SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
27 ta’ Frar 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikoli 2 u 6 – Projbizzjoni minn kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Remunerazzjoni tal-uffiċjali – Sistema ta’ remunerazzjoni diskriminatorja – Arretrati fuq ir-remunerazzjoni kkalkolati fuq il-bażi ta’ klassifikazzjoni diskriminatorja preċedenti – Diskriminazzjoni ġdida – Artikolu 9 – Kumpens minħabba leġiżlazzjoni diskriminatorja – Terminu ta’ dekadenza għat-tressiq ta’ talba għal kumpens – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”
Fil-Kawżi magħquda C‑773/18 sa C‑775/18,
li għandhom bħala suġġett tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Halle (il-Qorti Amministrattiva ta’ Halle, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑15 ta’ Awwissu 2018 li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Diċembru 2018, fil-proċeduri
TK (C‑773/18),
UL (C‑774/18),
VM (C‑775/18),
vs
Land Sachsen-Anhalt,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala President tas-Seba’ Awla, T. von Danwitz u A. Kumin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal-Land Sachsen-Anhalt, minn J. Barone, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Valero, B.‑R. Killmann u T. Maxian Rusche, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 6, 9 u17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), kif ukoll tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tliet tilwimiet bejn TK (C‑773/18), UL (C‑774/18) u VM (C‑775/18) minn naħa, u l-Land Sachsen-Anhalt (il-Land ta’ Sachsen-Anhalt, il-Ġermanja) min-naħa l-oħra, li jirrigwardaw talbiet għal ħlas ta’ kumpens minħabba diskriminazzjoni skont l-età allegatament imġarrba waqt il-klassifikazzjoni tagħhom fi skala fl-okkażjoni tar-reklutaġġ tagħhom bħala mħallef jew uffiċjal tal-Land imsemmija. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2000/78 “huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”. |
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
[…]” |
5 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji. Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:
2. Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.” |
6 |
L-Artikolu 9 tal-istess direttiva huwa redatt kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jitqies approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, anke wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat. […] 3. Il-Paragrafi 1 u 2 huma mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar limiti taż-żmien biex iġibu azzjonijiet għar-rigward tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament.” |
7 |
L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 jiddikjara: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinvolvu l-pagament ta’ kumpens lill-vittma, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kumissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijet sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b’kull emenda sussegwenti li taffettwahom.” |
Id-dritt Ġermaniż
8 |
Konformement mal-Artikolu 1 tagħha, l-Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament), tal‑14 ta’ Awwissu 2006 (BGBl. I, p. 1897, iktar ’il quddiem l-“AGG”) għandha bħala għan li tipprekludi jew li telimina kull żvantaġġ fuq il-bażi tar-razza jew l-oriġini etnika, tas-sess, tar-reliġjon jew it-twemmin, ta’ diżabbiltà, tal-età jew tal-identità sesswali. |
9 |
L-Artikolu 7(1) tal-AGG jiddikjara: “Il-ħaddiema ma għandhom iġarrbu ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 […]” |
10 |
L-Artikolu 15 tal-AGG, intitolat “Kumpens u danni”, jipprovdi: “(1) Fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, il-persuna li timpjega għandha tagħmel tajjeb għad-danni li jirriżultaw. Din ir-regola ma tapplikax fil-każ li l-persuna li timpjega ma tkunx responsabbli għall-ksur ta’ tali obbligu. (2) Għal dannu li ma jkunx ta’ natura patrimonjali, il-ħaddiem jista’ jitlob kumpens pekunjarju xieraq. […] […] (4) Id-drittijiet ibbażati fuq il-paragrafi 1 jew 2 għandhom jiġu invokati bil-miktub fi żmien xahrejn sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu mod ieħor fil-ftehimiet kollettivi. Fil-każ ta’ applikazzjoni għal impjieg jew ta’ promozzjoni professjonali, it-terminu jibda jiddekorri minn meta jkun ġie rċevut l-avviż ta’ rifjut u, fil-każijiet l-oħra kollha ta’ danni, minn meta l-impjegat isir jaf bid-diskriminazzjoni. […]” |
11 |
Skont l-Artikolu 24 tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-AGG japplikaw mutatis mutandis, b’mod partikolari, għall-uffiċjali u għall-imħallfin. |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
12 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑773/18 teżerċita, sa mill‑1 ta’ Jannar 2010, il-funzjoni ta’ mħallef fi ħdan qorti tal-Land ta’ Sachsen-Anhalt. Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fil-kawżi C‑774/18 u C‑775/18 huma uffiċjali ta’ dan il-Land sa mill‑1 ta’ Awwissu 2006 u l‑1 ta’ Jannar 2009 rispettivament. |
13 |
Sal‑31 ta’ Marzu 2011 inkluż, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rċevew remunerazzjoni konformement mal-Bundesbesoldungsgesetz (il-Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali) tas‑6 ta’ Awwissu 2002 (BGBl. I, p. 3020), kif emendata bil-Liġi tat‑12 ta’ Lulju 2006 (BGBl. I, p. 1466) (iktar ’il quddiem l-“ex Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali”). Konformement ma’ din il-liġi, l-iskala ta’ remunerazzjoni bażika ta’ uffiċjal jew ta’ mħallef fi ħdan kull grad ta’ funzjoni kienet iddeterminata, mar-reklutaġġ, skont l-età tal-persuna rreklutata. |
