza fit-trattament indiretta kkonstatata, ibbażata fuq ir-reliġjon, u li tirriżulta minn regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi l-ilbies ta’ kwalunkwe sinjal ta’ twemmin reliġjuż, politiku jew filosofiku li huwa prominenti u ta’ daqs kbir?

3)

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-punti (a) u (b) tat-tieni domanda tkun fin-negattiv:

Fl-eżami ta’ istruzzjoni bbażata fuq regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi l-ilbies ta’ kwalunkwe sinjal ta’ twemmin reliġjuż, politiku jew filosofiku, li huwa prominenti u ta’ daqs kbir, ir-regoli nazzjonali ta’ livell kostituzzjonali li jipproteġu l-libertà tar-reliġjon għandhom jibqgħu mhux applikati skont id-dritt primarju tal-Unjoni u dan anki jekk id-dritt primarju tal-Unjoni, bħall-Artikolu 16 tal-[Karta], jirrikonoxxi l-leġiżlazzjonijiet u l-prattiċi nazzjonali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑804/18

43

Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑804/18, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li regola interna ta’ impriża, li tipprojbixxi lill-ħaddiema milli jilbsu kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol, tikkostitwixxi, fir-rigward tal-ħaddiema li josservaw ċerti regoli ta’ lbies skont regoli ta’ kondotta reliġjużi, diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin, fis-sens ta’ din id-direttiva.

44

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, din għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, f’dak li jirrigwarda l-impjieg u x-xogħol, bl-iskop li timplimenta, fl-Istati Membri, il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament. Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, “[g]ħall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1” tagħha. L-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva jippreċiża li, għall-ħtiġijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tagħha, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva, li fosthom hemm ir-reliġjon jew it-twemmin.

45

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “reliġjon”, fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri kemm il-forum internum, jiġifieri l-fatt li wieħed ikollu twemmin reliġjuż, kif ukoll il-forum externum, jiġifieri l-manifestazzjoni fil-pubbliku tal-fidi reliġjuża (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punt 28), liema interpretazzjoni tikkorrispondi għal dik ta’ dan l-istess kunċett użat fl-Artikolu 10(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et, C‑336/19, EU:C:2020:1031, punt 52).

46

L-ilbies ta’ simboli jew ta’ ħwejjeġ sabiex wieħed juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu huwa kopert mil-“libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon” protetta mill-Artikolu 10 tal-Karta. Il-kontenut innifsu tar-regoli ta’ kondotta reliġjużi huwa bbażat fuq evalwazzjoni li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha twettaq.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiżdied li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jiċċita bl-istess mod ir-reliġjon u t-twemmin, bħall-Artikolu 19 TFUE, li jipprovdi li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq ir-“reliġjon jew twemmin”, jew l-Artikolu 21 tal-Karta li jirrigwarda, fost ir-raġunijiet differenti ta’ diskriminazzjoni li huwa jsemmi, “ir-reliġjon jew it-twemmin”. Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, it-termini “reliġjon” u “twemmin” għandhom jiġu analizzati bħala ż-żewġ naħat tal-istess u l-unika raġuni ta’ diskriminazzjoni. Kif jirriżulta mill-Artikolu 21 tal-Karta, ir-raġuni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin għandha tiġi distinta mir-raġuni bbażata fuq “opinjoni politika jew xi opinjoni oħra” u tkopri għalhekk kemm it-twemmin reliġjuż kif ukoll it-twemmin filosofiku jew spiritwali.

48

Għandu jiżdied ukoll li d-dritt għal-libertà ta’ kuxjenza u tar-reliġjon, stabbilit fl-Artikolu 10(1) tal-Karta, u li jagħmel parti integrali mill-kuntest rilevanti għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78, jikkorrispondi għad-dritt iggarantit fl-Artikolu 9 tal-KEDB u li, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, huwa għandu l-istess tifsira u l-istess portata bħal dan (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punt 27). Issa, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, stabbilit fl-Artikolu 9 tal-KEDB, “jirrappreżenta wieħed mill-pedamenti ta’ ‘soċjetà demokratika’ fis-sens ta’ [din il-]Konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u jikkostitwixxi, “fid-dimensjoni reliġjuża tiegħu, wieħed mill-elementi l-iktar vitali li jikkontribwixxu sabiex tiġi fformata l-identità tat-twemmin u l-perċezzjoni tagħhom tal-ħajja” kif ukoll “xi ħaġa prezzjuża għall-atei, l-anjostiċi, ix-xettiċi jew l-indifferenti”, li tikkontribwixxi għall-“pluraliżmu – mirbuħ matul is-sekli – inerenti għal tali soċjetà” (Qorti EDB, 15 ta’ Frar 2001, Dahlab vs L‑Isvizzera, CE:ECHR:2001:0215DEC004239398).

