SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
11 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )
[Test irrettifikat bid-digriet tat-13 ta’ Frar 2020]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7 u 8 – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 6(1)(ċ) u Artikolu 7(f) – Leġittimazzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti sorveljanza bil-vidjo sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u l-protezzjoni tal-persuni, tal-beni u tal-affarijiet ta’ valuri u sabiex jiġu protetti interessi leġittimi, mingħajr il-kunsens tas-suġġett tad-data – Installazzjoni ta’ sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo fil-partijiet komuni ta’ proprjetà immobbli użata għall-abitazzjoni”
Fil-Kawża C-708/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Novembru 2018, fil-proċedura
TK
vs
Asociaţia de Proprietari bloc M5A-ScaraA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Prechal (Relatur), President tal-Awla, L. S. Rossi, J. Malenovský, F. Biltgen u N. Wahl, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Rumen, minn C.-R. Canţăr kif ukoll minn O.-C. Ichim u A. Wellman, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u O. Serdula, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren, M. Wolff u P. Z. L. Ngo, bħala aġenti, |
|
– |
[kif irrettifikata bid-digriet tat-13 ta’ Frar 2020] għall-Irlanda, minn M. Browne, G. Hodge u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, inizjalment minn G. Hesse u J. Schmoll, sussegwentement minn J. Schmoll, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, P. Barros da Costa, L. Medeiros, I. Oliveira u M. Cancela Carvalho, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Kranenborg, D. Nardi kif u L. Nicolae, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(e) u tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), kif ukoll tal-Artikoli 8 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn TK u l-Asociaţia de Proprietari bloc M5A-ScaraA (l-Assoċjazzjoni tal-koproprjetarji tal-proprjetà immobbli M5A-ScaraA, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni tal-koproprjetarji”), fir-rigward tat-talba ta’ TK sabiex din l-assoċjazzjoni tiġi ordnata ma tħaddimx is-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo ta’ din il-proprjetà immobbli u tneħħi l-kameras installati fil-partijiet komuni tagħha. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Id-Direttiva 95/46 ġiet imħassra u ssostitwita, b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018, bir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, (ĠU 2016, L 119, p. 1 u r-rettifika fil-ĠU 2018 L 127, p. 2). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din tkompli tkun suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. |
|
4 |
L-għan tad-Direttiva 95/46/KE kien, skont l-Artikolu 1 tagħha, li l-Istati Membri jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertà ta’ persuni fiżiċi, u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, kif ukoll it-tneħħija ta’ ostakoli għall-moviment liberu ta’ din id-data. |
|
5 |
L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva kien jipprevedi: “Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar”. |
|
6 |
Il-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva kien jinkludi t-Taqsima I, intitolata “Prinċipji dwar il-kwalità tad-data”, komposta mill-Artikolu 6 ta’ din l-istess direttiva, li kien jipprevedi: “1. Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandu jkun:
2. Għandu jkun il-kontrollur li jassigura [jiżgura] konformità mal-paragrafu 1”. |
|
7 |
Fit-Taqsima II ta’ dan il-Kapitolu II, intitolata “Kriterji biex l-ipproċessar ta’ data jkun leġittimu”, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46 kien ifformulat kif ġej: “Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:
|
Id-dritt Rumen
|
8 |
Il-Legea nr. 677/2001 pentru protecția persoanelor cu privire la prelucrarea datelor cu caracter personal și libera circulație a acestor date (il-Liġi Nru 677/2001 dwar il-protezzjoni tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data) (Monitorul Oficial, Parti I, Nru 790 tat-12 ta’ Diċembru 2001), kif emendata bil-Liġi Nru 102/2005 u bid-Digriet b’urġenza tal-Gvern Nru 36/2007, applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, ġiet adottata għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 95/46 fid-dritt Rumen. |
