SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

5 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Rikonoxximent reċiproku – Sanzjonijiet pekunjarji – Raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Deċiżjoni Kwadru 2005/214/ĠAI – Deċiżjoni ta’ awtorità tal-Istat Membru emittenti abbażi ta’ informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta’ vettura – Għarfien tas-sanzjonijiet u tal-modalitajiet għal appell mill-persuna kkonċernata – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża C‑671/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Chełmnie (il-Qorti Distrettwali ta’ Chełmno, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Ottubru 2018, fil-proċedura mibdija minn

Centraal Justitieel Incassobureau, Ministerie van Veiligheid en Justitie (CJIB),

fil-preżenza ta’:

Z.P.,

Prokuratura Rejonowa w Chełmnie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Safjan, L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Pollakk, minn M. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u M. L. Noort, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse u J. Schmoll, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2)(g) u tal-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji (ĠU 2005, L 76, p. 16), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mis-Centraal Justitieel Incassobureau, Ministerie van Veiligheid en Justitie (CJIB) (l-Uffiċċju Ċentrali ta’ Rkupru Ġudizzjarju, il-Ministeru tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja (CJIB), il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Ċentrali ta’ Rkupru Ġudizzjarju”) sabiex jikseb ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, fil-Polonja, ta’ sanzjoni pekunjarja imposta fuq Z.P. fil-Pajjiżi l-Baxxi minħabba ksur tar-regoli li jirregolaw it-traffiku fit-triq.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1, 2, 4 u 5 tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdu:

“(1)

Il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Tampere fil‑15 u fis‑16 ta’ Ottubru 1999 approva l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li għandu jsir il-pedament ta’ koperazzjoni ġudizzjarja kemm f’materji ċivili kif ukoll f’materji kriminali fl-Unjoni.

(2)

Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandu japplika għal penali finanzjarji mposti minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi sabiex jiġi faċilitat l-infurzar ta’ tali penali fi Stat Membru li ma jkunx dak l-Istat li fih ġew imposti l-penali.

[…]

(4)

Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tkopri wkoll penali finanzjarji mposti għal reati tat-traffiku tat-triq.

(5)

Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea […]”

4

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru:

(a)

‘deċiżjoni’ tfisser deċiżjoni finali li teħtieġ il-ħlas ta’ penali finanzjarja minn persuna fiżika jew ġuridika fejn id-deċiżjoni ttieħdet minn:

(i)

qorti ta’ l-Istat emittenti fir-rigward ta’ reat kriminali skond il-liġi ta’ l-Istat emittenti;

(ii)

awtorità ta’ l-Istat emittenti li ma tkunx qorti, fir-rigward ta’ reat kriminali skond il-liġi ta’ l-Istat emittenti, sakemm il-persuna konċernata kellha l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali;

(iii)

awtorità ta’ l-Istat emittenti li ma tkunx qorti, fir-rigward ta’ atti li huma kastigabbli skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat emittenti billi jikkostitwixxu ksur tal-liġi, sakemm il-persuna konċernata kellha l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali;

(iv)

qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali, fejn id-deċiżjoni ttieħdet dwar deċiżjoni kif imsemmija fil-punt (iii);

(b)

‘penali finanzjarja’ tfisser l-obbligu ta’ ħlas ta’:

(i)

somma ta’ flus imposta b’deċiżjoni wara kundanna fuq reat;

[…]”

5

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Drittijiet fondamentali”, jipprevedi:

“Din id-Deċiżjoni Kwadru ma għandhiex ikollha l-effett li temenda l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fondamentali u tal-prinċipji legali fondamentali kif professati fl-Artikolu 6 tat-Trattat.”