49

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi barra minn hekk li, billi tagħmel riferiment, minn naħa, għad-diskriminazzjoni “fuq bażi ta’” waħda mir-raġunijiet msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, u, min-naħa l-oħra, għal trattament inqas favorevoli “[għal waħda minn dawn ir-]raġunijiet”, u billi jintużaw il-kliem persuna “oħra” u “persuni oħra”, il-formulazzjoni u l-kuntest tal-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-direttiva ma jippermettux li jiġi konkluż li, fir-rigward tar-raġuni protetta li jikkostitwixxu r-reliġjon jew it-twemmin, imsemmija fl-imsemmi Artikolu 1, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni prevista mill-imsemmija direttiva hija limitata għas-sempliċi differenzi fit-trattament eżistenti bejn persuni li jaderixxu għal reliġjon jew għal twemmin partikolari u dawk li ma jaderixxux għal reliġjon jew twemmin partikolari. Min-naħa l-oħra, mill-imsemmija espressjoni “fuq bażi ta’” jirriżulta li diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, fis-sens ta’ din l-istess direttiva, tista’ tiġi kkonstatata biss meta t-trattament inqas favorevoli jew l-iżvantaġġ partikolari inkwistjoni ġie sofrut minħabba r-reliġjon jew it-twemmin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie, C‑16/19, EU:C:2021:64, punti 2930).

50

L-għan imfittex mid-Direttiva 2000/78 jimmilita barra minn hekk favur interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-direttiva fis-sens li din ma tillimitax iċ-ċirku tal-persuni li fir-rigward tagħhom jista’ jsir paragun bl-għan li tiġi identifikata diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, fis-sens tal-imsemmija direttiva, għal dawk li ma jaderixxux ma’ reliġjon partikolari jew ma’ twemmin partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie, C‑16/19, EU:C:2021:64, punt 31).

51

Fil-fatt, bħalma jsegwi mill-punt 44 ta’ din is-sentenza, konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 u bħalma jsegwi kemm mit-titolu u mill-preambolu kif ukoll mill-kuntest u mill-iskop tagħha, l-imsemmija direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq ir-reliġjon jew it-twemmin għal dak li jikkonċerna l-impjieg u x-xogħol, sabiex fl-Istati Membri jiġi implimentat il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, billi kull persuna tingħata protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq din ir-raġuni (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie, C‑16/19, EU:C:2021:64, punt 32).

52

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kwistjoni dwar jekk regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi l-ilbies ta’ kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali regola ma tikkostitwixxix tali diskriminazzjoni peress li din tirrigwarda mingħajr distinzjoni kull manifestazzjoni ta’ tali twemmin u tittratta b’mod identiku l-ħaddiema kollha tal-impriża, billi timponilhom, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, b’mod partikolari newtralità tal-ilbies li tipprekludi l-ilbies ta’ tali simboli (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punti 3032). Fil-fatt, peress li kull persuna jista’ jkollha jew reliġjon jew twemmin, tali regola, sakemm tiġi applikata b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, ma tistabbilixxix differenza fit-trattament ibbażata fuq kriterju marbut b’mod inseparabbli mar-reliġjon jew mat-twemmin (ara, b’analoġija f’dak li jikkonċerna d-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie, C‑16/19, EU:C:2021:64, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-kunsiderazzjoni li ċerti ħaddiema josservaw regoli ta’ kondotta reliġjużi li jimponu li jintlibes ċertu lbies. Għalkemm l-applikazzjoni ta’ regola interna bħal dik imsemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza ċertament hija ta’ natura li tikkawża inkonvenjenza partikolari għal tali ħaddiema, din iċ-ċirkustanza ma taffettwax il-konstatazzjoni, magħmula fl-imsemmi punt, li din l-istess regola, li tirrifletti politika ta’ newtralità politika, filosofika u reliġjuża tal-persuna li timpjega, bħala prinċipju ma tistabbilixxix differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema bbażata fuq kriterju marbut b’mod inseparabbli mar-reliġjon jew mat-twemmin, fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78.

54

Peress li mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li WABE kienet ukoll irrikjediet u kisbet minn impjegata li kienet liebsa salib reliġjuż li hija tneħħi dan is-simbolu, jidher, prima facie, li l-applikazzjoni tar-regola interna inkwistjoni fil-kawża prinċipali lil IX saret mingħajr ebda differenzjazzjoni fir-rigward ta’ kull ħaddiem ieħor ta’ WABE, b’tali mod li ma jistax jitqies li IX ġarrbet differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq it-twemmin reliġjuż tagħha, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel l-evalwazzjonijiet fattwali li għandhom isiru u li tiddetermina jekk ir-regola interna adottata minn WABE ġietx applikata b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema kollha ta’ din l-impriża.

