SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

4 ta’ Marzu 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni Doganali – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Tneħħija mis-sorveljanza doganali – Serq ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali – Artikolu 242 – Persuna responsabbli mit-tneħħija – Detentur tal-awtorizzazzjoni ta’ ħażna doganali – Sanzjoni għall-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali – Artikolu 42 – Obbligu li titħallas somma li tikkorrispondi għall-valur tal-merkanzija nieqsa – Kumulu ma’ sanzjoni pekunjarja – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑655/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ottubru 2018, fil-proċedura

Teritorialna direktsia “Severna morska” kam Agentsia Mitnitsi, aventi kawża tal-Mitnitsa Varna

vs

“Schenker” EOOD,

fil-preżenza ta’:

Okrazhna prokuratura – Varna,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn L. S. Rossi, President tal-Awla, J. Malenovský u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Novembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għat-Teritorialna direktsia “Severna morska” kam Agentsia Mitnitsi, aventi kawża tal-Mitnitsa Varna, minn S. K. Kirilova, F. Bosilkova-Kolipatkova u B. Borisov, bħala aġenti,

għal “Schenker” EOOD, minn G. Goranov, advokat,

għall-Gvern Bulgaru, minn L. Zaharieva u E. Petranova, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Zaloguin, V. Bottka u M. Kocjan, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 267, p. 2 u fil-ĠU 2013, L 287, p. 90).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn it-Teritorialna direktsia “Severna morska” kam Agentsia Mitnitsi (id-Direttorat Territorjali “Tramuntana” fi ħdan l-Aġenzija Doganali, il-Bulgarija, iktar ’il quddiem id-“dwana ta’ Varna”) u “Schenker” EOOD, dwar is-sanzjonijiet imposti fuq din bħala detentriċi ta’ awtorizzazzjoni ta’ ħażna doganali, wara s-serq tal-merkanzija li hija kellha l-kustodja tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 45 tar-Regolament Nru 952/2013 tistabbilixxi:

“Huwa xieraq li fuq livell tal-Unjoni jkunu stabbiliti r-regoli dwar il-qerda jew it-tneħħija b’mod ieħor ta’ merkanzija mill-awtoritajiet doganali, billi dawn huma materji li qabel kienu jeħtieġu legiżlazzjoni nazzjonali.”

4

L-Artikolu 42(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jaħseb għal pieni għal nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni doganali. Tali pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Fejn jkunu applikati pieni amministrattivi, huma jistgħu, inter alia, jieħdu waħda mill-forom li ġejjin, jew it-tnejn:

(a)

imposta monetarja mill-awtoritajiet doganali, inkluż, fejn xieraq, arranġament applikat minflok u biex jissostitwixxi piena kriminali;

(b)

ir-revoka, is-sospensjoni jew l-emendament ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni miżmuma mill-persuna kkonċernata.”

5

L-Artikolu 79 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dejn doganali li jinħoloq minħabba nuqqas ta’ konformità”, jiddisponi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Għal merkanzija soġġetta għal dazju tal-importazzjoni, jinħoloq dejn doganali fuq l-importazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġislazzjoni doganali dwar id-dħul ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni, it-tneħħija tagħha mis-superviżjoni doganali, jew il-moviment, l-ipproċessar, il-ħażna, il-ħażna temporanja, id-dħul temporanju ta’ tali merkanzija fit-territorju jew it-tneħħija tagħha minnu;

(b)

wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġislazzjoni doganali dwar l-użu aħħari ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni;

[…]

3.   Fil-każijiet imsemmija taħt il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, id-debitur għandu jkun kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

kwalunkwe persuna li kienet meħtieġa tissodisfa l-obbligi konċernati;

(b)

kwalunkwe persuna li kienet taf jew li raġonevolment kellha tkun taf li ma kienx sodisfatt obbligu skont il-leġislazzjoni doganali u li aġixxiet f’isem il-persuna li kienet obbligata tilħaq l-obbligu, jew li pparteċipat fl-att li wassal biex ma jintlaħaqx l-obbligu;

