SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Artikolu 6, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2008/50/KE – Tniġġis atmosferiku – Kwalità tal-arja ċirkostanti – Pjan dwar il-kwalità tal-arja – Valuri ta’ limitu għad-diossidu tan-nitroġenu – Obbligu li jiġu adottati miżuri xierqa għal perijodu ta’ qbiż minimu – Obbligu għall-qrati nazzjonali li jieħdu kull miżura neċessarja – Rifjut minn gvern reġjonali li jikkonforma ruħu ma’ ordni ġudizzjarja – Detenzjoni intiża kontra rappreżentanti politiċi għoljin jew uffiċjali għoljin tar-reġjun ikkonċernat – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt għal-libertà personali – Bażi legali – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑752/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura

Deutsche Umwelthilfe eV

vs

Freistaat Bayern,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan, M. Safjan (Relatur), S. Rodin, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, D. Šváby, C. Vajda, F. Biltgen, K. Jürimäe u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑3 ta’ Settembru 2019,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentrati:

għal Deutsche Umwelthilfe eV, minn R. Klinger, Rechtsanwalt,

għall-Freistaat Bayern, minn J. Vogel, W. Brechmann u P. Frei, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn S. Eisenberg, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher, G. Gattinara u E. Manhaeve, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Novembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2005, L 124, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), tal-Artikolu 4(3) u tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 19(1) TFUE, kif ukoll tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Deutsche Umwelthilfe eV, organizzazzjoni mhux governattiva għall-protezzjoni tal-ambjent, u l-Freistaat Bayern (il-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja) fir-rigward tal-eżekuzzjoni forzata ta’ ordni ġudizzjarja li tadotta projbizzjonijiet ta’ moviment sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, intitolat “Aċċess għall-ġustizzja”, jipprevedi:

“[…]

2.   Kull parti għandha tiżgura li, fil-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, il-membri tal-pubbliku kkonċernat

a)

li jkollhom interess ġuridiku suffiċjenti jew, jekk le,

b)

li jinvokaw il-ksur ta’ dritt, meta l-liġi proċedurali amministrattiva ta’ Parti teħtieġ dan bħala prekundizzjoni, ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja u/jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi, biex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-ommissjonijiet bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, fejn hu hekk previst mil-liġi nazzjonali u bla ħsara għall-paragrafu 3 iktar ’il quddiem, ta’ dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta’ din il-Konvenzjoni.

Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u ksur ta’ dritt għandu jiġi ddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u f’konformità mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess ġudizzjarju wiesa’ fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni. Għal dan l-għan, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 2, għandu jitqies li jkun biżżejjed għall-fini tas-subparagrafu (a) iktar ’il fuq. L-imsemmija organizzazzjonijiet għandhom ukoll jitqiesu li għandhom drittijiet li jistgħu jkunu suġġett ta’ ksur għall-finijiet tal-punt (b) iktar ’il fuq.

[…]

3.   Barra minn hekk, u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri ta’ rikors imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq, kull Parti għandha tara li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw l-eventwali kriterji previsti mid-dritt nazzjonali tagħha jkunu jistgħu jibdew proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew ommissjonijiet minn individwi jew minn awtoritajiet pubbliċi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent.”

4.   Barra minn hekk, u bla ħsara għall-paragrafu 1, il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom jipprovdu rimedji xierqa u effettivi, inklużi konformità permezz ta’ ordni fejn ikun xieraq, u għandhom ikunu oġġettivi, ekwi u mingħajr dewmien u ma għandhomx jinvovlu spiża projbittiva. Id-deċiżjonijiet meħuda skont dan l-artikolu għandhom jingħataw jew għandhom jiġu rreġistrati bil-miktub. Id-deċiżjonijiet ta’ qrati, u sa fejn possibbli, dawk ta’ korpi oħrajn, għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

4

Skont il-premessa 2 tad-Direttiva 2008/50:

“Sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kollu, huwa partikolarment importanti li l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu jiġu miġġielda f’ras il-għajn u li jiġu identifikati u implimentati l-miżuri l-aktar effettivi għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet fil-livell lokali, nazzjonali u Komunitarju. Għalhekk, għandhom jiġu evitati, impeduti jew imnaqqsa l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja u li jagħmlu l-ħsara u għandhom jiġu stabbiliti objettivi adegwati għall-kwalità ta’ l-arja ambjentali b’kont meħud ta’ l-istandards, il-linji gwida u l-programmi rilevanti ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.”

