SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Marzu 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumatur – Ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumatur – Direttiva 2008/48/KE – Artikolu 3(g), Artikolu 10(2) u Artikolu 22(1) – Livell ta’ armonizzazzjoni – Kunċett ta’ ‘l-ispejjeż totali tal-kreditu minbarra interessi’ – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 1(2) – Klawżoli inġusti fil-ftehimiet konklużi mal-konsumatur – Limitu tal-ispiża totali tal-kreditu minbarra interessi – Klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji mandatorji – Esklużjoni”

Fil-Kawża C‑779/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich (il-Qorti Distrettwali ta’ Siemianowice Śląskie, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura

Mikrokasa S.A.,

Revenue Niestandaryzowany Sekurytyzacyjny Fundusz Inwestycyjny Zamknięty

vs

XO,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, M. Safjan, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Novembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Mikrokasa S.A., minn M. Kamiński, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, M. Kamejsza-Kozłowska u D. Lutostańska, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin, K. Herbout-Borczak, A. Szmytkowska u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Diċembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288) u d-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, u rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40, ĠU 2011, L 234, p. 46).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet, magħquda mill-qorti tar-rinviju, bejn, minn naħa, Mikrokasa S.A. u Revenue Niestandaryzowany Sekurytyzacyjny Fundusz Inwestycyjny Zamknięty (iktar ’il quddiem “Revenue”), rispettivament, u, min-naħa l-oħra, XO, dwar talbiet għall-ħlas tas-somom dovuti fil-kuntest ta’ żewġ ftehimiet ta’ krediti għall-konsum.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 93/13

3

It-tlettax u l-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 jistipulaw:

“Billi d-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġusti; billi, għal dan il-għan, ma jidhirx li huwa meħtieġ li jiġu assoġġettati l-klawżoli li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u l-prinċipji jew id-disposizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom huma parti l-Istati Membri jew il-Komunità; billi f’dak ir-rigward il-kliem ‘disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji’ fl-Artikolu 1(2) ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra;

[…]

Billi l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”.

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

2.   Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija Direttiva 93/13 jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur titqies bħala inġusta.

6

L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

7

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id-Direttiva 2008/48

8

Il-premessi 7, 9, 19, 20 u 44 tad-Direttiva 2008/48 jinqraw kif ġej:

“(7)

Sabiex ikun faċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb, jeħtieġ li jsir provvediment għal qafas Komunitarju armonizzat f’numru ta’ oqsma ċentrali. Bil-ħsieb tas-suq tal-kreditu lill-konsumaturi li qed jiżviluppa kontinwament u l-mobbiltà taċ-ċittadini Ewropej li qed tiżdied, leġiżlazzjoni Komunitarja li tħares il quddiem u li kapaċi tadatta ruħha għal forom futuri ta’ kreditu u li tippermetti lil Stati Membri l-livell xieraq ta’ flessibbiltà fl-implimentazzjoni tagħhom għandha tgħin biex jiġi stabbilit korp modern ta’ liġi dwar kreditu lill-konsumaturi.

[…]

(9)

Armonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi kollha fil-KomunitàUnjoni Ewropea] igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin. […]

[…]

(19)

Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom b’għarfien sħiħ tal-fatti, huma għandhom jirċievu informazzjoni adegwata, li l-konsumatur jista’ jieħu miegħu biex jikkunsidraha, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, dwar il-kondizzjonijiet u l-ispiża tal-kreditu u l-obbligi tagħhom. Biex ikunu żgurati trasparenza u komparabbiltà ta’ offerti bl-aktar mod sħiħ possibbli, tali informazzjoni għandha, b’mod partikolari, tinkludi r-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena applikabbli għall-kreditu, u maħduma madwar il-Komunità kollha bl-istess mod. […]

(20)

L-ispiża totali tal-kreditu għall-konsumatur għandha tinkludi l-ispejjeż kollha, inkluż interessi, kummissjonijiet, taxxi, onorarji għall-intermedjarji ta’ kreditu u kwalunkwe onorarju ieħor li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu, minbarra l-ispejjeż notarili. L-għarfien attwali ta’ l-ispejjeż tal-kreditur għandu jkun valutat b’mod objettiv b’kont meħud tal-ħtiġiet tad-diliġenza professjonali.

