SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

3 ta’ Marzu 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 2(2) – Eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew – Tneħħija tal-verifika ta’ kriminalità doppja tal-fatt – Kundizzjonijiet – Reat issanzjonat mill-Istat Membru emittenti b’piena massima ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin – Emenda tal-leġiżlazzjoni kriminali tal-Istat Membru emittenti bejn id-data tal-fatti u d-data tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Verżjoni tal-liġi li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat il-livell minimu ta’ piena għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin”

Fil-Kawża C‑717/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Gent (il-Qorti tal-Appell ta’ Gent, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Novembru 2018, fil-proċedura relatata mal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

X,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan, P. G. Xuereb, L. S. Rossi (Relatur) u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J. Malenovský, L. Bay Larsen, T. Von Danwitz, C. Toader, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Settembru 2019,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Procureur-generaal, minn I. De Tandt,

għal X, minn S. Bekaert u P. Bekaert, advocaten, kif ukoll minn G. Boye, abogado,

għall-Gvern Belġjan, minn C. Van Lul, C. Pochet, J.‑C. Halleux, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, inizjalment minn M. Sampol Pucurull, sussegwentement minn S. Centeno Huerta, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Novembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni fil-Belġju ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja) kontra X.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 5 u 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistipulaw:

“(5)

L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)

Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma' bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.”

4

L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni qafas, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprevedi:

“1.   Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas 12‑il xahar jew, fejn ingħatat sentenza jew ġiet magħmula ordni ta’ detenzjoni, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.

2.   Ir-reati li ġejjin, jekk huma punibbli fl-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin u kif inhuma definiti mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti, għandhom, skond it-termini ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru u mingħajr verifika tal-kriminalità doppja ta’ l-att, iwasslu għall-konsenja skond mandat ta’ arrest Ewropew:

[…],

terroriżmu,

[…]

[…]

4.   Għal reati barra minn dawk koperti mill-paragrafu 2, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-atti li għalihom inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxu reat taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni, irrespettivament mill-elementi kostitwenti jew ta’ kif inhu deskritt.”

5

L-Artikolu 8 tad-deċiżjoni qafas, intitolat “Kontenut u forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-formola li tinsab fl-Anness:

[…]

(f)

il-piena imposta, jekk hemm sentenza finali, jew l-iskala ta’ pieni stabbilita għar-reat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti;

[…]”

6

L-Artikolu 17(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa fformulat kif ġej:

“Mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi ttrattat u esegwit b’urġenza.”

7

L-Anness ta’ din id-deċiżjoni qafas jinkludi formola ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Din il-formola tipprevedi, fit-taqsima (c), li l-“[i]ndikazzjonijiet dwar it-tul tal-piena” jirrigwardaw, skont il-punt 1 ta’ din it-taqsima, it-“[t]ul massimu tal-piena ta’ kustodja jew l-ordni ta’ detenzjoni li tista’ tiġi imposta għar-reat(i)” u, skont il-punt 2 ta’ din it-taqsima, it-“[t]ul tal-piena ta’ kustodja jew l-ordni ta’ detenzjoni imposta”.

8

L-imsemmija formola tipprevedi wkoll, fit-taqsima (e), intitolata “Reati”, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar ir-reati li l-mandat ta’ arrest Ewropew “jirrigwarda” u, b’mod partikolari, “[d]eskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettaq/twettqu r-reat(i), inkluż [il-mument (id-data u l-ħin)], il-post u l-grad ta’ parteċipazzjoni fir-reat(i) mill-persuna rikjesta”.

Id-dritt Spanjol

9

L-Artikolu 578 tal-Código Penal (il-Kodiċi Kriminali, Spanja), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, kien jipprevedi piena ta’ priġunerija ta’ massimu ta’ sentejn għar-reat ta’ glorifikazzjoni tat-terroriżmu u umiljazzjoni ta’ dawk li huma l-vittmi tiegħu.