5

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu żoni u agglomerazzjonijiet fit-territorju kollu tagħhom. Il-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-arja u l-ġestjoni tal-kwalità ta’ l-arja għandha ssir fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha.”

6

L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Valuri ta’ limitu u l-limiti ta’ allert għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha tagħhom, il-livelli tad-dijossidu tal-kubrit, PM10, iċ-ċomb u l-monossidu tal-karbonju fl-arja ta’ l-ambjent ma’ jaqbżux il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Anness XI.

Fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-benżina, il-valuri ta’ limitu speċifikati fl-Anness XI ma jistgħux jinqabżu mid-dati speċifikati fih.

L-osservanza ta’ dawn ir-regoli għandha tiġi valutata b’konformità ma’ l-Anness III.

[…]”

7

L-Artikolu 23(1) tal-istess direttiva jgħid li:

“Fejn, fiż-żoni jew l-agglomerazzjonijiet stipulati, il-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja ta’ l-ambjent jaqbżu kwalunkwe valur ta’ limitu jew valur immirat, kif ukoll kwalunkwe marġni rilevanti tat-tolleranza f’kull każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu stabbiliti pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja għal dawk iż-żoni u agglomerazzjonijiet sabiex jinkiseb il-valur ta’ limitu jew valur immirat relatati speċifikati fl-Annessi XI u XIV.

Fil-każ ta’ qabżiet ta’ dawk il-valuri ta’ limitu li għalihom id-data ta’ skadenza sabiex jintlaħqu diġà tkun skadiet il-pjan ta’ kwalità ta’ l-arja għandu jistabbilixxi miżuri adegwati, sabiex il-perijodu tal-qabża jkun jista’ jinżamm l-iqsar possibbli. Il-pjan għall-kwalità ta’ l-arja jista’ jinkludi wkoll miżuri speċifiċi li jkollhom il-ħsieb li jipproteġu gruppi sensittivi fil-popolazzjoni, inklużi t-tfal.

Dawk il-pjanijiet għall-kwalità ta’ l-arja għandhom jinkorporaw ta’ l-anqas l-informazzjoni elenkata fit-Taqsima A ta’ l-Anness XV u jistgħu jinkludu miżuri skond l-Artikolu 24. Dawk il-pjanijiet għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni mingħajr dewmien, iżda mhux aktar tard minn sentejn wara l-aħħar ta’ dik is-sena fejn tkun ġiet osservata l-ewwel qabża.

[…]”

8

L-Anness XI tad-Direttiva 2008/50 huwa intitolat “Valuri ta’ Limitu għall-Protezzjoni tas-Saħħa tal-Bniedem”. It-Taqsima B tiegħu tiffissa l-valuri limitu għal kull sustanza li tniġġes skont il-konċentrazzjoni tagħha fl-arja fl-ambjent imkejla f’perijodi ta’ żmien differenti. Fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu, dan l-Anness jipprevedi:

Perijodu li fuqu tinħadem il-medja

Valur limitu

Marġni ta’ tolleranza

Data sa meta jrid jintlaħaq il-valur ta’ limitu

siegħa

200 μg/m3, li ma għandux jinqabeż aktar minn 18-il darba kull sena kalendarja

[…] 0 % sa l-1 ta’ Jannar 2010

L-1 ta’ Jannar 2010

Sena kalendarja

40 μg/m3

[…] 0 % sa l-1 ta’ Jannar 2010

L-1 ta’ Jannar 2010

Id-dritt Ġermaniż

9

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 104(1) tal-Grundgesetz (il-Liġi Fundamentali) tipprevedi:

“Il-libertà tal-persuna tista’ tkun ristretta biss skont liġi formali u filwaqt li jiġu osservati l-formalitajiet li huma stabbiliti fiha”.

10

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 167(1) tal-Verwaltungsgerichtsordnung (il-Kodiċi ta’ Ġustizzja Amministrattiva, iktar ’il quddiem il-“VwGO”) tipprevedi:

“Ħlief f’każ ta’ dispożizzjoni speċjali ta’ din il-liġi, l-eżekuzzjoni hija rregolata, mutatis mutandis, mit-tmien ktieb taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).”