[…]

(44)

Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-istabbiltà tas-suq, u sakemm ikun hemm aktar armonizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li miżuri xierqa għar-regolamentazzjoni jew is-superviżjoni ta’ kredituri jkunu f’posthom.”

9

Skont l-Artikolu 1, l-għan tad-Direttiva 2008/48 huwa li jiġu armonizzati ċerti aspetti tar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam ta’ ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumaturi.

10

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jistipula:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

a)

‘konsumatur’ tfisser persuna fiżika li, fit-tranżazzjonijiet koperti minn din id-Direttiva, tkun qed taġixxi għal finijiet li huma barra mis-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

[…]

g)

‘l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’ tfisser l-ispejjeż kollha, inklużi interessi, kummissjonijiet, taxxi, u kwalunkwe tip ta’ onorarji oħrajn li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu u li huma magħrufin mal-kreditur ħlief spejjeż notarili; l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu, b’mod partikolari ħlasijiet obbligatorji ta’ assigurazzjoni, huma inklużi wkoll jekk, barra minn hekk, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizz huwa obbligatorju biex jinkiseb il-kreditu jew biex jinkiseb il-kreditu skond it-termini u l-kondizzjonijiet kummerċjalizzati;

h)

‘ammont totali pagabbli mill-konsumatur’ tfisser is-somma ta’ l-ammont totali tal-kreditu u l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur;

[…]”

11

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Informazzjoni prekuntrattwali”, jipprovdi:

“1.   Fi żmien debitu qabel ma l-konsumatur ikun marbut minn kwalunkwe ftehim jew offerta ta’ kreditu, il-kreditur u, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu għandhom, abbażi tat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ kreditu offruti mill-kreditur u, jekk applikabbli, il-preferenzi espressi u l-informazzjoni fornuta mill-konsumatur, jipprovdu lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa biex iqabbel offerti differenti sabiex jieħu deċiżjoni informata dwar jekk jikkonkludix ftehim ta’ kreditu. Tali informazzjoni, fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor, għandha tiġi provduta permezz tal-formola ta’ ‘Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur’ pprovduta fl-Anness II. Il-kreditur għandu jiġi meqjus bħala li ssodisfa ir-rekwiżiti dwar l-informazzjoni f’dan il-paragrafu u fl-Artikolu 3 (1) u (2) tad-Direttiva 2002/65/KE jekk forna l-Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur.

Din l-informazzjoni għandha tispeċifika:

[…]

c)

l-ammont totali ta’ kreditu u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ġbid ta’ self;

[…]

g)

ir-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena u l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur, permezz ta’ eżempju rappreżentattiv li jsemmi l-assunzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ din ir-rata; fejn il-konsumatur ikun informa lill-kreditur dwar komponent wieħed jew aktar tal-kreditu preferut tiegħu, bħat-tul ta’ żmien tal-ftehim ta’ kreditu u l-ammont totali ta’ kreditu, il-kreditur għandu jieħu kont ta’ dawn il-komponenti; jekk ftehim ta’ kreditu jipprovdi modi differenti għall-ġbid ta’ kreditu b’imposti jew rati tas-self differenti u l-kreditur juża l-assunzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-Parti II ta’ l-Anness I, huwa għandu jindika li l-mekkaniżmi għall-ġbid ta’ kreditu oħra għal dan it-tip ta’ ftehim ta’ kreditu jistgħu jirriżultaw f’rati perċentwali annwali ogħla ta’ imposta;

[…]”.

12

L-Artikolu 10 tal-istess direttiva, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”, jipprevedi:

“1.   Ftehim ta’ kreditu għandhom jitfasslu fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor.

Il-partijiet kontraenti kollha għandhom jirċievu kopja tal-ftehim ta’ kreditu. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola nazzjonali rigward il-validità tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kreditu, li huma f’konformità mal-liġi Komunitarja.

2.   Il-ftehim ta’ kreditu għandu jispeċifika b’mod ċar u konċiż:

[…]

d)

l-ammont totali ta’ kreditu u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ġbid ta’ kreditu;

[…]

g)

ir-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena u l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur, ikkalkolati fil-ħin tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu; l-assunzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ dik ir-rata għandhom jissemmew;

[…]

u)

fejn applikabbli, termini u kondizzjonijiet kuntrattwali oħrajn;

[…]”.