55

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑804/18 għandha tkun li l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li regola interna ta’ impriża, li tipprojbixxi lill-ħaddiema milli jilbsu kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol, ma tikkostitwixxix, fir-rigward tal-ħaddiema li josservaw ċerti regoli ta’ lbies skont regoli ta’ kondotta reliġjużi, diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin, fis-sens ta’ din id-direttiva peress li din ir-regola hija applikata b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni.

Fuq il-punt (a) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑804/18

56

Permezz tal-punt (a) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq ir-reliġjon u/jew is-sess, li tirriżulta minn regola interna ta’ impriża li tipprojbixxi lill-ħaddiema milli jilbsu kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol, tistax tiġi ġġustifikata mir-rieda tal-persuna li timpjega li ssegwi politika ta’ newtralità politika, filosofika u reliġjuża fil-konfront tal-klijenti jew utenti tagħha, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni x-xewqat leġittimi tagħhom.

57

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li din id-domanda hija bbażata fuq il-konstatazzjoni tal-qorti tar-rinviju li r-regola interna inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑804/18, li tipprojbixxi l-ilbies ta’ simboli viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż meta l-impjegati ta’ WABE jkunu f’kuntatt mal-ġenituri jew mat-tfal, tikkonċerna, fil-fatt, ċerti reliġjonijiet iktar minn oħrajn u hija indirizzata iktar għan-nisa milli għall-irġiel.

58

Preliminarjament, fir-rigward tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, invokata f’din id-domanda, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, din ir-raġuni ta’ diskriminazzjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, l-uniku att tad-dritt tal-Unjoni msemmi fl-imsemmija domanda. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ tali diskriminazzjoni.

59

Fir-rigward tal-kwistjoni tad-differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, għandu jitfakkar li tali differenza teżisti meta jiġi stabbilit li l-obbligu apparentement newtrali li regola tinkludi jwassal, fil-fatt, għal żvantaġġ partikolari għall-persuni li jaderixxu ma’ reliġjon jew ma’ twemmin partikolari (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punt 34). Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan il-punt, għandu jiġi rrilevat li, skont il-konstatazzjonijiet ta’ din il-qorti, ir-regola inkwistjoni fil-Kawża C‑804/18 tolqot, fuq il-livell ta’ statistika, kważi esklużivament lill-ħaddiema nisa li jilbsu velu minħabba l-fidi Musulmana tagħhom, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja titlaq mill-premessa li din ir-regola tikkostitwixxi differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon.

60

Fir-rigward tal-punt dwar jekk differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon tistax tiġi ġġustifikata mir-rieda tal-persuna li timpjega li ssegwi politika ta’ newtralità politika, filosofika u reliġjuża fuq il-post tax-xogħol, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspettattivi tal-klijenti jew tal-utenti tagħha, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi li tali differenza fit-trattament hija pprojbita, sakemm id-dispożizzjoni, il-kriterju jew il-prattika li tirriżulta minnha ma tkunx oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu u li l-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ma jkunux xierqa u neċessarji. Għaldaqstant, differenza fit-trattament, bħal dik imsemmija fil-punt (a) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑804/18, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, jekk hija oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu u jekk il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, Bougnaoui u ADDH, C‑188/15, EU:C:2017:204, punt 33).

61

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kunċett ta’ għan leġittimu u tan-natura xierqa u neċessarja tal-mezzi meħuda sabiex jintlaħaq, għandu jiġi ppreċiżat li dawn għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 112).

62

Fil-fatt, id-Direttiva 2000/78 tikkonkretizza, fil-qasam li hija tkopri, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie, C‑16/19, EU:C:2021:64, punt 33). Il-premessa 4 ta’ din id-direttiva tfakkar li d-dritt ta’ kull persuna għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni jikkostitwixxi dritt universali rrikonoxxut minn diversi ftehimiet internazzjonali, u mill-premessi 11 u 12 tal-imsemmija direttiva jsegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jikkunsidra, minn naħa, li d-diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq ir-reliġjon jew it-twemmin tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-għanijiet tat-Trattat FUE, b’mod partikolari livell għoli ta’ impjieg u ta’ protezzjoni soċjali, iż-żieda fil-livell u fil-kwalità tal-ħajja, il-koeżjoni ekonomika u soċjali, is-solidarjetà kif ukoll l-għan li l-Unjoni tiġi żviluppata bħala żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja u, min-naħa l-oħra, li kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin fl-oqsma rregolati mill-istess direttiva għandha tiġi pprojbita fl-Unjoni.