11

Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 172 tal-VwGO jikkostitwixxi tali dispożizzjoni kuntrarja, li, konformement mal-formula ta’ introduzzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 167(1) tal-VwGO, teskludi fil-prinċipju l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-eżekuzzjoni forzata li jinsabu fit-tmien ktieb taż-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, iktar ’il quddiem iz-“ZPO”). Huwa jipprevedi:

“Jekk, fil-każijiet imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 113(1), fl-Artikolu 113(5), kif ukoll fl-Artikolu 123, l-amministrazzjoni ma tosservax l-ordni li tkun ingħatat fis-sentenza jew fid-digriet li jordna miżuri provviżorji, il-qorti tal-ewwel istanza tista’, wara li ssirilha talba, twissiha, permezz ta’ digriet, b’pagamenti ta’ penalità f’ammont sa EUR 10000 fin-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fit-terminu li hija tistabbilixxi, tipproċedi f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fl-imsemmi terminu għal-likwidazzjoni ta’ din il-penalità u tipproċedi ex officio għall-eżekuzzjoni forzata. Tali ordni tista’ twassal għal diversi drabi għall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, għal-likwidazzjoni tagħha u għall-eżekuzzjoni tagħha.”

12

L-Artikolu 888(1) u (2) taz-ZPO huma fformulat kif ġej:

“1.   Meta att ma jistax jitwettaq minn terz u jiddependi esklużivament mir-rieda tad-debitur, il-qorti adita fl-ewwel istanza għandha tikkonstata, wara li ssirilha talba, li d-debitur għandu jkun obbligat iwettaq dan l-att billi jirrikorri għall-pagament ta’ penalità u, f’każ ta’ impossibbiltà li tirkuprah, għad-detenzjoni jew għad-detenzjoni. L-ammont ta’ kull pagament ta’ penalità ma jistax jeċċedi EUR 25000. L-ammont ta’ kull pagamenti ta’ penalità ma jistax jaqbeż EUR 25000. Id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 2 dwar iċ-ċaħda tal-libertà japplikaw mutatis mutandis għad-detenzjoni.

2.   Il-miżuri koerċittivi jiġu ordnati mingħajr intimazzjoni minn qabel”.

13

L-Artikolu 890(1) u (2) taz-ZPO jipprevedi li:

“1.   Jekk id-debitur jikser l-obbligu tiegħu li ma jagħmilx jew biex jippermetti att, huwa jkun, fuq talba tal-kreditur, ikkundannat għal kull ksur mill-qorti adita fl-ewwel istanza għal multa ċivili u, fil-każ ta’ impossibbiltà li din tiġi rkuprata, għad-detenzjoni jew għad-detenzjoni ta’ sitt xhur massimu. L-ammont ta’ kull multa ma jistax jaqbeż EUR 250000, it-tul totali tad-detenzjoni, sentejn.

2.   Il-kundanna għandha tkun ippreċeduta minn intimazzjoni li tinħareġ mill-qorti adita fl-ewwel stanza, wara li tkun saret talba għall-istess, jekk din ma tkunx tinsab fis-sentenza li tistabbilxxi l-obbligu.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-valur ta’ limitu stabbilit mid-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) u tal-Anness XI, B, tad-Direttiva 2008/50 għad-diossidu tan-nitroġenu (NO2), jiġifieri 40 μg/m3 bħala medja f’sena kalendarja, kien inqabeż f’diversi postijiet, xi kultant ħafna, fuq diversi kilometri ta’ triq fil-belt ta’ München (il-Ġermanja).

15

Wara rikors ippreżentat minn Deutsche Umwelthilfe, il-Verwaltungsgericht München (il-Qorti Amministrattiva ta’ München, il-Ġermanja) ordnat lil Land tal-Bayern, permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2012, li temenda l-pjan ta’ azzjoni għall-kwalità tal-arja, applikabbli fir-rigward tal-belt ta’ München, li jikkostitwixxi “pjan dwar il-kwalità tal-arja” fis-sens tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50, b’tali mod li dan jinkludi l-miżuri neċessarji sabiex il-valur ta’ limitu stabbilit għad-diossidu tan-nitroġenu jiġi osservat mill-iktar fis possibbli f’din il-belt. Din is-sentenza kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

16

B’digriet tal‑21 ta’ Ġunju 2016, il-Verwaltungsgericht München (il-Qorti Amministrattiva ta’ München) heddedt lil-Land ta’ Bayern b’pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 10000 fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija ordni f’terminu ta’ sena min-notifika ta’ dan id-digriet. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell kontra dan l-istess digriet, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja), permezz ta’ digriet tas‑27 ta’ Frar 2017, heddedt lil-Land ta’ Bayern b’ammont ta’ EUR 2000 sa EUR 4000 jekk ma kienx ser jieħu l-miżuri neċessarji sabiex josserva l-valuri ta’ limitu stabbiliti mid-Direttiva 2008/50, inkluż l-impożizzjoni ta’ projbizzjonijiet ta’ ċirkulazzjoni għal ċerti vetturi b’mutur diżil f’diversi żoni urbani. Dan id-digriet, ukoll, sar res judicata.

