SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

23 ta’ April 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 78/660/KEE – Kontijiet annwali ta’ ċerti forom ta’ kumpanniji – Prinċipju ta’ stampa vera u ġusta – Akkwist ta’ attiv finanzjarju fiss minn kumpannija b’responsabbiltà limitata – Reġistrazzjoni, bħala telf, fil-kont tal-qligħ u t-telf, ta’ skont marbut ma’ dejn ta’ iktar minn sena, li ma jiġġenerax interessi, u reġistrazzjoni tal-prezz tal-akkwist tal-attiv fiss, bħala attiv, fil-karta tal-bilanċ wara t-tnaqqis tal-iskont”

Fil-Kawża C‑640/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Mons (il-Qorti tal-Appell ta’ Mons, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Ottubru 2018, fil-proċedura

Wagram Invest SA

vs

L-Istat Belġjan,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, P. G. Xuereb u T. Von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Settembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Wagram Invest SA, minn B. Paquot u J. Terfve, avukati,

għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, J.-C. Halleux u P. Cottin, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn J. Möller, U. Bartl, M. Hellmann u T. Henze, sussegwentement minn J. Möller, U. Bartl u M. Hellmann, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u G. Hesse, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Støvlbæk, N. Gossement u C. Perrin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-27 ta’ Novembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu [44(2)(g) KE] dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 21).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Wagram Invest SA u l-Istat Belġjan, dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn din il-kumpannija għas-snin fiskali 2000 u 2001.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

It-tielet premessa tad-Direttiva 78/660 tiddisponi:

“Billi huwa meħtieġ […] li jiġu stabbiliti fil-Komunità il-ħtiġijiet legali minimi u ekwivalenti dwar sa fejn għandha tkun disponibbli l-informazzjoni finanzjarja għall-pubbliku minn kumpanniji li huma f’kompetizzjoni ma’ xulxin.”

4

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:

“[…]

3.   Il-kontijiet annwali għandhom jagħtu stampa vera u ġusta ta’ l-attiv, tal-passiv, tal-pożizzjoni finanzjarja u tal-qligħ jew telf tal-kumpannija.

4.   Meta l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma tkunx biżżejjed biex tagħti stampa vera u ġusta fis-sens ta’ paragrafu 3, għandha tingħata informazzjoni iżjed.

5.   Meta f’każijiet eċċezzjonali l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva tkun inkompatibbli ma’ l-obbligu speċifikat fil-paragrafu 3, wieħed għandu jitbiegħed minn dik id-dispożizzjoni sabiex tingħata stampa vera u ġusta fis-sens tal-paragrafu 3. Kull tbegħid bħal dak għandu jintwera fin-noti dwar il-kontijiet flimkien ma’ spjegazzjoni tar-raġunijiet għal dan u dikjarazzjoni dwar l-effett tiegħu fuq l-attiv, il-passiv, il-pożizzjoni finanzjarja u l-qligħ u telf. L-Istati Membri jistgħu jfissru l-każijiet eċċezzjonali relattivi u jispeċifikaw ir-regoli rilevanti u speċjali.

[…]”

5

L-Artikolu 31(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-entrati kollha murija fil-kontijiet annwali huma valutati skond il-prinċipji ġenerali li ġejjin:

[…]

(ċ)

il-valutazzjoni għandha ssir fuq bażi prudenti, u b’mod partikolari:

(aa)

profitti biss magħmula fid-data tal-karta tal-bilanċ jistgħu jkunu magħduda,

bb)

għandu jittieħed qies tal-passiv kollha li jinqalgħu matul is-sena finanzjarja konċernata jew is-sena ta’ qabel, ukoll jekk dawn l-passiv jiġu jidhru biss bejn id-data tal-karta ta’ bilanċ u d-data ta’ meta jinkitbu;

(ċċ)

għandu jittieħed kont tad-deprezzament kollu, kemm jekk ir-riżultat tas-sena finanzjarja ikun ta’ telf u kemm jekk ikun ta’ qligħ;