6

L-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas jiddisponi, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha:

“Ir-reati li ġejjin, jekk huma kastigabbli fl-Istat emittenti u kif inhuma definiti mill-liġi ta’ l-Istat emittenti, għandhom, skond l-istipulazzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru u mingħajr verifikazzjoni tal-kriminalità doppja ta’ l-att, jagħtu lok għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet:

[…]

kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq, inklużi l-ksur tar-regolamenti dwar il-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ u tar-regolamenti dwar merkanzija perikoluża,

[…]”

7

L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi:

“L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandhom jirrikonoxxu deċiżjoni li ġiet trasmessa skond l-Artikolu 4 mingħajr ma tkun neċessarja kwalunkwe formalità oħra u għandhom minnufiħ jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-esekuzzjoni tagħha, sakemm l-awtorità kompetenti ma tiddeċidix tinvoka waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ esekuzzjoni previsti fl-Artikolu 7.”

8

L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u nuqqas ta’ esekuzzjoni”, jiddisponi, fil-paragrafu 2(g) u fil-paragrafu 3 tiegħu:

“2.   L-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ wkoll tirrifjuta li tirrikonoxxi u li tesegwixxi d-deċiżjoni jekk jiġi stabbilit li:

[…]

(g)

skond iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4, il-persuna konċernata, fil-każ ta’ proċedura bil-miktub, ma kinitx, skond il-liġi tal-Istat emittenti, infurmata personalment jew permezz ta’ rappreżentant, kompetenti skond il-liġi nazzjonali, bid-dritt tagħha li tikkontesta l-każ u bil-limiti ta’ żmien għal tali rimedju legali;

[…]

(i)

skond iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4, il-persuna ma dehritx personalment fil-kawża li tirriżulta fid-deċiżjoni, sakemm iċ-ċertifikat ma jiddikjarax li l-persuna, skond aktar ħtiġiet proċedurali definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat emittenti:

[…]

(iii)

wara li kienet innotifikata bid-deċiżjoni u kienet infurmata espressament bid-dritt għal kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom huwa jew hija għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermettu li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali:

iddikjarat espressament li hija ma tikkontestax id-deċiżjoni;

jew

ma talbitx kawża mill-ġdid jew appell fil-perijodu ta’ żmien applikabbli;

[…]

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2(c), (g), (i) u (j), qabel ma tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix jew li ma tesegwix deċiżjoni, kompletament jew parzjalment, l-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonsulta ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti, bi kwalunkwe mezz adatt, u għandha, fejn ikun opportun, titlobha biex tforni kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mingħajr dewmien.”

9

L-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi:

“Kull Stat Membru jista’ jopponi r-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fejn iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 4 jagħti lok għal kwistjoni dwar il-possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet fondamentali jew tal-prinċipji legali fondamentali kif professati fl-Artikolu 6 tat-Trattat. Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(3) għandha tapplika.”

Id-dritt Olandiż

10

Mill-Artikolu 4(1) u (2) tal-Wet administratiefrechtelijke handhaving verkeersvoorschriften (il-Liġi dwar l-Infurzar Amministrattiv tal-Kodiċi tat-Triq, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Triq”) jirriżulta li s-sanzjoni amministrattiva hija imposta b’deċiżjoni b’data speċifika. Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fi żmien erba’ xhur minn meta seħħ l-aġir li jikkostitwixxi ksur billi tintbagħat fl-indirizz indikat mill-persuna kkonċernata. Jekk dan ma jkunx possibbli u l-aġir li jikkostitwixxi ksur jkun twettaq b’vettura bil-mutur jew permezz ta’ tali vettura li għaliha jkun ġie indikat numru ta’ reġistrazzjoni, id-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni amministrattiva għandha tiġi ppubblikata fi żmien erba’ xhur mid-data li fiha l-isem u l-indirizz tad-detentur tan-numru ta’ reġistrazzjoni ta’ din il-vettura jkunu ġew magħrufa, billi din id-deċiżjoni tintbagħat f’dan l-indirizz, fejn huwa mifhum li l-imsemmija deċiżjoni jkollha tiġi ppubblikata mhux iktar tard minn ħames snin wara d-data li fiha jkun seħħ l-aġir li jikkostitwixxi ksur.

