Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

20 ta’ Novembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika dwar l-immigrazzjoni – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Direttiva 2003/86/KE – Artikolu 5(4) – Deċiżjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja – Konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għat-teħid ta’ deċiżjoni – Ħruġ awtomatiku ta’ permess ta’ residenza”

Fil-Kawża C‑706/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Novembru 2018, fil-proċedura

X

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħda taġixxi bħala President tas-Sitt Awla, L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, M. Jacobs u P. Cottin, bħala aġenti, assistiti minn C. Decordier u T. Bricout, advocaten,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga, M. Condou-Durande u G. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn X, ċittadina Afgana, u l-Belgische Staat (l-Istat Belġjan), dwar iċ-ċaħda minn dan tal-aħħar tal-applikazzjoni għall-ħruġ ta’ viża ppreżentata minn X fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessa 6 tad-Direttiva 2003/86, “[b]iex tkun protetta l-familja u tkun stabbilita u ppreżervata l-ħajja tal-familja, il-kondizzjonijiet materjali biex ikun eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ kriterji komuni.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jkunu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

(ċ)      ‘sponsor’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz li joqgħod legalment fi Stat Membru u li japplika jew il-membri tal-familja tiegħu japplikaw għal riunifikazzjoni tal-familja biex jingħaqdu miegħu/magħha;

(d)      ‘riunifikazzjoni tal-familja’ tfisser id-dħul ġewwa u residenza fi Stat Membru minn membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li joqogħdu [joqgħod] legalment f’dak l-Istat Membru biex tkun ippreżervata l-għaqda tal-familja, kemm jekk ir-relazzjoni mal-familja kien ikkawżat qabel kemm wara d-dħul tar-resident;

(e)      ‘permess ta’ residenza’ tfisser kull awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li tippermetti ċittadin ta’ pajjiż terz joqgħod legalment fit-territorju, skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 3)];

[...]”

6        L-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2003/86 jipprovdi:

“Din id-Direttiva m’għandiex taffettwa l-possibilità għall-Istati Membri li jadottaw jew iżommu disposizzjonijiet iktar favorevoli.”

7        Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva:

“1.      [L]-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:

(a)      il-konjugi ta’ l-isponsor;

[...]”

8        L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“[...]

2.      L-applikazzjoni għandha tkun akkompanjata b’evidenza dokumentarja tar-relazzjoni familjali u ta’ konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 4 u 6 u, fejn applikabbli, l-Artikoli 7 u 8, kif ukoll kopji ċċertifikati tad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar tal-membru(i) tal-familja.

Jekk xieraq, biex tinkiseb evidenza li teżisti relazzjoni familjali, Stati Membri jistgħu jeżegwixxu intervisti ma’ l-isponsor u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha u jmexxu investigazzjonijiet oħra li instabu li jkunu meħtieġa.

Meta tkun eżaminata applikazzjoni dwar partner mhux miżżewweġ/miżżewġa ta’ l-isponsor, Stati Membri għandhom jikkonsidraw, bħala xiehda tar-relazzjoni familjali, fatturi bħal wild komuni, koabitazzjoni preċedenti, reġistrazzjoni tal-partnership u kull mezz ieħor ta’ prova ta’ min joqgħod fuqu.

[...]

4.      L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru għandhom jagħtu lill-persuna, li ssottomettiet l-applikazzjoni, notifika bil-miktub tad-deċiżjoni kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ mhux iktar tard minn disa’ xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali marbuta mal-komplessita ta’ l-eżami ta’ l-applikazzjoni, il-limitu ta’ żmien li jirreferi għalih l-ewwel paragrafu jista’ jiġi pprorogat.

Għandhom jingħataw raġunijiet għad-deċiżjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni. Kull konsegwenzi ta’ deċiżjoni le li tittieħed [Il-konsegwenzi kollha tal-assenza ta’ deċiżjoni] sa tmiem il-perjodu li jipprovdi għalih l-ewwel paragrafu għandhom ikunu ddeterminati mil-leġislazzjoni nazzjonali ta’ l-Istat Membru relevanti.”