[…]”

6

L-Artikolu 198 ta’ dan l-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu kwalunkwe mizura meħtieġa, inkluż il-konfiska u l-bejgħ, jew il-qerda, biex jeħilsu minn merkanzija fil-kazijiet li ġejjin:

(a)

fejn wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġislazzjoni doganali dwar id-dħul ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni ma jkunx ġie sodisfatt, jew il-merkanzija tkun ġiet miżmuma mis-superviżjoni doganali;

[…]

3.   L-ispejjeż tal-miżuri msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jitħallsu minn:

(a)

fil-każ imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1, kwalunkwe persuna li kienet meħtieġa tissodisfa l-obbligi kkonċernati jew li żammet il-merkanzija mis-superviżjoni tad-dwana;

[…]”

7

Skont l-Artikolu 242(1) tar-Regolament Nru 952/2013:

“Id-detentur tal-awtorizzazzjoni u d-detentur tal-proċedura għandhom ikunu responsabbli għal dawn li ġejjin:

(a)

jiżguraw li l-merkanzija taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali ma titneħħix minn taħt is-superviżjoni doganali; u

(b)

jissodisfaw l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-ħażna ta’ merkanzija koperta mill-proċedura tal-ħażna doganali.”

Id-dritt Bulgaru

8

L-Artikolu 233(6) taż-Zakon za mitnitsite (il-Liġi dwar id-Dwana, DV Nru 15, tas‑6 ta’ Frar 1998), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dwana”), jistabbilixxi:

“Il-merkanzija li hija s-suġġett tal-kuntrabandu doganali għandha tinqabad mill-Istat ikun min ikun il-proprjetarju tagħha u meta din tkun nieqsa jew tneħħiet, għandu jiġi attribwit lilha valur li jikkorrispondi għall-valur doganali tagħha jew għall-valur għall-esportazzjoni tagħha.”

9

Skont l-Artikolu 234a(1) u (3) tal-Liġi dwar id-Dwana:

“1.   Kull min ineħħi merkanzija maħżuna temporanjament jew merkanzija ddikjarata taħt il-proċedura doganali jew għal esportazzjoni mill-ġdid, mingħajr ma jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni jew mill-awtoritajiet doganali, huwa kkundannat għal ħlas ta’ multa fil-każ tal-persuni fiżiċi jew għal sanzjoni pekunjarja fil-każ tal-persuni ġuridiċi u ta’ negozjanti individwali, li l-ammont tagħhom huwa minn 100 sa 200 % tal-valur doganali tal-oġġetti jew, fil-każ ta’ esportazzjoni, tal-valur tal-oġġetti li huma s-suġġett tal-ksur.

[…]

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 233(6), (7) u (8) għandhom japplikaw kif meħtieġ.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Fis‑16 ta’ Marzu 2017, Teld Consulting OOD ippreżentat dikjarazzjoni doganali għat-tqegħid taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali ta’ 13‑il kontenitur li kien fih plywood. Din id-dikjarazzjoni ġiet ippreżentata f’isem u għan-nom ta’ Balkantrade Properties EOOD.

11

Wara t-twettiq tal-formalitajiet doganali għall-implimentazzjoni tal-imsemmija proċedura, dawn il-kontejners kellhom jiġu ttrasportati lejn maħżen doganali operat u amministrat minn Schenker, konformement mal-awtorizzazzjoni ta’ ħażna doganali li hija detentriċi tagħha.

12

Schenker inkarigat lil Fortis Trade OOD sabiex tiżgura dan it-trasport. Madankollu, wieħed minn dawn il-kontejners insteraq matul it-triq, hekk kif insterqet ukoll il-vettura li tappartjeni lil Fortis Trade li kienet qed tittrasportah. Konsegwentement, il-merkanzija mqiegħda f’dan il-kontejner ma ġietx ikkunsinnata fil-maħżen ta’ Schenker.

