SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

2 ta’ April 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Sejħa pubblika għall-manifestazzjoni ta’ interess – Kundizzjonijiet għal parteċipazzjoni – Esklużjoni tal-persuni rtirati mis-setturi pubbliċi jew privati”

Fil-Kawża C‑670/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Sardegna (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sardegna, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Ottubru 2018, fil-proċedura

CO

vs

Comune di Gesturi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn L. S. Rossi, President tal-Awla, J. Malenovský u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Novembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal CO, minn G. L. Machiavelli, F. Cocco Ortu u M. Tronci, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Santoro u A. Jacoangeli, avvocati delle Stato,

għall-Gvern Elleniku, minn E.-M. Mamouna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u C. Valero, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn CO u l-Comune di Gesturi (il-Komun ta’ Gesturi, l-Italja) dwar sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess relatat ma’ inkarigu ta’ analiżi u ta’ konsulenza li jeskludi mill-parteċipazzjoni tagħha l-persuni rtirati.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha “[l-]iskop […] li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji […]

[…]”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-[Unjoni Ewropea], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

(a)

il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

[…]

(ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

6

Skont l-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva:

“Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.”

7

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

(b)

L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

(ċ)

l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.”

Id-dritt nazzjonali

8

L-Artikolu 5(9) tad-decreto-legge 6 luglio 2012, n. 95, convertito con modificazioni dalla legge 7 agosto 2012, n. 135 (id-Digriet-Liġi Nru 95, tas-6 ta’ Lulju 2012, ikkonvertit f’liġi, b’emendi, mil-Liġi Nru 135 tas-7 ta’ Awwissu 2012 (suppliment ordinarju għal GURI Nru 156, tas-6 ta’ Lulju 2012)) fil-verżjoni emendata tagħha mill-Artikolu 6 tad-decreto-legge 24 guigno 2014, n. 90, convertito dalla legge 11 agosto 2014, n. 114 (id-Digriet-Liġi Nru 90, tal-24 ta’ Ġunju 2014, ikkonvertit f’liġi mil-Liġi Nru 114, tal-11 ta’ Awwissu 2014 (suppliment ordinarju għal GURI Nru 190, tat-18 ta’ Awwissu 2014)) (iktar ’il quddiem id-Digriet-Liġi Nru 95/2012”), jirregola l-għoti ta’ inkarigi ta’ analiżi u ta’ konsulenza mill-awtoritajiet pubbliċi, billi jipprojbixxihom, b’mod partikolari, li jagħtu tali inkarigi lill-persuni rtirati mis-settur privat u pubbliku. Huwa pprojbit ukoll għalihom li jagħtu lil dawn il-persuni rtirati pożizzjonijiet superviżorji jew maniġerjali jew pożizzjonijiet f’korpi maniġerjali ta’ dawn l-awtoritajiet, kif ukoll ta’ impriżi u kumpanniji li dawn tal-aħħar jikkontrollaw, bl-eċċezzjoni tal-funzjonijiet ta’ membru tal-kunsill ta’ awtorità ta’ impriżi territorjali u ta’ membru jew detentur ta’ korpi eletti minn ċerti impriżi. Madankollu huwa permess li dawn il-pożizzjonijiet, inkarigi u kollaborazzjonijiet jistgħu jingħatawlhom meta huma jeżerċitaw b’mod benevolu. Minbarra dan, huwa speċifikat, fir-rigward ta’ pożizzjonijiet superviżorji jew maniġerjali, u bla ħsara għan-natura benevola tagħhom, li t-tul tal-mandati ma jistax jeċċedi sena, mingħajr il-possibbiltà ta’ estenzjoni u lanqas ta’ tiġdid, mingħand l-istess awtorità.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Fit-28 ta’ Diċembru 2017, il-Komun ta’ Gesturi ppubblika sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess għal għoti ta’ inkarigi ta’ analiżi u ta’ konsulenza għaċ-ċentru ta’ reċiklaġġ tal-komun.