14 |
Fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta u kkonkretizzat permezz tad-Direttiva 2000/78, b’mod iktar partikolari permezz tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 6(1) tagħha, tipprekludi li, f’kull grad, l-iskala ta’ remunerazzjoni bażika ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt tas-settur pubbliku tiġi ddeterminata, mar-reklutaġġ ta’ dan il-membru tal-persunal, skont l-età tiegħu. |
15 |
Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, u wara l-għoti ta’ din is-sentenza, il-Land ta’ Sachsen Anhalt żammet l-istess approċċ tal-Bundesministerium des Innern (il-Ministeru Federali għall-Affarijiet Interni, il-Ġermanja), li ta struzzjoni lill-amministrazzjonijiet federali, permezz ta’ żewġ ċirkolarijiet tas‑27 ta’ Jannar 2012 u tat‑23 ta’ Marzu 2012, li jiċħdu kull ilment imressaq minn uffiċjali jew imħallfin kontra d-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tagħhom bis-saħħa tal-ex Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali, minħabba li l-imsemmija sentenza kienet tirrigwarda l-membri tal-persunal bil-kuntratt u ma setgħetx tiġi trasposta għas-sitwazzjoni tal-uffiċjali u tal-imħallfin. |
16 |
Mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-qrati amministrattivi Ġermaniżi ma qablux fuq il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), setgħux jiġu trasposti għall-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali u tal-imħallfin. |
17 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu, rispettivament, fis‑16 ta’ Diċembru 2013 (C‑773/18), is‑17 ta’ Frar 2012 (C‑774/18) u l‑21 ta’ Diċembru 2012 (C‑775/18), ilmenti quddiem il-Land ta’ Sachsen Anhalt kontra d-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tagħhom sal‑31 ta’ Marzu 2011, billi invokaw diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Huma kienu talbu, b’mod partikolari, il-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 15(2) tal-AGG. |
18 |
Permezz ta’ sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005), kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2015, Unland (C‑20/13, EU:C:2015:561), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 2 u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprekludu miżura nazzjonali li bis-saħħa tagħha, fi ħdan kull grad ta’ funzjoni, l-iskala ta’ remunerazzjoni bażika ta’ uffiċjal jew ta’ mħallef tiġi ddeterminata, mar-reklutaġġ, skont l-età tiegħu. |
19 |
Permezz ta’ żewġ liġijiet adottati, rispettivament, fit‑18 ta’ Diċembru 2015 u t‑8 ta’ Diċembru 2016, il-Land ta’ Sachsen Anhalt ipproċeda għall-ħlas ta’ arretrati fuq ir-remunerazzjoni li kienu japplikaw, mis-sena 2008, għall-uffiċjali u l-imħallfin kollha impjegati fis-servizz tiegħu. Għall-perijodu sal‑31 ta’ Marzu 2011 inkluż, l-imsemmija arretrati kienu jammontaw għal perċentwali tar-remunerazzjoni bażika li l-uffiċjali u l-imħallfin kienu effettivament irċevew, matul kull sena meħuda inkunsiderazzjoni, bis-saħħa tal-ex Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali. |
20 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li dawn l-arretrati fuq ir-remunerazzjoni kienu intiżi sabiex jimplimentaw żewġ sentenzi tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) li permezz tagħhom din kienet iddeċidiet li r-remunerazzjoni tal-imħallfin u tal-uffiċjali tal-Land ta’ Sachsen Anhalt kienet inferjuri għall-minimu legali impost mill-Grundgesetz (il-Liġi Fundamentali) u kienet ordnatlu jżid, mis-sena 2008, ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali u tal-imħallfin fis-servizz tagħha. |
21 |
Fl‑24 ta’ Marzu 2016 (C‑773/18), is‑27 ta’ Ġunju 2016 (C‑774/18) u l‑24 ta’ Frar 2016 (C‑775/18), l-ilmenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew miċħuda minħabba li dawn kienu tressqu wara l-iskadenza tat-terminu għat-tressiq tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Land ta’ Sachsen Anhalt ikkunsidrat b’mod partikolari li dawn kien misshom talbu l-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 15(2) tal-AGG fit-terminu ta’ xahrejn imsemmi fl-Artikolu 15(4) tal-AGG, li beda jiddekorri fit‑8 ta’ Settembru 2011, jum l-għoti tas-sentenza Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560). |
22 |
Fit‑18 ta’ April 2016 (C‑773/18), it‑22 ta’ Lulju 2016 (C‑774/18) u t‑23 ta’ Marzu 2016 (C‑775/18), kull wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxa l-qorti tar-rinviju b’rikors intiż b’mod partikolari għall-kundanna tal-Land ta’ Sachsen Anhalt sabiex tħallashom il-kumpens imsemmi fl-Artikolu 15(2) tal-AGG. |
23 |
Din il-qorti tistaqsi, minn naħa, jekk iż-żieda retroattiva tar-remunerazzjonijiet tal-imħallfin u tal-uffiċjali għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2008 sal‑31 ta’ Marzu 2011 ma tinkludix diskriminazzjoni ġdida bbażata fuq l-età, ġaladarba din iż-żieda tammonta għal perċentwali ta’ remunerazzjoni bażika rċevuta bis-saħħa ta’ klassifikazzjoni diskriminatorja fl-iskala mwettqa skont l-ex Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali. |
24 |