11

Mill-Artikolu 5 tal-Kodiċi tat-Triq jirriżulta li jekk jiġi stabbilit li l-aġir li jikkostitwixxi ksur ikun twettaq b’vettura bil-mutur jew permezz ta’ tali vettura li ngħatat numru ta’ reġistrazzjoni, u ma jkunx immedjatament possibbli li tiġi stabbilita l-identità tas-sewwieq ta’ din il-vettura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(2) ta’ dan il-kodiċi, is-sanzjoni amministrattiva għandha tiġi imposta fuq il-persuna li f’isimha n-numru ta’ reġistrazzjoni kien ġie rreġistrat fir-reġistru fil-mument meta seħħ l-aġir li jikkostitwixxi ksur.

12

Skont l-Artikolu 8 tal-Kodiċi tat-Triq, id-deċiżjoni li permezz tagħha tiġi imposta s-sanzjoni amministrattiva għandha tiġi annullata jekk id-detentur tan-numru ta’ reġistrazzjoni tal-vettura bil-mutur inkwistjoni jappella minn din id-deċiżjoni u, l-ewwel nett, juri l-probabbiltà kredibbli li twettaq użu, kontra r-rieda tiegħu, minn persuna oħra ta’ din il-vettura u li huwa ma setax raġonevolment jipprekludi dan l-użu, it-tieni nett, jipproduċi kuntratt ta’ kiri bil-miktub għal perijodu massimu ta’ tliet xhur konkluż b’mod professjonali li jippermetti li jiġi ddeterminat min, fid-data tal-aġir li jikkostitwixxi ksur, issellef l-imsemmija vettura jew, it-tielet nett, jipproduċi prova ta’ rilaxx jew dikjarazzjoni li minnha jirriżulta li, fid-data tal-aġir li jikkostitwixxi ksur, huwa ma kienx għadu l-proprjetarju jew id-detentur tal-vettura bil-mutur ikkonċernata.

13

L-Artikolu 6:7 tal-Algemeen wet bestuursrecht (il-Liġi Ġenerali dwar id-Dritt Amministrattiv) jipprovdi:

“It-terminu għal oppożizzjoni jew għal appell huwa ta’ sitt ġimgħat.”

14

L-Artikolu 6:8 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“It-terminu jibda jiddekorri mill-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni fil-forom preskritti.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

L-Uffiċċju Ċentrali ta’ Rkupru Ġudizzjarju jagħmel parti mill-Ministeru għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u huwa responsabbli, inter alia, għall-irkupru tal-multi relatati mal-kontravenzjonijiet tat-triq.

16

Fid‑9 ta’ Novembru 2017, l-Uffiċċju Ċentrali ta’ Rkupru Ġudizzjarju ta deċiżjoni li imponiet sanzjoni pekunjarja ta’ EUR 232 fuq Z.P. għal ksur tal-Kodiċi tat-Triq imwettaq mis-sewwieq ta’ vettura rreġistrata fil-Polonja f’ismu. Skont l-Artikolu 5 tal-Kodiċi tat-Triq, ħlief jekk ikun hemm prova kuntrarja, ir-responsabbiltà taqa’ fuq il-persuna li f’isimha l-vettura tkun irreġistrata.

17

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2017 li imponiet is-sanzjoni pekunjarja ġiet innotifikata billi ġiet impostata fil-kaxxa tal-ittri ta’ Z.P. u li din id-deċiżjoni kienet tindika l‑21 ta’ Diċembru tal-istess sena bħala d-data finali sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ appell. Dan it-terminu għall-preżentata ta’ appell beda jiddekorri mhux mir-riċezzjoni effettiva tal-imsemmija deċiżjoni, iżda mid-data ta’ din l-istess deċiżjoni.

18

Fl-assenza ta’ appell kontra d-deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2017, din saret definittiva fil‑21 ta’ Diċembru 2017.

19

Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Mejju 2018, l-Uffiċċju Ċentrali ta’ Rkupru Ġudizzjarju ressaq talba għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2017 quddiem is-Sąd Rejonowy w Chełmnie (il-Qorti Distrettwali ta’ Chełmno, il-Polonja).

