SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Ottubru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2008/104/KE – Xogħol temporanju – Artikolu 5(5) – Ugwaljanza fit-trattament – Miżuri neċessarji sabiex jiġi evitat l-użu abbużiv tax-xogħol temporanju – Obbligu, għall-Istati Membri, li jevitaw l-assenjazzjonijiet suċċessivi – Assenza ta’ previżjoni ta’ limiti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali – Rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi”

Fil-Kawża C‑681/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale ordinario di Brescia (il-Qorti Distrettwali ta’ Brescia, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Ottubru 2018, fil-proċedura

JH

vs

KG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, A. Kumin (Relatur), T. von Danwitz u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal JH, minn A. Carbonelli, avvocato,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Rocchitta, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn M. van Beek u C. Zadra, sussegwentement minn M. van Hoof, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ April 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU 2008, L 327, p. 9).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn JH u KG dwar it-talba ta’ JH, ħaddiem temporanju mqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ KG, li jiġi rrikonoxxut lilu l-istatus ta’ impjegat għal żmien indeterminat minn din tal-aħħar għar-raġuni, b’mod partikolari, li nqabeż in-numru massimu ta’ prorogi tal-kuntratti ta’ xogħol temporanju awtorizzati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 10 sa 12 u 15 tad-Direttiva 2008/104 jgħidu li:

“(10)

Hemm differenzi konsiderevoli fl-użu tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija u fis-sitwazzjoni legali, l-istatus u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija fl-Unjoni Ewropea.

(11)

Ix-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija mhux biss jilħaq il-ħtiġijiet għall-flessibbiltà ta’ l-intrapriżi iżda wkoll il-ħtieġa li l-impjegati jirrikkonċiljaw il-ħajja tax-xogħol u dik privata tagħhom. B’hekk huwa jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ l-impjiegi u għall-parteċipazzjoni u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

(12)

Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas protettiv għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li huwa non-diskriminatorju, trasparenti u proporzjonat, filwaqt li tirrispetta d-diversità tas-swieq tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali.

[…]

(15)

Il-kuntratti ta’ impjieg għal żmien indefinit huma l-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg. Fil-każ ta’ ħaddiema li għandhom kuntratt permanenti ma’ l-aġenzija ta’ xogħol temporanju tagħhom, u bil-ħsieb tal-protezzjoni speċjali li joffri tali kuntratt, għandu jkun previst li jkunu permessi eżenzjonijiet mir-regoli applikabbli fl-impriża utenti.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema b’kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju li huma assenjati għal impriżi utenti biex jaħdmu b’mod temporanju taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħhom.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Għan”, jipprevedi li:

“Il-fini ta’ din id-Direttiva huwa li tiżgura l-protezzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija billi tiżgura li l-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif imniżżel fl-Artikolu 5, ikun applikat għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. u billi tirrikonoxxi lill-aġenziji ta’ xogħol temporanju bħala entitajiet li jħaddmu, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas xieraq għall-użu tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija bil-ħsieb li jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ħolqien ta’ l-impjiegi u għall-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol.”

6

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)

‘aġenzija ta’ xogħol temporanju’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, f’konformità mal-liġi nazzjonali, tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg jew relazzjonijiet ta’ impjieg ma’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija sabiex tassenjahom lil impriżi utenti biex jaħdmu hemm temporanjament taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħhom;

(ċ)

‘ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija’ tfisser ħaddiem b’kuntratt ta’ impjieg jew li għandu relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju bil-ħsieb li jiġi assenjat għal ma’ impriża utenti biex jaħdem temporanjament taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħha;

(d)

‘impriża utenti’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jaħdem temporanjament għaliha taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħha;

(e)

‘assenjazzjoni’ tfisser il-perijodu li matulu l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jintbagħat fl-impriża utenti biex jaħdem temporanjament taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħha;

(f)

‘kondizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg’ tfisser kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg stabbiliti mil-leġislazzjoni, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet amministrattivi, l-istrumenti ta’ ftehim kollettivi u/jew dispożizzjonijiet ġenerali vinkolanti oħrajn fis-seħħ fl-impriża utenti relatati ma’:

(i)

it-tul tal-ħin tax-xogħol, is-sahra, il-breaks, il-perijodi ta’ mistrieħ, ix-xogħol bil-lejl, il-vaganzi u l-btajjel pubbliċi;

(ii)

il-paga.”

7

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/104, intitolat “Reviżjoni tar-restrizzjonijiet jew tal-projbizzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu ġġustifikati biss għal raġunijiet ta’ interess ġenerali li għandhom x’jaqsmu b’mod partikolari mal-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew il-ħtieġa li jkun żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem tajjeb u jiġu prevenuti l-abbużi.”

8

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-prinċipju ta’ trattament ugwali”, jinsab fil-Kapitolu II tagħha, dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dan l-artikolu huwa fformulat hekk:

“1.   Il-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u ta’ l-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu, għat-tul ta’ żmien ta’ l-assenjazzjoni tagħhom f’impriża utenti, ta’ l-inqas dawk li jkunu japplikaw kieku kienu rreklutati direttament minn dik l-impriża biex jokkupaw l-istess impjieg.

Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu, ir-regoli fis-seħħ fl-impriża utenti dwar:

(a)

il-protezzjoni ta’ nisa tqal u ommijiet li qed ireddgħu u l-protezzjoni ta’ tfal u żgħażagħ; u

(b)

it-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa u kwalunkwe azzjoni biex tiġi miġġielda kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon, it-twemmin, diżabbiltajiet, l-età jew l-orjentament sesswali;

għandhom jiġu rrispettati kif stabbilit mil-leġislazzjoni, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet amministrattivi, l-istrumenti ta’ ftehim kollettivi u/jew kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali oħra.