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-għoti tas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), setgħetx tat lok għad-dekorrenza, għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tat-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 15(4) tal-AGG sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom, f’dan il-każ permezz tat-tressiq ta’ lmenti. Fid-dawl tal-fatt li iktar minn 60 % ta’ tali lmenti mressqa fil-Land ta’ Sachsen Anhalt ġew miċħuda minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu, din il-qorti għandha dubji dwar kemm l-uffiċjali u l-imħallfin hekk kif instabu f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħu jieħdu konjizzjoni, mal-għoti tal-imsemmija sentenza, tan-natura diskriminatorja tal-kalkolu tar-remunerazzjoni rispettiva tagħhom. |
25 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgericht Halle (il-Qorti Amministrattiva ta’ Halle, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domandi
Fuq l-ammissibbiltà
26 |
Il-Land ta’ Sachsen Anhalt jikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel u tat-tieni domandi preliminari billi jsostni li dawn ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, peress li l-kawżi prinċipali jirrigwardaw il-ħlas ta’ kumpens taħt l-Artikolu 15(2) tal-AGG, ma jkunx meħtieġ li jsir magħruf jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhomx dritt għal arretrati fuq ir-remunerazzjoni minħabba diskriminazzjoni ulterjuri allegatament imġarrba. |
27 |
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha qiegħda tinstema’ l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ulterjorment meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu quddiem il-qorti tar-rinviju li ż-żieda retroattiva tar-remunerazzjoni tal-imħallfin u tal-uffiċjali għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2008 sal‑31 ta’ Marzu 2011 tat lok għad-dekorrenza ta’ terminu ġdid taħt l-Artikolu 15(4) tal-AGG, peress li din tinkludi diskriminazzjoni ġdida bbażata fuq l-età. |
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tqis li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawżi prinċipali jew li l-ewwel u t-tieni domandi huma ta’ natura ipotetika. |
31 |
Minn dan isegwi li d-domandi preliminari huma ammissibbli. |
Fuq il-mertu
32 |
Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura li tagħti lil uffiċjali u lil imħallfin, sabiex jiġi żgurat li jirċievu remunerazzjoni xierqa, arretrati fuq ir-remunerazzjoni li jammontaw għal perċentwali tar-remunerazzjoni bażika li rċevew preċedentement bis-saħħa, b’mod partikolari, ta’ skala ta’ remunerazzjoni bażika li kienet ġiet iddeterminata, għal kull grad, meta ġew irreklutati, skont l-età tagħhom. |
33 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78 il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jinftiehem fis-sens ta’ din id-direttiva, bħala l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, ibbażata fuq wieħed mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tagħha jippreċiża li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni paragunabbli, fuq il-bażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva. |
34 |
Għalhekk jeħtieġ li jiġi evalwat, inizjalment, jekk arretrati fuq ir-remunerazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkomportawx differenza fit-trattament fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78. |
35 |
F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-arretrati fuq ir-remunerazzjoni previsti mil-Liġijiet tat‑18 ta’ Diċembru 2015 u tat‑8 ta’ Diċembru 2016 tal-Land ta’ Sachsen Anhalt ingħataw lill-imħallfin u lill-uffiċjali kkonċernati sabiex ikunu jistgħu jirċievu remunerazzjoni adegwata mal-importanza tal-funzjonijiet tagħhom, hekk kif inhu impost mil-Liġi Fundamentali, għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2008 sal‑31 ta’ Diċembru 2011 li tammonta għal perċentwali tar-remunerazzjoni bażika rċevuta preċedentement, fejn l-iskala ta’ remunerazzjoni bażika nnifisha ġiet iddeterminata, għal kull grad, waqt ir-reklutaġġ ta’ dawn l-imħallfin u ta’ dawn l-uffiċjali, skont l-età ta’ dawn tal-aħħar, konformement mal-ex Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 2 u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprekludu miżura nazzjonali li bis-saħħa tagħha, fi ħdan kull grad ta’ funzjoni, l-iskala ta’ remunerazzjoni bażika ta’ uffiċjal hija ddeterminata, meta jiġi rreklutat, skont l-età tiegħu (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 52). |
36 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għalhekk, dwar il-punt jekk il-fatt li l-uffiċjali u l-imħallfin li jġarrbu żvantaġġ minħabba l-età tagħhom dovut għall-ex Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali jirċievu, minħabba r-remunerazzjoni bażika tagħhom inferjuri għal dik tal-uffiċjali u tal-imħallfin b’esperjenza ekwivalenti iżda rreklutati f’età iktar avvanzata minn tagħhom, remunerazzjoni supplimentari inferjuri, f’ammonti assoluti, meta mqabbla ma’ dawk tal-aħħar għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2008 sal‑31 ta’ Marzu 2011, jinkludix differenza ġdida fit-trattament ibbażata fuq l-età. |
37 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li arretrati fuq ir-remunerazzjoni ffissati għal perċentwali uniformi tar-remunerazzjoni bażika ta’ uffiċjal jew ta’ mħallef ma għandhomx, bħala tali, rabta intrinsika mal-età u ma jagħtux lok għal distinzjoni fost il-persuni kkonċernati minbarra dawk li jirriżultaw mis-sistema ta’ riferiment li tiddetermina l-imsemmija remunerazzjoni bażika. |
38 |