20

Quddiem is-Sąd Rejonowy w Chełmnie (il-Qorti Distrettwali ta’ Chełmno, il-Polonja), Z.P. sostna li, fid-data tal-ksur ikkontestat, huwa kien biegħ il-vettura inkwistjoni u kien informa lill-assiguratur tiegħu dwar dan. Madankollu, huwa jirrikonoxxi li ma kienx informa lill-awtorità responsabbli mir-reġistrazzjoni tal-vettura. Barra minn hekk, Z.P. jirrimarka quddiem il-qorti tar-rinviju li kemm il-forma ta’ kif intbagħtet id-deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2017 kif ukoll il-kontenut tagħha kienu inkomprensibbli għalih u li huwa ma kienx jaf li d-dokument innotifikat kellu natura uffiċjali.

21

Peress li, barra minn hekk, Z.P. sostna li ma kienx jaf dwar id-data tan-notifika tad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2017, il-qorti tar-rinviju talbet lill-Uffiċċju Ċentrali ta’ Rkupru Ġudizzjarju, konformement mal-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas, li jindikahielha. Dan irrisponda li ma kellux din l-informazzjoni.

22

Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk Z.P. kellux il-possibbiltà li jressaq il-kawża quddiem qorti u, jekk, għaldaqstant, kienx hemm raġunijiet għar-rifjut tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2017, abbażi tad-Deċiżjoni Qafas. F’dan ir-rigward, din il-qorti tikkonstata li jekk ma jingħatax terminu xieraq għall-preżentata ta’ appell fl-istadju prekontenzjuż, dan jista’ jippreġudika d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

23

It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Deċiżjoni Qafas tippermettix trattament iddifferenzjat tal-persuni ssanzjonati, skont jekk il-proċedura ta’ impożizzjoni tas-sanzjoni hijiex ta’ natura amministrattiva, kontravenzjonali jew kriminali.

24

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk is-sanzjoni pekunjarja imposta abbażi tan-numru ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura u tal-informazzjoni miksuba fil-kuntest tal-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni relatata mar-reġistrazzjoni tagħha hijiex kompatibbli mal-prinċipju fid-dritt Pollakk li r-responsabbiltà kriminali hija personali.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy w Chełmnie (il-Qorti Distrettwali ta’ Chełmno) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 7(2)(i)(iii) u l-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni Kwadru […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti hija awtorizzata li tirrifjuta li teżegwixxi deċiżjoni ta’ awtorità mhux ġudizzjarja tal-Istat emittenti jekk tikkonstata li din id-deċiżjoni ġiet innotifikata b’mod li jikser id-dritt ta’ parti għal difiża effettiva quddiem qorti?

2)

B’mod partikolari, dan ir-rifjut jista jkun ibbażat fuq il-konstatazzjoni li, minkejja l-osservanza tar-regoli dwar in-notifika u t-termini applikabbli fl-Istat emittenti sabiex id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 1(a)(ii) u (iii) tad-[Deċiżjoni Kwadru] tiġi kkontestata, il-parti li tirrisjedi fl-Istat ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni ma kellha l-ebda mezz reali u effettiv sabiex tiddefendi d-drittijiet tagħha stess matul l-istadju tal-proċedura prekontenzjuża, peress li t-terminu li ngħatat ma kienx biżżejjed sabiex twieġeb b’mod xieraq għan-notifika dwar l-impożizzjoni tas-sanzjoni pekunjarja?

3)

Konformement mal-Artikolu 3 tad-[Deċiżjoni Kwadru], il-portata tal-protezzjoni ġuridika mogħtija lil persuni suġġetti għal sanzjoni pekunjarja tista’ tiddependi fuq jekk il-proċedura għall-impożizzjoni tas-sanzjoni kinitx proċedura amministrattiva, proċedura dwar kontravvenzjoni jew proċedura kriminali?