(d)

għandu jittieħed kont tad-dħul u l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mas-sena finanzjarja, irrispettivament mid-data ta’ meta dawn id-dħul jew spejjeż ikunu riċevuti jew imħallsa;

(e)

il-komponenti ta’ entrtaturi ta’ l-attiv u l-passiv għandhom jiġu valutati separatament;

[…]”

6

Skont l-Artikolu 32 tal-istess direttiva:

“L-entrati murija fil-kontijiet annwali għandhom jiġu valutati skond l-Artikoli 34 sa 42, li huma bażati fuq il-prinċipju ta’ prezz tal-bejgħ jew spiża tal-produzzjoni.”

7

L-Artikolu 35 tad-Direttiva 78/660 jipprevedi:

“1.   

(a)

Attiv fiss għandu jiġi valutat bi prezz tal-bejgħ jew spiża tal-produzzjoni, bla ħsara għal (b) u (ċ) ta’ hawn taħt.

(b)

Il-prezz tax-xiri jew l-ispiża tal-produzzjoni ta’ attiv fiss b’ħajja utli ekonomika limitata għandhom jitnaqqsu b’aġġustamenti tal-valur kalkolati biex iħassru l-valur ta’ dak l-ativ sistematikament fuq il-ħajjiet utli u ekonomiċi tagħhom.

(ċ)

(aa)

Aġġustamenti tal-valur jistgħu jsiru dwar attiv fiss finanzjarju, sabiex ikunu valutati skond ic-cifra aktar baxxa li għandha tiġi attribwita lilhom fid-data tal-karta tal-bilanċi.

(bb)

Aġġustamenti tal-valur għandhom isiru, dwar attiv fiss, kemm jekk il-ħajjiet ekonomiċi tagħhom ta’ użu huma limitati u kemm jekk le, sabiex ikunu valutati skond iċ-ċifra aktar baxxa li għandha tiġi attribwita lilhom fid-data tal-karta tal-bilanċi jekk huwa mistenni li t-tnaqqis fil-valur tagħhom ser ikun permanenti.

(ċċ)

L-aġġustamenti tal-valur imsemmija f’(aa) u (bb) għandhom jiġu addebitati fil-kont ta’ qligħ u telf u murija separatament fin-noti tal-kontijiet jekk huma ma kienux jidhru separatament fil-kont ta’ qligħ u telf.

(dd)

Valutazzjoni fl-inqas mill-valuri previsti f’(aa) u (bb) ma jistgħux jitkomplew jekk ir-raġunijiet li għalihom saru l-aġġustamenti fil-valur m’għadhomx japplikaw.

(d)

Jekk attiv fiss huwa s-suġġett ta’ aġġustamenti eċċezzjonali fil-valur għal skopijiet ta’ tassazzjoni biss, l-ammont ta’ l-aġġustamenti u r-raġunijiet għaliex isiru għandhom jintwerew fin-noti tal-kontijiet.

2.   Il-prezz tax-xiri għandu jiġi kalkolat biż-żieda mal-prezz imħallas ta’ l-ispejjez inċidentali għalih.

3.   

(a)

L-ispiża tal-produzzjoni għandha tiġi kalkolata biż-żieda mal-prezz tax-xiri tal-materja prima u oġġetti ta’ konsum ta’ l-ispejjeż li jistgħu jkunu direttament atttribwibbli għall-prodott relattiv.

(b)

Proporzjon raġonevoli ta’ l-ispejjeż jistgħu jkun attribwibbli biss indirettament għall-prodott relattiv jista’ jiżdied ma’ l-ispejjeż tal-produzzjoni sa fejn huma għandhom x’jaqsmu mal-perjodu tal-produzzjoni.

4.   L-interessi fuq kapital imsellef biex jiffinanzja l-produzzjoni ta’ attiv fiss jistgħu jingħaddu ma’ l-ispejjeż tal-produzzjoni sa fejn huma għandhom x’jaqsmu mal-perjodu tal-produzzjoni. F’dak il-każ, l-inklużjoni ta’ dawk l-interessi taħt “Attiv” għandha tintwera fin-noti tal-kontijiet.”