|
9 |
L-Artikolu 5 ta’ din il-liġi kien jipprevedi: “1. Kull ipproċessar ta’ data personali, ħlief jekk dan jirrigwarda data li taqa taħt il-kategoriji msemmija fl-Artikolu 7(1) u fl-Artikoli 8 u 10, jista’ jitwettaq biss jekk is-suġġett tad-data jkun, espliċitament u bla dubju, ta l-kunsens tiegħu għal dan l-ipproċessar. 2. Il-kunsens tas-suġġett tad-data ma huwiex meħtieġ fil-każijiet li ġejjin:
3. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 huma bla ħsara għad-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw l-obbligu tal-awtoritajiet pubbliċi li josservaw u li jipproteġu l-ħajja intima, tal-familja u privata.” |
|
10 |
Id-Deċiżjoni Nru 52/2012 tal-Autoritate Națională de Supraveghere a Prelucrării Datelor cu Caracter Personal (l-Awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza tal-ipproċessar tad-data personali, Ir-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“ANSPDCP”) dwar l-ipproċessar tad-data personali permezz tal-użu ta’ mezzi ta’ sorveljanza bil-vidjo, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, kienet tipprevedi, fl-Artikolu 1 tagħha: “Il-ġbir, ir-reġistrazzjoni, il-ħażna, l-użu, it-trażmissjoni, l-iżvelar jew kull operazzjoni oħra ta’ pproċessar tal-immaġni permezz ta’ mezzi ta’ sorveljanza bil-vidjo, li jippermettu direttament jew indirettament li jiġu identifikati persuni fiżiċi, jikkostitwixxu operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali li huma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-[Liġi Nru 677/2001].” |
|
11 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni kien jipprevedi: “Is-sorveljanza bil-vidjo tista’ titwettaq prinċipalment għall-għanijiet li ġejjin:
|
|
12 |
Skont l-Artikolu 5(1) sa (3) tal-imsemmija deċiżjoni: “1. Is-sorveljanza bil-vidjo tista’ titwettaq fil-postijiet u fl-ispazji miftuħa u intiżi għall-pubbliku, inkluż fit-toroq pubbliċi ta’ aċċess li jinstabu fi proprjetà pubblika jew privata, taħt il-kundizzjonijiet stipulati fil-liġi. 2. Il-kameras ta’ sorveljanza bil-vidjo għandhom ikunu installati b’mod li jidhru. 3. L-użu ta’ mezzi moħbija ta’ sorveljanza bil-vidjo huwa pprojbit, ħlief fil-każijiet stipulati fil-liġi.” |
|
13 |
L-Artikolu 6 tal-istess deċiżjoni kien jistipula: “L-ipproċessar tad-data personali permezz ta’ sistemi ta’ sorveljanza bil-vidjo titwettaq bil-kunsens espliċitu u bla dubju tas-suġġett tad-data jew fil-każijiet previsti fl-Artikolu 5(2) tal-Liġi Nru 677/2001[…].” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
14 |
TK huwa residenti f’appartament, proprjetà tiegħu, li jinsab fil-proprjetà immobbli M5A. Fuq talba ta’ ċerti koproprjetarji ta’ din il-proprjetà immobbli, l-Assoċjazzjoni tal-koproprjetarji adottat, waqt laqgħa ġenerali li nżammet fis-7 ta’ April 2016, deċiżjoni li tapprova l-installazzjoni ta’ kameras ta’ sorveljanza bil-vidjo f’din il-proprjetà immobbli. |
|
15 |
B’eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ġew installati tliet kameras ta’ sorveljanza bil-vidjo fil-partijiet komuni tal-proprjetà immobbli M5A. L-ewwel kamera kienet orjentata lejn il-faċċata tal-proprjetà immobbli, filwaqt li t-tieni u t-tielet kameras kienu installati, rispettivament, fid-daħla tal-pjan terran u fil-lift tal-proprjetà immobbli. |
|
16 |
TK oppona l-installazzjoni ta’ din is-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo, sa fejn din tikkostitwixxi ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata. |
|
17 |
Wara li kkonstata li, minkejja d-diversi proċeduri mnedija minnu u minkejja l-ammissjoni bil-miktub tal-Assoċjazzjoni tal-koproprjetarji li s-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo installata hija illegali, din is-sistema kompliet tiġi mħaddma, TK ressaq azzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex l-imsemmija assoċjazzjoni tiġi ordnata tneħħi t-tliet kameras u, b’mod definittiv, ma tibqax tħaddimhom taħt piena ta’ impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità. |
|
18 |