9        L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/86 huwa fformulat kif ġej:

“Fejn refuġjat ma jistax jipprovdi xiehda dokumentarja uffiċjali tar-relazzjoni familjali, l-Istati Membri għandhom iqisu xiehda oħra, li għandha tkun stmata skond il-liġi nazzjonali, ta' l-eżistenza ta' din ir-relazzjoni. Deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni tista' ma tkunx [ma tistax tkun] ibbażata biss fuq il-fatt li provi dokumentati jkunu nieqsa.”

10      L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Hekk kif l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja kienet aċċettata, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jawtorizzaw id-dħul tal-membru jew membri tal-familja. F’dak ir-rigward, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħtu lill-persuni tali kull faċilita biex jiksbu l-viżi rekwiżiti.

2.      [L]-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħtu lill-membri tal-familja l-ewwel permess ta’ residenza għal tul ta’ mill-inqas sena. Il-permess ta’ residenza għandu jiġġedded.

3.      It-tul tal-permess ta’ residenza mogħti lill-membru(i) tal-familja m’għandux fi prinċipju jmur lilhinn mill-iskadenza tal-permess ta’ residenza miżmum mill-isponsor.”

 Id-dritt Belġjan

11      L-Artikolu 10 tal-wet betreffende de toegang tot het grondgebied, het verblijf, de vestiging en de verwijdering van vreemdelingen (il-Liġi dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija tal-Barranin), tal-15 ta’ Diċembru 1980 (Belgisch Staatsblad, 31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980”), jipprovdi:

“§ 1.       Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9 u 12, huma ammessi ipso jure sabiex joqogħdu għal iktar minn tliet xhur fir-Renju:

[...]

4º      Il-membri tal-familja segwenti ta’ barrani ammess jew awtorizzat, sa mill-inqas tnax-il xahar ilu, sabiex joqgħod fir-Renju għal żmien illimitat, jew awtorizzat, sa mil-inqas tnax-il xahar ilu, sabiex jistabbilixxi ruħu fir-Renju. Dan it-terminu ta’ tnax-il xahar ma japplikax jekk ir-rabta bħala konjuġi jew bħala sieħeb irreġistrat kienet teżisti qabel il-wasla tal-barrani li miegħu ssir ir-riunifikazzjoni fir-Renju jew jekk ikollhom wild minuri flimkien. Dawn il-kundizzjonijiet dwar it-tip ta’ residenza u dwar it-tul tar-residenza ma japplikawx fil-każ ta’ membri tal-familja ta’ barrani ammess sabiex joqgħod fir-Renju bħala benefiċjarju tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali konformement mat-tieni jew mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 49(1) jew mal-Artikolu 49/2(2) jew (3):

–        il-konjuġi barrani tiegħu jew il-barrani li miegħu jkun marbut permezz ta’ sħubija rreġistrata meqjusa li hija ekwivalenti għal żwieġ fil-Belġju, li jiġi sabiex jgħix miegħu, bil-kundizzjoni li ż-żewġ persuni kkonċernati jkollhom età ta’ iktar minn wieħed u għoxrin sena. Madankollu, din l-età minima hija mnaqqsa għal tmintax-il sena meta r-rabta bħala konjuġi jew bħala sieħeb irreġistrat, skont il-każ, kienet teżisti qabel il-wasla tal-barrani li miegħu ssir ir-riunifikazzjoni fir-Renju;

[...]”

12      L-Artikolu 12bis(2) tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 jipprovdi:

“Meta l-barrani msemmi fil-paragrafu 1 jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu quddiem ir-rappreżentant diplomatiku jew konsulari Belġjan kompetenti għall-post tar-residenza tiegħu jew tas-soġġorn tiegħu barra mill-Belġju, ma’ din l-applikazzjoni għandhom jiġu ppreżentati dokumenti li jipprovaw li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10(1) sa (3), fosthom, b’mod partikolari, ċertifikat mediku li minnu jirriżulta li ma jsofrix minn waħda mill-mard elenkati fl-Anness ta’ din il-liġi kif ukoll estratt mir-rekord ġudizzjarju jew dokument ekwivalenti, jekk ikollu iktar minn tmintax-il sena.