Id-dritt Belġjan

8

L-Artikolu 24 tad-Digriet Irjali tat-30 ta’ Jannar 2001 li jimplimenta l-Kodiċi dwar il-Kumpanniji (Moniteur belge tas-6 ta’ Frar 2001, p. 3008, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tat-30 ta’ Jannar 2001”) jipprovdi:

“Il-kontijiet annwali għandhom jagħtu stampa vera u ġusta tal-attiv, tal-passiv, tal-pożizzjoni finanzjarja u tal-qligħ jew telf tal-kumpannija.

Jekk l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu ma tkunx suffiċjenti sabiex jiġi ssodisfatt dan ir-rekwiżit, għandha tingħata informazzjoni addizzjonali fl-Anness.”

9

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 ta’ dan id-Digriet Irjali, li jinsab fil-Kapitolu II ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Regoli ta’ evalwazzjoni”, jipprovdi:

“F’każ eċċezzjonali fejn l-applikazzjoni tar-regoli ta’ evalwazzjoni previsti f’dan il-kapitolu ma twassalx għal konformità mar-rekwiżit [tal-ewwel paragrafu] tal-Artikolu 24, għandha ssir deroga minnhom bl-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu.”

10

L-Artikolu 35 tal-imsemmi Digriet Irjali jipprovdi:

“Bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikoli 29, 57, 67, 69, 71, 73 u 77, l-attiv għandu jiġi evalwat skont il-valur tal-akkwist tiegħu u għandu jitniżżel fil-karta tal-bilanċ b’dan l-istess valur, wara li jitnaqqsu d-deprezzament u t-tnaqqis fil-valuri relattivi.

Il-valur tal-akkwist għandu jfisser il-prezz tal-akkwist iddefinit fl-Artikolu 36 jew l-ispiża tal-produzzjoni ddefinita fl-Artikolu 37 jew il-valur tal-kontribuzzjoni ddefinit fl-Artikolu 39.”

11

Skont l-Artikolu 67(2) tad-Digriet Irjali tat-30 ta’ Jannar 2001:

“Ir-reġistrazzjoni fil-karta tal-bilanċ tad-djun fil-valur nominali tagħhom għandha tkun akkumpanjata mir-reġistrazzjoni fil-kontijiet tal-aġġustament tal-passiv u tar-riżultati prorata temporis abbażi tal-interessi komposti:

[…]

(ċ) tal-iskont tad-djun li ma jiġġenerawx interessi jew li fuqhom jiddekorru interessi anormalment baxxi, meta dawn id-djun:

1° huma rimborsabbli f’data ’l bogħod iktar minn sena, b’effett mid-dħul tagħhom fil-patrimonju tal-kumpannija, u

2° jirrigwardaw jew ammonti mniżżla bħala dħul fir-rendikont tal-qligħ jew telf, jew prezz ta’ trasferiment ta’ attiv fiss jew fergħat ta’ attività.

[…]”

12

Skont l-Artikolu 77 ta’ dan id-Digriet Irjali, l-Artikolu 67 tiegħu japplika b’mod analogu għad-djun ta’ natura u ta’ tul korrispondenti.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Permezz ta’ ftehim tal-10 ta’ Jannar 1997, Wagram Invest, li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Belġju u li kienet imsejħa, fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, SCRL HDB de promotion et de gestion, akkwistat mingħand id-direttur tagħha azzjonijiet ta’ IENA SA għal prezz ta’ BEF 24000000 Frank Belġjan (EUR 594 944.45), pagabbli f’16-il pagament ta’ kull sitt xhur ta’ BEF 1500000 (EUR 37 184.02), mingħajr interessi, fejn l-aħħar pagament kien dovut fl-10 ta’ Lulju 2004.