13

L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”, jistipula:

“1.   Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma jagħtux lok għal evitar li jirriżulta mill-mod li bih jiġu fformulati ftehim, b’mod partikolari billi jiġu integrati ġbid ta’ kreditu jew ftehim ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fi ftehim ta’ kreditu li n-natura u l-iskop tagħhom jagħmluha possibbli li tiġi evitata l-applikazzjoni tagħha.

[…]”

Id-dritt Pollakk

Il-Kodiċi Ċivili

14

Skont l-Artikolu 359 tal-kodeks cywilny (il-Kodiċi Ċivili):

“1.   L-interessi fuq somma flus huma dovuti biss meta jirriżultaw minn att ġuridiku jew minn liġi, minn deċiżjoni ġudizzjarja jew minn deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti oħra.

2.   Jekk l-ammont tal-interessi ma jkunx iddeterminat mod ieħor, ikunu dovuti interessi legali, li l-ammont tagħhom huwa daqs is-somma tar-rata ta’ referenza tal-Bank Nazzjonali tal-Polonja u 3.5 punti perċentwali.

21.   L-ammont massimu tal-interessi li jirriżultaw minn att ġuridiku ma jistax jeċċedi darbtejn l-ammont tal-interessi legali (ammont massimu tal-interessi) fis-sena.

22.   Jekk l-ammont tal-interessi li jirriżultaw minn att ġuridiku jaqbeż l-ammont massimu tal-interessi, l-interessi dovuti jiġu limitati għall-ammont massimu tal-interessi.

23.   Il-klawżoli kuntrattwali ma jistgħux jeskludu jew jillimitaw id-dispożizzjonijiet dwar l-ammont massimu tal-interessi, anki jekk tintgħażel liġi barranija. F’dan il-każ, huma d-dispożizzjonijiet tal-liġi li japplikaw.

4.   Il-Ministru għall-Ġustizzja għandu jħabbar, permezz ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja “Monitor Polski”, l-ammont tal-interessi legali.”

15

L-Artikolu 3851 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“1.   Il-klawżoli ta’ ftehim konkluż ma’ konsumatur li ma jkunux ġew miftiehma individwalment ma jorbtux lill-konsumatur jekk dawn jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi tiegħu b’mod li jmur kontra l-moralità billi manifestament jippreġudikaw l-interessi tiegħu (klawżoli illeċiti). Din id-dispożizzjoni ma taffettwax il-klawżoli li jiddefinixxu l-obbligi prinċipali tal-partijiet, fosthom il-prezz jew ir-remunerazzjoni, jekk dawn ikunu ġew ifformulati b’mod inekwivoku.

2.   Meta klawżola tal-ftehim ma tkunx torbot lill-konsumatur skont il-paragrafu (1), il-partijiet jibqgħu marbuta bid-dispożizzjonijiet l-oħrajn tal-ftehim.

3.   Il-klawżoli ta’ ftehim konkluż ma’ konsumatur li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali huma klawżoli kuntrattwali li l-konsumatur ma setax ikollu influwenza konkreta fuq il-kontenut tagħhom. Dawn huma b’mod partikolari klawżoli kuntrattwali meħuda minn mudell ta’ ftehim propost lill-konsumatur mill-kontraent.

[…]”

Il-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur

16

L-ustawa o kredycie konsumenckim (il-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur) tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. no126, pożizzjoni 715), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur”), tittrasponi d-Direttiva 2008/48 fl-ordinament ġuridiku Pollakk.

17

Il-punti 6 sa 8 tal-Artikolu 5(1) ta’ din il-liġi jiddefinixxu l-kliem li ġej:

“(6) l-ispiża totali tal-kreditu – l-ispejjeż kollha li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu, b’mod partikolari: (a) interessi, imposti, miżati, taxxi u marġnijiet, jekk magħrufa mill-kreditur; u (b) spejjeż ta’ servizzi anċillari, b’mod partikolari assigurazzjoni, jekk dawn għandhom jitħallsu sabiex jinkiseb il-kreditu jew jinkiseb fuq it-termini u kundizzjonijiet ikkummerċjalizzati, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż tad-drittijiet notarili mħallsa mill-konsumatur;

l-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi – l-ispejjeż kollha sostnuti mill-konsumatur b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi, minbarra interessi;

l-ammont totali tal-kreditu – l-ammont massimu ta’ flus, mingħajr spejjeż ta’ kreditu, li l-kreditur ipoġġi għad-dispożizzjoni tal-konsumatur skont il-ftehim ta’ kreditu jew, fil-każ ta’ ftehimiet li għalihom ma ġie pprovvdut l-ebda ammont massimu, l-ammont totali ta’ flus, mingħajr spejjeż ta’ kreditu, li l-kreditur ipoġġi għad-dispożizzjoni tal-konsumatur skont il-ftehim ta’ kreditu;

l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur – is-somma tal-ispiża totali tal-kreditu u l-ammont totali tal-kreditu.”

18

L-Artikolu 13 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“1.   Qabel ma jidħol fi ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, il-kreditur jew l-intermedjarju ta’ kreditu għandu jkun meħtieġ li jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni segwenti, fuq mezz durabbli, fi żmien suffiċjenti li jippermetti lill-konsumatur jiffamiljarizza ruħu ma’ dik l-informazzjoni:

[…]

5)

l-ammont totali tal-kreditu;

6)

dati u metodi ta’ ġbid ta’ kreditu;

7)

l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur;

[…]

(10)

fejn applikabbli, informazzjoni fuq l-ispejjeż l-oħra li l-konsumatur huwa meħtieġ li jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi, b’mod partikolari rigward interessi, miżati, marġnijiet, imposti, inklużi imposti għaż-żamma ta’ kont wieħed jew diversi li jirreġistraw tranżazzjonijiet kemm ta’ ħlas kif ukoll ta’ ġbid, flimkien ma’ imposti għall-użu ta’ mezz ta’ ħlas għal tranżazzjonijiet kemm ta’ ħlas kif ukoll ta’ ġbid, u l-ispejjeż ta’ servizzi anċillari, b’mod partikolari assigurazzjoni, jekk magħrufa mill-kreditur, u l-kundizzjonijiet li fihom dawk l-ispejjeż jistgħu jinbidlu;

(11)

informazzjoni dwar il-ħtieġa li jitħallsu drittijiet notarili, jekk ikun il-każ;

[…]”

19

L-Artikolu 30 tal-istess liġi jipprevedi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikoli 31 sa 33, ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi għandu jistabbilixxi:

[…]

2)

it-tip ta’ kreditu;

[…]

4)

l-ammont totali ta’ kreditu;

5)

id-dati u l-metodi ta’ ġbid ta’ kreditu;

6)

ir-rata ta’ interessi ta’ kreditu, […];

7)

ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta u l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur kif stabbilit fid-data li fiha l-ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur ġie konkluż flimkien mas-suppożizzjonijiet kollha użati sabiex tiġi kkalkolata;

8)

ir-regoli u t-termini fir-rigward tal-rimbors tal-kreditu, […];

9)

dikjarazzjoni li tinkludi t-termini u r-regoli fir-rigward tal-pagament tal-interessi u ta’ kwalunkwe spejjeż ta’ kreditu oħra fejn il-kreditur jew l-intermedjarju ta’ kreditu jippermetti perijodu ta’ grazzja għar-rimbors tal-kreditu;

10)

informazzjoni dwar l-ispejjeż l-oħra li l-konsumatur huwa meħtieġ li jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi, b’mod partikolari imposti, inklużi imposti għaż-żamma ta’ kont wieħed jew diversi li jirreġistraw tranżazzjonijiet kemm ta’ ħlas kif ukoll ta’ ġbid, flimkien ma’ imposti għall-użu ta’ mezz ta’ ħlas għal tranżazzjonijiet kemm ta’ ħlas kif ukoll ta’ ġbid, miżati, marġnijiet u spejjeż ta’ servizzi anċillari, b’mod partikolari assigurazzjoni, jekk magħrufa mill-kreditur, u l-kundizzjonijiet li fihom dawk l-ispejjeż jistgħu jinbidlu;

[…]”.