10

Fit‑30 ta’ Marzu 2015, l-Artikolu 578 ta’ dan il-kodiċi ġie emendat, b’tali mod li dan ir-reat issa huwa punibbli b’mod partikolari b’piena ta’ priġunerija ta’ massimu ta’ tliet snin.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Frar 2017, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja) ikkundannat lil X, b’mod partikolari, għal fatti, imwettqa bejn l‑1 ta’ Jannar 2012 u l‑31 ta’ Diċembru 2013, li jikkostitwixxu r-reat ta’ glorifikazzjoni tat-terroriżmu u umiljazzjoni ta’ dawk li huma l-vittmi tiegħu, previst fl-Artikolu 578 tal-Kodiċi Kriminali kif kien fis-seħħ fil-mument ta’ dawn il-fatti, u imponiet fuqu l-piena massima ta’ sentejn priġunerija. Din is-sentenza saret definittiva peress li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Frar 2018, ċaħdet l-appell ippreżentat minnha.

12

Peress li X telaq minn Spanja u mar il-Belġju, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) ħarġet, fil‑25 ta’ Mejju 2018, mandat ta’ arrest Ewropew kontra tiegħu u, fis‑27 ta’ Ġunju ta’ wara, mandat ta’ arrest Ewropew addizzjonali, għar-reat ta’ “terroriżmu”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għall-eżekuzzjoni tal-piena mogħtija fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Frar 2017.

13

Sabiex jiġi vverifikat jekk, konformement mal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ir-reat inkwistjoni kienx punibbli fid-dritt Spanjol b’piena jew b’miżura li tneħħi l-libertà ta’ massimu ta’ mill-inqas tliet snin u għalhekk kinitx tagħti lok għal konsenja mingħajr verifika tal-kriminalità doppja tal-fatt, ir-rechtbank van eerste aanleg Oost‑Vlaanderen, afdeling Gent (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Oost‑Vlaanderen, Diviżjoni ta’ Gent, il-Belġju), bħala awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, ħadet inkunsiderazzjoni l-Artikolu 578 tal-Kodiċi Kriminali fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali. Wara li kkonstatat in-nuqqas ta’ kriminalità doppja tal-fatt, din il-qorti, permezz ta’ digriet tas‑17 ta’ Settembru 2018, irrifjutat l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew addizzjonali tas‑27 ta’ Ġunju preċedenti.

14

Adita bl-appell ippreżentat mill-Procureur-generaal (il-Prosekutur Ġenerali, il-Belġju) minn dan id-digriet, il-hof van beroep te Gent (il-Qorti tal-Appell ta’ Gent, il-Belġju) għandha dubji dwar il-verżjoni tad-dritt tal-Istat Membru emittenti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni dwar il-livell minimu ta’ piena ta’ priġunerija ta’ massimu ta’ mill-inqas tliet snin, prevista fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hijiex issodisfatta. Hija tqis li, fid-dawl tal-Artikolu 578 tal-Kodiċi Kriminali, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, ir-rechtbank van eerste aanleg Oost‑Vlaanderen, afdeling Gent (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Oost‑Vlaanderen, Diviżjoni ta’ Gent) kellha d-dritt li tivverifika l-kriminalità doppja tal-fatt u li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew addizzjonali, peress li, f’din il-verżjoni, l-Artikolu 578 ta’ dan il-kodiċi kien jipprevedi piena massima ta’ sentejn priġunerija. Madankollu, hija tirrileva li, jekk il-verżjoni ta’ dan l-artikolu li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kienet dik fis-seħħ fid-data tal-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, ikun hemm lok li jitqies li r-rechtbank van eerste aanleg Oost‑Vlaanderen, afdeling Gent (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Oost‑Vlaanderen, Diviżjoni ta’ Gent) ma kellhiex dritt tivverifika l-kriminalità doppja tal-fatt u għalhekk ma setgħetx tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew, peress li, f’din il-verżjoni l-ġdida, l-imsemmi artikolu issa jipprevedi piena massima ta’ tliet snin priġunerija.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Gent (il-Qorti tal-Appell ta’ Gent) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Għall-evalwazzjoni, mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tal-livell minimu ta’ piena għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin impost mill-Artikolu 2(2) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], kif traspost fid-dritt Belġjan permezz tal-wet van 19.12.2003 betreffende het Europees aanhoudingsbevel (il-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew, iktar ’il quddiem il-“Wet EAB” [(Moniteur belge tat‑22 ta’ Diċembru 2003, p. 60075)]), din id-dispożizzjoni tippermetti li jsir riferiment għal-liġi kriminali li hija applikabbli fl-Istat Membru emittenti fil-mument li jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew?