2.   Fir-rigward tal-paga, l-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, jipprovdu li ssir eżenzjoni mill-prinċipju stabbilit fil-paragrafu 1 fejn il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li għandhom kuntratt permanenti ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju jibqgħu jitħallsu fiż-żmien ta’ bejn l-assenjazzjonijiet.

3.   L-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, jagħtuhom, fil-livell adatt u soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri, l-għażla li jżommu jew jikkonkludu strumenti ta’ ftehim kollettivi li, waqt li jirrispettaw il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, jistgħu jistabbilixxu dispożizzjonijiet dwar il-kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jistgħu jkunu differenti minn dawk imsemmijin fil-paragrafu 1.

4.   Sakemm ikun ipprovdut livell adegwat ta’ protezzjoni għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, l-Istati Membri, li fihom jew m’hemmx sistema fil-liġi biex strumenti ta’ ftehim kollettivi jiġu ddikjarati applikabbli universalment jew li m’hemmx sistema bħal din fil-liġi jew prattika biex id-dispożizzjonijiet tagħhom jiġu estiżi għall-impriżi simili kollha f’ċertu settur jew żona ġeografika, jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali u abbażi ta’ ftehim konkluż minnhom, jistabbilixxu arranġamenti rigward il-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u l-impjieg li jidderogaw mill-prinċipju stabbilit fil-paragrafu 1. Dispożizzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu perijodu ta’ kwalifika għal trattament ugwali.

Id-dispożizzjonijiet msemmijin f’dan il-paragrafu għandhom ikunu f’konformità mal-leġislazzjoni [tal-Unjoni] u għandhom ikunu preċiżi u aċċessibbli biżżejjed biex jippermettu lis-setturi u lill-impriżi kkonċernati jidentifikaw u jikkonformaw ma’ l-obbligi tagħhom. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3(2) jekk l-iskemi tas-sigurtà soċjali marbutin max-xogħol, inklużi l-iskemi ta’ pensjoni, ta’ ħlas għall-mard jew ta’ parteċipazzjoni finanzjarja humiex inklużi fil-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u l-impjieg imsemmijin fil-paragrafu 1. Dispożizzjonijiet bħal dawn għandhom ukoll ikunu mingħajr preġudizzju għal strumenti ta’ ftehim fil-livell nazzjonali, reġjonali, lokali jew settorjali li m’humiex inqas favorevoli għall-ħaddiema.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti, skond il-liġi nazzjonali u/jew il-prattika, bil-ħsieb li jipprevjenu l-użu ħażin fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu u, b’mod partikolari, jipprevjenu l-assenjazzjonijiet suċċessivi mfassla biex jevitaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’tali miżuri.”

9

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Aċċess għall-impjieg, faċilitajiet kollettivi u taħriġ vokazzjonali”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li:

“1.   Il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu infurmati bi kwalunkwe post vakant fl-impriża utenti biex jingħataw l-istess opportunità bħall-ħaddiema l-oħra f’dik l-impriża biex isibu impjieg permanenti. Din l-informazzjoni tista’ tingħata b’avviz ġenerali f’post adatt fl-impriża li għaliha u taħt is-superviżjoni tagħha jiġu ingaġġati l-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe azzjoni meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe klawsola li tipprojbixxi jew li għandha l-effett li tipprevjeni l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża utenti u l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija wara l-assenjazzjoni tiegħu huma nulli u bla effett jew jistgħu jiġu ddikjarati nulli u bla effett.”

10

L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Rekwiżiti minimi”, jistabbilixxi li:

“1.   Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema jew li jippromwovu jew jippermettu strumenti ta’ ftehim kollettivi konklużi bejn l-imsieħba soċjali li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.

2.   L-implimentazzjoni tad-Direttiva taħt l-ebda ċirkustanza m’għandha tikkostitwixxi raġunijiet suffiċjenti biex tiġġustifika tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma koperti b’din id-Direttiva. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ Stati Membri u/jew ta’ min iħaddem u l-ħaddiema li jistabbilixxu, fid-dawl ta’ ċirkostanzi li jinbidlu, arranġamenti leġislattivi, regolatorji jew kuntrattwali differenti minn dawk li jipprevalu fiż-żmien ta’ l-addozzjoni ta’ din id-Direttiva, dejjem sakemm jiġu rispettati r-rekwiżiti minimi stabbiliti f’din id-Direttiva.”

Id-dritt Taljan

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003

11

L-Artikolu 20 tad-decreto legislativo n. 276 – Attuazione delle deleghe in materia di occupazione e mercato del lavoro, di cui alla legge 14 febbraio 2003, n. 30 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 276, dwar l-Implimentazzjoni tad-Delegi fil-Qasam tal-Impjieg u tas-Suq tax-Xogħol, Previsti mil-Liġi Nru 30, tal‑14 ta’ Frar 2003), tal‑10 ta’ Settembru 2003 (Suppliment Ordinarju Nru 159 għall-GURI Nru 235, tad‑9 ta’ Ottubru 2003), kif emendat bid-decreto-legge n. 34 – Disposizioni urgenti per favorire il rilancio dell’occupazione e per la semplificazione degli adempimenti a carico delle imprese (id-Digriet‑Liġi Nru 34, dwar Dispożizzjonijiet Urġenti għall-Promozzjoni mill-Ġdid tal-Impjieg u għas-Semplifikazzjoni tal-Formalitajiet li Għalihom Huma Responsabbli l-Impriżi), tal‑20 ta’ Marzu 2014 (GURI Nru 66, tal‑20 ta’ Marzu 2014), li sar liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 78/2014 (GURI Nru 114, tad‑19 ta’ Mejju 2014) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003), intitolat “Kundizzjonijiet għal-legalità”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, essenzjalment, li l-kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema jista’ jiġi konkluż għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat, fejn it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema għal żmien indeterminat huwa ammess biss għal ċerti tipi ta’ professjonijiet u ta’ attivitajiet elenkati f’din id-dispożizzjoni.