13

Wara spezzjoni mwettqa f’dan il-maħżen mill-ispettorat doganali ta’ Varna (il-Bulgarija), ġie kkonstatat li l-merkanzija kollha li kienet is-suġġett tal-proċedura ta’ ħażna doganali ma kinitx tinsab fl-imsemmi maħżen. Konsegwentement, ġie kkonstatat ksur amministrattiv minħabba ksur tal-Artikolu 234a(1) tal-Liġi dwar id-Dwana fil-konfront ta’ Schenker, minħabba li din il-kumpannija neħħiet mis-sorveljanza doganali parti mill-merkanzija li kienet ġiet iddikjarata taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali. Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, id-direttur tad-dwana ta’ Varna ħareġ deċiżjoni li permezz tagħha, konformement mal-Artikolu 233(6) u mal-Artikolu 234a(1) u (3) tal-Liġi dwar id-Dwana, huwa impona fuq Schenker sanzjoni pekunjarja fl-ammont ta’ 23 826.06 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 12225) u ordna lil din il-kumpannija tħallas l-istess somma, li tikkorrispondi għall-valur tal-merkanzija nieqsa.

14

Adita bir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni minn Schenker, il-Varnenski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Varna, il-Bulgarija) annullatha. Hija kkunsidrat b’mod partikolari li s-serq kien jikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri u li ma kienet ġiet stabbilita l-ebda rabta kawżali bejn att jew ommissjoni illegali ta’ din il-kumpannija u l-konsegwenza tas-serq, jiġifieri l-impossibbiltà għall-awtoritajiet doganali li jaċċedu għall-merkanzija mqiegħda taħt sorveljanza doganali u li jeżerċitaw il-kontroll tagħhom.

15

Id-dwana ta’ Varna appellat fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Administrativen sad Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija). Hija ssostni li l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ ħażna doganali toħloq obbligu li l-merkanzija ma titneħħiex mis-sorveljanza doganali u li s-serq inkwistjoni ma jikkostitwixxix każ ta’ forza maġġuri li jeżenta lill-magazzinier mir-responsabbiltà tiegħu.

16

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li Schenker ingħatat żewġ sanzjonijiet amministrattivi. Fil-fehma tagħha, is-sanzjoni li tikkonsisti fl-obbligu li jitħallas il-valur tal-merkanzija misruqa ma taqa’ taħt ebda waħda mill-forom ta’ sanzjoni previsti fl-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 952/2013 u lanqas ma hija forma ta’ qbid, kif previst mid-dritt nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għalhekk, jekk dan l-obbligu li jitħallas il-valur tal-merkanzija huwiex konformi mal-imsemmija dispożizzjoni kif ukoll mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ proporzjonalità, fid-dawl tal-fatt li huwa akkumulat mal-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 242(1)(a) u (b) tar-Regolament [Nru 952/2013] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ partikolari, is-serq ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali jikkostitwixxi tneħħija mill-proċedura ta’ ħażna doganali li twassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet doganali fuq id-detentur tal-awtorizzazzjoni?

2)

L-impożizzjoni ta’ ħlas ekwivalenti għall-valur tal-merkanzija li kienet is-suġġett ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet doganali, b’mod partikolari f’dan il-każ it-tneħħija mill-proċedura ta’ ħażna doganali, għandha n-natura ta’ sanzjoni amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 42(1) u (2) tar-Regolament [Nru 952/2013] u hija permessa dispożizzjoni legali nazzjonali li timponi dan il-ħlas flimkien mal-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja? Din id-dispożizzjoni legali tissodisfa l-kriterji previsti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 42(1) ta’ dan ir-regolament dwar in-natura effettiva, proporzjonata u dissważiva tas-sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

Fuq l-ammissibbiltà

18

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Schenker tqis li l-ewwel domanda hija inammissibbli, sa fejn tirrigwarda esklużivament l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk att jew ommissjoni partikolari tikkostitwixxix reat kif iddefinit fid-dritt nazzjonali.