2)

Għall-evalwazzjoni, mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tal-livell minimu ta’ piena għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin impost mill-Artikolu 2(2) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], kif traspost fid-dritt Belġjan permezz tal-Wet EAB, din id-dispożizzjoni tippermetti li jsir riferiment għal liġi kriminali fis-seħħ fil-mument tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew u li aggravat l-iskala tal-piena b’paragun mal-liġi li kienet applikabbli fl-Istat Membru emittenti fil-mument li fih twettqu r-reati?”

Fuq id-domandi preliminari

16

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi vverifikat jekk ir-reat li għalih inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew ikunx punibbli, fl-Istat Membru emittenti, b’piena jew b’miżura li tneħħi l-libertà ta’ massimu ta’ mill-inqas tliet snin, kif iddefinit fid-dritt tal-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt tal-Istat Membru emittenti fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti li taw lok għall-kawża li fil-kuntest tagħha nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew jew id-dritt tal-Istat Membru emittenti fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest.

17

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ir-reati elenkati f’din id-dispożizzjoni jagħtu lok għal konsenja, taħt il-kundizzjonijiet previsti minn din id-deċiżjoni qafas u mingħajr verifika tal-kriminalità doppja tal-fatt, jekk ikunu punibbli fl-Istat Membru emittenti b’piena jew b’miżura li tneħħi l-libertà ta’ massimu ta’ mill-inqas tliet snin, kif ikunu ddefiniti fid-dritt tal-Istat Membru emittenti.

18

Għalhekk, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-definizzjoni ta’ dawn ir-reati u l-pieni applikabbli huma dawk li jirriżultaw mid-dritt “tal-Istat Membru emittenti” (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, EU:C:2007:261, punt 52).

19

Madankollu, il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tippreċiżax liema verżjoni ta’ dan id-dritt għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex tivverifika jekk il-kundizzjoni tal-livell minimu ta’ piena għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin, prevista f’din id-dispożizzjoni, tiġix issodisfatta, meta l-imsemmi dritt ikun ġie emendat bejn id-data tal-fatti li taw lok għall-kawża li fil-kuntest tagħha jkun inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew u d-data tal-ħruġ, jew anki ta’ eżekuzzjoni, tal-mandat ta’ arrest.

20

Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Gvern Belġjan u dak Spanjol kif ukoll il-Prosekutur Ġenerali, il-fatt li jintuża l-preżent indikattiv fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jippermettix li jiġi konkluż li l-verżjoni tad-dritt tal-Istat Membru emittenti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għal dan il-għan hija dik fis-seħħ fil-mument tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 33 u 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, il-preżent indikattiv huwa komunement użat fil-leġiżlazzjoni sabiex jesprimi n-natura obbligatorja ta’ dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(2) jikkonċerna kemm il-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa għal finijiet ta’ prosekuzzjoni u, għaldaqstant, f’mument meta r-reat inkwistjoni jkun għadu ma ġiex issanzjonat, kif ukoll il-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa għal finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija. Għaldaqstant, mill-użu tal-preżent indikattiv f’din id-dispożizzjoni ma tista’ tiġi dedotta ebda indikazzjoni dwar il-verżjoni tad-dritt tal-Istat Membru emittenti li tkun rilevanti fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed kont mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki, C‑84/12, EU:C:2013:862, punt 34; tas‑16 ta’ Novembru 2016, Hemming et, C‑316/15, EU:C:2016:879, punt 27; u tal‑25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C‑640/15, EU:C:2017:39, punt 30).