12

L-Artikolu 20(4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003 jistabbilixxi li:

“L-iffissar, anki b’mod mhux uniformi, ta’ limiti kwantitattivi ta’ użu tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat huwa mogħti lill-ftehimiet kollettivi nazzjonali konklużi mis-sindakati komparattivament l-iktar rappreżentattivi, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-[decreto legislativo n. 368 – Attuazione della direttiva 1999/70/CE relativa all’accordo quadro sul lavoro a tempo determinato concluso dall’UNICE, dal CEEP e dal CES (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 368, li Jittrasponi d-Direttiva 1999/70/KE dwar il-Ftehim Qafas dwar Xogħol għal Żmien Fiss Konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP), tas‑6 ta’ Settembru 2001 (GURI Nru 235, tad‑9 ta’ Ottubru 2001)].”

13

L-Artikolu 21 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003, intitolat “Forma tal-kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Il-kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema għandu jiġi konkluż bil-miktub u għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

[…]

c)

il-każijiet u r-raġunijiet ta’ natura teknika jew relatati ma’ rekwiżiti ta’ produzzjoni, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni msemmija fl-Artikolu 20(3);

[…]”

14

L-Artikolu 22 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, intitolat “Sistema applikabbli għar-relazzjonijiet ta’ xogħol”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fil-każ ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema għal żmien indeterminat, ir-relazzjonijiet ta’ xogħol bejn l-aġenzija u l-ħaddiem huma suġġetti għad-dritt komuni tar-relazzjonijiet ta’ xogħol previst fil-Kodiċi Ċivili u fil-liġijiet partikolari.

2.   Fil-każ ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat, ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn l-aġenzija u l-ħaddiem hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368, tas‑6 ta’ Settembru 2001, sa fejn huma kompatibbli, u, fi kwalunkwe każ, bl-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3) et seq. It-terminu inizjali tal-kuntratt tax-xogħol jista’ f’kull każ jiġi estiż, bi ftehim mal-ħaddiem u bil-miktub, fis-sitwazzjonijiet u għat-tul previst mill-ftehim kollettiv li permezz tiegħu l-aġenzija hija marbuta.

[…]”

15

L-Artikolu 27 tal-imsemmi digriet leġiżlattiv, intitolat “Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema irregolari”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu, li:

“1.   Meta t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema jseħħ barra mil-limiti u mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 20 u 21(1)(a), (b), (c), (d) u (e), il-ħaddiem jista’ jitlob, permezz ta’ rikors ġudizzjarju skont l-Artikolu 414 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, anki jekk innotifikat lill-persuna biss li użat is-servizz, l-istabbiliment ta’ relazzjoni ta’ xogħol bħala impjegat ta’ dan tal-aħħar, b’effett mill-bidu tat-tqegħid għad-dispożizzjoni.

[…]

3.   Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 20(3) u (4), li jippermettu t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat esklużivament, skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt, għall-konstatazzjoni tal-eżistenza tar-raġunijiet li jiġġustifikawh u ma jistax jiġi estiż sal-punt li l-evalwazzjonijiet u l-għażliet tekniċi, ta’ organizzazzjoni jew ta’ produzzjoni li għandhom l-utenti jiġu evalwati fil-mertu.”

16

L-Artikolu 28 tal-istess digriet leġiżlattiv, intitolat “Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema b’mod frawdolenti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Bla ħsara għas-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 18, meta t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema jsir bil-għan speċifiku li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet mandatorji tal-liġi jew ta’ ftehim kollettiv applikat għall-ħaddiema, l-aġenzija u l-utent huma ssanzjonati b’multa ta’ EUR 20 għal kull ħaddiem involut u għal kull jum ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni.”

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001

17

L-Artikolu 1 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368, tas‑6 ta’ Settembru 2001, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001”), jistabbilixxi li:

“01.   Il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat jikkostitwixxi l-forma ordinarja tar-relazzjoni ta’ xogħol.

1.   Il-kuntratt ta’ xogħol ta’ impjegat konkluż bejn persuna li timpjega u ħaddiem għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ kull tip ta’ funzjonijiet, kemm fil-forma ta’ kuntratt għal żmien determinat kif ukoll fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat, fis-sens tal-Artikolu 20(4) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 276/2003], jista’ jinkludi data ta’ tmiem meta dan ma jeċċedix it-tul ta’ sitta u tletin xahar, inklużi l-eventwali prorogi. […]”

18

L-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“It-terminu tal-kuntratt għal żmien determinat jista’ jiġi estiż, bil-kunsens tal-ħaddiem, biss meta t-tul inizjali tal-kuntratt ikun ta’ inqas minn tliet snin. F’dawn il-każijiet, il-prorogi huma ammessi biss sa massimu ta’ ħames darbiet b’kollox matul is-sitta u tletin xahar, indipendentement min-numru ta’ tiġdidiet, bil-kundizzjoni li dawn ikunu relatati mal-istess attività professjonali li għaliha ġie stipulat il-kuntratt għal żmien determinat. F’dan il-każ biss, it-tul totali tar-relazzjoni għal żmien determinat ma jistax jeċċedi tliet snin.”