Madankollu, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, peress li s-sistema ta’ riferiment hija, f’dan il-każ, l-ex Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali, li kienet tiddetermina l-iskala ta’ remunerazzjoni bażika, għal kull grad, mar-reklutaġġ ta’ dawn l-imħallfin u ta’ dawn l-uffiċjali, skont l-età ta’ dawn tal-aħħar, jidher li din ir-rabta għandha bħala konsegwenza li l-arretrati fuq ir-remunerazzjoni nnifishom inkwistjoni fil-kawża prinċipali, previsti mil-liġijiet tat‑18 ta’ Diċembru 2015 u tat‑8 ta’ Diċembru 2016 tal-Land ta’ Sachsen Anhalt, iwettqu mill-ġdid differenza fit-trattament skont l-età ta’ dawn l-imħallfin u ta’ dawn l-uffiċjali. |
39 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-arretrati fuq ir-remunerazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludu differenza ġdida fit-trattament, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78. |
40 |
Sussegwentement, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. |
41 |
L-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jispeċifika li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni meta tkun oġġettivament u raġonevolament iġġustifikata, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, minn għan leġittimu, b’mod partikolari minn għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impiegi, tas-suq tax-xogħol u ta’ taħriġ professjonali, u meta l-mezzi sabiex dan l-għan jintlaħaq ikunu xierqa u neċessarji. |
42 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu miżuri li jinkludu differenzi fit-trattament ibbażati fuq l-età konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Huma għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa mhux biss fl-għażla tal-għan li għandu jintlaħaq iddeterminat minn fost oħrajn fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjiegi, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li jistgħu jilħqu dan l-għan (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 46). |
43 |
Skont il-qorti tar-rinviju, id-differenza fit-trattament ikkonstatata fil-punt 39 ta’ din is-sentenza tirriżulta mit-tiftix ta’ għan, li jirriżulta mil-Liġi Fundamentali, li jikkonsisti f’li tiġi żgurata remunerazzjoni adegwata għall-uffiċjali u għall-imħallfin tal-Land ta’ Sachsen Anhalt. |
44 |
F’dan ir-rigward, l-għan intiż sabiex jiġi żgurat li l-uffiċjali u l-imħallfin ta’ dan il-Land jirċievu livell ta’ remunerazzjoni li tkun adegwata mal-importanza tal-funzjonijiet li jeżerċitaw għandu jiġi kkunsidrat bħala għan leġittimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel, C‑49/18, EU:C:2019:106, punt 66). |
45 |
Jeħtieġ li jiġi vverifikat ulterjorment, skont it-termini stess tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, jekk, fil-kuntest ta’ marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ rrikonoxxuta lill-Istati Membri u mfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-mezzi implimentati sabiex dan l-għan jintlaħaq humiex xierqa u neċessarji. |
46 |
F’dan ir-rigward, ir-rikors għal arretrati fuq ir-remunerazzjoni ffissati skont perċentwali uniformi tar-remunerazzjoni bażika jidher, bħala regola ġenerali, li huwa xieraq sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat li b’dan il-mod l-uffiċjali u l-imħallfin jiksbu livell ta’ remunerazzjoni li jkun adegwat mal-importanza tal-funzjonijiet li jeżerċitaw. |
47 |
Fir-rigward tal-punt dwar jekk din il-miżura tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu msemmi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-arretrati fuq ir-remunerazzjoni misshomx ġew iffissati skont modalitajiet oħra, b’mod partikolari b’riferiment għall-iskala ogħla tal-grad ikkonċernat. |
48 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-punti 63, 72 u 86 tas-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet essenzjalment li l-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78 ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li telimina diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li jkollha bħala riferiment, għal perijodu tranżitorju, is-sistema ta’ remunerazzjonijiet preċedenti li kienet tistrieħ fuq differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, sa fejn dan ir-riferiment ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet miksuba u sa fejn maż-żmien l-effetti tagħha jkunu tali li jonqsu u jisparixxu. |
49 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, li d-dannu li tali sistema tranżitorja tista’ tikkawża lill-uffiċjali kkonċernati huwa partikolarment kumpless biex jiġi ddeterminat, b’mod partikolari fid-dawl tan-numru ta’ uffiċjali kkonċernati u fl-assenza ta’ sistema ta’ riferiment valida li tippermetti l-paragun bejn l-uffiċjali vvantaġġati u l-uffiċjali żvantaġġati. |
50 |
Mill-perijodu li jippreċedi d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali l-ġdida, il-Kummissjoni siltet, fil-punt 96 tas-sentenza msemmija, li arretrati fuq ir-remunerazzjoni kkalkolati b’riferiment għall-ogħla skala tal-grad ikkonċernat għandhom japplikaw biss fir-rigward ta’ sistema ta’ riferiment valida u fejn tali sistema ta’ riferiment ma kinitx teżisti fil-kuntest tal-ex Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali, ġaladarba l-aspetti diskriminatorji tagħha kienu potenzjalment jaffettwaw l-uffiċjali kollha kkonċernati. |
51 |