4)

Fid-dawl tal-għanijiet u tal-prinċipji stabbiliti fid-[Deċiżjoni Kwadru], inkluż fl-Artikolu 3 tagħha, id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet mhux ġudizzjarji li ġew adottati fuq il-bażi tad-dritt tal-Istat emittenti u taħt liema l-persuna li f’isimha tkun irreġistrata vettura hija miżmuma responsabbli għal ksur tal-kodiċi tat-triq, u għaldaqstant, id-deċiżjonijiet li huma bbażati biss fuq l-informazzjoni miksuba fil-kuntest tal-iskambju transkonfinali ta’ data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, mingħajr ma ssir xi investigazzjoni preliminari rigward dan il-każ u, b’mod partikolari, mingħajr ma jiġi identifikat il-veru awtur tal-ksur, huma eżekuttivi?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

26

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk ikun l-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ewwel domanda hija bbażata fuq il-premessa li l-Artikolu 7(2)(i)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas huwa applikabbli għall-kawża prinċipali. Madankollu, mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’dan il-każ, il-proċedura ma waslitx fi stadju ġudizzjarju, peress li l-kawża prinċipali tikkonċerna biss il-possibbiltà li l-multa imposta tiġi kkontestata mill-awtorità amministrattiva quddiem l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Pajjiżi l-Baxxi u mhux il-possibbiltà li l-kawża titressaq quddiem qorti wara li dan l-Uffiċċju jkun adotta d-deċiżjoni tiegħu. Konsegwentement, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi interpretat l-Artikolu 7(2)(g) tad-Deċiżjoni Qafas.

28

Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, minn naħa, l-Artikolu 7(2)(g) u l-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni Qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja tkun ġiet innotifikata konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru emittenti b’indikazzjoni tad-dritt li jiġi ppreżentat appell u tat-terminu sabiex dan isir, l-awtorità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi din id-deċiżjoni jekk jirriżulta li l-persuna kkonċernata ma kinitx ibbenefikat minn terminu suffiċjenti sabiex tippreżenta appell kontriha u, min-naħa l-oħra, jekk il-fatt li l-proċedura ta’ impożizzjoni tas-sanzjoni pekunjarja inkwistjoni hija ta’ natura amministrattiva għandux effett fuq l-obbligi tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

29

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 1 u 6 kif ukoll mill-premessi 1 u 2 tagħha, id-Deċiżjoni Qafas għandha l-għan li tistabbilixxi mekkaniżmu effettiv għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni transkonfinali ta’ deċiżjonijiet li jimponu b’mod definittiv sanzjoni pekunjarja fuq persuna fiżika jew ġuridika b’riżultat tat-twettiq ta’ wieħed mill-ksur elenkati fl-Artikolu 5 tagħha (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Baláž, C‑60/12, EU:C:2013:733, punt 27).

30

Ċertament, meta ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, flimkien mid-deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja, jagħti lok għal kwistjoni dwar il-possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali jew tal-prinċipji ġuridiċi fundamentali ddefiniti fl-Artikolu 6 TUE, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu u li jeżegwixxu tali deċiżjoni meta teżisti waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas kif ukoll skont l-Artikolu 20(3) tagħha (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Baláž, C‑60/12, EU:C:2013:733, punt 28).

31

Fid-dawl tal-fatt li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li fuqu hija bbażata l-istruttura tad-Deċiżjoni Qafas, jimplika, skont l-Artikolu 6 ta’ din tal-aħħar, li l-Istati Membri huma bħala prinċipju marbuta li jirrikonoxxu deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja li tkun ġiet trażmessa konformement mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda formalità oħra, u li mingħajr dewmien jieħdu l-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tagħha, ir-raġunijiet għar-rifjut ta’ rikonoxximent jew ta’ eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Baláž, C‑60/12, EU:C:2013:733, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fl‑24 ta’ Mejju 2018, l-Uffiċċju Ċentrali ta’ Rkupru Ġudizzjarju ressaq talba quddiem il-qorti tar-rinviju għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja fuq Z.P. minħabba aġir li jmur kontra r-regoli li jirregolaw it-traffiku fit-triq. Din it-talba kienet akkumpanjata minn ċertifikat miktub bil-lingwa Pollakka, kif meħtieġ mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, u mid-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni pekunjarja. Dan iċ-ċertifikat kien jindika li l-persuna kkonċernata, Z.P., kellha l-possibbiltà li tressaq il-kawża quddiem qorti li għandha kompetenza f’materji kriminali, kif meħtieġ mill-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas.