17

Peress li l-Land ta’ Bayern ma osservax b’mod sħiħ l-obbligi li jirriżultaw mid-digriet tas‑27 ta’ Frar 2017, il-Verwaltungsgericht München (il-Qorti Amministrattiva ta’ München) ikkundannat, fuq talba ta’ Deutsche Umwelthilfe, il-Land ta’ Bayern, b’digriet tas‑26 ta’ Ottubru 2017, għall-ħlas ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 4000. Il-Land ta’ Bayern ma appellax minn dan id-digriet u ħallas l-ammont tal-penalità.

18

Sussegwentement, il-Land tal-Bayern għadu ma kkonformax ruħu mal-ordnijiet li kienu ġew mogħtija lilu permezz tad-digriet tas‑27 ta’ Frar 2017. Għall-kuntrarju, rappreżentanti tal-Land ta’ Bayern, fosthom il-Ministru-President ta’ dan il-Land, urew pubblikament l-intenzjoni tagħhom li ma josservawx l-obbligi msemmija iktar ’il fuq dwar l-impożizzjoni ta’ projbizzjonijiet ta’ ċirkolazzjoni.

19

Permezz ta’ digrieti tat‑28 ta’ Jannar 2018, il-Verwaltungsgericht München (il-Qorti Amministrattiva ta’ München) imponiet, wara talba ta’ Deutsche Umwelthilfe, fuq il-Land tal-Bayern pagamenti ta’ penalità għal ammont ta’ EUR 4000, minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ punt tad-dispożittiv tad-digriet tas‑27 ta’ Frar 2017, u heddedt lil dan il-Land li jimponi fuqha pagamenti ta’ penalità supplimentari ta’ ammont identiku jekk dan ma jikkonformax ruħu, f’terminu ġdid, għal punt ieħor tad-dispożittiv ta’ dan id-digriet. Min-naħa l-oħra, din il-qorti ċaħdet, b’mod partikolari, it-talba għal deċiżjoni dwar id-detenzjoni kontra l-Ministru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tal-Konsumatur tal-Land tal-Bayern jew, fin-nuqqas ta’ dan, il-Ministru-President ta’ dan il-Land. Il-Land tal-Bayern appella minn dawn id-digrieti tat‑28 ta’ Jannar 2018 quddiem il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Bayern), li ċaħdet dawn ir-rikorsi b’digriet tal‑14 ta’ Awwissu 2018.

20

Madankollu, għadu pendenti quddiem din l-aħħar qorti r-rikors ippreżentat minn Deutsche Umwelthilfe kontra d-digriet tat‑28 ta’ Jannar 2018 li permezz tiegħu ġiet miċħuda t-talba tagħha għal deċiżjoni dwar id-detenzjoni. Skont il-qorti tar-rinviju, ma hemmx lok li wieħed jistenna li l-Land tal-Bayern jikkonforma ruħu mad-digriet tas‑27 ta’ Frar 2017 billi jadotta l-projbizzjonijiet ta’ ċirkolazzjoni inkwistjoni.

21

Issa, meta s-setgħa eżekuttiva turi b’mod daqstant ċar id-determinazzjoni tagħha li ma tikkonformax ruħha ma’ ċerti deċiżjonijiet ġudizzjarji, għandu jiġi kkunsidrat li l-għoti u l-likwidazzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ġodda, ta’ ammont ogħla, ma jistgħux ibiddlu dan l-aġir. Fil-fatt, il-ħlas ta’ penalità ma jwassal għal ebda telf patrimonjali għal-Land ta’ Bayern. Għall-kuntrarju, il-ħlas ta’ din il-penalità huwa mwettaq billi l-ammont stabbilit mill-qorti jiġi allokat għal entrata partikolari fl-estimi tal-Land u billi dan l-istess ammont jiġi kkontabilizzat bħala dħul tal-fond ċentrali ta’ dan il-Land.

22

Għalkemm, bħala prinċipju, jista’ jkun possibbli li tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji inkwistjoni permezz ta’ detenzjoni, mogħtija kontra ċerti membri tal-Gvern ta’ Oberbayern (il-Ġermanja), tal-Ministru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tal-Konsumatur tal-Land ta’ Bayern u jew ukoll il-Ministru President ta’ dan il-Land, il-qorti tar-rinviju tqis li, għal raġunijiet ta’ dritt kostituzzjonali, dan l-istrument, previst miż-ZPO, ma huwiex applikabbli f’dan il-każ.