20

Skont l-Artikolu 36a tal-istess liġi:

“1.   L-ammont massimu tal-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi għandu jiġi kkalkulat skont il-formola:

MPKK ≤ (K × 25 %) + (K × N/R × 30 %)

fejn it-tifsira ta’ kull wieħed mis-simboli hija s-segwenti:

MPKK – l-ammont massimu tal-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi;

K – l-ammont totali tal-kreditu;

n – il-perijodu ta’ rimbors, espress fi ġranet;

R – in-numru ta’ ġranet f’sena.

2.   Matul il-perijodu kollu ta’ self, l-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi ma jistgħux jeċċedu l-ammont totali tal-kreditu.

3.   L-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi li jirriżultaw minn ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi ma humiex pagabbli sa fejn jeċċedu l-massimu tal-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi kalkolati bil-mod deskritt fil-paragrafu 1 iktar ’il fuq jew l-ammont totali tal-kreditu.”

21

L-Artikolu 47 tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur jipprovdi:

“Ebda klawżola kuntrattwali ma tista’ teskludi jew tillimita d-drittijiet tal-konsumatur previsti mil-liġi. F’dawn il-każijiet, huma d-dispożizzjonijiet tal-liġi li japplikaw.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22

Iż-żewġ kawżi fl-oriġini ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, magħquda mill-qorti tar-rinviju permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2018, tressqu mill-istabbilimenti bankjarji Mikrokasa u Revenue kontra XO.

23

Fl-ewwel kawża, XO kkonkludiet, fil‑21 ta’ Diċembru 2016, fil-kwalità ta’ konsumatur, fis-sens tad-Direttiva 2008/48, ma’ Mikrokasa, ftehim ta’ self ta’ ammont ta’ PLN 4000 (zlotys Pollakki, madwar EUR 940), li kellu jitħallas lura fi 30 pagament mensili sat‑28 ta’ Ġunju 2019. Skont dan il-ftehim, il-konsumatriċi kienet obbligata wkoll tħallas PLN 600 (madwar EUR 139) bħala tariffa tal-arranġament kif ukoll PLN 3400 (madwar EUR 790) bħala tariffa amministrattiva. Ġew iffatturati wkoll interessi kuntrattwali fir-rata annwali ta’ 7 %, għal ammont ta’ PLN 371.87 (madwar EUR 86).

24

Wara nuqqas totali ta’ ħlas, Mikrokasa ressqet kawża kontra XO quddiem is-Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich I Wydział Cywilny (il-Qorti Reġjonali ta’ Siemianowice Śląskie, l-Ewwel Sezzjoni Ċivili, il-Polonja), titlob li din tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ PLN 8 184.53 (madwar EUR 1927).

25

Fir-rigward tat-tieni kawża, l-istess konsumatriċi kkonkludiet fil‑21 ta’ Novembru 2016 ma’ IPF Polska sp. z. o. o., permezz tal-internet, ftehim ta’ self ta’ ammont ta’ PLN 3000 (madwar EUR 703.18), li kellu jitħallas lura sat‑28 ta’ Mejju 2018. Skont il-klawżoli ta’ dan il-ftehim, il-konsumatriċi kienet obbligata tħallas onorarju ta’ PLN 2084 (madwar EUR 484.46). L-interessi kuntrattwali ġew iffatturati f’ rata annwali ta’ 10 %, għal ammont totali ta’ PLN 248.41 (madwar EUR 57).

26

It-talba li tirriżulta minn dan il-ftehim ġiet ittrasferita minn IPF Polska lil Revenue permezz ta’ ftehim ta’ assenjazzjoni tas‑16 ta’ Awwissu 2017. Din tal-aħħar ippreżentat rikors kontra XO fis‑27 ta’ Ottubru 2017, intiż għall-ħlas ta’ PLN 5 196.68 (madwar EUR 1 218.09) għal nuqqas ta’ ħlas. Is-Sąd Rejonowy Lublin Zachód w Lublinie (il-Qorti Distrettwali ta’ Lublin tal-Punent, il-Polonja) tat deċiżjoni ta’ ordni ta’ ħlas. Il-konsumatriċi appellat minn din id-deċiżjoni quddiem is-Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich (il-Qorti Distrettwali ta’ Siemianowice Śląskie, il-Polonja).

27

Dik il-qorti tindika li l-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi fiż-żewġ ftehimiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew ikkalkolati abbażi tal-formula stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur u ma jaqbżux l-ammont massimu permess.