19

L-Artikolu 5 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, intitolat “Skadenza tat-terminu u sanzjonijiet – Kuntratti suċċessivi”, jgħid, fil-paragrafi 3 sa 4bis tiegħu, li:

“3.   Meta l-ħaddiem jiġi impjegat mill-ġdid għal żmien determinat skont l-Artikolu 1 fi żmien ta’ għaxart ijiem li jibdew jiddekorru mid-data tal-iskadenza ta’ kuntratt li t-tul tiegħu jkun ta’ sitt xhur jew inqas, jew ta’ għoxrin jum li jibdew jiddekorru mid-data tal-iskadenza ta’ kuntratt li t-tul tiegħu jkun ta’ iktar minn sitt xhur, it-tieni kuntratt jitqies li huwa konkluż għal żmien indeterminat. […]

4.   Fil-każ ta’ żewġ reklutaġġi suċċessivi għal żmien determinat, li għandhom jitqiesu bħala relazzjonijiet mingħajr interruzzjoni bejniethom, ir-relazzjoni ta’ xogħol għandha titqies li hija għal żmien indeterminat b’effett mid-data tal-konklużjoni tal-ewwel kuntratt.

4 bis.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-kuntratti suċċessivi kif previsti fil-paragrafi preċedenti, u mingħajr preġudizzju għad-diversi dispożizzjonijiet stabbiliti fi ftehimiet kollettivi, meta, b’riżultat ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ekwivalenti, ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn l-istess persuna li timpjega u l-istess impjegat taqbeż, globalment, il-perijodu ta’ sitta u tletin xahar, inklużi l-prorogi u t-tiġdid, indipendentement mill-perijodi ta’ interruzzjoni bejn il- kuntratti, ir-relazzjoni ta’ xogħol għandha titqies bħala li hija ta’ żmien indeterminat […].”

Il-Ftehim Kollettiv

20

L-Artikolu 47 tal-Contratto collettivo nazionale di lavoro per la categoria delle agenzie di somministrazione di lavoro (il-Ftehim Kollettiv Nazzjonali għall-Kategorija tal-Aġenziji ta’ Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Ħaddiema), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Kollettiv”), jipprovdi li l-prorogi ta’ kuntratt huma rregolati esklużivament minn dan tal-aħħar. Skont dan, il-kuntratti għal żmien determinat jistgħu jiġu estiżi sitt darbiet skont l-Artikolu 22(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003. Kull kuntratt, inklużi l-prorogi, ma jistax jeċċedi sitta u tletin xahar.

Il-Kodiċi Ċivili

21

L-Artikoli 1344 u 1421 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdu li l-kuntratti konklużi sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji huma invalidi.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

22

JH, ħaddiem impjegat minn aġenzija ta’ xogħol temporanju, ġie assenjat, bħala ħaddiem temporanju lill-impriża utenti KG, bejn it‑3 ta’ Marzu 2014 u t‑30 ta’ Novembru 2016 permezz ta’ diversi kuntratti suċċessivi ta’ xogħol temporanju (total ta’ tmienja) u ta’ diversi prorogi ta’ dawn (total ta’ sbatax).

23

Fix-xahar ta’ Frar 2017, JH adixxa lill-qorti tar-rinviju, it-Tribunale ordinario di Brescia (il-Qorti Distrettwali ta’ Brescia, l-Italja), sabiex tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat bejnu u KG minħabba l-illegalità tal-użu ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi u mhux interrotti bejn ix-xahar ta’ Marzu 2014 u x-xahar ta’ Novembru 2016. Barra minn hekk, huwa jitlob lil dik il-qorti tikkonstata u tiddikjara l-illegalità u/jew l-irregolarità u/jew in-nullità tal-kuntratti ta’ xogħol temporanju li abbażi tagħhom tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ KG.

24

F’dan ir-rigward, JH isostni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tax-xogħol temporanju applikabbli għall-kawża prinċipali, li ma jipprevedu ebda limitazzjoni għall-assenjazzjonijiet suċċessivi tal-ħaddiema mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-istess utent, imorru kontra d-Direttiva 2008/104. B’mod partikolari, minn naħa, mill-premessa 15 ta’ din id-direttiva jirriżulta li, b’mod ġenerali, ir-relazzjonijiet ta’ xogħol għandhom jieħdu l-forma ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, u, min-naħa l-oħra, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi evitat l-għoti ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi bil-għan li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet tagħha.

25

Barra minn hekk, JH isostni li l-kuntratti suċċessivi ta’ xogħol temporanju li permezz tagħhom tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ KG kienu wkoll illegali abbażi, minn naħa, tal-Artikolu 1344 tal-Kodiċi Ċivili, peress li dawn il-kuntratti jiksru dispożizzjonijiet legali kemm interni kif ukoll tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 1421 ta’ dan il-kodiċi, peress li l-imsemmija kuntratti kellhom ikunu nulli minħabba ksur tal-projbizzjoni ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod frawdolenti ta’ ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 28 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003.

26

Il-qorti tar-rinviju tosserva qabel kollox li l-applikazzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003 għat-tilwima mressqa quddiemha għandha, bħala prinċipju, twassalha sabiex tiċħad ir-rikors ippreżentat minn JH. Fil-fatt, permezz tal-emenda tiegħu bid-Digriet‑Liġi Nru 34/2014, l-Artikolu 20(4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003 la jipprevedi iktar, kif kien il-każ qabel, li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat huwa awtorizzat biss għal raġunijiet ta’ natura teknika jew marbuta ma’ rekwiżiti ta’ produzzjoni, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni, anki jekk dawn ikunu marbuta mal-attività ordinarja tal-utent, u lanqas in-neċessità li jiġu indikati fil-kuntratt bil-miktub l-imsemmija raġunijiet.