Quddiem dik il-qorti, TK sostna li s-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo inkwistjoni tikser kemm id-dritt primarju u sussidjarju tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, kif ukoll id-dritt nazzjonali li jitratta d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata. Barra minn dan huwa indika li l-Assoċjazzjoni tal-koproprjetarji kienet assumiet il-funzjoni ta’ kontrollur tad-data personali mingħajr ma segwiet il-proċedura ta’ reġistrazzjoni prevista għal dan il-għan mill-liġi. |
|
19 |
L-Assoċjazzjoni tal-koproprjetarji indikat li d-deċiżjoni li tiġi installata sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo kienet ittieħdet sabiex jiġu kemm jista’ jkun ikkontrollati d-dħul u l-ħruġ fil-proprjetà immobbli, minħabba l-fatt li l-lift kien ġie vvandalizzat diversi drabi u li diversi appartamenti kif ukoll il-partijiet komuni kienu s-suġġett ta’ dħul mingħajr permess u ta’ serq. |
|
20 |
Hija speċifikat ukoll li miżuri oħra li hija kienet preċedentement adottat, jiġifieri l-installazzjoni ta’ sistema ta’ dħul fil-proprjetà immobbli bl-intercom u bil-kard manjetika ma kinux waqqfu t-twettiq ripetut ta’ ksur tal-istess natura. |
|
21 |
L-Assoċjazzjoni tal-koproprjetarji barra minn hekk bagħtet lil TK il-minuti li hija kienet fasslet flimkien mal-kumpannija li kienet installat il-kameras tas-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo, fejn kien indikat li fil-21 ta’ Ottubru 2016, il-hard disk tas-sistema kienet ġiet ifformatjata u ma kinitx għada mqabbda, li s-sistema ma kinitx għadha taħdem u li l-immaġni rreġistrati kienu ġew imħassra. |
|
22 |
Hija kkomunikatlu wkoll minuti oħra tat-18 ta’ Mejju 2017 li minnhom jirriżulta li t-tliet kameras ta’ sorveljanza bil-vidjo kienu ġew żarmati. Dawn il-minuti jispeċifikaw li l-Assoċjazzjoni tal-koproprjetarji kienet, fil-frattemp, wettqet il-proċedura li tippermettilha tiġi rreġistrata bħala kontrollur ta’ data personali. |
|
23 |
Madankollu TK osserva quddiem il-qorti tar-rinviju li t-tliet kameras ta’ sorveljanza bil-vidjo kienu għadhom hemmhekk. |
|
24 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 677/2001 jipprevedi, b’mod ġenerali, li l-ipproċessar ta’ data personali, bħar-reġistrazzjoni ta’ immaġni permezz ta’ sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo, tista’ titwettaq biss jekk is-suġġett tad-data jagħti l-kunsens espliċitu u bla dubju tiegħu. L-Artikolu 5(2) tal-istess liġi madankollu jipprevedi sensiela ta’ eċċezzjonjiet għal din ir-regola, li fosthom hemm dik li tgħid li l-ipproċessar ta’ data personali huwa neċessarju għall-protezzjoni tal-ħajja, tal-integrità fiżika jew tas-saħħa tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna oħra mhedda. Id-Deċiżjoni Nru 52/2012 tal-ANSPDCP tipprevedi eċċezzjoni tal-istess natura. |
|
25 |
Il-qorti tar-rinviju wara dan tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għall-Artikolu 52(1) tal-Karta li jissanċixxi l-prinċipju li jgħid li għandu jkun hemm relazzjoni ta’ proporzjonalità bejn l-għan imfittex mil-limitazzjonijiet għad-drittijiet u għal-libertajiet taċ-ċittadini u l-mezzi użati. |
|
26 |
Issa, skont dik il-qorti, ma jidhirx li s-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo inkwistjoni quddiemha kienet intużat b’mod li ma kienx jaqbel mal-għan iddikjarat mill-Assoċjazzjoni tal-koproprjetarji, jiġifieri dak li tiġi protetta l-ħajja, l-integrità fiżika u s-saħħa tas-suġġetti tad-data, jiġifieri l-koproprjetarji tal-proprjetà immobbli li fiha ġiet installata din is-sistema. |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, Ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
|
28 |
Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, għalkemm il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment, permezz tar-raba’ domanda tagħha, għall-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 95/46, hija ma tipprovdi ebda spjegazzjoni dwar ir-rilevanza ta’ din id-dispożizzjoni sabiex tinstab soluzzjoni tat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
29 |
Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tirrigwarda biss ir-rekwiżiti li għandhom ikunu osservati għaż-żamma ta’ data personali. Issa, ma hemm xejn fil-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jippermetti li jiġi meqjus li l-kawża prinċipali tirrigwarda dan l-aspett. |
|
30 |