28

Madankollu, dik il-qorti għandha xi dubji dwar il-konformità mad-Direttiva 2008/48, u b’mod partikolari fid-dawl tal-armonizzazzjoni totali mwettqa minn din id-direttiva, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi kunċett ta’ “l-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi”, li ma huwiex previst mill-imsemmija direttiva. B’mod partikolari, wieħed għandu jistaqsi dwar jekk il-fatt li jiddaħħal tali kunċett jistax imur kontra l-għanijiet stabbiliti mid-Direttiva 2008/48.

29

Barra minn hekk, fil-każ ta’ spejjeż totali mingħajr interessi kkalkolati bil-mod stabbilit mil-leġiżlatur fl-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur, dawn l-ispejjeż huma ddeterminati abbażi ta’ formula indipendenti mis-servizzi realment imwettqa u mir-riżorsi użati mill-bejjiegħ jew fornitur. Għalhekk, il-konsumatur ma jkollux il-possibbiltà li jkun jaf l-ispejjeż veri tal-kreditu u li jkun infurmat debitament fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

30

Il-qorti tar-rinviju għandha wkoll xi dubji dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 93/13 fil-preżenza ta’ klawżoli li josservaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-ispiża massima permessa.

31

Dik il-qorti tenfasizza li l-leġiżlatur Pollakk ried jiżgura, permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur, il-limiti tal-ispejjeż iffatturati lill-konsumaturi, billi indika li l-ispiża totali tal-kreditu, minbarra interessi, ma setgħetx taqbeż 55 % tal-ammont totali tal-kreditu fuq bażi annwali, 85 % għal sentejn u 100 % ikun x’ikun it-tul tal-kreditu.

32

Madankollu, skont l-imsemmija qorti, fil-prattika, il-bejjiegħa jew fornituri ta’ spiss jagħżlu l-ammont massimu permess skont il-formula legali, mingħajr neċessarjament ma jieħdu inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż effettivament subiti.

33

Konsegwentement, ikun hemm il-biża’ li l-bejjiegħ jew fornitur igawdi minn vantaġġ eċċessiv u mhux iġġustifikat mill-ispejjeż tal-konsumatur, li jwassal għal nuqqas ta’ ekwilibriju sinjifikanti għal dan tal-aħħar li jirriżulta mill-paragun bejn l-ammont totali tal-kreditu u l-ispiża totali ta’ dan il-kreditu.

34

Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li l-prattika attwali tal-qrati Pollakki hija diverġenti, b’uħud minnhom jeskludu mill-istħarriġ tan-natura inġusta l-ispejjeż iddeterminati abbażi tal-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur, u bi qrati oħrajn jevalwaw dawn l-ispejjeż skont il-kriterji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13.

35

F’dawn il-kundizzjonijiet, is-Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich (il-Qorti Distrettwali ta’ Siemianowice Śląskie) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva 2008/48], b’mod partikolari l-Artikolu 3(g), l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 22(1), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu separazzjoni tal-‘ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi’, iddeterminati b’rata fissa skont il-formula legali ta’ kalkolu deskritta fl-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur […], mill-‘ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’, kif iddefinita fid-direttiva msemmija hawn fuq, b’mod li jaħbi lill-konsumatur l-ispejjeż reali tal-kreditu minbarra l-interessi mġarrba mill-professjonist?

2)

Id-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva 93/13], b’mod partikolari l-Artikolu 1(2), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-istħarriġ tal-klawżoli kuntrattwali ta’ kreditu lill-konsumatur mill-perspettiva tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tad-direttiva ċċitata, għall-parti li tinkludi l-imsemmija spejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi, li l-kriterji ta’ determinazzjoni tagħhom huma ddefiniti fl-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur […]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

36

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(g), l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi metodu ta’ kalkolu dwar l-ammont massimu tal-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi li jistgħu jiġu imposti fuq il-konsumatur fil-kuntest tal-krediti għall-konsum.

37

Qabel xejn, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2008/48 għandha l-għan li tarmonizza ċerti aspetti tar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam ta’ ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumatur.

38

Sussegwentement, mill-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li, sa fejn din fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali li jiddevjaw minn dawk stabbiliti mill-imsemmija direttiva.