33

F’dan il-kuntest, kif jirriżulta mill-punt 31 ta’ din is-sentenza, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija obbligata, bħala prinċipju, li tirrikonoxxi u li teżegwixxi d-deċiżjoni trażmessa u, b’deroga mir-regola ġenerali, tista’ tirrifjuta li tagħmel dan biss fil-preżenza ta’ waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni espressament previsti mid-Deċiżjoni Qafas.

34

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-raġuni għar-rifjut ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja prevista fl-Artikolu 7(2)(g) tad-Deċiżjoni Qafas, din tikkonċerna l-każ fejn il-persuna kkonċernata ma tkunx ġiet informata, “skond il-liġi tal-Istat emittenti”, bid-dritt tagħha li tippreżenta appell u bit-terminu sabiex tagħmel dan.

35

Għalhekk, billi għamel riferiment għal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla lil dawn tal-aħħar jiddeċiedu dwar il-mod li l-persuna kkonċernata tiġi informata bid-dritt tagħha li tippreżenta appell, bit-terminu sabiex tagħmel dan kif ukoll dwar meta tali terminu jibda jiddekorri, ġaladarba n-notifika tkun effettiva u l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża jkun żgurat (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2017, Tranca et, C‑124/16, C‑188/16 u C‑213/16, EU:C:2017:228, punt 42).

36

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2017 li timponi s-sanzjoni pekunjarja fuq Z.P. kienet ġiet innotifikata konformement mal-leġiżlazzjoni Olandiża u li l-imsemmija deċiżjoni kienet informatu dwar id-dritt li jipprepara appell li kellu jiġi ppreżentat sa mhux iktar tard mill‑21 ta’ Diċembru tal-istess sena.

37

Għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, din ma jistax ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali fundamentali kif stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE, u din hija r-raġuni għalfejn l-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi wkoll li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja jistgħu jiġu rrifjutati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni f’każ ta’ksur tad-drittijiet fundamentali jew tal-prinċipji legali fundamentali, iddefiniti mill-Artikolu 6 tat-Trattat.

38

F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet tal-partijiet ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, li għalih jirreferi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u li ġie affermat mill-ġdid permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 35).

39

Issa, il-garanzija ta’ riċezzjoni reali u effettiva tad-deċiżjonijiet, jiġifieri n-notifika tagħhom lill-persuna kkonċernata, kif ukoll tal-eżistenza ta’ tul ta’ żmien suffiċjenti sabiex jiġi ppreżentat appell kontrihom u sabiex dan l-appell jiġi ppreparat hija rekwiżit tar-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2013, PPG u SNF vs ECHA, C‑625/11 P, EU:C:2013:594, punt 35, kif ukoll tat‑2 ta’ Marzu 2017, Henderson, C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 72).

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li terminu ta’ sitt ġimgħat, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa suffiċjenti sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tieħu deċiżjoni dwar il-possibbiltà li tintroduċi appell kontra d-deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja.

41

Ċertament, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, f’dan il-każ, hemm dubji dwar id-data eżatta tan-notifika tad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2017, peress li din in-notifika kienet saret billi ġiet impostata fil-kaxxa tal-ittri tad-destinatarju, u, għaldaqstant, dwar id-data li minnha dan tal-aħħar seta’ jibbenefika mit-terminu għall-oppożizzjoni tad-deċiżjoni meħuda fir-rigward tiegħu.

42

Madankollu, xejn fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jindika li, fil-kawża prinċipali, Z.P. ma kellux żmien biżżejjed sabiex jipprepara d-difiża tiegħu u, fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, jekk il-persuna kkonċernata setgħetx effettivament tkun taf dwar id-deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja fuqha u jekk din kellhiex terminu suffiċjenti sabiex tipprepara d-difiża tagħha.

43

Jekk dan huwa l-każ, konformement mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li fuqu hija bbażata l-istruttura tad-Deċiżjoni Qafas, kif jirriżulta mill-punt 31 ta’ din is-sentenza, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija obbligata li tirrikonoxxi deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja li tkun ġiet trażmessa konformement mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, mingħajr ma tkun meħtieġa l-ebda formalità oħra, u għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tagħha mingħajr dewmien.