63

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ għan leġittimu, ir-rieda ta’ persuna li timpjega li turi, fir-relazzjonijiet mal-klijenti kemm pubbliċi kif ukoll privati, politika ta’ newtralità politika, filosofika jew reliġjuża tista’ titqies bħala leġittima. Fil-fatt, ix-xewqa ta’ persuna li timpjega li turi immaġni ta’ newtralità fil-konfront tal-klijenti hija relatata mal-libertà tal-intrapriża, irrikonoxxuta fl-Artikolu 16 tal-Karta, u hija, fil-prinċipju, ta’ natura leġittima, b’mod partikolari meta l-persuna li timpjega, sabiex jintlaħaq dan l-għan, tinvolvi biss il-ħaddiema li huma mistennija jidħlu f’kuntatt mal-klijenti tal-persuna li timpjega (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punti 3738).

64

Dan ingħad, is-sempliċi rieda ta’ persuna li timpjega li twettaq politika ta’ newtralità, minkejja li tikkostitwixxi, fiha nnifisha, għan leġittimu, ma hijiex biżżejjed, bħala tali, sabiex tiġġustifika b’mod oġġettiv differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, peress li n-natura oġġettiva ta’ tali ġustifikazzjoni tista’ tiġi identifikata biss fil-preżenza ta’ ħtieġa reali ta’ din il-persuna li timpjega, li hija għandha turi.

65

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva u, għaldaqstant, ta’ bżonn veru tal-persuna li timpjega, fl-ewwel lok, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari d-drittijiet u l-aspettattivi leġittimi tal-klijenti jew tal-utenti. Dan huwa l-każ, pereżempju, tad-dritt tal-ġenituri li jiżguraw l-edukazzjoni u t-tagħlim tat-tfal tagħhom konformement mat-twemmin reliġjuż, filosofiku u pedagoġiku tagħhom irrikonoxxut fl-Artikolu 14 tal-Karta u tax-xewqa tagħhom li t-tfal tagħhom ikunu mdawra minn persuni li ma jurux ir-reliġjon jew it-twemmin tagħhom meta jkunu f’kuntatt mat-tfal bl-għan, b’mod partikolari, li “tiżgura l-iżvilupp liberu u personali tat-tfal għal dak li jirrigwarda r-reliġjon, it-twemmin u l-politika”, bħalma jipprevedu d-direttivi tas-servizz adottati minn WABE.

66

Min-naħa l-oħra, tali sitwazzjonijiet għandhom jiġu distinti, fost oħrajn, minn naħa, mill-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, Bougnaoui u ADDH (C‑188/15, EU:C:2017:204), li fiha t-tkeċċija ta’ impjegata kienet seħħet wara lment ta’ klijent u fl-assenza ta’ regola interna tal-impriża li tipprojbixxi l-ilbies ta’ kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż kif ukoll, min-naħa l-oħra, mill-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Fern (C‑54/07, EU:C:2008:397), li kienet tikkonċerna diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika li allegatament issib l-oriġini tagħha f’rekwiżiti diskriminatorji min-naħa ta’ klijenti.

67

Fit-tieni lok, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ bżonn ġenwin tal-persuna li timpjega fis-sens imfakkar fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, ta’ rilevanza partikolari hija ċ-ċirkustanza li l-persuna li timpjega pproduċiet il-prova li, fl-assenza ta’ tali politika ta’ newtralità politika, filosofika u reliġjuża, tiġi ppreġudikata l-libertà ta’ intrapriża tagħha, irrikonoxxuta fl-Artikolu 16 tal-Karta, sa fejn, fid-dawl tan-natura tal-attivitajiet tagħha jew tal-kuntest li fih dawn isiru, hija ssofri konsegwenzi sfavorevoli.

68

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, bħalma tfakkar fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, regola interna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex tiġi evitata l-klassifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta, għandha wkoll tkun adatta sabiex tiżgura l-applikazzjoni tajba tal-politika ta’ newtralità tal-persuna li timpjega, li jippresupponi li din il-politika tkun verament segwita b’mod koerenti u sistematiku, u li l-projbizzjoni tal-ilbies ta’ kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku u reliġjuż li din ir-regola ġġib magħha hija limitata għal dak li huwa strettament neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punti 4042).

69

Dan ir-rekwiżit tal-aħħar jippreżupponi b’mod partikolari li jiġi vverifikat li, fir-rigward ta’ restrizzjoni għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, iggarantita fl-Artikolu 10(1) tal-Karta, bħal dik li timplika l-projbizzjoni imposta fuq ħaddiem milli jikkonforma ruħu fuq il-post tax-xogħol tiegħu ma’ regola ta’ kondotta li timponilu li jilbes simbolu viżibbli tat-twemmin reliġjuż tiegħu, din tidher li hija strettament neċessarja fid-dawl tal-konsegwenzi sfavorevoli, li l-persuna li timpjega tfittex li tevita permezz ta’ tali projbizzjoni.