23

Fil-fatt, għalkemm l-ewwel sentenza tal-Artikolu 167(1) tal-VwGO tippermetti li jiġu applikati, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja ta’ din il-liġi, il-miżuri previsti fit-tmien ktieb taz-ZPO, fosthom id-detenzjoni, l-Artikolu 172 tal-VwGO jikkostitwixxi tali dispożizzjoni kuntrarja, li jeskludi l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni forzata li jinsabu fit-tmien ktieb taz-ZPO.

24

Ċertament, il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) diġà ddeċidiet li l-qrati ta’ natura amministrattiva għandhom, fil-prinċipju, id-dmir li jqisu lilhom innifishom, jekk ikun il-każ, li ma humiex marbutin bir-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 172 tal-VwGO.

25

Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, jekk detenzjoni kienet imposta kontra detenturi ta’ funzjoni li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fuq il-bażi tal-Artikolu 888 taz-ZPO, dan ikun ifisser li jiġi injorat ir-rekwiżit, stabbilit mill-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali), fid-digriet tagħha tat‑13 ta’ Ottubru 1970, li l-intenzjoni tal-leġiżlatur meta jadotta dispożizzjoni li sservi ta’ bażi legali għal ċaħda tal-libertà għandha tkun tinkludi l-għan li għalih din id-dispożizzjoni issa hija applikata. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-oriġini tal-Artikolu 888 taz-ZPO, ir-rekwiżit hekk impost ma huwiex issodisfatt fir-rigward tad-detenturi ta’ funzjoni li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

26

Din il-qorti tistaqsi madankollu jekk id-dritt tal-Unjoni ma jirrikjedix evalwazzjoni differenti tas-sitwazzjoni ġuridika inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

27

Fil-fatt, għalkemm id-deċiżjoni dwar id-detenzjoni f’sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni, il-qrati Ġermaniżi ma kinux ikunu awtorizzati jieħdu inkunsiderazzjoni l-ostakolu li toħloq il-ġurisprudenza kostituzzjonali msemmija iktar ’il fuq.

28

F’dan il-kuntest il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Bayern) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domnada preliminari li ġejja:

“1)

Ir-rekwiżit stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) [TUE], li jobbliga lill-Istati Membri jieħdu kull miżura xierqa sabiex jiżguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jitwettqu,

2)

Il-prinċipju tal-implimentazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri, li huwa stabbilit, fost l-oħrajn, fl-Artikolu 197(1)[TFUE],

3)

Id-dritt għal rimedju effettiv, iggarantit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta];

4)

l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jiżguraw rimedju legali effettiv fi kwistjonijiet ambjentali li jirriżultaw mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(4) tal-[Konvenzjoni ta’ Aarhus], [u]

5)

l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jiżguraw rimedju legali effettiv fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, li huwa stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE],

għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti Ġermaniża hija intitolata, u possibbilment tista’ tkun meħtieġa, li timponi d-detenzjoni ta’ uffiċjali pubbliċi ta’ Land […] sabiex dan il-Land […] jeżegwixxi l-obbligu tiegħu li jaġġorna l-pjan dwar il-kwalità tal-arja fis-sens tal-Artikolu 23 tad-[Direttiva 2008/50] b’ċertu kontenut minimu, jekk dan il-Land Federali jkun ġie kkundannat permezz ta’ deċiżjoni li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata jwettaq aġġornament ta’ dan il-pjan b’dan il-kontenut minimu, u

l-Land Federali għal numru ta’ drabi ġie mhedded bi u suġġett għal sanzjonijiet pekunjarji mingħajr suċċess,

t-theddid bi u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji ma kellhomx effett persważiv sinjifikattiv minkejja li ammonti ogħla minn qabel ġew mhedda u imposti, dan għaliex il-ħlas tas-sanzjonijiet ma jinvolvix telf għal-Land Federali li ġie kkundannat permezz ta’ deċiżjoni li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, iżda, f’dan ir-rigward, hemm biss trasferiment tal-ammont impost f’kull każ minn partita tal-baġit tal-Land għal partita oħra tal-baġit tal-Land,

l-Land Federali li ġie kkundannat permezz ta’ deċiżjoni li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata ddikjara kemm fil-qorti kif ukoll fil-pubbliku, fi ħdan il-Parlament permezz tal-uffiċjali politiċi l-iktar għolja, li mhux se jwettaq l-obbligi imposti mill-qorti b’konnessjoni mal-pjan dwar il-kwalità tal-arja,

l-liġi nazzjonali tipprovdi bħala prinċipju d-detenzjoni għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, iżda l-ġurisprudenza tal-qorti kostituzzjonali nazzjonali tipprekludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti għal każ tat-tip inkwistjoni, u

għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni hawnhekk, il-liġi nazzjonali ma tipprovdix mezzi ta’ infurzar li huma iktar effikaċi mit-theddid u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji iżda tipprovdi mezzi li huma inqas intrużivi minn detenzjoni, u rikors għal mezzi ta’ infurzar bħal dawn lanqas ma jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