Min-naħa l-oħra sa fejn, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-installazzjoni ta’ sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo, bħal dik inkwistjoni quddiemha, hijiex proporzjonali għall-għanijiet imfittxija, għandu jiġi osservat li l-kwistjoni ta’ jekk id-data personali miġbura minn din is-sistema tissodisfax ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità hija relatata mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 95/46. |
|
31 |
Issa, id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-verifika tat-tieni kundizzjoni għall-applikazzjoni prevista fl-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, li jgħid li l-ipproċessar tad-data personali għandu jkun “meħtieġ” għat-twettiq tal-interess leġittimu mfittex. |
|
32 |
Fit-tieni lok, permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għall-Artikoli 8 u 52 tal-Karta, ikkunsidrati separatement jew flimkien mal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, dwar l-eżistenza ta’ drittijiet u ta’ libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data permezz tal-protezzjoni tad-data li jieħdu preċedenza fuq l-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur tad-data jew mit-terz jew mit-terzi li lihom tiġi kkomunikata d-data, teħtieġ li d-drittijiet u l-interessi opposti inkwistjoni jiġu mwieżna skont iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ partikolari inkwistjoni, fil-kuntest ta’ dan it-tweżin għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza tad-drittijiet tas-suġġett tad-data li jirriżultaw mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito,C-468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 40). Minn dan isegwi li dawn l-Artikoli 8 u 52 ma għandhomx, f’dan il-każ, jiġu applikati b’mod iżolat. |
|
33 |
Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, għandu jitqies li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1)(ċ) u l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li jawtorizzaw l-installazzjoni ta’ sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo, bħas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, installata fil-partijiet komuni ta’ proprjetà immobbli użata għall-abitazzjoni, sabiex jintlaħqu interessi leġittimi li jikkonsistu f’li jiġu żgurati l-ħarsien u l-protezzjoni tal-persuni u tal-beni, mingħajr il-kunsens tas-suġġetti tad-data. |
|
34 |
Għandu jitfakkar li s-sorveljanza mwettqa permezz ta’ reġistrazzjoni vidjo ta’ persuni, maħżuna f’apparat ta’ reġistrazzjoni kontinwa, jiġifieri f’hard disk, tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46, ipproċessar ta’ data personali b’mezzi awtomatiċi (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš, C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 25). |
|
35 |
Għaldaqstant, sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo permezz ta’ kamera għandha tiġi kklassifikata bħala pproċessar ta’ data personali b’mezzi awtomatiċi, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, meta l-apparat installat jippermetti r-reġistrazzjoni u l-ħażna ta’ data personali bħal ma huma immaġni li jippermettu l-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex tali karatteristiċi. |
|
36 |
Barra minn hekk, kull ipproċessar ta’ data personali għandu, minn naħa, ikun konformi mal-prinċipji dwar il-kwalità tad-data stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46, u, min-naħa l-oħra, jissodisfa wieħed mill-prinċipji dwar in-natura leġittima tal-ipproċessar ta’ data elenkati fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva (sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C-131/12, EU:C:2014:317, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46 jistabbilixxi lista eżawrjenti u limitattiva ta’ każijiet li fihom l-ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies skont il-liġi. L-Istati Membri la jistgħu jżidu prinċipji ġodda relatati mal-leġittimazzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali mal-imsemmi artikolu u lanqas ma jistgħu jipprevedu rekwiżiti addizzjonali li jimmodifikaw il-portata ta’ wieħed mis-sitt prinċipji previsti f’dan l-artikolu (sentenza tal-19 ta’ Ottubru 2016, Breyer, C-582/14, EU:C:2016:779, punt 57). |
|
38 |