19

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni netta bejn il-funzjonijiet tal-qrati nazzjonali u tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali u li hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll tiddetermina l-portata eżatta tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Fonds du Logement de la Région de Bruxelles-Capitale, C‑632/18, EU:C:2019:833, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

F’dan il-każ, madankollu, mill-formulazzjoni stess tal-ewwel domanda jirriżulta li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 242(1) tar-Regolament Nru 952/2013, u b’mod iktar partikolari tal-kunċett ta’ “tneħħija mis-sorveljanza doganali” fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll dwar il-kwistjoni jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettix li tali tneħħija tkun suġġetta għal sanzjoni pekunjarja.

21

Schenker issostni wkoll li l-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali ma jiddependix mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, iżda minn kwistjonijiet ta’ fatt, jiġifieri d-determinazzjoni tal-awtur konkret tal-ksur ikkonċernat, mill-kwalità tiegħu fil-mument meta huwa wettaq dan il-ksur kif ukoll fuq atti jew ommissjonijiet li jikkostitwixxu reat imputabbli lill-imsemmi awtur.

22

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, dan huwa manifestament il-każ.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

24

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 242(1) (a) u (b) tar-Regolament Nru 952/2013, imsemmi fl-ewwel domanda, jikkonċerna r-responsabbiltà tad-detentur ta’ awtorizzazzjoni u tad-detentur tal-proċedura ta’ ħażna doganali fil-każ ta’ tneħħija tal-merkanzija mis-sorveljanza doganali, filwaqt li din id-domanda tirrigwarda wkoll il-punt dwar jekk il-persuna responsabbli minn tali tneħħija tistax tiġi imposta sanzjoni pekunjarja prevista mid-dritt nazzjonali, li tirrigwarda dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament.

25

Issa, iċ-ċirkustanza li, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat domanda għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni partikolari tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex tipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li hija adita biha, kemm jekk din il-qorti tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tislet, mill-elementi kollha ppreżentati mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, VIPA, C‑222/18, EU:C:2019:751, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 952/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, fil-każ ta’ serq ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali, id-detentur tal-awtorizzazzjoni ta’ ħażna doganali jiġi impost sanzjoni pekunjarja minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni doganali.

27

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “tneħħija mis-sorveljanza doganali”, hekk kif jinsab fir-Regolament Nru 952/2013, għandu jinftiehem bħala li jkopri kull att jew ommissjoni li jkollhom bħala riżultat li jimpedixxu, anki jekk għal żmien qasir, li l-awtorità doganali kompetenti jkollha aċċess għal merkanzija taħt sorveljanza doganali u li twettaq l-kontrolli previsti mil-leġiżlazzjoni doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2017, Aebtri, C‑224/16, EU:C:2017:880, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi, din hija kwistjoni ta’ “tneħħija mis-sorveljanza doganali”, fis-sens tal-imsemmi regolament, b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, merkanzija mqiegħda taħt proċedura sospensiva tkun ġiet misruqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Harry Winston, C‑273/12, EU:C:2013:466, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Fir-rigward tal-persuna responsabbli għal tali tneħħija mis-sorveljanza doganali, l-Artikolu 242(1)(a) tar-Regolament Nru 952/2013 jipprevedi li d-detentur ta’ awtorizzazzjoni għandu r-responsabbiltà li jiżgura li l-merkanzija ammessa taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali ma titneħħiex mis-sorveljanza doganali.