70

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għall-punt (a) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑804/18 għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, li tirriżulta minn regola interna ta’ impriża li tipprojbixxi lill-ħaddiema milli jilbsu kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol, tista’ tiġi ġġustifikata bir-rieda tal-persuna li timpjega li ssegwi politika ta’ newtralità politika, filosofika u reliġjuża fil-konfront tal-klijenti jew tal-utenti, sakemm, fl-ewwel lok, din il-politika tissodisfa bżonn ġenwin ta’ din il-persuna li timpjega, li huwa għal din tal-aħħar sabiex tistabbilixxi billi jittieħdu b’mod partikolari inkunsiderazzjoni l-aspettattivi leġittimi tal-imsemmija klijenti jew utenti kif ukoll il-konsegwenzi sfavorevoli li din il-persuna li timpjega tkun tbati minnhom fl-assenza ta’ tali politika, fid-dawl tan-natura tal-attivitajiet tagħha jew tal-kuntest li jidħlu fih, fit-tieni lok, din id-differenza fit-trattament tkun xierqa sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tajba ta’ din il-politika ta’ newtralità, li jippresupponi li din il-politika tiġi segwita b’mod koerenti u sistematiku, u, fit-tielet lok, din il-projbizzjoni tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju fid-dawl tal-kobor u tal-gravità reali tal-konsegwenzi sfavorevoli li l-persuna li timpjega tfittex li tevita permezz ta’ tali projbizzjoni.

Fuq l-ewwel domanda preliminari fil-Kawża C‑341/19

71

Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑341/19, il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin li tirriżulta minn regola interna ta’ impriża li tipprojbixxi, fuq il-post tax-xogħol, l-ilbies ta’ simboli viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż bl-għan li tiġi żgurata politika ta’ newtralità fi ħdan din l-impriża, tista’ tkun iġġustifikata biss jekk tali projbizzjoni tkopri kull forma viżibbli ta’ espressjoni tat-twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż, jew hekk huwiex biżżejjed li din il-projbizzjoni tkun limitata għas-simboli prominenti ta’ daqs kbir sakemm din hija implimentata b’mod koerenti u sistematiku.

72

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabelxejn li, għalkemm din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta, xorta jibqa’ l-fatt li, bħalma sostniet, b’mod partikolari, il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fil-kuntest tal-Kawża C‑341/19, regola interna ta’ impriża li, bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, tipprojbixxi biss l-ilbies ta’ simboli prominenti ta’ daqs kbir tista’ taffettwa b’mod iktar serju lill-persuni li jaderixxu ma’ prattiki reliġjużi, filosofiċi u nonkonfessjonali li jipprevedu l-ilbies ta’ ilbies jew ta’ simbolu ta’ daqs kbir, bħal xedd ir-ras.

73

Issa, kif tfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, inugwaljanza fit-trattament li tirriżulta minn dispożizzjoni jew minn prattika li hija bbażata fuq kriterju marbut b’mod inseparabbli mar-raġuni protetta, f’dan il-każ ir-reliġjon jew it-twemmin, għandha titqies li hija direttament ibbażata fuq din ir-raġuni. Għalhekk, fil-każijiet fejn il-kriterju tal-ilbies ta’ simboli prominenti ta’ daqs kbir ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż huwa marbut b’mod inseparabbli ma’ reliġjon jew twemmin partikolari wieħed jew diversi, il-projbizzjoni imposta minn persuna li timpjega fuq l-impjegati tagħha li tilbes dawn is-simboli abbażi ta’ tali kriterju jkollha l-konsegwenza li ċerti ħaddiema jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn oħrajn abbażi tar-reliġjon jew tat-twemmin tagħhom, u li diskriminazzjoni diretta, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, tkun tista’ għaldaqstant tiġi kkonstatata.

74

Fl-ipoteżi fejn tali diskriminazzjoni diretta madankollu ma jkollhiex tiġi kkonstatata, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 2(2)(b)(i) ta’ din id-direttiva, differenza fit-trattament bħal dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju, tkun, jekk jiġi stabbilit li din twassal, fil-fatt, għal żvantaġġ partikolari għall-persuni li jaderixxu ma’ reliġjon jew ma’ twemmin partikolari, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva, bħalma ġie diġà indikat fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, sakemm din ma tkunx oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu u sakemm il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji.

75

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jsegwi li l-miżura inkwistjoni għandha l-għan li tevita kunflitti soċjali fi ħdan l-impriża, b’mod partikolari fid-dawl tal-eżistenza ta’ tensjonijiet li seħħew fil-passat fir-rigward ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż.