Issa, fir-rigward ta’ dawn l-elementi ta’ ġurisprudenza, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, sa fejn miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa l-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet miksuba f’kuntest iddefinit, b’mod partikolari, kemm minn numru għoli ta’ uffiċjali u ta’ mħallfin ikkonċernati kif ukoll mill-assenza ta’ sistema valida ta’ riferiment u sa fejn din ma twassalx sabiex maż-żmien titwettaq differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, l-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78 ma jipprekludux li tali sistema preċedenti ta’ remunerazzjoni tkun akkumpanjata b’arretrati fuq ir-remunerazzjoni intiżi li jiġi żgurat li l-uffiċjali u l-imħallfin jirċievu, għal perijodu qasir li jippreċedi d-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni ġdida intiża sabiex tiġi eliminata kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, livell ta’ remunerazzjoni li jkun adegwat mal-importanza tal-funzjonijiet li jeżerċitaw. |
52 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi u suġġett għal verifiki li, għaldaqstant, għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu li jikkonsisti f’li tiġi żgurata remunerazzjoni adegwata lill-uffiċjali u lill-imħallfin tal-Land ta’ Sachsen Anhalt, hekk kif impost mil-Liġi Fundamentali. |
53 |
Għalhekk, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi tkun li l-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sa fejn tissodisfa l-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet miksuba f’kuntest iddefinit b’mod partikolari kemm min-numru għoli ta’ uffiċjali u ta’ mħallfin ikkonċernati kif ukoll mill-assenza ta’ sistema valida ta’ riferiment u sa fejn ma twassalx sabiex maż-żmien titwettaq differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, dawn ma jipprekludux miżura li tagħti lil uffiċjali u lil imħallfin, sabiex tiġi żgurata lilhom remunerazzjoni adegwata, arretrati fuq ir-remunerazzjoni li jammontaw għal perċentwali mir-remunerazzjoni bażika li preċedentement irċevew bis-saħħa, b’mod partikolari, ta’ skala ta’ remunerazzjoni bażika li kienet ġiet iddeterminata, għal kull grad, mar-reklutaġġ tagħhom, skont l-età tagħhom. |
Fuq it-tielet sal‑ħames domandi
54 |
Permezz tat-tielet sal-ħames domandi, li wkoll jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78 kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru jiffissa l-bidu tad-dekorrenza ta’ terminu ta’ dekadenza ta’ xahrejn għat-tressiq ta’ talba għal kumpens għad-danni li jirriżultaw minn miżura li tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età għall-jum tal-għoti ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkonstatat in-natura diskriminatorja ta’ miżura simili, b’mod partikolari meta, fl-imsemmi Stat Membru teżisti kontroversja dwar il-possibbiltà li mal-miżura kkonċernata jiġu trasposti l-prinċipji li jirriżultaw minn din is-sentenza. |
55 |
Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li huwa paċifiku li l-AGG tittrasponi d-Direttiva 2000/78 fid-dritt Ġermaniż, li l-Artikolu 15(2) tal-AGG huwa intiż sabiex jikkontribwixxi sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi imposti fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bis-saħħa tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva u li din id-dispożizzjoni tal-AGG tipprevedi, f’dan ir-rigwarda, il-kumpens għad-danni mhux ta’ natura patrimonjali kkawżati minn diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. |
56 |
Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kisba ta’ tali kumpens tiddependi mis-sempliċi turija tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, li d-danni jiġu evalwati, konformement ma’ ġurisprudenza nazzjonali stabbilita, b’mod fiss għal EUR 100 fix-xahar għall-perijodu li matulu seħħet id-diskriminazzjoni u li d-drittijiet ibbażati fuq l-Artikolu 15(2) tal-AGG għandhom jiġu invokati, skont l-Artikolu 15(4) tal-AGG, bil-miktub indirizzati lill-persuna li timpjega f’terminu ta’ xahrejn mill-mument fejn l-impjegat kellu għarfien tad-diskriminazzjoni. |
57 |
Il-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu ġie ffissat, għal sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konformement mal-ġurisprudenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), fil-jum tal-għoti tas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560). |
58 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk it-tul ta’ dan it-terminu u l-iffissar, fit‑8 ta’ Settembru 2011, tal-bidu tad-dekorrenza tiegħu jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78 kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. |
59 |
Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, huma l-Istati Membri li għandhom iħarsu b’mod partikolari sabiex proċeduri amministrattivi intiżi sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2000/78 ikunu aċċessibbli għall-persuni kollha li jqisu li ġew leżi bin-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-konfront tagħhom. |
60 |
B’hekk mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-kwistjoni tat-termini biex jitressqu proċeduri intiżi sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva ma hijiex irregolata mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 24). |
61 |
Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa l-kompitu tal-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li jirregola tali modalitajiet proċedurali, sa fejn dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 25). |