27

Għalhekk, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003 ma jillimitax in-numru awtorizzat ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi tal-ħaddiem temporanju mal-istess impriża utenti, peress li l-Artikolu 22 tiegħu jeskludi l-applikabbiltà tal-Artikolu 5(3) et seq. tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, li, fil-qasam ta’ kuntratti għal żmien determinat, jillimita l-possibbiltà li jiġu konklużi diversi kuntratti suċċessivi għal żmien determinat, u jistabbilixxi, fi kwalunkwe każ, limitu massimu ta’ sitta u tletin xahar ta’ xogħol.

28

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li s-sistema tal-Ftehim Kollettiv ma hijiex applikabbli għar-relazzjoni ta’ xogħol bejn JH u KG, peress li din hija leġiżlazzjoni applikabbli biss għar-relazzjonijiet bejn il-ħaddiema u l-aġenziji tax-xogħol temporanju. Fi kwalunkwe każ, dan il-Ftehim Kollettiv lanqas ma jipprevedi li l-kuntratt għandu jispeċifika r-raġunijiet għall-użu tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema u ma jipprojbixxix il-konklużjoni, mingħajr nuqqas ta’ kontinwità, ta’ kuntratt ġdid immedjatament wara t-tmiem tas-sitt proroga tal-kuntratt preċedenti.

29

Il-qorti tar-rinviju tqis li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra d-Direttiva 2008/104, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 5(5) ta’ din tal-aħħar, moqrija fid-dawl tal-premessa 15 tagħha, sa fejn ma tippermetti ebda stħarriġ ġudizzjarju tar-raġunijiet għall-użu ta’ xogħol temporanju u ma tiffissax limitu għall-assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem mal-istess impriża utenti.

30

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale ordinario di Brescia (il-Qorti Distrettwali ta’ Brescia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 5(5) tad-Direttiva [2008/104/KE] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003], li

(a)

ma jipprevedix limiti għall-assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem mal-istess impriża utenti;

(b)

ma jissuġġettax il-leġittimità tal-użu ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema, minn aġenzija tax-xogħol, għal żmien determinat għall-obbligu li jiġu indikati r-raġunijiet ta’ natura teknika, ta’ produttività, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni tal-użu tat-tqegħid għad-dispożizzjoni nnifsu; [u]

(c)

ma jipprevedix ir-rekwiżit li l-ħtieġa ta’ produttività rispettiva tal-impriża utenti għandha tkun temporanja bħala kundizzjoni għall-użu leġittimu ta’ tali forma ta’ kuntratt ta’ xogħol?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

31

Il-Gvern Taljan jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari u josserva, f’dan ir-rigward, minn naħa, li l-qorti tar-rinviju ma tagħti ebda indikazzjoni dwar in-natura tal-kuntratt ta’ xogħol bejn JH u l-aġenzija ta’ xogħol temporanju, b’mod iktar preċiż jekk dan huwiex kuntratt għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat, filwaqt li l-leġiżlazzjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju tapplika biss għal relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat.

32

Min-naħa l-oħra, il-kawża prinċipali hija tilwima bejn individwi u d-Direttiva 2008/104 ma għandhiex effett dirett orizzontali. Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula ma għandha ebda effett fuq l-eżitu ta’ din it-tilwima. L-uniku riżultat pożittiv possibbli għal JH huwa li jikseb kumpens mingħand ir-Repubblika Taljana jekk it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/104 minn dan l-Istat Membru titqies inkompleta jew imperfetta.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Praxair MRC, C‑486/18, EU:C:2019:379, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Praxair MRC, C‑486/18, EU:C:2019:379, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li din il-kawża ma tikkorrispondi għal ebda wieħed mill-każijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tirrispondi għal domandi preliminari. Il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104, dispożizzjoni li hija, kif jirriżulta mill-kuntest fattwali u ġuridiku ppreżentat minn dik il-qorti, rilevanti fir-rigward tal-kawża prinċipali. Din tal-aħħar tippreċiża, barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 26 sa 29 ta’ din is-sentenza, ir-raġunijiet li għalihom hija tqis din l-interpretazzjoni neċessarja. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-espożizzjoni, mill-imsemmija qorti, kemm taċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża prinċipali kif ukoll tal-kwistjonijiet ta’ liġi li din tqajjem hija suffiċjenti sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli għad-domanda magħmula.

36

Għandu jitfakkar ukoll li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din tal-aħħar għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn għandhomx effett dirett jew le bejn il-partijiet fil-kawża inkwistjoni (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Praxair MRC, C‑486/18, EU:C:2019:379, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-argumenti li l-Gvern Taljan jislet mill-impossibbiltà li jiġu applikati direttament id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104 għal tilwima bejn individwi huma irrilevanti.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

38

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tillimitax in-numru ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi li l-istess ħaddiem temporanju jista’ jwettaq mal-istess impriża utenti u ma tissuġġettax il-legalità tal-użu tax-xogħol temporanju għall-indikazzjoni tar-raġunijiet ta’ natura teknika jew relatati ma’ rekwiżiti ta’ produzzjoni, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni li jiġġustifikaw dan l-użu.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2008/104 ġiet adottata sabiex tikkompleta l-qafas leġiżlattiv stabbilit mid-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal‑15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267), u mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), fuq il-bażi tal-Artikolu 137(1) u (2) KE, li kien jagħti lill-istituzzjonijiet is-setgħa li jadottaw, permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi applikabbli progressivament b’mod partikolari għall-kundizzjonijiet tax-xogħol.