76

Bħalma ġie kkonstatat fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, politika ta’ newtralità tista’ tikkostitwixxi għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78. Sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-politika hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika b’mod oġġettiv differenza fit-trattament bbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, għandu jiġi vverifikat, bħalma jirriżulta mill-punt 64 ta’ din is-sentenza, jekk din tissodisfax bżonn veru tal-impriża. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kemm il-prevenzjoni tal-kunflitti soċjali kif ukoll il-preżentazzjoni tal-persuna li timpjega b’mod newtrali fil-konfront tal-klijenti jistgħu jikkorrispondu għal bżonn veru tal-persuna li timpjega, ħaġa li hija għandha turi. Madankollu, għandu jiġi vverifikat ukoll, konformement ma’ dak li ġie espost fil-punti 68 u 69 ta’ din is-sentenza, jekk ir-regola interna li tikkonsisti fil-projbizzjoni tal-ilbies ta’ kwalunkwe simbolu prominenti ta’ daqs kbir ta’ twemmin politiku, filosofiku u reliġjuż hijiex adatta sabiex tiżgura l-għan imfittex u jekk din il-projbizzjoni hijiex limitata għal dak li huwa strettament neċessarju.

77

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li politika ta’ newtralità fi ħdan l-impriża, bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda fil-Kawża C‑341/19, tista’ tiġi segwita b’mod effettiv biss jekk ebda manifestazzjoni viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż ma hija ammessa meta l-ħaddiema huma f’kuntatt mal-klijenti jew bejniethom għaliex l-ilbies ta’ kwalunkwe simbolu, anki ta’ daqs żgħir, jikkomprometti l-kapaċità tal-miżura li tilħaq l-għan allegatament imfittex u għalhekk timmina l-koerenza nfisha tal-imsemmija politika ta’ newtralità.

78

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑341/19 għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin li tirriżulta minn regola interna ta’ impriża li tipprojbixxi, fuq il-post tax-xogħol, l-ilbies ta’ simboli viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż bl-għan li tiġi żgurata politika ta’ newtralità fi ħdan din l-impriża, tista’ tkun iġġustifikata biss jekk tali projbizzjoni tkopri kull forma viżibbli ta’ espressjoni tat-twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż. Projbizzjoni li hija limitata għall-ilbies ta’ simboli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż prominenti u ta’ daqs kbir tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, li ma tistax fi kwalunkwe każ tiġi ġġustifikata abbażi ta’ din l-istess dispożizzjoni.

Fuq il-punt (b) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑804/18 u l-punt (b) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑341/19

79

Permezz tal-punt (b) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑804/18, li huwa analogu għall-punt (b) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑341/19, l-Arbeitsgericht Hamburg (il-Qorti Industrijali ta’ Hamburg) tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali nazzjonali li jipproteġu l-libertà tar-reliġjon jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala dispożizzjonijiet iktar favorevoli, fis-sens tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, fil-kuntest tal-eżami tan-natura xierqa ta’ differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin.

80

Din id-domanda toriġina mid-domanda, imqajma wkoll mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) fil-Kawża C‑341/19, dwar il-punt dwar jekk, fil-kuntest tal-eżami tan-natura xierqa ta’ regola interna ta’ impriża bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għandux isir ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-libertajiet f’kunflitt, b’mod iktar partikolari tal-Artikoli 14 u 16 tal-Karta, minn naħa, u tal-Artikolu 10 tal-Karta, min-naħa l-oħra, jew jekk dan l-ibbilanċjar għandux isir biss fil-mument tal-applikazzjoni tal-imsemmija regola interna għal każ partikolari, pereżempju meta hija indirizzata struzzjoni lil ħaddiem jew mat-tkeċċija tiegħu. Jekk jiġi konkluż li d-drittijiet f’kunflitt li jirriżultaw mill-Karta ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-imsemmi eżami, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni nazzjonali ta’ livell kostituzzjonali, bħall-Artikolu 4(1) u (2) tal-GG, li tipproteġi l-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin, tistax titqies li tikkostitwixxi leġiżlazzjoni iktar favorevoli, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78.