14

Permezz tat-tieni ftehim, tal-10 ta’ Marzu 1999, Wagram Invest akkwistat mingħand id-direttur tagħha azzjonijiet oħra ta’ IENA għal prezz ta’ BEF 31760400 (EUR 787 319.75), pagabbli fi 12-il pagament ta’ kull sitt xhur ta’ BEF 2646700 (EUR 65 609.97), mingħajr interessi.

15

Il-prezz li serva bħala bażi għal dawn iż-żewġ ftehimiet ta’ ċessjoni tal-azzjonijiet ta’ IENA jikkorrispondi għall-prezz imħallas mill-azzjonisti ta’ din il-kumpannija meta dawn kienu ssottoskrivew għaż-żieda fil-kapital, ftit żmien qabel.

16

Sabiex tikkalkola l-imsemmija tranżazzjonijiet ta’ xiri ta’ azzjonijiet, Wagram Invest għaddiet l-entrati ta’ kontabbiltà li ġejjin:

reġistrazzjoni fil-passiv tal-karta tal-bilanċ tagħha tad-dejn fir-rigward tad-direttur fost id-djun ta’ iktar minn sena, bil-valur nominali tiegħu, jiġifieri ta’ BEF 24000000 (EUR 594 944.45) u ta’ BEF 31760400 (EUR 787 319.75);

reġistrazzjoni fl-attiv tal-2 005 azzjoni miksuba fil-10 ta’ Jannar 1997 b’valur attwalizzat ta’ BEF 18233827 (EUR 452 004.76) u ta’ 1993 azzjoni miksuba fl-10 ta’ Marzu 1999 b’valur attwalizzat ta’ BEF 25871302 (EUR 641 332.82);

reġistrazzjoni fil-kont tal-aġġustament (kont 4901) tal-iskont li jikkonsisti fid-differenza bejn il-valur nominali tad-dejn u l-valur attwalizzat tal-attiv fiss, jiġifieri BEF 5766173 (EUR 142 939.69) u BEF 5889098 (EUR 145 986.93), u

reġistrazzjoni bħala spejjeż finanzjarji, fl-għeluq ta’ kull sena finanzjarja, ta’ proporzjon ta’ spejjeż li għandhom jiġu posposti li jikkorrispondu għall-iskont tad-dejn.

17

Fl-għeluq tas-sena fiskali 2000, Wagram Invest ikkontabbilizzat proporzjon tal-ispejjeż ta’ BEF 1970339 (EUR 48 843.42), jiġifieri BEF 1000506 (EUR 24 801.89) għall-azzjonijiet akkwistati matul is-sena 1997 u BEF 969833 (EUR 24 041.53) għal dawk akkwistati matul is-sena 1999.

18

Fl-għeluq tas-sena fiskali 2001, Wagram Invest ikkontabbilizzat proporzjon tal-ispejjeż ta’ BEF 2676318 (EUR 66 344.19), jiġifieri BEF 843090 (EUR 20 899.65) għall-azzjonijiet akkwistati matul is-sena 1997 u BEF 1833228 (EUR 45 444.53) għal dawk akkwistati matul is-sena 1999.

19

Ir-rata tal-iskont adottata għall-attwalizzazzjoni kienet ir-rata tas-suq applikabbli għal tali djun fil-mument tad-dħul tagħhom fil-patrimonju, jiġifieri 8 %.

20

Wara verifika, l-amministrazzjoni fiskali Belġjana qieset li kellha tiċħad l-ispejjeż tal-iskont ikkontabbilizzati u mnaqqsa għas-snin fiskali 2000 u 2001 u, minkejja n-nuqqas ta’ qbil ta’ Wagram Invest, bagħtitilha deċiżjoni ta’ taxxa fit-28 ta’ Ottubru 2002.

21

Fuq din il-bażi, l-amministrazzjoni fiskali Belġjana imponiet fuq Wagram Invest żewġ kontribuzzjonijiet addizzjonali tat-taxxa fuq il-kumpanniji għas-snin fiskali 2000 u 2001, fl-20 ta’ Novembru 2002 u fit-18 ta’ Novembru 2002 rispettivament.