44

Għall-kuntrarju, jekk, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tikkonstata li ċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas jagħti lil wieħed x’jifhem li drittijiet fundamentali jew prinċipji legali fundamentali setgħu ġew injorati, hija tista’ topponi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni trażmessa. Preliminarjament, hija għandha titlob mingħand l-awtorità tal-Istat Membru emittenti l-informazzjoni neċessarja kollha, konformement mal-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas.

45

Sabiex tiżgura l-effett utli tad-Deċiżjoni Qafas u, b’mod partikolari, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, l-awtorità tal-Istat Membru emittenti hija obbligata li tipprovdi din l-informazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija),C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 64).

46

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk in-natura amministrattiva tal-proċedura ta’ impożizzjoni tas-sanzjoni pekunjarja jistax ikollha effett fuq l-obbligi tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 2 tad-Deċiżjoni Qafas, din hija intiża sabiex tapplika l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal sanzjonijiet pekunjarji imposti kemm mill-awtoritajiet ġudizzjarji kif ukoll mill-awtoritajiet amministrattivi.

47

B’hekk, mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas jirriżulta li d-deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja tista’ tingħata mhux biss minn qorti tal-Istat Membru emittenti fir-rigward ta’ reat kriminali skont id-dritt tal-Istat Membru emittenti, iżda wkoll minn awtorità tal-Istat Membru emittenti li ma tkunx qorti kemm fir-rigward ta’ reat kriminali kif ukoll fir-rigward ta’ atti punibbli skont id-dritt nazzjonali tal-Istat emittenti sa fejn dawn jikkostitwixxu ksur ta’ dispożizzjonijiet legali, bil-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata jkollha, fiż-żewġ każijiet, il-possibbiltà li tressaq il-kawża quddiem qorti li għandha kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali.

48

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni Qafas espressament tipprevedi, fl-Artikolu 5(1) tagħha, li hija tapplika wkoll għas-sanzjonijiet pekunjarji imposti minħabba ksur relatati ma’ “kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq”, li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, diġà kellha l-opportunità li tiddikjara li dawn ma humiex suġġetti għal trattament uniformi fid-diversi Stati Membri, u wħud minnhom ikklassifikawhom bħala reati amministrattivi filwaqt li oħrajn iqisuhom bħala reati kriminali (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Baláž, C‑60/12, EU:C:2013:733, punti 3446).

49

Għaldaqstant, il-fatt li s-sanzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun ta’ natura amministrattiva ma għandu l-ebda effett fuq l-obbligi imposti fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

50

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel sat-tielet domanda hija li l-Artikolu 7(2)(g) u l-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja tkun ġiet innotifikata konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru emittenti b’indikazzjoni tad-dritt li jiġi ppreżentat appell u tat-terminu sabiex dan isir, l-awtorità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi din id-deċiżjoni jekk il-persuna kkonċernata kellha terminu suffiċjenti sabiex tippreżenta appell kontriha, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, u li f’dan ir-rigward huwa irrilevanti l-fatt li l-proċedura ta’ impożizzjoni tas-sanzjoni inkwistjoni tkun ta’ natura amministrattiva.

Fuq ir-raba’ domanda

51

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja relatata ma’ ksur tar-regoli tat-triq meta tali sanzjoni tkun ġiet imposta fuq il-persuna li f’isimha tkun irreġistrata l-vettura inkwistjoni abbażi ta’ preżunzjoni ta’ responsabbiltà prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru emittenti.

52

F’dan il-każ, fis-sistema legali Olandiża, skont l-Artikolu 5 tal-Kodiċi tat-Triq, jekk il-ksur ikun seħħ b’vettura bil-mutur li jkun ingħatalha numru ta’ reġistrazzjoni, u ma jkunx immedjatament possibbli li tiġi stabbilita l-identità tas-sewwieq ta’ din il-vettura, is-sanzjoni amministrattiva għandha tiġi imposta fuq il-persuna li f’isimha dan in-numru ta’ reġistrazzjoni kien ġie rreġistrat fir-reġistru fil-mument meta seħħ l-aġir li jikkostitwixxi ksur.