Id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għandha tkun dik li fiha jkunu prodotti dawn id-dokumenti kollha, li għandhom ikunu konformi mal-Artikolu 30 tal-loi du 16 juillet 2004 portant le Code de droit international privé [(il-Liġi tas-16 ta’ Lulju 2004 li Tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Dritt Internazzjonali Privat)] jew mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar l-istess suġġett.

Id-deċiżjoni dwar l-ammissjoni għar-residenza għandha tittieħed u għandha tiġi nnotifikata fl-iqsar żmien possibbli u mhux iktar tard minn sitt xhur mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni ddefinita fit-tieni subparagrafu. Id-deċiżjoni għandha tittieħed billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha fil-fajl.

Jekk il-kundizzjoni dwar in-natura suffiċjenti tar-riżorsi prevista fl-Artikolu 10(5) ma tkunx issodisfatta, il-Ministru jew id-delegat tiegħu għandhom jiddeterminaw, skont il-ħtiġijiet proprji tal-barrani li miegħu ssir ir-riunifikazzjoni u tal-membri tal-familja tiegħu, il-mezzi għall-għajxien meħtieġa sabiex jipprovdu għall-ħtiġijiet tagħhom mingħajr ma jkunu ta’ piż għall-awtoritajiet pubbliċi. Għal dan il-għan, il-Ministru jew id-delegat tiegħu jistgħu jitolbu lill-barrani jikkomunikalhom d-dokumenti u l-informazzjoni utli kollha sabiex jiġi ddeterminat dan l-ammont.

F’każijiet eċċezzjonali marbuta mal-kumplessità tal-eżami tal-applikazzjoni kif ukoll fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar żwieġ li jaqa’ taħt l-Artikolu 146bis tal-Code civil [(il-Kodiċi Ċivili)] jew dwar il-kundizzjonijiet tas-sħubija prevista fil-punt 5 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1), il-Ministru jew id-delegat tiegħu jistgħu, f’żewġ okkażjonijiet, jestendu dan it-terminu b’perijodu ta’ tliet xhur, permezz ta’ deċiżjoni motivata li biha għandu jiġi informat l-applikant.

Jekk mal-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, eventwalment ipprorogat konformement mal-ħames subparagrafu, ma tkun ittieħdet ebda deċiżjoni, l-ammissjoni għar-residenza għandha tiġi rrikonoxxuta.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      Fl-24 ta’ Ottubru 2013, X, ta’ nazzjonalità Afgana, ippreżentat quddiem l-ambaxxata tal-Belġju f’Islamabad (il-Pakistan) applikazzjoni għal viża fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja, bl-intenzjoni li tingħaqad mal-allegat konjuġi tagħha, F. S. M., ċittadin Afgan li jibbenefika mill-istatus ta’ refuġjat fil-Belġju.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2014, il-gemachtigde van de staatssecretaris voor Asiel en Migratie, Maatschappelijke Integratie en Armoedebestrijding (id-Delegat tas-Segretarju tal-Istat għall-Ażil u għal-Migrazzjoni, għall-Integrazzjoni Soċjali u għall-Ġlieda Kontra l-Faqar, il-Belġju) ċaħad din l-applikazzjoni għar-raġuni li r-rabta matrimonjali bejn X u F. S. M. ma kinitx ġiet stabbilita.

15      Fl-24 ta’ Lulju 2014, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju). Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Lulju 2016, dik il-qorti ċaħdet dan ir-rikors.

16      Fit-22 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat appell fil-kassazzjoni kontra dik is-sentenza quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju).

17      Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Marzu 2018, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) annulla s-sentenza tal-qorti tar-rinviju tal-15 ta’ Lulju 2016. Fis-sentenza tiegħu, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda, essenzjalment, li l-fatt li jkun inqabeż it-terminu previst fl-Artikolu 12bis(2) tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 jimplika, mingħajr eċċezzjoni, l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ dħul u ta’ residenza lill-applikant, b’tali mod li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien imissha bbenefikat minn tali awtorizzazzjoni, minkejja li kien hemm dubji dwar l-eżistenza tar-rabta matrimonjali tagħha ma’ F. S. M. Barra minn hekk, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) bagħat il-kawża lura quddiem il-qorti tar-rinviju għal eżami ġdid.