22

Peress li l-ilment imressaq minn Wagram Invest fit-18 ta’ Frar 2003 ma wassalx għal deċiżjoni tad-direttur ta’ din l-amministrazzjoni fit-terminu applikabbli ta’ sitt xhur, din il-kumpannija ppreżentat azzjoni quddiem it-tribunal de première instance de Namur (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Namur, il-Belġju) fl-10 ta’ Marzu 2005.

23

Permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2007, dik il-qorti ddikjarat it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali infondata u kkonfermat il-fondatezza tal-kontribuzzjonijiet addizzjonali tat-taxxa kkontestati.

24

Għaldaqstant Wagram Invest appellat minn din is-sentenza quddiem il-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège, il-Belġju), li, f’sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2011, ikkonfermat is-sentenza tal-ewwel istanza.

25

Wagram Invest ressqet appell ta’ kassazzjoni fit-2 ta’ Lulju 2014. Il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju) annullat, b’sentenza tal-11 ta’ Marzu 2016, is-sentenza tal-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège) u bagħtet il-kawża quddiem il-cour d’appel de Mons (il-Qorti tal-Appell ta’ Mons, il-Belġju).

26

Għalkemm din il-qorti tal-aħħar tammetti li l-metodu ta’ kontabbiltà użat minn Wagram Invest huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Belġjan, b’mod partikolari mal-Artikolu 77 tad-Digriet Irjali tat-30 ta’ Jannar 2001, hija tistaqsi jekk tali metodu huwiex konformi mal-Artikolu 2(3) sa (5) tad-Direttiva 78/660, moqri flimkien mal-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Mons (il-Qorti tal-Appell ta’ Mons) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-kunċett ta’ stampa vera u ġusta msemmija fl-Artikolu 2(3) [tad-Direttiva 78/660] jawtorizza, meta jkun hemm xiri ta’ attiv finanzjarju fiss minn kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, ir-reġistrazzjoni bħala telf fil-kont tal-qligħ u t-telf ta’ skont marbut ma’ dejn ta’ iktar minn sena, mingħajr interessi, u r-reġistrazzjoni tal-prezz ta’ akkwist tal-attiv fiss bħala attiv fil-karta tal-bilanċ wara t-tnaqqis tal-imsemmi skont, fid-dawl tal-prinċipji ta’ evalwazzjoni li jidhru fl-Artikolu 32 tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq?

2)

Il-formula ‘f’każijiet eċċezzjonali’ li tikkundizzjona l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva [78/660] u li tippermetti li tiġi miċħuda l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni (oħra) tal-imsemmija direttiva għandha tiġi interpretata f’sens li din id-dispożizzjoni tista’ tapplika biss sa fejn jiġi kkonstatat li l-osservanza tal-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta ma tistax tintlaħaq bl-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, jekk ikun il-każ, flimkien ma’ riferiment komplementari fl-annessi skont l-Artikolu 2(4) tal-imsemmija direttiva?

3)

L-Artikolu 2(4) tad-[Direttiva 78/660] għandu jiġi applikat bi prijorità b’mod li huwa biss jekk riferiment komplementari ma jippermettix li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta stipulat mill-Artikolu 2(3) tal-imsemmija direttiva li tista’ ssir applikazzjoni tal-possibbiltà li tiġi miċħuda l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ din id-direttiva prevista mill-Artikolu 2(5) tagħha u dan, biss f’każijiet eċċezzjonali?”

Fuq id-domandi preliminari

28

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali hija ta’ natura fiskali. Issa, id-Direttiva 78/660, li l-interpretazzjoni tagħha hija mitluba f’dan il-każ, ma għandhiex l-għan li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom il-kontijiet annwali tal-kumpanniji jistgħu jew għandhom iservu ta’ bażi għad-determinazzjoni, mill-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri, tal-bażi taxxabbli u tal-ammont ta’ taxxi, bħat-taxxa fuq il-kumpanniji inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 28).