40

Mill-premessi 10 u 12 tad-Direttiva 2008/104 jirriżulta li, peress li s-sitwazzjoni legali, l-istatus u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema temporanji fi ħdan l-Unjoni huma kkaratterizzati minn diversità kbira ħafna, din id-direttiva hija intiża sabiex tistabbilixxi qafas protettiv għal dawn il-ħaddiema, li huwa nondiskriminatorju, trasparenti u proporzjonat, filwaqt li tiġi osservata d-diversità tas-swieq tax-xogħol u tar-relazzjonijiet bejn l-imsieħba soċjali. Għalhekk, konformement mal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, din għandha l-għan li tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji u li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol temporanju billi tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ dawn il-ħaddiema u billi tirrikonoxxi lill-impriżi ta’ xogħol temporanju bħala persuni li jimpjegaw, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiġi stabbilit qafas xieraq ta’ użu ta’ dan it-tip ta’ xogħol bil-għan li jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ħolqien ta’ impjiegi u għall-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol.

41

Għal dan il-għan, id-Direttiva 2008/104 tipprevedi biss, kif jirriżulta mill-bażi legali tagħha, imfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, u mill-Artikolu 9 tagħha, l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti minimi intiżi, minn naħa, sabiex jiżguraw l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema temporanji, stabbilit fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, sabiex jeżaminaw mill-ġdid il-projbizzjonijiet kif ukoll ir-restrizzjonijiet applikabbli għax-xogħol temporanju previsti mill-Istati Membri sabiex jinżammu biss dawk li huma ġġustifikati minn raġunijiet ta’ interess ġenerali u relatati mal-protezzjoni tal-ħaddiema, kif previst fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva.

42

Issa, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104, li tinsab fost dawn ir-rekwiżiti minimi, tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji, konformement mad-dritt nazzjonali jew mal-prattiki fis-seħħ fil-pajjiż, sabiex jiġi evitat l-użu abbużiv tal-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu u, b’mod partikolari, assenjazzjonijiet suċċessivi bil-għan li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma timponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jillimitaw in-numru ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem mal-istess impriża utenti jew li jissuġġettaw l-użu ta’ din il-forma ta’ xogħol għal żmien determinat għall-indikazzjoni tar-raġunijiet ta’ natura teknika jew relatati ma’ rekwiżiti ta’ produzzjoni, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni, l-istess wara kollox bħad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmija direttiva, ma tipprevedix miżura speċifika li l-Istati Membri għandhom jadottaw għal dan il-għan.

43

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104, li jistabbilixxi li, meta l-Istati Membri jkunu pprevedew, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet għall-użu tax-xogħol temporanju, dawn għandhom ikunu ġġustifikati minn raġunijiet ta’ interess ġenerali relatati, b’mod partikolari, mal-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji, mar-rekwiżiti tas-saħħa u tas-sigurtà fuq ix-xogħol jew man-neċessità li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq tax-xogħol u li jiġu evitati l-abbużi.

44

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem bħala li tiddelimita l-kuntest li fih għandha titwettaq l-attività regolatorja tal-Istati Membri fil-qasam ta’ projbizzjonijiet jew ta’ restrizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu ta’ ħaddiema temporanji u mhux bħala li timponi l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni speċifika fil-qasam, inkluż bil-għan li jiġu evitati l-abbużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2015, AKT, C‑533/13, EU:C:2015:173, punt 31).

45

Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li jsostni JH fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, it-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto (C‑331/17, EU:C:2018:859), li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70, ma jistax jiġi traspost għal din il-kawża. Fil-fatt, filwaqt li l-klawżola 5 tal-imsemmi ftehim qafas tipprevedi obbligi speċifiċi sabiex jiġi evitat l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, dan ma huwiex il-każ tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104.

46

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma jistax jiġi dedott mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 li din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri jipprevedu, fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rispettivi tagħhom, il-miżuri speċifiċi kollha jew parti minnhom imsemmija fid-domanda magħmula.

47

Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-qorti tar-rinviju, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, kif jirriżulta mill-punt 29 ta’ din is-sentenza, tistaqsi, b’mod iktar wiesa’, dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax titqies li tmur kontra d-Direttiva 2008/104, b’mod iktar partikolari kontra l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, moqrija fid-dawl tal-premessa 15 tagħha, sa fejn, billi ma tipprevedix tali miżuri, hija tista’ tippermetti assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem lill-istess impriża utenti, bil-għan li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, in-natura temporanja tax-xogħol temporanju. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk in-nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni jistax jiġi dedott ukoll, minn naħa, mill-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, li jippreżumi n-natura temporanja tal-assenjazzjoni tal-ħaddiem lill-impriża utenti, u, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, li l-punti (b) sa (e) tiegħu jiddefinixxu l-kunċetti ta’ “aġenzija ta’ xogħol temporanju”, ta’ “ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija”, ta’ “impriża utenti” u ta’ “assenjazzjoni” f’termini li jagħtu x’wieħed jifhem li din it-tip ta’ relazzjoni ta’ xogħol għandha, essenzjalment, natura temporanja.

48

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tqajjem ukoll il-kwistjoni dwar jekk, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2008/104, l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tagħha, ma huwiex li jimponi fuq l-Istati Membri li jippreżervaw in-natura temporanja tax-xogħol temporanju, billi jipprojbixxu t-tiġdid illimitat ta’ assenjazzjonijiet li fir-realtà jkopru bżonnijiet ta’ persunal permanenti tal-impriża utenti kkonċernata u b’hekk jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

49

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, xejn ma jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju billi tipprovdilha l-elementi ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tiddeċiedi hija stess dwar il-kompatibbiltà tad-dritt intern mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Varzim Sol, C‑25/11, EU:C:2012:94, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tas‑16 ta’ Jannar 2014, Baradics et, C‑430/13, EU:C:2014:32, punt 31).