62 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tiddeċiedi li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78 ma jipprekludix terminu bħal dak previst fl-Artikolu 15(4) tal-AGG, bil-kundizzjoni li, minn naħa, dan it-terminu ma jkunx inqas favorevoli minn dak li jirrigwarda rikorsi simili ta’ natura interna, u, min-naħa l-oħra, l-iffissar tal-bidu tad-dekorrenza tal-imsemmi terminu ma jagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 42). |
63 |
Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 15(4) tal-AGG mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-possibbiltà li jinkiseb kumpens għad-danni patrimonjali u mhux patrimonjali li jirriżultaw mill-ksur tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabbiltà, l-età jew l-identità sesswali ġiet introdotta mill-AGG, u li għaldaqstant ma kinux jeżistu, effettivament, proċeduri ekwivalenti qabel l-adozzjoni ta’ din il-liġi (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 30). Issa, tali konstatazzjoni tidher li hija kkonfermata mill-elementi tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
64 |
Barra minn hekk minn dan l-istess proċess jirriżulta li d-drittijiet ikkonferiti mill-Artikolu 15(2) tal-AGG jistgħu jiġu invokati indipendentement min-natura pubblika jew privata tar-relazzjoni tax-xogħol u mill-punt dwar jekk dawn ir-relazzjonijiet himiex koperti minn ftehim kollettiv jew le. |
65 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-azzjonijiet imsemmija fit-tielet domanda preliminari, li jidhru kollha kemm huma li huma relatati ma’ pretensjonijiet pekunjarji speċifiċi għar-relazzjonijiet tax-xogħol fis-servizz pubbliku, humiex simili għall-azzjoni għal kumpens ippreżentata taħt l-Artikolu 15 tal-AGG u jekk jinkludux modalitajiet proċedurali iktar favorevoli, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-proċeduri inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 29). |
66 |
Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju hija l-unika waħda li għandha għarfien dirett tal-modalitajiet proċedurali ta’ tali azzjonijiet fil-qasam tad-dritt tas-servizz pubbliku u hija, għalhekk, l-iktar waħda li aħjar tista’ teżamina kemm is-suġġett kif ukoll l-elementi essenzjali tal-proċeduri allegatament simili ta’ natura interna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 28). |
67 |
Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, jeħtieġ li jitfakkar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza titlob li r-regola nazzjonali kkonċernata tapplika mingħajr distinzjoni għall-proċeduri bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq ksur tad-dritt intern li jkollhom għan u kawżalità simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Rudigier, C‑518/17, EU:C:2018:757, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
68 |
F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, jeħtieġ li jiġi osservat li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, tal-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, TDC, C‑327/15, EU:C:2016:974, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
69 |
Hija ġurisprudenza stabbilita li l-iffissar ta’ termini ta’ dekadenza jissodisfa, bħala prinċipju, ir-rekwiżit ta’ effettività sa fejn dan jikkostitwixxi applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali li jipproteġi kemm lill-persuna kkonċernata kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata. Fil-fatt, bħala prinċipju, tali termini ma humiex ta’ natura li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Madankollu, fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw it-termini filwaqt li jqisu, b’mod partikolari, l-importanza għall-persuni kkonċernati tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, il-kumplessità tal-proċeduri u tal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata, in-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati u l-interessi pubbliċi jew privati l-oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Suġġett għal din il-limitazzjoni, l-Istati Membri huma fil-libertà li jistabbilixxu termini itwal jew iqsar (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, TDC, C‑327/15, EU:C:2016:974, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
70 |
B’mod partikolari, fir-rigward tal-Artikolu 15(4) tal-AGG, li jipprevedi terminu ta’ xahrejn għat-tressiq ta’ lment quddiem il-persuna li timpjega, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma jidhirx li t-tul ta’ dan it-terminu ta’ dekadenza jista’ jagħmel prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ikkonferiti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, EU:C:2010:418, punts 38 u 39). |
71 |
Fir-rigward tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ dekadenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tenfasizza li dan ma jistax jiġi ffissat b’tali mod li l-ħaddiem jgħaddi mir-riskju li ma jkunx f’pożizzjoni li jsir jaf, f’dan it-terminu, dwar l-eżistenza jew l-importanza tad-diskriminazzjoni li tagħha kien vittma, liema fatt ikun iqiegħdu f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà li jinvoka d-drittijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 40). |
72 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sa fejn il-bidu tad-dekorrenza previst fl-Artikolu 15(4) tal-AGG huwa l-mument meta l-ħaddiem ikun sar jaf bid-diskriminazzjoni allegata, din id-dispożizzjoni ma kinitx tali li tagħmel prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ikkonferiti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 41). |