29

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi kkaratterizzati minn rifjut persistenti ta’ awtorità nazzjonali li tikkonforma ruħha ma’ deċiżjoni ta’ qorti li tobbligaha teżegwixxi obbligu ċar, preċiż u inkundizzjonat li jirriżulta mill-imsemmi dritt, b’mod partikolari mid-Direttiva 2008/50, dan jawtorizza jew saħansitra jobbliga lill-qorti nazzjonali kompetenti li tordna detenzjoni kontra d-detenturi ta’ funzjoni li taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

30

Skont il-qorti tar-rinviju, din id-domanda tqum fil-kuntest tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, meta Stat Membru ma jkunx osserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50, filwaqt li ma jkunx talab il-posponiment tat-terminu taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, hija l-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni, li tiġi eventwalment adita, li għandha tieħu kwalunkwe miżura neċessarja, bħal ordni, fil-konfront tal-awtorità nazzjonali, bil-għan li din l-awtorità tistabbilixxi l-pjan li tirrikjedi l-imsemmija direttiva taħt il-kundizzjonijiet previsti minnha (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2014, ClientEarth, C‑404/13, EU:C:2014:2382, punt 58).

31

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju diġà tat, skont din il-ġurisprudenza, ordni lil-Land ta’ Bayern sabiex jadotta projbizzjonijiet ta’ moviment għal ċerti vetturi b’magna diesel f’diversi żoni urbani tal-belt ta’ München, sabiex jiġi osservat kemm jista’ jkun malajr il-valur ta’ limitu stabbilit fl-Anness XI, B, tad-Direttiva 2008/50 għad-dijossidu tan-nitroġenu.

32

Fid-dawl tar-rifjut tal-Land ta’ Bayern li jikkonforma ruħu mal-imsemmija ordni, li saret res judicata, il-kawża prinċipali tirrigwarda b’mod speċifiku talba ta’ Deutsche Umwelthilfe għall-eżekuzzjoni forzata ta’ din l-ordni permezz ta’ detenzjoni deċiża kontra l-Ministru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tal-Konsumatur tal-Land ta’ Bayern, jew, fin-nuqqas, kontra l-Ministru-President ta’ dan il-Land.

33

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-ewwel lok, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-mekkaniżmi nazzjonali dwar l-eżekuzzjoni forzata, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tagħhom jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet għandhom jissodisfaw kundizzjoni doppja, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Kuhar, C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Istati Membri, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, huma obbligati li jiżguraw l-osservanza tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 69), li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fir-rigward ta’ rikors intiż għall-osservanza tad-dritt tal-ambjent, b’mod partikolari għall-inizjattiva ta’ assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent bħal fit-tilwima fil-kawża prinċipali, dan id-dritt għal rimedju effettiv huwa stabbilit ukoll mill-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

35

Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal għal sitwazzjoni li fiha s-sentenza ta’ qorti tibqa’ ineffettiva, peress li din tal-aħħar ma jkollhiex xi mezz kwalunkwe sabiex tiġi osservata, tinjora l-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 72).

36

Fil-fatt, l-imsemmi dritt ikun illużorju jekk l-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru jkun jippermetti li deċiżjoni ġudizzjarja definittiva u obbligatorja tibqa’ ineffettiva għad-detriment ta’ parti (sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Cruduleci, C‑205/15, EU:C:2016:499, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 57).

37

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, li fid-dawl tagħha għandu jiġi interpretat l-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci, C‑205/15, EU:C:2016:499, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), jirriżulta b’mod iktar speċifiku li l-fatt, għall-awtoritajiet pubbliċi, li ma jikkonformawx ruħhom ma’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva u eżekuttiva jċaħħad lil din id-dispożizzjoni minn kwalunkwe effett utli (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 19 ta’ Marzu 1997, Hornsby vs Il-Greċja, CE:ECHR:1997:0319JUD001835791, punti 41 u 45).