50

Għal dan il-għan, għandu jiġi ppreċiżat, fl-ewwel lok, li l-premessa 11 tad-Direttiva 2008/104 tindika li din għandha l-intenzjoni li tirrispondi mhux biss għall-bżonnijiet ta’ flessibbiltà tal-impriżi, iżda wkoll għan-neċessità tal-ħaddiema li jirrikonċiljaw il-ħajja professjonali u l-ħajja privata tagħhom u b’hekk tikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi kif ukoll għall-parteċipazzjoni u għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Għaldaqstant, din id-direttiva tfittex li tirrikonċilja l-għan ta’ flessibbiltà mfittex mill-impriżi u l-għan ta’ sigurtà li jikkorrispondi għall-protezzjoni tal-ħaddiema.

51

Dan l-għan doppju jissodisfa għalhekk ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jqarreb il-kundizzjonijiet tax-xogħol temporanju mar-relazzjonijiet ta’ xogħol “normali”, iktar u iktar peress li, fil-premessa 15 tad-Direttiva 2008/104, l-imsemmi leġiżlatur ippreċiża espliċitament li l-forma ġenerali ta’ xogħol hija l-kuntratt għal żmien indeterminat. Għaldaqstant, din id-direttiva hija intiża wkoll sabiex tinkoraġġixxi l-aċċess tal-ħaddiema temporanji għal impjieg permanenti fl-impriża utenti, għan li huwa rifless b’mod partikolari fl-Artikolu 6(1) u (2) tagħha.

52

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, jagħmel parti mill-istess għan. Skont din id-dispożizzjoni, fil-fatt, matul il-perijodu tal-assenjazzjoni tagħhom ma’ impriża utenti, il-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji għandhom, mill-inqas, jikkorrispondu għal dawk li jkunu applikabbli għalihom li kieku jiġu rreklutati direttament mill-imsemmija impriża sabiex jokkupaw l-istess pożizzjoni.

53

Fit-tieni lok, il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg”, li jiddetermina l-portata tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li għandu jiġi applikat għall-ħaddiema temporanji, huwa ddefinit fl-Artikolu 3(1)(f) tad-Direttiva 2008/104, u jirreferi għat-tul tax-xogħol, għas-sahra, għall-ħin tal-pawża, għall-perijodi ta’ mistrieħ, għax-xogħol billejl, għal-leave, għall-festi pubbliċi kif ukoll għar-remunerazzjoni.

54

Madankollu, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-premessa 1 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tal-aħħar hija intiża li tiżgura r-rispett sħiħ tal-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li, skont il-paragrafu 1 tiegħu, jistabbilixxi, b’mod ġenerali, id-dritt ta’ kull ħaddiem għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu. L-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17) jindikaw, f’dan ir-rigward, li l-espressjoni “kundizzjonijiet tax-xogħol” għandha tinftiehem fis-sens tal-Artikolu 156 TFUE. Madankollu, din l-aħħar dispożizzjoni sempliċement issemmi, mingħajr ma tiddefinixxihom iktar ’il quddiem, il-“kundizzjonijiet tax-xogħol” bħala wieħed mill-oqsma tal-politika soċjali tal-Unjoni li fiha l-Kummissjoni Ewropea tista’ tintervjeni sabiex tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-azzjoni tagħhom. Fid-dawl tal-għan protettiv tad-drittijiet tal-ħaddiem temporanju segwit mid-Direttiva 2008/104, din l-assenza ta’ preċiżjoni timmilita favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tax-xogħol”.

55

Fit-tielet lok, f’dan l-istess sens, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 timponi fuq l-Istati Membri żewġ obbligi distinti, jiġifieri li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jevitaw, minn naħa, l-użu abbużiv tad-derogi mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament awtorizzati mill-Artikolu 5 stess u, min-naħa l-oħra, l-assenjazzjonijiet suċċessivi bil-għan li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104 fl-intier tagħha.

56

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kliem “u, b’mod partikolari”, użat fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva sabiex issir ir-rabta bejn dawn iż-żewġ obbligi, ma jistax jiġi interpretat, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fis-sens li t-tieni obbligu huwa awtomatikament u kompletament suġġett għall-ewwel sentenza, b’tali mod li l-imsemmija dispożizzjoni tapplika esklużivament għal użu abbużiv tad-derogi awtorizzati mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li l-portata konkreta tiegħu għall-finijiet tal-imsemmija direttiva hija ppreċiżata fl-Artikolu 5(1) sa (4) tagħha.

57

Iż-żewġ obbligi imposti fuq l-Istati Membri għandhom żewġ portati distinti ħafna. L-ewwel waħda timponi fuqhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jevitaw biss użu abbużiv tad-derogi awtorizzati skont l-Artikolu 5(2) sa (4) tad-Direttiva 2008/104. Min-naħa l-oħra, it-tieni obbligu huwa stabbilit b’mod iktar wiesa’ u huwa intiż sabiex dawn l-istess Stati jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jevitaw, b’mod partikolari, l-assenjazzjonijiet suċċessivi bil-għan li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fl-intier tagħha.

58

L-interpretazzjoni restrittiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 sostnuta mill-Kummissjoni tmur kontra mhux biss il-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni, li tipprevedi espliċitament żewġ obbligi fuq l-Istati Membri, fejn it-tieni wieħed huwa intiż għad-Direttiva 2008/104 b’mod ġenerali, iżda wkoll kontra l-għan espliċitu ta’ din id-direttiva, li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol temporanju.

59

Minn dan isegwi li l-obbligu li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 timponi fuq l-Istati Membri, li jikkonsisti f’li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġu evitati l-assenjazzjonijiet suċċessivi bil-għan li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, għandu, fid-dawl tal-istruttura u tal-għan tagħha, jinftiehem fis-sens li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet kollha tal-imsemmija direttiva.

60

Fir-raba’ lok, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2008/104 hija intiża wkoll sabiex l-Istati Membri jiżguraw li x-xogħol temporanju mal-istess impriża utenti ma jsirx sitwazzjoni permanenti għal ħaddiem temporanju.