73 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tqisx bħala diffikultà eċċessiva l-fatt li jiġu imposti termini ta’ dekadenza li jibdew jiddekorru biss mid-data li fiha l-persuna kkonċernata tkun saret taf bid-diskriminazzjoni allegata jew, minn tal-inqas, imissha saret taf biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Flausch et, C‑280/18, EU:C:2019:928, punt 55). |
74 |
Issa, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 71 sa 73 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, sabiex persuna tkun f’pożizzjoni li ssir taf bl-eżistenza jew bl-importanza tad-diskriminazzjoni li tagħha hija vittma, hija għandha tkun tista’ ssir taf kemm bid-differenza fit-trattament li għaliha kienet suġġetta, bir-raġuni għal din id-differenza fit-trattament u bin-natura diskriminatorja tad-differenza fit-trattament dovuta għal din ir-raġuni. |
75 |
F’dan il-każ, sa fejn hija l-ex Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali li kienet tipprevedi li l-iskala ta’ remunerazzjoni bażika ta’ uffiċjal jew ta’ mħallef fi ħdan kull grad ta’ funzjoni, mar-reklutaġġ tiegħu, kienet tiġi ddeterminata skont l-età ta’ din il-persuna, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu f’pożizzjoni li jkollhom għarfien, sa mir-reklutaġġ tagħhom, kemm bid-differenza fit-trattament li għaliha kienu suġġetti kif ukoll ir-raġuni għaliha. |
76 |
Min-naħa l-oħra, fil-kawżi prinċipali ma jidhirx li ġie kkontestat l-argument li r-rikorrenti ma kellhomx għarfien u ma kinux f’pożizzjoni li jkollhom għarfien, meta ġew irreklutati, dwar in-natura diskriminatorja tad-differenza fit-trattament li għaliha kienu ġew esposti minħabba l-imsemmija raġuni. Fil-fatt mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li huma kellhom għarfien dwar dan biss ftit qabel ma ressqu l-ilmenti tagħhom. |
77 |
Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kinux f’pożizzjoni li jkollhom għarfien dwar l-imsemmija natura diskriminatorja mill-jum tal-għoti tas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), hekk kif iddeċidietha l-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), minħabba li l-punti ta’ liġi rilevanti kienu ġew stabbiliti b’mod suffiċjentement ċar permezz ta’ din is-sentenza. |
78 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura u l-portata tal-obbligu li jaqa’ fuq l-Istati Membri bis-saħħa tal-Artikoli 2(2) u 6(1) tad-Direttiva 2000/78, fid-dawl ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-ex Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali, ġew ikkjarifikati u spjegati sa mill-għoti tas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560) (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 104). |
79 |
Huwa paċifiku li f’dak iż-żmien il-Land ta’ Sachsen Anhalt ma informax lill-impjegati tiegħu dwar l-għoti ta’ din is-sentenza, iżda li din kienet disponibbli fil-jum innifsu tal-għoti tiegħu fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija sentenza kienet suġġetta għal xandira kemm lill-pubbliku b’mod ġenerali, permezz tal-mezzi tax-xandir Ġermaniżi, kif ukoll fost il-membri ta’ sindakat li jirrappreżenta l-uffiċjali ta’ dan il-Land. |
80 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, minn 10667 talba għall-ħlas ta’ kumpens taħt l-Artikolu 15(2) tal-AGG imressqa quddiem l-awtoritajiet tal-imsemmi Land, 7071 ġew miċħuda, fosthom 6516 minħabba li t-tressiq tardiv tagħhom fid-dawl tat-terminu previst fl-Artikolu 15(4) tal-AGG. Għalhekk, 4151 minn dawn it-talbiet tressqu f’dan it-terminu, li minnhom iktar minn 700 minn sindakat li jkun qed jaġixxi f’isem il-membri tiegħu. |
81 |
Il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-uffiċjali u l-imħallfin tal-Land ta’ Sachsen Anhalt kienu kkonċernati, matul il-perijodu rilevanti għall-kawża prinċipali, mhux mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), iżda minn dik inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005), kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2015, Unland (C‑20/13, EU:C:2015:561). |
82 |
Hija tenfasizza li, wara l-għoti tas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), il-Land ta’ Sachsen Anhalt qies, bħall-Ministru Federali għall-Intern fiċ-ċirkolari tiegħu tas‑27 ta’ Jannar 2012 u t‑23 ta’ Marzu 2012, li l-prinċipji li jirriżultaw minn din is-sentenza ma setgħux jiġu trasposti għas-sitwazzjoni tal-uffiċjali jew tal-imħallfin fis-servizz tiegħu, peress li dawn kienu jirrigwardaw biss lill-membri tal-persunal bil-kuntratt. |
83 |
Il-qorti tar-rinviju tispjega li din il-fehma kienet kondiviża, sal-għoti tas-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005), kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2015, Unland (C‑20/13, EU:C:2015:561), mill-maġġoranza tal-qrati amministrattivi Ġermaniżi, fejn il-kjarifika mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) kienet ingħatat biss wara l-għoti tas-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005). |
84 |
B’hekk, skont il-qorti tar-rinviju, il-punti ta’ liġi rilevanti għall-kawża prinċipali ġew ikkjarifikati biss progressivament mas-sentenzi suċċessivi tal-Qorti tal-Ġustizzja u, sal-għoti tas-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 51), kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2015, Unland (C‑20/13, EU:C:2015:561, punti 33 u 34), dawn il-punti ma kinux ġew stabbiliti b’mod ċar biżżejjed. |
85 |