22

L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kuntest li jagħmel parti minnu l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2 jiddefinixxi, kif jindika t-titolu tiegħu, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ għal fatti li jkunu punibbli mil-liġi tal-Istat Membru emittenti b’piena jew b’miżura li tneħħi l-libertà ta’ massimu ta’ mill-inqas 12‑il xahar jew, fejn tkun ingħatat sentenza jew tkun ġiet imposta ordni ta’ detenzjoni, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 22 u 24 tal-konklużjonijiet tiegħu, ladarba tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1), bħala alternattiva, għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, il-paragrafi 2 u 4 tal-imsemmi artikolu jistabbilixxu distinzjoni bejn ir-reati li fir-rigward tagħhom l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew hekk maħruġ għandha ssir mingħajr verifika tal-kriminalità doppja tal-fatt u dawk li għalihom din l-eżekuzzjoni tista’ tkun suġġetta għal tali verifika.

23

Issa, mill-kliem tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu jirriżulta li, fir-rigward tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ kundanna, bħalma huwa l-każ hawnhekk, il-minimu ta’ erba’ xhur jista’ biss jirreferi għall-piena mogħtija konkretament f’din id-deċiżjoni konformement mad-dritt tal-Istat Membru emittenti applikabbli għall-fatti li jkunu taw lok għal din id-deċiżjoni, u mhux għall-piena li setgħet tiġi imposta skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru applikabbli fid-data tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest.

24

Ma jistax ikun mod ieħor fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew skont l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

25

Fil-fatt, qabelxejn, l-interpretazzjoni li tgħid li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt tal-Istat Membru emittenti applikabbli f’data differenti, skont jekk hija tivverifikax jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew setax jinħareġ konformement mal-Artikolu 2(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, jew jekk dan il-mandat ta’ arrest għandux jiġi eżegwit mingħajr verifika tal-kriminalità doppja tal-fatt skont l-Artikolu 2(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, tippreġudika l-applikazzjoni koerenti ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

26

Il-fatt li l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirreferi għall-“fatti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti”, filwaqt li l-Artikolu 2(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas isemmi r-“reati [li] huma punibbli fl-Istat Membru emittenti”, ma jistax, kuntrarjament għal dak li qed isostnu l-Gvern Belġjan u dak Spanjol kif ukoll il-Prosekutur Ġenerali, jikkorroboraw din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, indipendentement mir-raġuni li għaliha l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta dawn iż-żewġ formulazzjonijiet, id-differenza bejniethom bl-ebda mod ma tippermetti li jiġi konkluż li l-verżjoni tad-dritt ta’ dan l-Istat Membru li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 2(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas għandha tkun dik fis-seħħ fid-data tal-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest.

27

Bl-istess mod, fir-rigward tal-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kuntrarjament għal dak li allega l-Prosekutur Ġenerali waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni ma hija ta’ ebda rilevanza għad-determinazzjoni tal-verżjoni tad-dritt tal-Istat Membru emittenti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, iktar u iktar peress li tirreferi biss għad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

28

Sussegwentement, l-interpretazzjoni li tgħid li l-verżjoni tad-dritt tal-Istat Membru emittenti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija dik applikabbli għall-fatti li jkunu taw lok għall-kawża li fil-kuntest tagħha jkun inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew hija sostnuta mill-Artikolu 8 ta’ din id-deċiżjoni qafas. Dan jipprevedi l-informazzjoni intiża li tipprovdi d-dettalji formali minimi, neċessarji sabiex tippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni li jeżegwixxu malajr il-mandat ta’ arrest Ewropew, billi jadottaw b’urġenza d-deċiżjoni tagħhom dwar il-konsenja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 59).