30

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tneħħija ta’ merkanzija mis-sorveljanza doganali tippresupponi biss li jkunu ġew issodisfatti kundizzjonijiet ta’ natura oġġettiva, bħall-assenza fiżika tal-merkanzija fil-post ta’ ħażna awtorizzat meta l-awtorità doganali għandha l-intenzjoni li teżamina l-imsemmija merkanzija (sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, SEK Zollagentur, C‑75/13, EU:C:2014:1759, punt 31 u l-ġurisprudenza stabbilita).

31

Minn dan isegwi li r-responsabbiltà tad-detentur ta’ awtorizzazzjoni ta’ ħażna doganali fil-każ tat-tneħħija mis-sorveljanza doganali ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali hija ta’ natura oġġettiva u hija, għaldaqstant, indipendenti mill-aġir ta’ dan id-detentur kif ukoll minn dak ta’ terzi.

32

Fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ tali tneħħija mis-sorveljanza doganali għall-imsemmi detentur, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jikkostitwixxi ksur doganali n-nuqqas ta’ osservanza ta’ wieħed mill-obbligi ddefiniti fil-leġiżlazzjoni doganali applikabbli għat-tneħħija ta’ merkanzija mis-sorveljanza doganali, nuqqas ta’ osservanza li, konformement mal-Artikolu 79(1)(a) tar-Regolament Nru 952/2013, tnissel dejn doganali fuq l-importazzjoni. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ tali ksur doganali, l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jadottaw sanzjonijiet xierqa sabiex jiżguraw l-osservanza tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2003, Hannl-Hofstetter, C‑91/02, EU:C:2003:556, punti 18 sa 20).

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 952/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, fil-każ ta’ serq ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali, id-detentur tal-awtorizzazzjoni ta’ ħażna doganali jiġi impost sanzjoni pekunjarja xierqa minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni doganali.

Fuq it-tieni domanda

34

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 952/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, fil-każ ta’ tneħħija mis-sorveljanza doganali ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali, id-detentur tal-awtorizzazzjoni ta’ ħażna doganali huwa obbligat li jħallas, minbarra sanzjoni pekunjarja, somma li tikkorrispondi għall-valur ta’ din il-merkanzija.

35

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, filwaqt li l-Artikolu 234a(1) tal-Liġi dwar id-Dwana jipprevedi, fil-każ ta’ tneħħija mis-sorveljanza doganali, sanzjoni pekunjarja li tammonta għal bejn 100 % u 200 % tal-valur tal-merkanzija mneħħija, l-Artikolu 234a(3) ta’ din il-liġi, moqri flimkien mal-Artikolu 233(6) tagħha, jipprevedi li l-persuna responsabbli għal din it-tneħħija għandha tħallas somma li tikkorrispondi għall-valur ta’ din il-merkanzija.

36

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dwana ta’ Varna u l-Gvern Bulgaru sostnew li dan l-aħħar obbligu ma jikkostitwixxix sanzjoni, fis-sens tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 952/2013, iżda miżura li taqa’ taħt l-Artikolu 198(1)(a) ta’ dan ir-regolament, li abbażi tiegħu l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji, inklużi l-konfiska u l-bejgħ jew il-qerda, sabiex “jirregolaw is-sitwazzjoni tal-merkanzija” li tneħħiet mis-sorveljanza doganali. Skont dawn il-persuni kkonċernati, peress li l-enumerazzjoni tal-miżuri msemmija f’din id-dispożizzjoni ma hijiex eżawrjenti, il-ħlas, meta l-preżenza fiżika tal-merkanzija kkonċernata ma tistax tiġi kkonstatata mill-awtoritajiet kompetenti, tal-valur tagħha jikkostitwixxi “mezz li jirregola s-sitwazzjoni [tagħhom]”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, simili għal qbid ta’ din il-merkanzija favur l-Istat.

37

Madankollu, tali interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata.