Minn dan isegwi li, sabiex ipproċessar ta’ data personali jkun jista’ jitqies li huwa skont il-liġi, dan għandu jkun kopert minn wieħed mis-sitt każijiet previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46. |
|
39 |
Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw b’mod partikolari l-prinċipju dwar il-leġittimazzjoni tal-ipproċessar ta’ data previst fl-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, dispożizzjoni li ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Rumen bl-Artikolu 5(2)(e) tal-Liġi Nru 677/2001, li għaliha jagħmel ukoll riferiment l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 52/2012 tal-ANSPDCP f’dak li jirrigwarda speċifikament l-ipproċessar ta’ data personali bl-użu ta’ mezzi ta’ sorveljanza bil-vidjo. |
|
40 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 jipprevedi tliet kundizzjonijiet kumulattivi sabiex ipproċessar ta’ data personali jkun skont il-liġi, jiġifieri, l-ewwel nett, it-tfittxija ta’ interess leġittimu mill-kontrollur jew mit-terz jew terzi li lilhom tiġi kkomunikata d-data, it-tieni nett, il-ħtieġa tal-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet tal-interess leġittimu mfittex u, it-tielet nett, il-kundizzjoni li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data ma jiħdux il-preċedenza fuq l-interess leġittimu mfittex (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme, C-13/16, EU:C:2017:336, punt 28). |
|
41 |
Għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 ma jeħtieġx il-kunsens tas-suġġett tad-data. Madankollu tali kunsens huwa previst, inkwantu kundizzjoni li għaliha huwa suġġett l-ipproċessar tad-data personali, biss fl-Artikolu 7(a) ta’ din id-direttiva. |
|
42 |
F’dan il-każ, l-għan li l-kontrollur tad-data jrid, essenzjalment, jilħaq meta jistabbilixxi sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-protezzjoni tal-beni, tas-saħħa u tal-ħajja tal-koproprjetarji ta’ proprjetà immobbli, jista’ jiġi kklassifikat bħala “interess leġittimu”, fis-sens tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46. Għlhekk, jidher li l-ewwel kundizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni hija, bħala prinċipju, issodisfatta (ara, b’analoġija, s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš, C-212/13, EU:C:2014:2428, punt 34). |
|
43 |
Il-qorti tar-rinviju madankollu tistaqsi jekk l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 7(f) għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-interess imfittex mill-kontrollur inkwistjoni għandux, minn naħa, ikun “stabbilit” u, min-naħa l-oħra, ikun “eżistenti u effettiv fil-mument tal-ipproċessar”. |
|
44 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bħalma osservaw il-Gvernijiet tar-Rumanija, tar-Repubblika Ċeka, tal-Irlanda, tal-Awstrija, tal-Portugall kif ukoll il-Kummissjoni, peress li, b’mod konformi mal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, il-kontrollur ta’ data personali jew it-terz li lilu tiġi kkomunikata d-data għandu jkollhom interess leġittimu li jiġġustifika dan l-ipproċessar, dan l-interess għandu jkun eżistenti u effettiv fid-data tal-ipproċessar u ma jkunx ta’ natura ipotetika fl-imsemmija data. Madankollu ma għandux ikun neċessarjament rikjest, fil-kuntest tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, li preċedentement ikun ġie kkawżat preġudizzju għas-sigurtà tal-beni u tal-persuni. |
|
45 |
F’dan il-każ, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidher li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ interess eżistenti u effettiv hija ssodisfatta, peress li l-qorti tar-rinviju tosserva li qabel l-installazzjoni tas-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo kien hemm serq, dħul bla permess u atti ta’ vandaliżmu, u dan minkejja l-installazzjoni, fid-dħul tal-proprjetà immobbli, ta’ sistema ta’ sigurta li tikkonsisti f’intercom u f’kard manjetika. |
|
46 |