10

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għal parteċipazzjoni, din is-sejħa għal manifestazzjoni kien fiha klawżola li teħtieġ lill-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin: “Kwalifika fil-mediċina u kirurġija – Speċjalizzazzjoni fl-iġjene – Esperjenza kkonfermata ta’ ġestjoni fis-Servizio Sanitario Nazionale [is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa, l-Italja] ta’ mill-inqas ħames snin – Li ma jkunux impjegati tas-settur privat jew tas-settur pubbliku rtirati”.

11

Avolja CO kien jissodisfa l-ħtiġijiet kollha professjonali ddikjarati fl-imsemmija sejħa għal manifestazzjoni, huwa ma ġiex awtorizzat jipparteċipa fil-proċedura minħabba li huwa rtirat fis-settur pubbliku.

12

Jekk wieħed iqis li l-klawżola li teskludi miċ-ċirklu ta’ kandidati potenzjalment ammissibbli l-persuni rtirati jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta skont l-età u għandu, għaldaqstant, jiġi ddikjarat illegali, saħansitra null, CO ppreżenta rikors kontra s-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess inkwistjoni fil-kawża prinċipali quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sardegna, l-Italja)

13

Fir-rikors tiegħu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li l-Artikolu 5(9) tad-Digriet-Liġi Nru 95/2012, li jipprojbixxi lill-awtoritajiet pubbliċi li jagħtu inkarigi ta’ analiżi u ta’ konsulenza lill-irtirati fis-settur privat u fis-settur pubbliku, għandu jiġi eskluż bħala li jmur kontra d-Direttiva 2000/78. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tikser l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-imsemmi rikorrent jallega li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloq diskriminazzjoni indiretta, li ma tista’ tkun iġġustifikata minn ebda għan leġittimu.

14

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/78. Fil-każ li jikkonċerna effettivament diskriminazzjoni indiretta, hija toħroġ dubji fir-rigward tal-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni possibbli, fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, huwa improbabbli li l-inkarigi ta’ analiżi u ta’ konsulenza, li jippreżentaw ċertu kumplessità u jeħtieġu ċerta esperjenza, jistgħu jiġu segwiti sew minn persuni li jibdew il-karriera professjonali tagħhom. Miżura li teskludi mill-għoti ta’ tali inkarigi il-persuni rtirati hija, għaldaqstant, inadegwata fid-dawl tal-għan segwit, li tikkonsisti f’li wieħed jiffavorixxi t-tiġdid tal-persunal permezz tar-reklutaġġ ta’ persuni iżgħar fl-età.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sardegna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni msemmi fl-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva [2000/78] jipprekludi d-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 5(9) tad-Digriet Liġi Nru [95/2012, li tipprojbixxi lill-awtoritajiet pubbliċi milli jagħtu inkarigi ta’ analiżi u ta’ konsulenza lil persuni li rtiraw wara li jkunu ħadmu fis-settur privat u f’dak pubbliku?”

Fuq id-domanda preliminari

16

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk id-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-awtoritajiet pubbliċi milli jagħtu inkarigi ta’ analiżi u ta’ konsulenza lill-persuni rtirati.

17

Preliminarjament, għandu jitfakkar, f’dak li jikkonċerna l-argument invokat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ibbażat fuq il-fatt li l-qorti tar-rinviju naqset milli tanalizza d-domanda fid-dawl tal-prinċipju ta’ provvista libera tas-servizzi, li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija applikabbli mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini taljani u għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra, tista’ biss, bħala regola ġenerali, tirrileva dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE sa fejn tapplika għal sitwazzjonijiet li għandhom rabta mal-iskambji bejn Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 24, kif ukoll id-digriet tal-4 ta’ Ġunju 2019, Pólus Vegas, C‑665/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:477, punt 17).

18

Issa, dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ, peress li l-elementi kollha tal-kawża huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed, jiġifieri r-Repubblika Taljana.

19

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 u, fil-każ li dan huwa l-każ, jekk din tikkostitwixxix trattament differenti, ibbażat fuq l-età li tista’, fejn applikabbli, tiġi kkunsidrata li hija ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva.