53

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza stabbilit fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jikkorrispondi għall-Artikolu 6(2) tal-KEDB.

54

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6(2) tal-KEDB, li hija ġurisprudenza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 48 ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li d-dritt ta’ kull persuna akkużata bi ksur f’materji kriminali li tiġi preżunta innoċenti u li l-piż tal-prova dwar l-allegazzjonijiet ifformulati kontriha jaqa’ fuq min qiegħed jakkuża, ma huwiex assolut, peress li kull sistema ġuridika għandha preżunzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi, li l-KEDB ma tipprekludix, bħala prinċipju, sakemm l-Istati jissuġġettawhom għal limiti raġonevoli li jieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-kwistjoni u li jħarsu d-drittijiet tad-difiża (Deċiżjoni tal-Qorti EDB tad‑19 ta’ Ottubru 2004, Falk vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2004:1019DEC006627301).

55

Fl-imsemmija deċiżjoni, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset li l-Artikolu 5 tal-Kodiċi tat-Triq Olandiż huwa kompatibbli mal-preżunzjoni tal-innoċenza, sa fejn persuna li fuqha tiġi imposta multa skont dan l-artikolu tista’ tikkontesta d-deċiżjoni li timponilha din il-multa quddiem qorti li għandha kompetenza sħiħa sabiex tieħu konjizzjoni tal-kwistjoni u li, fil-kuntest ta’ tali proċedura, il-persuna kkonċernata ma tkunx imċaħħda minn kull motiv ta’ difiża, peress li hija tkun tista’ tqajjem argumenti bbażati fuq l-Artikolu 8 tal-Kodiċi tat-Triq.

56

F’dan il-każ, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikolu 8 tal-Kodiċi tat-Triq Olandiż, id-deċiżjoni li permezz tagħha tiġi imposta sanzjoni amministrattiva għandha tiġi annullata jekk id-detentur tan-numru ta’ reġistrazzjoni tal-vettura inkwistjoni jipprova, b’mod partikolari, li terz ikun uża din il-vettura kontra r-rieda tiegħu u li huwa ma setax raġonevolment jipprekludi dan l-użu jew jekk jippreżenta ċertifikat li jistabbilixxi li huwa ma kienx il-proprjetarju jew id-detentur tal-imsemmija vettura fid-data tal-fatti allegati.

57

Peress li l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà prevista mill-Kodiċi tat-Triq Olandiż tista’ tiġi kkonfutata u huwa stabbilit li Z.P. effettivament kellu bażi legali skont id-dritt Olandiżli li kienet tippermettih li jannulla d-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni pekunjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 5 ta’ dan il-kodiċi ma jistax jipprekludi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

58

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja relatata ma’ ksur tar-regoli tat-triq meta tali sanzjoni tkun ġiet imposta fuq il-persuna li f’isimha tkun irreġistrata l-vettura inkwistjoni abbażi ta’ preżunzjoni ta’ responsabbiltà prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru emittenti, ġaladabra din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 7(2)(g) u l-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja tkun ġiet innotifikata konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru emittenti b’indikazzjoni tad-dritt li jiġi ppreżentat appell u tat-terminu sabiex dan isir, l-awtorità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi din id-deċiżjoni jekk il-persuna kkonċernata kellha terminu suffiċjenti sabiex tippreżenta appell kontriha, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, u li f’dan ir-rigward huwa irrilevanti l-fatt li l-proċedura ta’ impożizzjoni tas-sanzjoni inkwistjoni tkun ta’ natura amministrattiva.

 

2)

L-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja relatata ma’ ksur tar-regoli tat-triq meta tali sanzjoni tkun ġiet imposta fuq il-persuna li f’isimha tkun irreġistrata l-vettura inkwistjoni abbażi ta’ preżunzjoni ta’ responsabbiltà prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru emittenti, ġaladarba din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.