29

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-kontijiet annwali jistgħu jintużaw bħala bażi ta’ riferiment mill-Istati Membri għal skopijiet ta’ taxxa, kif inhu l-każ fid-dritt Belġjan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punti 2728, u tal-15 ta’ Ġunju 2017, Immo Chiaradia u Docteur De Bruyne, C‑444/16 u C‑445/16, EU:C:2017:465, punt 33).

Fuq l-ewwel domanda

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’każ ta’ akkwist, minn kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, ta’ attiv finanzjarju fiss li għalih il-ħlas tal-prezz huwa previst li jsir progressivament fuq medda ta’ żmien twil mingħajr interessi, f’kundizzjonijiet simili għal dawk ta’ self, il-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta stabbilit fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 78/660 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-użu ta’ metodu ta’ kontabbiltà li jipprevedi r-reġistrazzjoni, bħala telf, fil-kont tal-qligħ u t-telf, ta’ skont marbut mad-dejn ta’ iktar minn sena, li ma jiġġenerax interessi fir-rigward ta’ dan l-akkwist, u r-reġistrazzjoni tal-prezz tal-akkwist tal-attiv fiss, bħala attiv, fil-karta tal-bilanċ wara t-tnaqqis tal-imsemmi skont.

31

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 78/660, skont it-tielet premessa tagħha, hija intiża biss sabiex tistabbilixxi kundizzjonijiet minimi dwar il-portata tal-informazzjoni finanzjarja li għandha tingħata lill-pubbliku (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

L-osservanza tal-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta tikkostitwixxi l-għan prinċipali tad-Direttiva 78/660. Skont dan il-prinċipju, li jinsab fl-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, il-kontijiet annwali għandhom jagħtu stampa vera u ġusta tal-patrimonju, tas-sitwazzjoni finanzjarja u tal-qligħ jew tat-telf tal-kumpannija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dan il-prinċipju jeżiġi, minn naħa, li l-kontijiet jirriflettu l-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet li huma meqjusa li jiddeskrivu u, min-naħa l-oħra, li l-informazzjoni ta’ kontabbiltà tingħata fil-forma meqjusa l-iktar valida u l-iktar waħda adatta sabiex tissodisfa l-bżonnijiet ta’ informazzjoni tat-terzi, mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-interessi tal-kumpannija kkonċernata (sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, DE + ES Bauunternehmung, C‑275/97, EU:C:1999:406, punt 27).

34

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta għandu jkun iggwidat, sa fejn dan ikun possibbli, mill-prinċipji ġenerali inklużi fl-Artikoli 31 tad-Direttiva 78/660, fosthom il-prinċipju ta’ prudenza stabbilit fl-Artikolu 31(1)(ċ) ta’ din id-direttiva li huwa ta’ importanza partikolari (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(1)(ċ) tad-Direttiva 78/660, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha – profitti magħmula, spejjeż, dħul, riskji u telf – li huma realment marbuta mas-sena inkwistjoni jippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta għandu jiftiehem ukoll fid-dawl tal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 78/660, li jistabbilixxi li l-evalwazzjoni tal-entrati inklużi fil-kontijiet annwali għandha tkun ibbażata fuq il-prezz tal-akkwist jew fuq l-ispiża tal-produzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 34).

37

Skont dan l-artikolu, l-istampa vera u ġusta li l-kontijiet annwali ta’ kumpannija għandhom jagħtu hija bbażata fuq evalwazzjoni tal-attiv mhux abbażi tal-valur reali tiegħu, iżda abbażi tal-ispiża storika tiegħu (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 35).