38

Id-dritt għal rimedju effettiv huwa iktar u iktar importanti peress li, fil-qasam kopert mid-Direttiva 2008/50, in-nuqqas li jittieħdu l-miżuri rijesti minnha jipperikola s-saħħa tal-persuni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2008, Janecek, C‑237/07, EU:C:2008:447, punt 38).

39

Barra minn hekk, hija l-qorti nazzjonali, sabiex tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni dwar l-ambjent, li għandha tagħti interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li, sa fejn ikun possibbli, tkun konformi kemm mal-għanijiet tal-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif ukoll ma’ dak ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, EU:C:2011:125, punti 50 u 51).

40

Għal dan il-għan, hija din il-qorti li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minn dan id-dritt, jekk tistax tasal għal interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li jippermettilha tapplika miżuri ta’ koerċizzjoni effikaċi sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni, mill-awtoritajiet pubbliċi, ta’ sentenza li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, bħalma huma, b’mod partikolari, pagamenti ta’ penalità ta’ ammont għoli, repetuti bi skadenza qasira, u li l-ħlas tagħhom ma jkunx, fl-aħħar mill-aħħar, għall-benefiċċju tal-baġit li huma ġejjin minnu.

41

B’dan premess, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li hija ma tistax tiżgura li jiġi osservat il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni u d-dritt għal rimedju effettiv, sakemm id-dritt tal-Unjoni la jawtorizzaha u saħansitra lanqas jobbligaha teskludi r-raġunijiet ta’ natura kostituzzjonali li jipprekludu, fil-fehma tagħha, l-applikazzjoni tad-detenzjoni kotra detenturi ta’ funzjoni li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, jekk ma jkunx possibbli li ssir interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha għandha, bħala korp ta’ Stat Membru, l-obbligu li ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett fil-kawża li jkollha quddiemha (sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punt 21 kif ukoll tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 58 u 61).

43

Madankollu, din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tinftiehem fis-sens li l-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni u r-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jobbligaw lill-qorti nazzjonali li ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jew l-unika interpretazzjoni tagħha li jidhrilha li hija konformi mal-Kostituzzjoni nazzjonali jekk, meta tagħmel hekk, tikser dritt fundamentali ieħor iggarantit mid-dritt tal-Unjoni.

44

Fil-fatt, u hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma huwiex dritt assolut u jista’ jinkludi restrizzjonijiet, b’mod partikolari sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor. Issa, miżura ta’ koerċizzjoni bħalma hija d-detenzjoni timplika limitazzjoni għad-dritt għal-libertà, iggarantit mill-Artikolu 6 tal-Karta.

45

Sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari, għandhom, fit-tielet lok, jiġu bbilanċjati d-drittijiet fundamentali inkwistjoni fir-rigward tar-rekwiżiti previsti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

46

Fir-rigward tar-rekwiżiti li l-bażi legali ta’ limitazzjoni għad-dritt għal-libertà għandha tissodisfa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja (CE:ECHR:2013:1021JUD004275009), li liġi li tawtorizza lill-qorti ċċaħħad persuna mil-libertà tagħha għandha, sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, tkun suffiċjentement aċċessibbli, preċiża u prevedibbli fl-applikazzjoni tagħha sabiex jiġi evitat kull perikolu ta’ arbitrarjetà (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C‑528/15, EU:C:2017:213, punti 38 u 40).

47

Għandu jiġi ppreċiżat li dawn il-kundizzjonijiet japplikaw fir-rigward ta’ kull tip ta’ ċaħda tal-libertà, inkluż meta din tirriżulta mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ kundanna imposta permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, u dan indipendentement mill-possibbiltà għall-persuna kkonċernata li tevita ċ-ċaħda tal-libertà billi teżegwixxi ordni ordnata minn din l-istess deċiżjoni jew deċiżjoni preċedenti.

48

Għalkemm jirriżulta mid-dibattiti li seħħew waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jeżistu xi dubji fir-rigward ta’ jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi imposta d-detenzjoni prevista mid-dritt Ġermaniż kontra d-detenturi ta’ funzjoni li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti humiex, fid-dawl tal-formulazzjoni u tas-sustanza tagħhom, suffiċjentement aċċessibbli, preċiżi u prevedibbli fl-applikazzjoni tagħhom u jippermettu għalhekk li jiġi evitat kull perikolu ta’ arbitrarjetà.