38

Fil-fatt, l-Artikolu 198 tar-Regolament Nru 952/2013 jinsab taħt il-Kapitolu 4, intitolat “Tneħħija ta’ Merkanzija”, tat-Titolu V ta’ dan ir-regolament. Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet miġbura f’dan il-kapitolu jirrigwardaw biss il-miżuri li għandhom jittieħdu “sabiex tiġi solvuta s-sitwazzjoni” tal-merkanzija li l-preżenza fiżika tagħha setgħet tiġi kkonstatata mill-awtoritajiet kompetenti. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 45 ta’ dan ir-regolament li tistabbilixxi li dan ir-regolament għandu b’mod partikolari l-għan li jistabbilixxi, fuq livell tal-Unjoni, regoli li jirregolaw il-qerda jew kull mod ieħor li permezz tiegħu titneħħa l-merkanzija mill-awtoritajiet doganali.

39

Issa, il-ħlas tal-valur tal-merkanzija kkonċernata ma jistax jitqies li huwa mezz kif titneħħa din il-merkanzija u li għalhekk huwa intiż għat-twettiq ta’ dan l-għan.

40

Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju ġustament tikklassifika bħala sanzjoni l-obbligu, għall-persuna responsabbli mill-ksur, li tħallas, minbarra sanzjoni pekunjarja, somma li tikkorrispondi għall-valur tal-merkanzija li tneħħiet mis-sorveljanza doganali.

41

Konformement mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 952/2013, is-sanzjonijiet previsti mill-Istati Membri fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita b’din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa. Madankollu, huma marbuta li jeżerċitaw is-setgħa tagħhom filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tiegħu, u konsegwentement, billi josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Chmielewski, C‑255/14, EU:C:2015:475, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

B’mod partikolari, il-miżuri amministrattivi jew repressivi permessi minn leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija b’mod leġittimu minn din il-leġiżlazzjoni u, barra minn hekk, ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-imsemmija għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép, C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229, punti 4058 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Issa, f’dan il-każ, sanzjoni li tikkonsisti fl-obbligu li titħallas somma li tikkorrispondi għall-valur tal-merkanzija li tneħħiet mis-sorveljanza doganali ma tidhirx li hija proporzjonata, u dan indipendentement mill-fatt li din is-sanzjoni tiżdied ma’ dik imsemmija fl-Artikolu 234a(1) tal-Liġi dwar id-Dwana. Fil-fatt, sanzjoni li tlaħħaq tali ammont tmur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jiġi ggarantit, b’mod partikolari, li l-merkanzija ammessa taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali ma titneħħiex mis-sorveljanza doganali.

45

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li s-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 952/2013 ma humiex intiżi sabiex jissanzjonaw eventwali attivitajiet frawdolenti jew illegali, iżda kull ksur tal-leġiżlazzjoni doganali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Chmielewski, C‑255/14, EU:C:2015:475, punt 31).

46

Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, sanzjoni bħal dik imsemmija fl-Artikolu 234a(3) tal-Liġi dwar id-Dwana, moqri flimkien mal-Artikolu 233(6) tagħha, tidher sproporzjonata meta mqabbla mad-dejn doganali li tnissel minħabba t-tneħħija mis-sorveljanza doganali ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali.

47

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 952/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, fil-każ ta’ tneħħija mis-sorveljanza doganali ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali, id-detentur tal-awtorizzazzjoni ta’ ħażna doganali huwa obbligat li jħallas, minbarra sanzjoni pekunjarja, somma li tikkorrispondi għall-valur ta’ din il-merkanzija.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, fil-każ ta’ serq ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali, id-detentur tal-awtorizzazzjoni ta’ ħażna doganali jiġi impost sanzjoni pekunjarja xierqa minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni doganali.

 

2)

L-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 952/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, fil-każ ta’ tneħħija mis-sorveljanza doganali ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali, id-detentur tal-awtorizzazzjoni ta’ ħażna doganali huwa obbligat li jħallas, minbarra sanzjoni pekunjarja, somma li tikkorrispondi għall-valur ta’ din il-merkanzija.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.