29

B’mod partikolari, skont l-Artikolu 8(1)(f) ta’ din id-deċiżjoni qafas, il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jinkludi, b’mod partikolari, l-informazzjoni dwar il-piena imposta, fil-każ ta’ sentenza finali, jew l-iskala ta’ pieni prevista għar-reat mil-liġi tal-Istat Membru emittenti, fejn tali informazzjoni għandha tiġi ppreżentata “skond il-formola li tinsab fl-Anness” tal-imsemmija deċiżjoni qafas, formola li għalhekk għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob‑Dogi, C‑241/15, EU:C:2016:385, punt 44).

30

F’dan ir-rigward, fit-taqsima (c) ta’ din il-formola, huwa previst li l-indikazzjonijiet dwar it-tul tal-piena li l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tipprovdi jirrigwardaw, skont il-punt 1 tat-taqsima, it-“[t]ul massimu tal-piena ta’ kustodja jew l-ordni ta’ detenzjoni li tista’ tiġi imposta għar-reat(i)” u, skont il-punt 2 tat-taqsima, it-“[t]ul tal-piena ta’ kustodja jew l-ordni ta’ detenzjoni imposta”.

31

Għalhekk, mill-formulazzjoni stess tat-taqsima (c) tal-imsemmija formola u, b’mod partikolari, mill-kelma “imposta” użata sabiex tiġi deskritta l-piena li fir-rigward tagħha jkollhom jiġu pprovduti indikazzjonijiet, jirriżulta li din il-piena hija dik li, skont il-każ, tista’ tiġi imposta jew li tkun ġiet imposta konkretament fid-deċiżjoni ta’ kundanna u, għaldaqstant, dik li tirriżulta mill-verżjoni tad-dritt tal-Istat Membru emittenti li tkun applikabbli għall-fatti kkonċernati.

32

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 58 u 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-formola li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tirrigwarda elementi konkreti tal-kawża li fil-kuntest tagħha jkun inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, hekk kif jirriżulta b’mod iktar partikolari mit-taqsima (e) ta’ din il-formola, li tgħid li l-awtorità ġudizzjarja emittenti hija obbligata tippreċiża ċ-ċirkustanzi li fihom twettaq ir-reat.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax, sabiex tivverifika l-osservanza tal-limitu minimu tal-piena prevista fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, tieħu inkunsiderazzjoni verżjoni tad-dritt tal-Istat Membru emittenti li tkun differenti minn dik applikabbli għall-fatti li jkunu taw lok għall-kawża li fil-kuntest tagħha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew.

34

Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija kkorroborata mill-għan tad-deċiżjoni qafas.

35

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 5 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, din hija intiża, bl-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssemplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li jkunu kisru l-liġi kriminali, li tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja msejsa fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 28; tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 76; kif ukoll tal‑25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C‑640/15, EU:C:2017:39, punt 31).

36

Issa, fil-każ fejn id-dritt tal-Istat Membru emittenti, li għandu jissemma mill-awtorità ġudizzjarja emittenti konformement mal-formola li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk mandat ta’ arrest Ewropew għandux jiġi eżegwit, skont l-Artikolu 2(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, mingħajr verifika tal-kriminalità doppja tal-fatt, ma kienx dak li jkun applikabbli għall-fatti li jkunu taw lok għall-kawża li fil-kuntest tagħha jkun inħareġ dan il-mandat ta’ arrest, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ ssib diffikultajiet ta’ identifikazzjoni tal-verżjoni rilevanti ta’ dan id-dritt meta l-imsemmi dritt ikun ġie emendat bejn id-data tal-fatti u d-data li fiha din l-awtorità tal-aħħar tkun trid tieħu deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

37

Għaldaqstant, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tkun tista’ tibbaża ruħha, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fuq l-informazzjoni dwar it-tul tal-piena li tinsab fil-mandat ta’ arrest Ewropew innifsu, konformement mal-formola li tinsab fl-anness ta’ din id-deċiżjoni qafas. Fil-fatt, peress li, konformement mal-Artikolu 17(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi ttrattat u eżegwit b’urġenza, l-eżami tad-dritt tal-Istat Membru emittenti li din l-awtorità tintalab twettaq fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 2(2) għandu neċessarjament ikun rapidu u, konsegwentement, għandu jsir abbażi tal-informazzjoni disponibbli fil-mandat ta’ arrest Ewropew innifsu. Li din l-awtorità tintalab tivverifika, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat, jekk id-dritt tal-Istat Membru emittenti li jkun applikabbli għall-fatti inkwistjoni ma jkunx ġie emendat wara d-data ta’ dawn il-fatti jmur kontra l-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif imfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza.