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni imposta mill-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, dwar in-neċessità li jintuża pproċessar ta’ data personali sabiex jintlaħaq l-interess leġittimu mfittex, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-derogi u r-restrizzjonijiet għall-prinċipju ta’ protezzjoni tad-data personali għandhom joperaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament meħtieġ (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme, C-13/16, EU:C:2017:336, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Din il-kundizzjoni timponi fuq il-qorti tar-rinviju l-obbligu li tivverifika li l-interess leġittimu tal-ipproċessar tad-data li jrid jintlaħaq bis-sorveljanza bil-vidjo inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti, essenzjalment, f’li tiġi żgurata s-sigurtà tal-beni u tal-persuni u sabiex ikun hemm prevenzjoni ta’ ksur, ma jistax raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi permezz ta’ mezzi oħra li huma inqas limitattivi għal-libertajiet u għad-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari għad-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. |
|
48 |
Barra minn hekk, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, il-kundizzjoni relatata man-neċessità tal-ipproċessar għandha tiġi eżaminata flimkien mal-prinċipju msejjaħ ta’ “minimizzazzjoni tad-data” sanċit fl-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 95/46, li jgħid li d-data personali għandha tkun “adekwat, rilevanti u mhux eċċessiv għall-finijiet li għalih jinġab u/jew jiġi iktar ipproċessat”. |
|
49 |
Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rekwiżiti marbuta mal-proporzjonalità tal-ipproċessar ta’ data inkwistjoni fil-kawża prinċipali donnhom ittieħdu inkunsiderazzjoni. Huwa effettivament paċifiku li għall-ewwel kienu ttieħdu miżuri alternattivi li jikkonsistu f’sistema ta’ sigurtà, installata fid-daħla tal-proprjetà immobbli, komposta minn interkom u kard manjetika, iżda li dawn il-miżuri kienu insuffiċjenti. Barra minn hekk, is-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo inkwistjoni hija limitata biss għall-partijiet komuni tal-koproprjetà u għall-entrati tagħha. |
|
50 |
Madankollu, il-proporzjonalità tal-ipproċessar tad-data permezz ta’ sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo għandha tiġi evalwata b’teħid inkunsiderazzjoni tal-modalitajiet konkreti tal-installazzjoni u ta’ funzjonament ta’ din is-sistema, li għandhom jillimitaw l-effett tagħha fuq id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data filwaqt li fl-istess ħin jiggarantixxu l-effikaċja tas-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo inkwistjoni. |
|
51 |
Għalhekk, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, il-kundizzjoni relatata man-neċessità tal-ipproċessar timplika li l-kontrollur għandu jeżamina, per eżempju, jekk huwiex suffiċjenti li s-sorveljanza bil-vidjo taħdem biss bil-lejl jew barra mill-ħinijiet tax-xogħol normali u timblokka jew iċċajpar l-immaġni meħuda fiż-żoni fejn is-sorveljanza ma hijiex neċessarja. |
|
52 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet kundizzjoni imposta mill-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, dwar l-eżistenza ta’ drittijiet u ta’ libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data għall-protezzjoni tad-data li jieħdu l-preċedenza fuq l-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur tad-data jew mit-terz jew terzi li lihom tiġi kkomunikata d-data, għandu jitfakkar, kif diġà ġie indikat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li l-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni teħtieġ li d-drittijiet u l-interessi opposti inkwistjoni jiġu mwieżna skont iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ partikolari inkwistjoni, u fil-kuntest ta’ dan it-tweżin għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza tad-drittijiet tas-suġġett tad-data li jirriżultaw mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. |
|
53 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 jipprekludi li Stat Membru jeskludi b’mod kategoriku u ġġeneralizzat il-possibbiltà li ċerti kategoriji ta’ data personali jiġu pproċessati, mingħajr ma jippermetti tweżin tad-drittijiet u tal-interessi opposti inkwistjoni f’każ partikolari. Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax jippreskrivi, għal dawn il-kategoriji, b’mod definittiv, ir-riżultat tat-tweżin tad-drittijiet u tal-interessi opposti, mingħajr ma jippermetti riżultat differenti minħabba ċirkustanzi partikolari ta’ każ konkret (sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2016, Breyer, C-582/14, EU:C:2016:779, punt 62). |