20

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prin ċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, jirriżulta, kemm mit-titolu u mill-preambolu kif ukoll mill-kontenut u mill-għan ta’ din id-direttiva, li din hija intiża li tistabbilixxi kuntest ġenerali biex tiżgura lil kull persuna l-ugwaljanza fit-trattament “fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol”, billi toffrilu protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1 tagħha, li fosthom tidher l-età (sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter, C‑88/08, EU:C:2009:381, punt 33, u tat-12 ta’ Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark, C‑499/08, EU:C:2010:600, punt 19).

21

Barra minn hekk, mill-Artikolu 3(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta b’mod partikolari li din tapplika, fil-kuntest ta’ kompetenzi devoluti lill-Unjoni “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi”, f’dak li jirrigwarda, min-naħa waħda, “il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg […] inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ”, u, min-naħa l-oħra, “il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter, C‑88/08, EU:C:2009:381, punt 34, u tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen, C‑341/08, EU:C:2010:4, punt 32).

22

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, b’mod ġenerali, lill-awtoritajiet pubbliċi li jagħtu inkarigi ta’ analiżi u ta’ konsulenza lill-persuni li huma rtirati, twassal li teskludi dawn il-persuni minn kull reklutaġġ.

23

Minn dan jirriżulta li tali leġiżlazzjoni taffettwa direttament il-formazzjoni tar-rapport tax-xogħol u, a fortiori, l-eżerċizzju, mill-persuni kkonċernati, ta’ ċerti attivitajiet professjonali u għandu, għaldaqstant, jitqies bħala li jistabbilixxi regoli dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78.

24

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

25

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludix trattament differenti bbażat fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, “‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1” ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva jippreċiża li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 2, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva. Id-diskriminazzjoni indiretta hija ddefinita fl-Artikolu 2(2)(b), tad-Direttiva 2000/78, bħala waħda li tkopri sitwazzjonijiet fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom diżabbiltà, età partikolari, fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra.

26

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, l-Artikolu 5 tad-Digriet-Liġi Nru 95/2012 ma jsemmix direttament età determinata. Fil-fatt, l-esklużjoni tal-parteċipazzjoni għal sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess fid-dawl tal-għoti ta’ inkarigi ta’ analiżi u ta’ konsulenza mill-awtoritajiet pubbliċi japplika għal persuni kollha rtirati, avolja l-età li għaliha dawn setgħu jibbenefikaw minn pensjoni ta’ rtirar ma hijiex l-istess għal dawn il-persuni kollha, peress li dan seta’ jiġi inkluż, skont l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Taljan matul is-seduta, bejn 60 u 75 sena. Madankollu, billi tagħmel riferiment għall-irtirar, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tibbaża indirettament fuq kriterju marbut mal-età, peress li l-benefiċċju ta’ pensjoni ta’ rtirar hija suġġetta għat-twettiq ta’ ċertu numru ta’ snin ta’ xogħol u għall-kundizzjoni li ntlaħqet ċerta età.

27

Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-persuni rtirati milli jipparteċipaw għal sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess għall-għoti, mill-awtortajiet pubbliċi, ta’ inkarigi ta’ analiżi u ta’ konsulenza għandha titqies bħala li timponi lil ċerti persuni trattament inqas favorevoli minn dak riżervat għall-persuni kollha li għadhom jeżerċitaw attività professjonali.

28

Tali leġiżlazzjoni tistabbilixxi, konsegwentement, diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età tal-persuna kkonċernata, bid-differenza, b’mod partikolari, ta’ dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, SCMD (C‑262/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:336, punti 2830), li tapplika skont l-istatus jew il-kategorija soċjoprofessjonali li fiha taqa’ l-persuna kkonċernata fil-livell nazzjonali, li tipprojbixxi l-kumulazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar miġbura flimkien ma’ dħul ibbażat fuq attività professjonali.

29

Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, fis-sens tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 1 u 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78.