81

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk huwiex meħtieġ, fil-kuntest tal-eżami tan-natura xierqa, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78, tar-restrizzjoni li tirriżulta mill-miżura implimentata sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ politika ta’ newtralità politika, filosofika u reliġjuża, li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi drittijiet u libertajiet inkwistjoni, għandu jitfakkar, qabelxejn, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat meta hija wettqet l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “reliġjon”, fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, li l-leġiżlatur tal-Unjoni għamel riferiment, fil-premessa 1 ta’ din id-direttiva, għad-drittijiet fundamentali kif inhuma żgurati mill-KEDB, li tipprevedi, fl-Artikolu 9 tagħha, li kull persuna għandha d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, u dan id-dritt jinvolvi, b’mod partikolari, il-libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu jew it-twemmin tiegħu individwalment jew kollettivament, fil-pubbliku jew fil-privat, permezz tal-qima, it-tagħlim, il-prattiki u t-twettiq ta’ riti. Barra minn hekk, fl-istess premessa, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel riferiment ukoll għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Issa, fost id-drittijiet li jirriżultaw minn dawn it-tradizzjonijiet komuni u li ġew affermati mill-ġdid fil-Karta, hemm id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon stabbilita fl-Artikolu 10(1) tal-Karta. Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, dan id-dritt jinvolvi l-libertà li wieħed jibdel ir-reliġjon jew it-twemmin kif ukoll il-libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu jew it-twemmin tiegħu individwalment jew kollettivament, fil-pubbliku jew fil-privat, permezz tal-qima, it-tagħlim, il-prattiki u t-twettiq ta’ riti. Bħalma jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), id-dritt żgurat fl-Artikolu 10(1) tagħha jikkorrispondi mad-dritt żgurat fl-Artikolu 9 tal-KEDB u, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandu l-istess sens u l-istess portata bħalu (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punti 2627).

82

Għaldaqstant, waqt l-eżami tan-natura xierqa, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78, tar-restrizzjoni li tirriżulta minn miżura intiża li tiżgura l-applikazzjoni ta’ politika ta’ newtralità politika, filosofika u reliġjuża, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi drittijiet u libertajiet inkwistjoni.

83

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fl-eżami tan-natura neċessarja ta’ projbizzjoni simili għal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, huma l-qrati nazzjonali, fid-dawl tal-elementi kollha tal-proċess inkwistjoni, li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi involuti u jillimitaw ir-restrizzjonijiet “fuq il-libertajiet inkwistjoni għal dak li huwa strettament neċessarju” (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punt 43). Issa, peress li, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, kienet involuta biss il-libertà ta’ intrapriża, irrikonoxxuta fl-Artikolu 16 tal-Karta, hemm lok li jiġi konkluż li l-libertà l-oħra li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment f’din l-istess sentenza kienet il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, imsemmija fil-punt 39 ta’ din l-istess sentenza.

84

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78 adottata b’dan il-mod hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn din tippermetti li jiġi żgurat li, meta diversi drittijiet fundamentali u prinċipji stabbiliti fit-Trattati jkunu inkwistjoni, bħal, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta u d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon żgurat fl-Artikolu 10 tal-Karta, minn naħa, kif ukoll id-dritt tal-ġenituri li jiżguraw l-edukazzjoni u t-tagħlim tal-ulied tagħhom konformement mat-twemmin reliġjuż, filosofiku u pedagoġiku tagħhom irrikonoxxut fl-Artikolu 14(3) tal-Karta u l-libertà ta’ intrapriża rrikonoxxuta fl-Artikolu 16 tal-Karta, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandha ssir b’osservanza tal-konċiljazzjoni neċessarja tar-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni tad-diversi drittijiet u prinċipji inkwistjoni u bilanċ ġust bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et, C‑336/19, EU:C:2020:1031, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

85

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, b’mod iktar partikolari tal-Artikolu 4(1) tal-GG, u tar-rekwiżit li dawn jimplikaw li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dawn il-kawżi, hija l-persuna li timpjega li għandha mhux biss tistabbilixxi li hija qiegħda tfittex għan leġittimu li jista’ jiġġustifika inugwaljanza fit-trattament indiretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, iżda wkoll li turi li kien jeżisti, fil-mument tal-istabbiliment tar-regola interna inkwistjoni, jew li jeżisti, attwalment, riskju suffiċjentement konkret ta’ preġudizzju għal dan l-għan, bħar-riskju ta’ problemi konkreti fi ħdan l-impriża jew ir-riskju konkret ta’ telf ta’ dħul, għandu jiġi kkonstatat li tali rekwiżit jaqa’ fil-qafas stabbilit mill-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78 fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin.

86

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni nazzjonali dwar il-libertà tar-reliġjon u tal-kuxjenza tistax titqies bħala dispożizzjoni nazzjonali iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mit-titolu ta’ din id-direttiva, din tistabbilixxi qafas ġenerali favur din l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, li jħalli marġni ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri, fid-dawl tad-diversità tal-approċċi tagħhom fir-rigward tal-post li huma jagħtu, fi ħdanhom, għar-reliġjon jew għat-twemmin. Il-marġni ta’ evalwazzjoni hekk imħolli lill-Istati Membri fl-assenza ta’ konsensus fuq il-livell tal-Unjoni għandu madankollu jimxi id f’id mal-kontroll, impost fuq il-qorti tal-Unjoni, li jikkonsisti b’mod partikolari f’li jitfittex jekk il-miżuri meħuda fuq il-livell nazzjonali humiex iġġustifikati bħala prinċipju u jekk dawn humiex proporzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et, C‑336/19, EU:C:2020:1031, punt 67).