18      Issa li l-kawża ntbagħtet lura quddiemha mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), il-qorti tar-rinviju tispjega li hija marbuta mis-soluzzjoni adottata minn dan tal-aħħar fis-sentenza tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2018 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 12bis(2) tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980. Madankollu, sa fejn din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi traspożizzjoni tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2003/86, hija għandha dubji dwar il-konformità ta’ tali soluzzjoni ma’ din id-direttiva.

19      F’dan id-dawl, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fis-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2018, Diallo (C‑246/17, EU:C:2018:499), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħux joħorġu ex officio permess ta’ residenza għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea f’sitwazzjoni fejn it-terminu ta’ sitt xhur previst minn din id-direttiva għall-ħruġ ta’ tali permess ikun skada.

20      F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti tenfasizza, essenzjalment, li l-għoti awtomatiku ta’ permess ta’ residenza lill-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12bis(2) tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980, minn naħa, iwassal sabiex il-membri tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin jiġu ttrattati b’mod iktar favorevoli mill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, jista’ jippreġudika l-għan tad-Direttiva 2003/86, li huwa li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li fihom għandu jiġi eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li għandhom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Id-Direttiva 2003/86/KE, fid-dawl tal-Artikolu 3(5) u tal-għan tagħha, jiġifieri l-iffissar tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li l-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konsegwenza tan-nuqqas ta’ teħid ta’ deċiżjoni qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit għal dan il-għan tikkonsisti fl-obbligu li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jagħtu ex officio permess ta’ residenza lill-persuna kkonċernata, mingħajr ma qabel jivverifikaw li l-imsemmija persuna fil-fatt tissodisfa r-rekwiżiti sabiex tirrisjedi fil-Belġju konformement mad-dritt tal-Unjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

22      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2003/86 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fl-assenza ta’ deċiżjoni f’terminu ta’ sitt xhur li jiddekorri mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom joħorġu ex officio permess ta’ residenza lill-applikant, mingħajr ma jkollhom neċessarjament jikkonstataw minn qabel li l-applikant effettivament jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti konformement mad-dritt tal-Unjoni.

23      F’dan ir-rigward, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2003/86 jirriżulta li d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja għandha tingħata kemm jista’ jkun malajr, u fi kwalunkwe każ sa mhux iktar tard mill-iskadenza ta’ terminu ta’ disa’ xhur li jiddekorri mid-data tal-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

24      Konformement mat-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2003/86, il-konsegwenzi kollha tal-assenza ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-iskadenza ta’ dan it-terminu għandhom jiġu rregolati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

25      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi sistema ta’ aċċettazzjoni impliċita li bis-saħħa tagħha l-assenza ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-iskadenza ta’ terminu ta’ sitt xhur li jiddekorri mid-data tal-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni timplika, mingħajr eċċezzjoni, il-ħruġ awtomatiku ta’ permess ta’ residenza lill-applikant.

26      Issa, għalkemm id-dritt tal-Unjoni bl-ebda mod ma jipprekludi lill-Istati Membri milli jistabbilixxu sistemi ta’ aċċettazzjoni jew ta’ awtorizzazzjoni impliċiti, huwa meħtieġ li tali sistemi ma jippreġudikawx l-effett utli tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2018, Diallo, C‑246/17, EU:C:2018:499, punt 46).

27      F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li, filwaqt li, minn naħa, l-għan segwit mid-Direttiva 2003/86 huwa li tiġi ffavorita r-riunifikazzjoni tal-familja (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019, E., C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 45), min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 6 tagħha, l-imsemmija direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi, skont kriterji komuni, il-kundizzjonijiet materjali li fihom għandu jiġi eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li għandhom iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri.