30

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni jekk din id-differenza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu 6 jiddikjara li trattament differenti fuq bażi ta’ età ma għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

31

L-imsemmi Artikolu 6 jippreċiża wkoll li dawn id-differenzi ta’ trattament jistgħu b’mod partikolari jinkludu l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet speċjali ta’ aċċess għall-impjieg għaż-żgħar fl-età jew l-iffissar ta’ età massima għar-reklutaġġ.

32

F’dan il-każ, mi-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha bħala għan li tiżgura t-tiġdid tal-persunal permezz tar-reklutaġġ ta’ persuni żgħar fl-età. Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Taljan jirriżulta li l-Artikolu 5. tad-Digriet-Liġi Nru 95/2012 isegwi għan doppju, jiġifieri, min-naħa waħda, jimplimenta reviżjoni effettiva tal-ispiża pubblika permezz tat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-funzjonament tal-awtorità pubblika, mingħajr ma jippreġudika s-sostanza tas-servizzi provduti liċ-ċittadini, u minn naħa l-oħra, jiffaċilita t-tiġdid tal-persunal tal-awtoritajiet pubbliċi, billi jiffavorixxi l-aċċess ta’ persuni iżgħar fl-età għas-servizz pubbliku.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-invokazzjoni fl-istess waqt ta’ diversi għanijiet, li huma marbutin waħda mal-oħra, ikunu kklassifikati b’ordni ta’ importanza, ma jikkostitwixxix ostakolu għall-eżistenza ta’ għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler, C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punti 4446).

34

Barra minn dan, għalkemm kunsiderazzjonijiet ta’ ordni baġitarja jistgħu jkunu l-bażi tal-għażliet ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru u jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-impjieg li jixtieq jadotta, huma ma jistgħux madankollu jikkostitwixxu huma stess għan segwit minn din il-politika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 51).

35

Minn dan isegwi li l-għan ta’ tnaqqis effettiv tal-ispiża pubblika, sa fejn l-Artikolu 5 tad-Digriet-Liġi Nru 95/2012 jagħmel parti, f’kuntest ekonomiku ġenerali, miżuri neċessarji sabiex inaqqsu d-defiċits eċċessivi tal-awtorità pubblika Taljana u intiż, iktar preċiżament, li jevita kumulu ta’ salarji u ta’ pensjonijiet ta’ rtirar li ġejjin mill-fondi pubbliċi, jista’ jinfluwenza n-natura jew il-portata tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-impjieg, iżda ma jistax jikkostitwixxi, fih innifsu, għan leġittimu.

36

Inkwantu għal għan li jikkonsisti f’li jiżgura tiġdid tal-persunal fl-attività, għandu jitfakkar li l-leġittimità ta’ tali għan ta’ interess ġenerali fid-dawl tal-politika tal-impjieg ma tistax titqiegħed raġonevolament fid-dubju, peress li jidher fost l-għanijiet espressament iddikjarati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 u li, konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE, il-promozzjoni ta’ livell ta’ impjieg għoli jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet segwiti mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 64).

37

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-promozzjoni tar-reklutaġġ jikkonsisti bla dubju għan leġittimu ta’ politika soċjali jew tal-impjieg tal-Istati Membri, b’mod partikolari meta jirrigwarda li jitjiebu ċ-ċansijiet ta’ dħul fil-ħajja attiva ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema, b’mod partikolari li jiġi ffavorit l-aċċess taż-żgħar fl-eżerċizzju ta’ professjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 65, kif ukoll tad- 19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia, C‑143/16, EU:C:2017:566, punt 37).

38

B’mod partikolari, huwa ġġustifikat, bħala deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età, li jiġu stabbiliti differenzi fit-trattament marbutin mal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg, meta l-għan intiż jikkonsisti f’li tiġi stabbilita struttura ta’ età bbilanċjata bejn uffiċjali żgħar u uffiċjali ikbar fl-età, sabiex jiġi ffavorit ir-reklutaġġ u l-promozzjoni taż-żgħar fl-età (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler, C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 50).