49

Jekk dan ma huwiex il-każ, il-qorti nazzjonali ma tistax tordna, abbażi biss tal-prinċipju ta’ effettività kif ukoll tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, detenzjoni. Fil-fatt, kull limitazzjoni tad-dritt għal-libertà għandha tkun prevista b’liġi li tissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza.

50

Fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju tal-proporzjonalità, għandu jitfakkar li, meta diversi drittijiet u libertajiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jkunu inkwistjoni, l-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipju tal-proporzjonalità għandha titwettaq fl-osservanza tal-konċiljazzjoni meħtieġa bejn ir-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni tad-diversi drittijiet u ta’ bilanċ ġust bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Issa, għandu jiġi kkunsidrat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, ladarba l-għoti ta’ detenzjoni jwassal għal ċaħda tal-libertà, ma jistax isir użu tagħha ħlief meta ma teżisti ebda miżura inqas restrittiva li tippermetti li jintlaħaq l-għan segwit. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-dritt nazzjonali li jirregola l-eżekuzzjoni forzata jistax jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fis-sens li jawtorizza lil din il-qorti tadotta miżuri li ma jippreġudikawx id-dritt għal-libertà, bħal dawk imsemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza.

52

Huwa biss fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju kellha tikkonkludi li, fil-kuntest tal-ibbilanċjar imsemmi fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, il-limitazzjoni li tinġieb għad-dritt għal-libertà minħabba l-għoti ta’ detenzjoni tosserva l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-rigward fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li d-dritt tal-Unjoni mhux biss jawtorizza, iżda jirrikjedi l-użu ta’ tali miżura.

53

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li r-raġunament preċedenti huma mingħajr preġudizzju, b’mod partikolari, għall-possibbiltà li ksur tad-Direttiva 2008/50 bħal dik li l-qorti tar-rinviju tidentifika bħala li huwa fl-oriġini tat-tilwima fil-kawża prinċipali jiġi kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

54

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-effikaċja sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu minnhom jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu żgurati mill-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilha, peress li dan il-prinċipju huwa inerenti għas-sistema tat-trattati li fuqhom din tal-aħħar hija bbażata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79), punti 20, 39 u 52, kif ukoll tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomášová, C‑168/15, EU:C:2016:602, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

L-imsemmi prinċipju japplika għall-każijiet kollha ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru, irrispettivament mill-awtorità pubblika li kienet l-awtur ta’ dan il-ksur (sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomášová, C‑168/15, EU:C:2016:602, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi kkaratterizzati minn rifjut persistenti ta’ awtorità nazzjonali sabiex tikkonforma ruħha ma’ deċiżjoni ta’ qorti li tobbligaha teżegwixxi obbligu ċar, preċiż u inkundizzjonat li jirriżulta mill-imsemmi dritt, b’mod partikolari mid-Direttiva 2008/50, hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tordna detenzjoni kontra detenturi ta’ funzjoni, b’mod partikolari li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika meta, fid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, teżisti bażi legali għall-adozzjoni ta’ tali restrizzjoni li tkun suffiċjentement aċċessibbli, preċiża u prevedibbli fl-applikazzjoni tagħha u sakemm il-limitazzjoni li tinġieb għad-dritt għal-libertà, iggarantit mill-Artikolu 6 tal-Karta, minħabba tali deċiżjoni tosserva l-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti f’dan ir-rigward fl-Artikolu 52(1) tal-Karta. Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ tali bażi legali fid-dritt intern, id-dritt tal-Unjoni ma jawtorizzax lil din il-qorti li tirrikorri għal tali miżura.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi kkaratterizzati minn rifjut persistenti ta’ awtorità nazzjonali sabiex tikkonforma ruħha ma’ deċiżjoni ta’ qorti li tobbligaha teżegwixxi obbligu ċar, preċiż u inkundizzjonat li jirriżulta mill-imsemmi dritt, b’mod partikolari mid-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tordna detenzjoni kontra detenturi ta’ funzjoni, b’mod partikolari li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika meta, fid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, teżisti bażi legali għall-adozzjoni ta’ tali restrizzjoni li tkun suffiċjentement aċċessibbli, preċiża u prevedibbli fl-applikazzjoni tagħha u sakemm il-limitazzjoni li tinġieb għad-dritt għal-libertà, iggarantit mill-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, minħabba tali deċiżjoni tosserva l-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti f’dan ir-rigward fl-Artikolu 52(1) tal-Karta. Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ tali bażi legali fid-dritt intern, id-dritt tal-Unjoni ma jawtorizzax lil din il-qorti li tirrikorri għal tali miżura.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.