61

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1)(b) sa (e) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “aġenzija ta’ xogħol temporanju”, ta’ “ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija”, ta’ “impriża utenti” u ta’ “assenjazzjoni” u li minn dawn id-definizzjonijiet jirriżulta li r-relazzjoni ta’ xogħol ma’ impriża utenti hija, min-natura tagħha, ta’ natura temporanja.

62

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-imsemmija direttiva tirreferi għal relazzjonijiet ta’ xogħol temporanji, tranżitorji jew limitati ratione temporis, u mhux għal relazzjonijiet ta’ xogħol permanenti, din tippreċiża, madankollu, fil-premessa 15 tagħha kif ukoll fl-Artikolu 6(1) u (2) tagħha, li l-“kuntratti ta’ impjieg għal żmien indeterminat”, jiġifieri r-relazzjonijiet ta’ xogħol permanenti, huma l-forma ġenerali ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol u li l-ħaddiema temporanji għandhom jiġu informati bil-pożizzjonijiet vakanti fl-impriża utenti sabiex ikollhom l-istess possibbiltà bħall-ħaddiema l-oħra ta’ din l-impriża li jiksbu impjieg permanenti.

63

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 tobbliga lill-Istati Membri, f’termini ċari, preċiżi u inkundizzjonati, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipprekludu l-abbużi li jikkonsistu f’sensiela ta’ assenjazzjonijiet ta’ xogħol temporanju bil-għan li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li Stat Membru ma jieħu ebda miżura sabiex jippreżerva n-natura temporanja tax-xogħol temporanju.

64

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minn din kif ukoll id-dmir tagħhom, skont l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 288 TFUE, li jieħdu l-miżuri kollha, ġenerali jew partikolari, li huma xierqa sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu huma imposti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inkluż, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Rayonna prokuratura Lom, C‑467/18, EU:C:2019:765, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Għall-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi li l-awtoritajiet nazzjonali jagħmlu dak kollu li jinsab fil-kompetenza tagħhom billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnu (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Rayonna prokuratura Lom, C‑467/18, EU:C:2019:765, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Madankollu, dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti. Għaldaqstant, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut tad-dritt tal-Unjoni meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Rayonna prokuratura Lom, C‑467/18, EU:C:2019:765, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

F’dan il-każ, huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-qorti tar-rinviju għandha tistħarreġ il-klassifikazzjoni ġuridika tar-relazzjoni ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl kemm tad-Direttiva 2008/104 stess kif ukoll tad-dritt nazzjonali li jittrasponiha fl-ordinament ġuridiku Taljan, b’mod li jiġi vverifikat jekk, kif isostni JH, din hijiex relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat li lilha ġiet attribwita artifiċjalment il-forma ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol temporanju bil-għan li jiġu evitati l-għanijiet tad-Direttiva 2008/104, b’mod partikolari, in-natura temporanja tax-xogħol temporanju.

68

Fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni, il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

69

Jekk l-assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem temporanju mal-istess impriża utenti jwasslu għal tul ta’ attività ma’ din l-impriża li huwa itwal minn dak li jista’ jiġi raġonevolment ikklassifikat bħala “temporanju”, dan jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni ta’ użu abbużiv tal-assenjazzjonijiet suċċessivi, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104.

70

Bl-istess mod, assenjazzjonijiet suċċessivi mogħtija lill-istess ħaddiem temporanju mal-istess impriża utenti, kif semmiet l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tagħha, jevitaw il-qalba stess tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104 u jikkostitwixxu abbuż ta’ din il-forma ta’ relazzjoni ta’ xogħol, sa fejn dawn jippreġudikaw il-bilanċ milħuq minn din id-direttiva bejn il-flessibbiltà tal-persuni li jimpjegaw u s-sigurtà għall-ħaddiema billi jdgħajfu din tal-aħħar.

71

Fl-aħħar nett, meta, f’każ konkret, ma tingħata l-ebda spjegazzjoni oġġettiva għall-fatt li l-impriża utenti kkonċernata tirrikorri għal sensiela ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol temporanju, hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina, fil-kuntest tal-qafas leġiżlattiv nazzjonali u billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104 tkunx ġiet evitata, u dan iktar u iktar meta jkun l-istess ħaddiem temporanju li jiġi assenjat lill-impriża utenti bis-sensiela ta’ kuntratti inkwistjoni.

72

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tillimitax in-numru ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi li l-istess ħaddiem temporanju jista’ jwettaq mal-istess impriża utenti u li ma tissuġġettax il-legalità tal-użu tax-xogħol temporanju għall-indikazzjoni tar-raġunijiet ta’ natura teknika jew relatati ma’ rekwiżiti ta’ produzzjoni, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni li jiġġustifikaw dan l-użu. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li Stat Membru ma jieħu ebda miżura sabiex jippreżerva n-natura temporanja tax-xogħol temporanju kif ukoll leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedi ebda miżura sabiex jiġu evitati l-assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem temporanju lill-istess impriża utenti bil-għan li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104 fl-intier tagħha.

Fuq l-ispejjeż

73

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tillimitax in-numru ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi li l-istess ħaddiem temporanju jista’ jwettaq mal-istess impriża utenti u li ma tissuġġettax il-legalità tal-użu tax-xogħol temporanju għall-indikazzjoni tar-raġunijiet ta’ natura teknika jew relatati ma’ rekwiżiti ta’ produzzjoni, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni li jiġġustifikaw dan l-użu. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li Stat Membru ma jieħu ebda miżura sabiex jippreżerva n-natura temporanja tax-xogħol temporanju kif ukoll leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedi ebda miżura sabiex jiġu evitati l-assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem temporanju lill-istess impriża utenti bil-għan li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104 fl-intier tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.