Fl-aħħar nett, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kellhomx għarfien mill-ewwel dwar is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), u lanqas ma qiesu l-importanza tagħha fir-rigward tar-remunerazzjoni rispettiva tagħhom. |
86 |
Minn dawn l-elementi, b’mod partikolari miċ-ċirkustanza li eluf ta’ uffiċjali u ta’ imħallfin tal-Land ta’ Sachsen Anhalt ressqu t-talbiet tagħhom fit-terminu previst fl-Artikolu 15(4) tal-AGG, jidher b’mod ċar li l-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu, hekk kif ġie ffissat f’dan il-każ, ma kienx jagħmel prattikament impossibbli l-eżerċizzjoni tad-drittijiet ikkonferiti mill-Artikolu 15(2) tal-AGG. |
87 |
Min-naħa l-oħra, hekk kif jidher li tqis il-qorti tar-rinviju, elementi oħra intiżi li juru li, fiċ-ċirkustanzi partikolari deskritti minnha, l-eżerċizzju mill-uffiċjali u l-imħallfin tal-Land ta’ Sachsen Anhalt ta’ dawn id-drittijiet ġie magħmul eċċessivament diffiċli, fejn il-bidu tad-dekorrenza ġie ffissat b’mod li kienu jgħaddu mir-riskju li ma jkunux f’pożizzjoni li jkollhom għarfien, fit-terminu ta’ xahrejn, dwar l-eżistenza jew l-importanza tad-diskriminazzjoni li tagħha kienu vittmi. |
88 |
Fil-fatt, fil-punti 81 sa 84 ta’ din is-sentenza tfakkar li s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), ma kinitx tirrigwarda l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li l-Land ta’ Sachsen Anhalt u l-awtoritajiet federali kompetenti kienu qiesu, wara l-għoti ta’ din is-sentenza, li l-prinċipji li jirriżultaw minnha ma kinux transponibbli għas-sitwazzjoni tal-uffiċjali u tal-imħallfin, u li, sal-għoti tas-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, point 51), kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2015, Unland (C‑20/13, EU:C:2015:561, punti 33 u 34), il-maġġoranza tal-qrati amministrattivi Ġermaniżi kienu tal-istess fehma. |
89 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tidher li qed tqis ġustament, minkejja l-kjarifiki u l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mis-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), fir-rigward tan-natura u tal-portata tal-obbligu li jaqa’ fuq l-Istati Membri bis-saħħa tal-Artikoli 2(2) u 6(1) tad-Direttiva 2000/78, il-punti ta’ liġi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tar-regoli relatati mar-remunerazzjoni tal-uffiċjali u tal-imħallfin tal-Land ta’ Sachsen Anhalt ma’ dawn id-dispożizzjonijiet ma ġewx ikkjarifikati suffiċjentement, mill-għoti ta’ din is-sentenza, la mill-awtoritajiet kompetenti tal-Land ta’ Sachsen Anhalt, la mill-awtoritajiet federali kompetenti, u lanqas mill-maġġoranza tal-qrati amministrattivi Ġermaniżi. |
90 |
Hawnhekk, jidher li kien jeżisti riskju li l-uffiċjali, u saħansitra l-imħallfin, tal-Land ta’ Sachsen Anhalt ma jkunux f’pożizzjoni li jkollhom għarfien, fix-xahrejn mill-għoti tas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), dwar l-eżistenza jew l-importanza tad-diskriminazzjoni li tagħha kienu vittmi. |
91 |
L-eżistenza ta’ tali riskju tidher li hija kkorroborata kemm bil-fatt li, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma qisux immedjatament l-importanza ta’ din is-sentenza fir-rigward tar-remunerazzjoni tagħhom stess kif ukoll bil-fatt li iktar minn 60 % tal-ilmenti tagħhom imressqa mill-uffiċjali u l-imħallfin tal-Land ta’ Sachsen Anhalt ġew miċħuda minħabba n-natura tardiva tagħhom. |
92 |
Għalhekk dawn l-elementi jippermettu li wieħed jiddubita li l-iffissar tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu previst fl-Artikolu 15(4) tal-AGG għall-jum tal-għoti tas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), ħa suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-kriterji msemmija fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari dawk dwar il-kumplessità tal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata u n-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati. |
93 |
Madankollu hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha għarfien dirett tal-kawżi prinċipali, li għandha tipproċedi, fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha fattwali u ġuridiċi rilevanti, għall-verifiki neċessarji sabiex jiġi ddeterminat jekk il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu previst fl-Artikolu 15(4) tal-AGG ġie ffissat b’tali mod li l-eżerċizzju mill-uffiċjali u l-imħallfin tal-Land ta’ Sachsen Anhalt tad-drittijiet ikkonferiti lilhom mill-Artikolu 15(2) tal-AGG ġie magħmul eċċessivament diffiċli. |
94 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għat-tielet u għall-ħames domandi preliminari tkun li l-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jiffissa l-bidu tad-dekorrenza ta’ terminu ta’ dekadenza ta’ xahrejn għat-tressiq ta’ talba għal kumpens għad-danni li jirriżultaw minn miżura li tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-jum tal-għoti ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkonstatat in-natura diskriminatorja ta’ miżura simili, meta l-persuni kkonċernati jgħaddu mir-riskju li ma jkunux f’pożizzjoni li jkollhom għarfien, fl-imsemmi terminu, dwar l-eżistenza jew l-importanza tad-diskriminazzjoni li tagħha kienu vittmi. B’mod partikolari dan jista’ jkun il-każ meta, fl-imsemmi Stati Membru, tkun teżisti kontroversja dwar il-possibbiltà li mal-miżura kkonċernata jiġu transposti l-prinċipji li jirriżultaw minn din is-sentenza. |
Fuq l-ispejjeż
95 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.