39

Konsegwentement, l-għanijiet tal-politika tal-impjieg segwiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom, fil-prinċipju, jitqiesu bħala li jistgħu jiġġustifikaw oġġettivament u raġonevolment differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età.

40

Jeħtieġ li jiġi vverifikat, skont il-kliem innifishom tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, jekk il-mezzi implimentati sabiex jintlaħaq it-tali għan leġittimu humiex “approprjati [xierqa] u neċessarji”.

41

B’hekk, għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 5 tad-Digriet-Liġi Nru 95/2012 jippermetti li jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-impjieg segwiti mil-leġiżlatur mingħajr għaldaqstant ma jippreġudika eċċessivament l-interessi leġittimi tal-persuni rtirati, li jinsabu, b’effett ta’ din id-dispożizzjoni, imċaħħda minn possibbiltà ta’ reklutaġġ.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss ta’ għan partikolari minn fost diversi għanijiet fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fl-adozzjoni tal-miżuri sabiex jintlaħaq tali għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C‑144/04, EU:C:2005:709, punt 63, u tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 68). Madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jistax ikollu l-effett li jneħħi s-sinjifikat tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq l-età (sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark, C‑499/08, EU:C:2010:600, punt 33).

43

Barra minn hekk, huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li għandhom isibu bilanċ ġust bejn l-interessi varji fil-preżenza (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 71).

44

Fil-fatt, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni skont l-età għandha tinqara fid-dawl tad-dritt għax-xogħol irrikonoxxut fl-Artikolu 15(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Minn dan jirriżulta li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-parteċipazzjoni tal-ħaddiema anzjani fil-ħajja professjonali u, b’hekk, fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali. Iż-żamma ta’ dawn il-persuni fil-ħajja attiva tiffavorixxi b’mod partikolari d-diversità fl-impjieg. Madankollu, l-interess li dawn il-persuni jinżammu attivi għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl ta’ interessi oħra li jistgħu jkunu eventwalment interessi diverġenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler, C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punti 62 sa 64, kif ukoll tal-5 ta’ Lulju 2012, Hörnfeldt, C‑141/11, EU:C:2012:421, punt 37).

45

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlatur, fl-eżerċizzju tal-marġni wiesa’ ta’ evalwazzjoni li għandu fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, fittex li jilħaq bilanċ bejn ir-rieda li jiffavorixxi l-aċċess tal-ħaddiema żgħar fl-età għall-impjieg u l-osservanza tad-dritt tal-persuni iktar anzjani li jaħdmu.

46

B’hekk, fir-rigward tal-għan intiż li jikkonsisti, b’mod ġenerali, li jiżgura t-tiġdid tal-populazzjoni attiva okkupata, jista’ jiġi sostnut li tali għan ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju, peress li jista’ jiġi raġonevolment maħsub li jiġi rrifjutat ir-reklutaġġ ta’ persuni rtirati, sabiex jiġi promoss l-impjieg sħiħ tal-populazzjoni attiva jew li jiffavorixxi l-aċċess għas-suq tax-xogħol lill-persuni iżgħar fl-età.