28      Il-kunċett ta’ “riunifikazzjoni tal-familja” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2003/86 bħala d-dħul u r-residenza fi Stat Membru tal-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi legalment f’dan l-Istat Membru sabiex tinżamm l-unità tal-familja, kemm jekk ir-rabtiet tal-familja jkunu stabbiliti qabel jew wara d-dħul tal-isponsor.

29      Bis-saħħa tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, konformement ma’ din id-direttiva, ta’ ċerti membri tal-familja tal-isponsor għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, fosthom, b’mod partikolari, il-konjuġi ta’ dan tal-aħħar. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri obbligi pożittivi speċifiċi, li jikkorrispondu għal drittijiet suġġettivi ddefiniti b’mod ċar, peress li tobbligahom, fis-sitwazzjonijiet iddeterminati mill-imsemmija direttiva, jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċerti membri tal-familja tal-isponsor, mingħajr ma jkunu jistgħu jeżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 60).

30      Madankollu, fir-rigward tar-regoli proċedurali li jirregolaw il-preżentazzjoni u l-eżami tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/86 jipprevedi li ma’ din l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata “evidenza dokumentarja tar-relazzjoni familjali”. Bl-istess mod, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li, “[j]ekk xieraq, biex tinkiseb evidenza li teżisti relazzjoni familjali, Stati Membri jistgħu jeżegwixxu intervisti ma’ l-isponsor u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha u jmexxu investigazzjonijiet oħra li instabu li jkunu meħtieġa”.

31      Barra minn hekk, fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjati, mill-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/86 jirriżulta li, meta refuġjat ma jkunx jista’ jipprovdi d-dokumenti ta’ sostenn uffiċjali li jattestaw rabtiet tal-familja, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu inkunsiderazzjoni provi oħra tal-eżistenza ta’ dawn ir-rabtiet.

32      Minn dan jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jeżaminaw l-eżistenza tar-rabtiet tal-familja allegati mill-isponsor jew mill-membru tal-familja tiegħu kkonċernat mill-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja.

33      B’hekk, meta l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tiġi aċċettata, l-Istat Membru kkonċernat għandu jawtorizza d-dħul tal-membru tal-familja tal-isponsor u għandu joħroġlu permess ta’ residenza inizjali, konformement mal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2003/86.

34      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma obbligati, qabel jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja fil-kuntest tad-Direttiva 2003/86, jikkonstataw l-eżistenza tar-rabtiet tal-familja rilevanti bejn l-isponsor u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li favur tiegħu tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija awtoritajiet ma jistgħux joħorġu permess ta’ residenza bbażat fuq id-Direttiva 2003/86 lil ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti minnha għall-għoti ta’ dan il-permess (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2018, Diallo, C‑246/17, EU:C:2018:499, punt 50).

36      Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 17 u 25 ta’ din is-sentenza, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma meħtieġa joħorġu, mingħajr eċċezzjoni, permess ta’ residenza bbażat fuq id-Direttiva 2003/86 lill-applikant għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-iskadenza ta’ terminu ta’ sitt xhur li jiddekorri mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu, minkejja li ma jkunx ġie kkonstatat minn qabel li l-applikant effettivament kien jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fid-Direttiva 2003/86 sabiex jibbenefika minn dan il-permess.

37      Tali leġiżlazzjoni, sa fejn tippermetti l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza bbażat fuq id-Direttiva 2003/86 lil persuna li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex tiksbu, tippreġudika l-effett utli ta’ din id-direttiva u tmur kontra l-għanijiet tagħha.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li d-Direttiva 2003/86 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fl-assenza tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni mal-iskadenza ta’ terminu ta’ sitt xhur li jiddekorri mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom joħorġu ex officio permess ta’ residenza lill-applikant, mingħajr ma jkollhom neċessarjament jikkonstataw minn qabel li dan tal-aħħar effettivament jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti konformement mad-dritt tal-Unjoni.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fl-assenza tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni mal-iskadenza ta’ terminu ta’ sitt xhur li jiddekorri mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom joħorġu ex officio permess ta’ residenza lill-applikant, mingħajr ma jkollhom neċessarjament jikkonstataw minn qabel li dan tal-aħħar effettivament jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti konformement mad-dritt tal-Unjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.