39

Fl-aħħar nett, bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi żgurata protezzjoni wiesgħa tal-konsumaturi, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-Artikolu 3(g) tagħha, jagħti definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu lill-konsumatur” bħala li jkopri l-ispejjeż kollha, inklużi l-interessi, it-taxxi u kull tip ta’ spejjeż oħrajn li l-konsumatur għandu jħallas għall-ftehim ta’ kreditu u li huma magħrufa mill-kreditur, minbarra spejjeż notarili (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2015, Matei, C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 48; tat‑8 ta’ Diċembru 2016, Verein für Konsumenteninformation, C‑127/15, EU:C:2016:934, punt 35, u tal‑11 ta’ Settembru 2019, Lexitor, C‑383/18, EU:C:2019:702, punt 23).

40

Issa, id-Direttiva 2008/48 la tipprevedi l-kunċett ta’ “l-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi” u lanqas dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kwistjoni tal-limitazzjoni tal-ispejjeż tal-kreditu jew it-tqassim ta’ dawn l-ispejjeż bejn il-bejjiegħ jew fornitur u l-konsumatur. Mill-punti tal-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-imsemmija “spejjeż tal-kreditu minbarra interessi” jikkostitwixxu sotto-kategorija tal-“ispiża totali tal-kreditu”, fis-sens tal-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, u din l-ispiża tal-aħħar tinkludi l-ispejjeż kollha, inklużi b’mod partikolari l-interessi.

41

L-Artikolu 5(1)(g) tal-imsemmija direttiva, li jelenka l-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tiġi pprovduta lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-ftehim, u l-Artikolu 10(2)(g) tal-istess direttiva, li jkopri l-informazzjoni li għandha tissemma fil-ftehim b’mod ċar u konċiż, jipprevedu obbligu li l-konsumatur jiġi informat bl-“ammont totali pagabbli mill-konsumatur”, iddefinit fl-Artikolu 3(h) tad-Direttiva 2008/48 bħala “is-somma ta’ l-ammont totali tal-kreditu u l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”. Ma huwiex previst obbligu ta’ informazzjoni dwar l-ispiża tal-kreditu minbarra interessi jew il-metodu ta’ kalkolu tagħhom minn dawn id-dispożizzjonijiet.

42

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2008/48 ma tipprevedi ebda dispożizzjoni armonizzata dwar l-“ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi” jew il-mod kif dawn għandhom jiġu kkalkolati.

43

Jekk id-Direttiva 2008/48 tarmonizza biss ċerti aspetti tar-regoli tal-Istati Membri dwar ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumatur, isegwi mill-premessa 44 tagħha li, sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-istabbiltà tas-suq, u fl-istennija ta’ iktar armonizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ miżuri regolatorji jew ta’ superviżjoni xierqa għall-kredituri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Schyns, C‑58/18, EU:C:2019:467, punt 44). Madankollu għandu jiġi żgurat li dawn il-miżuri ma jmorrux kontra l-oqsma armonizzati mid-Direttiva 2008/48.

44

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2008/48 ġiet adottata bl-għan doppju li tiżgura lill-konsumaturi kollha tal-Unjoni Ewropea livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb (sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Pohotovosť, C‑331/18, EU:C:2019:665, punt 41, u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Home Credit Slovakia, C‑290/19, EU:C:2019:1130, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Issa, l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jelenka l-informazzjoni li għandha tissemma fil-ftehim b’mod ċar u konċiż. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva jwettaq armonizzazzjoni sħiħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jiġu inklużi b’mod obbligatorju fil-ftehim ta’ kreditu (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Pohotovosť, C‑331/18, EU:C:2019:665, punt 50).

46

Barra minn hekk, bħalma tfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, sa fejn din tinkludi dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fid-dritt nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk li hija tistabbilixxi.

47

F’dan il-każ, mill-elementi tal-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-ispiża tal-kreditu minbarra interessi sempliċement jistabbilixxu limitu u metodu ta’ kalkolu ta’ din l-ispiża, kif ukoll il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan il-limitu. Fi kwalunkwe każ, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 59 u 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma timponix obbligi ta’ informazzjoni addizzjonali.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 3(g), l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi metodu ta’ kalkolu dwar l-ammont massimu tal-ispiża tal-kreditu minbarra interessi li jista’ jiġi impost fuq il-konsumatur, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tintroduċix obbligi ta’ informazzjoni addizzjonali dwar din l-ispiża tal-kreditu minbarra interessi, li jkunu miżjuda ma’ dawk previsti fl-imsemmi Artikolu 10(2).