38

Interpretazzjoni differenti tkun barra minn hekk sors ta’ inċertezzi, fid-dawl tad-diffikultajiet li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tiltaqa’ magħhom sabiex tidentifika l-verżjonijiet differenti eventwalment rilevanti ta’ dan id-dritt u, konsegwentement, tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Barra minn hekk, jekk l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tkun tiddependi fuq il-liġi applikabbli fil-mument tal-ħruġ tiegħu, dan ikun qiegħed jippreġudika r-rekwiżiti ta’ prevedibbiltà li jirriżultaw mill-istess prinċipju ta’ ċertezza legali.

39

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jista’ jippermetti lil Stat Membru emittenti, billi jemenda l-pieni imposti fil-leġiżlazzjoni tiegħu, li jpoġġi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni persuni li, fid-data tal-fatti li jikkostitwixxu r-reat, setgħu jibbenefikaw mill-kontroll tal-kriminalità doppja tal-fatt.

40

Fir-rigward ukoll tal-argument sostnut mill-Gvern Belġjan u dak Spanjol, li jgħid li l-obbligu, għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-verżjoni tad-dritt tal-Istat Membru emittenti fis-seħħ fil-mument tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew jikkontribwixxi, f’dan il-każ, għall-għan li tiġi ffaċilitata l-konsenja tal-persuna kkonċernata sa fejn, fid-dawl ta’ din il-verżjoni, il-kundizzjoni ta’ stħarriġ ta’ kriminalità doppja tal-fatt ma tkunx iktar applikabbli. Għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni li għandha tintgħażel għal din id-dispożizzjoni ma tistax tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi fattwali speċifiċi ta’ każ individwali.

41

Fl-aħħar nett għandu jitfakkar li, fil-qasam irregolat mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 tagħha, il-“pedament” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-materji kriminali, jiġi applikat fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jgħid li l-Istati Membri huma bħala prinċipju obbligati li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew. Minn dan isegwi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat biss fil-każijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja, previsti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jew ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva, previsti fl-Artikoli 4 u 4a tad-deċiżjoni qafas. Barra minn hekk, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Prosekutur tar-Re għal Brussell), C‑627/19 PPU, EU:C:2019:1079, punti 2324 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Għaldaqstant, il-fatt li r-reat inkwistjoni ma jistax jagħti lok għal konsenja mingħajr verifika tal-kriminalità doppja tal-fatt, skont l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma jfissirx madankollu li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tiġi rrifjutata. Fil-fatt, hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha teżamina l-kriterju ta’ kriminalità doppja tal-fatt stabbilit fl-Artikolu 2(4) ta’ din id-deċiżjoni qafas fir-rigward ta’ dan ir-reat.

43

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi vverifikat jekk ir-reat li għalih inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew ikunx punibbli fl-Istat Membru emittenti b’piena jew b’miżura li tneħħi l-libertà ta’ massimu ta’ mill-inqas tliet snin, kif iddefinit fid-dritt tal-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt tal-Istat Membru emittenti fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti li jkunu taw lok għall-kawża li fil-kuntest tagħha jkun inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi vverifikat jekk ir-reat li għalih inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew ikunx punibbli fl-Istat Membru emittenti b’piena jew b’miżura li tneħħi l-libertà ta’ massimu ta’ mill-inqas tliet snin, kif iddefinit fid-dritt tal-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt tal-Istat Membru emittenti fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti li jkunu taw lok għall-kawża li fil-kuntest tagħha jkun inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.