38

F’dan il-każ, fejn kuntratt ta’ akkwist ta’ attiv finanzjarju fiss jipprevedi l-ħlas tal-prezz progressivament fuq medda ta’ żmien twil, mingħajr interessi, il-leġiżlatur Belġjan ikkunsidra t-tranżazzjoni ta’ akkwist, li hija formalment unika, bħala tranżazzjoni kkostitwita, fir-realtà, minn żewġ elementi, jiġifieri, minn naħa, l-akkwist innifsu tal-attiv finanzjarju fiss u, min-naħa l-oħra, tranżazzjoni ta’ self impliċitu.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-valur nominali tal-prezz imħallas għall-akkwist tal-attiv finanzjarju fiss, li jikkorrispondi għall-prezz storiku ta’ dan l-attiv fiss, jinkludi, fir-realtà, żewġ elementi, jiġifieri, minn naħa, il-valur attwalizzat tal-prezz tal-akkwist tal-attiv fiss, li jikkorrispondi għall-prezz tax-xiri mingħajr l-interessi impliċiti tas-self, u, min-naħa l-oħra, ammont li jikkorrispondi għal dawn l-interessi impliċiti.

40

Għalhekk, il-metodu ta’ kontabbiltà inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprevedi, minn naħa, l-inklużjoni fl-attiv tal-valur attwalizzat tal-prezz imħallas għall-attiv finanzjarju fiss, jiġifieri l-valur nominali mingħajr l-interessi impliċiti, u, min-naħa l-oħra, l-inklużjoni f’kont ta’ aġġustament ta’ skont li jirrappreżenta l-interessi impliċiti, li l-ammont tiegħu jikkorrispondi għad-differenza bejn il-valur nominali tad-dejn ikkuntrattat għall-akkwist tal-attiv fiss u l-valur attwali ta’ dan id-dejn, jagħti stampa vera u ġusta taż-żewġ elementi ta’ din it-tranżazzjoni.

41

Kif tenfasizza l-Kummissjoni Ewropea, dan il-metodu ta’ kontabbiltà, meta jiġi applikat f’kundizzjonijiet normali tas-suq, jagħti preċedenza lis-sustanza tat-tranżazzjoni fuq il-forma tagħha, billi jagħti lok għal teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tal-attiv fiss li josserva l-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta, abbażi ta’ evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha, b’mod partikolari, f’dan il-każ, l-ispejjeż finanzjarji, anki jekk tali piżijiet, li huma impliċiti, ma jirriżultawx formalment mill-valur nominali tal-prezz tal-akkwist tal-element tal-attiv ikkonċernat.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għall-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li, fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ akkwist minn kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata ta’ attiv finanzjarju fiss, li għaliha l-ħlas tal-prezz huwa previst li jsir progressivament fuq medda ta’ żmien twil, mingħajr interessi, taħt kundizzjonijiet simili għal dawk ta’ self, il-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta stipulat fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 78/660 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-użu ta’ metodu ta’ kontabbiltà li jipprevedi r-reġistrazzjoni, bħala telf, fil-kont tal-qligħ u t-telf, ta’ skont, bir-rata tas-suq, marbut mad-dejn ta’ iktar minn sena, li ma jiġġenerax interessi fir-rigward ta’ dak l-akkwist, u r-reġistrazzjoni tal-prezz tal-akkwist tal-attiv fiss, bħala attiv, fil-karta tal-bilanċ wara t-tnaqqis tal-imsemmi skont.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

43

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ akkwist minn kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata ta’ attiv finanzjarju fiss, li għalih il-ħlas tal-prezz huwa previst li jsir progressivament fuq medda ta’ żmien twil, mingħajr interessi, taħt kundizzjonijiet simili għal dawk ta’ self, il-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta stipulat fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu [44(2)(g) KE] dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-użu ta’ metodu ta’ kontabbiltà li jipprevedi r-reġistrazzjoni, bħala telf, fil-kont tal-qligħ u t-telf, ta’ skont, bir-rata tas-suq, marbut mad-dejn ta’ iktar minn sena, li ma jiġġenerax interessi fir-rigward ta’ dak l-akkwist, u r-reġistrazzjoni tal-prezz tal-akkwist tal-attiv fiss, bħala attiv, fil-karta tal-bilanċ wara t-tnaqqis tal-imsemmi skont.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.