Fuq it-tieni domanda

49

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva klawżola kuntrattwali li tiffissa l-ispiża tal-kreditu minbarra interessi b’osservanza tal-limitu massimu previst minn dispożizzjoni nazzjonali, mingħajr neċessarjament ma jittieħdu inkunsiderazzjoni spejjeż subiti realment.

50

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, li jkopri l-klawżoli li jirriflettu d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji mandatorji, jistabbilixxi esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, suġġetta, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, il-klawżola kuntrattwali għandha tirrifletti dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja u, min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni għandha tkun mandatorja (sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2019, Kanyeba et, C‑349/18 sa C‑351/18, EU:C:2019:936, punt 60, kif ukoll tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 31).

51

Sabiex jiġi stabbilit jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-klawżola kuntrattwali kkonċernata tirriflettix dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li japplikaw b’mod mandatorju bejn il-partijiet kontraenti indipendentement mill-għażla tagħhom jew mid-dispożizzjonijiet ta’ natura supplimentari u għaldaqstant applikabbli awtomatikament, jiġifieri fl-assenza ta’ arranġament differenti bejn il-partijiet f’dan ir-rigward (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni tal-fatt li, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti inklużi fil-ftehimiet konklużi ma’ dawn tal-aħħar mill-bejjiegħa jew fornituri, l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2) tal-istess direttiva għandha tiġi interpretata b’mod strett, b’mod li jiġi żgurat l-effett utli tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 77 u tal‑20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring, C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53

Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li klawżola kuntrattwali, li tinsab fi ftehim konkluż minn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva biss jekk din il-klawżola kuntrattwali tirrifletti l-kontenut ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja mandatorja, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tat-tlettax-il premessa tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 80).

54

Tali esklużjoni ġiet iġġustifikata mill-fatt li huwa leġittimu li jiġi preżunt li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa ekwilibriju bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet f’ċerti ftehimiet, ekwilibriju li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iżomm espliċitament (sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 28, u tat‑3 ta’ April 2019, Aqua Med, C‑266/18, EU:C:2019:282, punt 33).

55

Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha, identifikat il-kriterji ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tislet il-konsegwenzi konkreti minn dan.

56

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, bla ħsara għal verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, li ma jidhirx li klawżola kuntrattwali li sempliċement timplimenta metodu għall-kalkolu tal-limitu tal-ispiża tal-kreditu minbarra interessi “tirrifletti”, b’mod strett, id-dispożizzjoni nazzjonali meqjusa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2019, Aqua Med, C‑266/18, EU:C:2019:282, punti 3536).

57

Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni, fiha nfisha, ma tidhirx li tiddetermina d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-ftehim, iżda sempliċement tirrestrinġi l-libertà tagħhom li jiffissaw l-ispiża tal-kreditu minbarra interessi f’livell ogħla minn ċertu livell u bl-ebda mod ma tipprekludi lill-qorti nazzjonali milli tistħarreġ in-natura potenzjalment inġusta ta’ tali ffissjar, anki taħt il-limitu legali.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva klawżola kuntrattwali li tiffissa l-ispiża tal-kreditu minbarra interessi b’osservanza tal-limitu previst minn dispożizzjoni nazzjonali, mingħajr neċessarjament ma tieħu inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż subiti realment.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(g), l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi metodu ta’ kalkolu dwar l-ammont massimu tal-ispiża tal-kreditu minbarra interessi li jista’ jiġi impost fuq il-konsumatur, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tintroduċix obbligi ta’ informazzjoni addizzjonali dwar din l-ispiża tal-kreditu minbarra interessi, li jkunu miżjuda ma’ dawk previsti fl-imsemmi Artikolu 10(2).

 

2)

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva klawżola kuntrattwali li tiffissa l-ispiża tal-kreditu minbarra interessi b’osservanza tal-limitu previst minn dispożizzjoni nazzjonali, mingħajr neċessarjament ma tieħu inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż subiti realment.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.