47

Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat mill-qorti tar-rinviju, ma huwiex ċert li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fil-projbizzjoni lill-persuni rtirati li jipparteċipaw fil-manifestazzjonijiet ta’ interess għall-għoti ta’ inkarigi ta’ analiżi u ta’ konsulenza tippermetti effettivament li ttejjeb iċ-ċansijiet ta’ dħul fil-ħajja attiva tal-persuni l-iżgħar fl-età. Fil-fatt, l-eżekuzzjoni ta’ inkarigi ta’ analiżi u ta’ konsulenza li jistgħu jirrivelaw ruħhom delikati u kumplessi, persuna iktar anzjana hija probabbilment f’sitwazzjoni aħjar, fid-dawl tal-esperjenza li hija kisbet, sabiex tissodisfa l-inkarigu li ngħatalha. Għaldaqstant, ir-reklutaġġ tagħha hija ta’ benefiċċju kemm għall-awtorità pubblika fl-oriġini tal-manifestazzjoni ta’ interess kif ukoll fir-rigward tal-interess ġenerali. Għalkemm tiġdid tal-persunal fl-attività jista’ jintervjeni fil-każ fejn persuni għandhom diġà ċerta esperjenza li jimmanifestaw l-interess tagħhom għall-eżekuzzjoni ta’ tali inkarigi, billi b’hekk jippermetti lil ħaddiem iżgħar fl-età, li ser jiġu warajhom fl-impjieg li ser jispiċċaw minnu, li jaċċedu għas-suq tax-xogħol, għad hemm bżonn li dawn l-inkarigi ta’ analiżi u ta’ konsulenza ma jikkorrispondux għall-impjiegi iżolati, għal żmien determinat u li ma joffru ebda possibbiltà ta’ żvilupp professjonali sussegwenti.

48

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-projbizzjoni inkwistjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan segwit, billi tippreġudika eċċessivament il-pretenzjonijiet leġittimi tal-persuni rtirati, peress li hija bbażata biss fuq il-kriterju tal-età li tippermeti li jiġi bbenefikat minn pensjoni ta’ rtirar u ma tiħux inkunsiderazzjoni n-natura raġonevoli jew le tal-livell tal-pensjoni ta’ rtirar li minnhom il-persuni kkonċernati jibbenefikaw fl-aħħar tal-karriera professjonali tagħhom.

49

Issa, teħid inkunsiderazzjoni tal-livell tal-pensjoni tal-irtirar li minnu jistgħu jibbenefikaw il-persuni kkonċernati huwa rilevanti, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti lil dawn il-persuni li jokkupaw pożizzjonijiet ta’ sorveljanza u ta’ tmexxija għal żmien determinat u bħala volontarji, skont il-kunsiderazzjonijiet ta’ ordni baġitarju invokati mill-Gvern Taljan fl-istess waqt għall-għan ta’ politika tal-impjieg ibbażat fuq tiġdid tal-persunal fl-attività.

50

Hija l-qorti nazzjonali li hija kompetenti biss biex tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u biex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li tivverifika jekk il-projbizzjoni magħmula għal persuni rtirati li jipparteċipaw għall-manifestazzjonijiet ta’ interess fid-dawl tal-għoti ta’ inkarigi ta’ analiżi u ta’ konsulenza hija xierqa li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat u tirrispondi tassew għat-tħassib li tintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55, u tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen, C‑341/08, EU:C:2010:4, punt 53).

51

F’dan il-kuntest, huwa l-obbligu tagħha, b’mod partikolari, li tivverifika jekk il-possibbiltà li jingħataw pożizzjonijiet ta’ sorveljanza u ta’ tmexxija okkupati b’mod volontarju ma jikkostitwixxix, fir-realtà, għan ta’ politika baġitarja segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinsab f’kuntradizzjoni mal-għan ta’ politika tal-impjieg ibbażat fuq it-tiġdid tal-persunal fl-attività.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li d-Direttiva 2000/78, b’mod partikolari l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 6(1) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-awtoritajiet pubbliċi li jagħtu inkarigi ta’ analiżi u ta’ konsulenza lill-persuni rtirati, sa fejn, minn naħa, din il-leġiżlazzjoni ssegwi għan leġittimu ta’ politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol u, min-naħa l-oħra, il-mezzi implimentati biex jitwettaq dan l-għan huma xierqa u neċessarji. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwa effettivament il-każ fil-kawża prinċipali.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, b’mod partikolari l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 6(1) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-awtoritajiet pubbliċi li jagħtu inkarigi ta’ analiżi u ta’ konsulenza lill-persuni rtirati, sa fejn, minn naħa, din il-leġiżlazzjoni ssegwi għan leġittimu ta’ politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol u, min-naħa l-oħra, il-mezzi implimentati biex jitwettaq dan l-għan huma xierqa u neċessarji. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwa effettivament il-każ fil-kawża prinċipali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.