87

Barra minn hekk, il-qafas hekk maħluq juri li, fid-Direttiva 2000/78, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma wettaqx huwa stess il-konċiljazzjoni neċessarja bejn il-libertà tal-ħsieb, tat-twemmin u tar-reliġjon u l-għanijiet leġittimi li jistgħu jiġu invokati bħala ġustifikazzjoni ta’ inugwaljanza fit-trattament, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)(i) ta’ din id-direttiva, iżda ħalla l-kompitu li ssir din il-konċiljazzjoni lill-Istati Membri u lill-qrati tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et, C‑336/19, EU:C:2020:1031, punt 47).

88

Konsegwentement, id-Direttiva 2000/78 tippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest rispettiv ta’ kull Stat Membru u li kull wieħed minnhom jingħata marġni ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-konċiljazzjoni neċessarja tad-diversi drittijiet u interessi inkwistjoni, sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn dawn tal-aħħar.

89

Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipproteġu l-libertà tal-ħsieb, tat-twemmin u tar-reliġjon, bħala valur li s-soċjetajiet demokratiċi kontemporanji ilhom jagħtu importanza ikbar għal diversi snin, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78, fil-kuntest tal-eżami ta’ dak li jikkostitwixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin. Għalhekk, ikunu jaqgħu, pereżempju, taħt il-fakultà mogħtija minn dan l-Artikolu 8(1), dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu jissuġġettaw il-ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew it-twemmin għal rekwiżiti ogħla milli jagħmel l-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78.

90

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-punt (b) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑804/18 u għall-punt (b) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑341/19 għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipproteġu l-libertà tar-reliġjon jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala dispożizzjonijiet iktar favorevoli, fis-sens tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, fil-kuntest tal-eżami tan-natura xierqa ta’ differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin.

Fuq il-punt (a) tat-tieni domanda u t-tielet domanda fil-Kawża C‑341/19

91

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑341/19, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-punt (a) tat-tieni domanda u lanqas għat-tielet domanda f’din l-istess kawża.

Fuq l-ispejjeż

92

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li regola interna ta’ impriża, li tipprojbixxi lill-ħaddiema milli jilbsu kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol, ma tikkostitwixxix, fir-rigward tal-ħaddiema li josservaw ċerti regoli ta’ lbies skont regoli ta’ kondotta reliġjużi, diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin, fis-sens ta’ din id-direttiva peress li din ir-regola hija applikata b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni.

 

2)

L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, li tirriżulta minn regola interna ta’ impriża li tipprojbixxi lill-ħaddiema milli jilbsu kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol, tista’ tiġi ġġustifikata bir-rieda tal-persuna li timpjega li ssegwi politika ta’ newtralità politika, filosofika u reliġjuża fil-konfront tal-klijenti jew tal-utenti, sakemm, fl-ewwel lok, din il-politika tissodisfa bżonn ġenwin ta’ din il-persuna li timpjega, li huwa għal din tal-aħħar sabiex tistabbilixxi billi jittieħdu b’mod partikolari inkunsiderazzjoni l-aspettattivi leġittimi tal-imsemmija klijenti jew utenti kif ukoll il-konsegwenzi sfavorevoli li din il-persuna li timpjega tkun tbati minnhom fl-assenza ta’ tali politika, fid-dawl tan-natura tal-attivitajiet tagħha jew tal-kuntest li jidħlu fih, fit-tieni lok, din id-differenza fit-trattament tkun xierqa sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tajba ta’ din il-politika ta’ newtralità, li jippresupponi li din il-politika tiġi segwita b’mod koerenti u sistematiku, u, fit-tielet lok, din il-projbizzjoni tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju fid-dawl tal-kobor u tal-gravità reali tal-konsegwenzi sfavorevoli li l-persuna li timpjega tfittex li tevita permezz ta’ tali projbizzjoni.

 

3)

L-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin li tirriżulta minn regola interna ta’ impriża li tipprojbixxi, fuq il-post tax-xogħol, l-ilbies ta’ simboli viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż bl-għan li tiġi żgurata politika ta’ newtralità fi ħdan din l-impriża, tista’ tkun iġġustifikata biss jekk tali projbizzjoni tkopri kull forma viżibbli ta’ espressjoni tat-twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż. Projbizzjoni li hija limitata għall-ilbies ta’ simboli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż prominenti u ta’ daqs kbir tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, li ma tistax fi kwalunkwe każ tiġi ġġustifikata abbażi ta’ din l-istess dispożizzjoni.

 

4)

L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipproteġu l-libertà tar-reliġjon jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala dispożizzjonijiet iktar favorevoli, fis-sens tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, fil-kuntest tal-eżami tan-natura xierqa ta’ differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.