|
54 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, għall-finijiet tat-twettiq ta’ dan it-tweżin, huwa possibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-gravità tal-preġudizzju għad-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data tista’ tvarja skont il-possibbiltà tal-aċċess għad-data inkwistjoni f’sorsi aċċessibbli għall-pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme, C-13/16, EU:C:2017:336, punt 32). |
|
55 |
B’differenza mill-ipproċessar tad-data li tidher fis-sorsi aċċessibbli għall-pubbliku, l-ipproċessar tad-data li tidher fis-sorsi li ma humiex aċċessibbli għall-pubbliku, jimplika neċessarjament li xi informazzjoni dwar il-ħajja privata tas-suġġett tad-data hija issa magħrufa mill-kontrollur u, jekk ikun il-każ, mit-terz jew mit-terzi li lilhom tiġi kkomunikata din id-data. Dan il-preġudizzju iktar serju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data, stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni u jitwieżen mal-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur jew mit-terz jew terzi li lilhom tiġi kkomunikata d-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito, C-468/10 u C-469/10, EU:C:2011:777, punt 45). |
|
56 |
Il-kriterju dwar il-gravità tal-preġudizzju għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġett tad-data jikkostitwixxi element essenzjali tal-eżerċizzju ta’ tweżin jew ta’ bbilanċjar każ b’każ, meħtieġ mill-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46. |
|
57 |
Għal dan il-għan, għandha tittieħed b’mod partikolari inkunsiderazzjoni n-natura tad-data personali inkwistjoni, b’mod partikolari n-natura eventwalment sensittiva ta’ din id-data, kif ukoll in-natura u l-modalitajiet konkreti tal-ipproċessar tad-data inkwistjoni, b’mod partikolari n-numru ta’ persuni li għandhom aċċess għal din id-data u dawn il-modalitajiet ta’ aċċess għall-imsemmija data. |
|
58 |
Għall finijiet ta’ dan it-tweżin huma wkoll rilevanti l-aspettattivi raġonevoli tas-suġġett tad-data li d-data personali tiegħu ma tiġix ipproċessata meta, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, din il-persuna ma tistax raġonevolment tistenna pproċessar ulterjuri ta’ din id-data. |
|
59 |
Fl-aħħar nett, dawn l-elementi għandhom jiġu bbilanċjati mal-importanza, għall-koproprjetarji kollha tal-proprjetà immobbli kkonċernata, tal-interess leġittimu li jrid jintlaħaq f’dan il-każ mis-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo inkwistjoni, sa fejn dan huwa essenzjalment intiż sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-beni, tas-saħħa u tal-ħajja tal-imsemmija koproprjetarji. |
|
60 |
Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(1)(ċ) u l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali li jawtorizzaw l-installazzjoni ta’ sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo, bħas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali installata fil-partijiet komuni ta’ proprjetà immobbli użata għall-abitazzjoni, sabiex jintlaħqu interessi leġittimi li jikkonsistu f’li jiġu żgurati l-ħarsien u l-protezzjoni tal-persuni u tal-beni, mingħajr il-kunsens tas-suġġetti tad-data, jekk l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq permezz tas-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo inkwistjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet imposti fl-imsemmi Artikolu 7(f), fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l-ispejjeż
|
61 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 6(1)(ċ) u l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali li jawtorizzaw l-installazzjoni ta’ sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo, bħas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali installata fil-partijiet komuni ta’ proprjetà immobbli użata għall-abitazzjoni, sabiex jintlaħqu interessi leġittimi li jikkonsistu f’li jiġu żgurati l-ħarsien u l-protezzjoni tal-persuni u tal-beni, mingħajr il-kunsens tas-suġġetti tad-data, jekk l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq permezz tas-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo inkwistjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet imposti fl-imsemmi Artikolu 7(f), fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.