SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

24 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttiva 2008/50/KE – Kwalità tal-arja ċirkostanti – Artikolu 13(1) u Anness XI – Qbiż sistematiku u persistenti tal-valuri limitu għad-diossidu tan-nitroġenu (NO2) f’ċerti żoni u agglomerazzjonijiet Franċiżi – Artikolu 23(1) – Anness XV – Perijodu ta’ qbiż ‘l-iqsar possibbli’ – Miżuri xierqa”

Fil-Kawża C‑636/18,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil‑11 ta’ Ottubru 2018,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland, E. Manhaeve u K. Petersen, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn D. Colas, J. Traband u A. Alidière, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, C. Vajda u A. Kumin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata:

li, bil-qbiż b’mod sistematiku u persistenti tal-valur limitu annwali għad-diossidu tan-nitroġenu (NO2) mill-1 ta’ Jannar 2010 fi tnax-il agglomerazzjoni u żona ta’ kwalità tal-arja Franċiża, jiġifieri: Marseille (FR03A02), Toulon (FR03A03), Pariġi (FR04A01), Auvergne-Clermont-Ferrand (FR07A01), Montpellier (FR08A01), Toulouse Midi-Pyrénées (FR12A01), żona urbana reġjonali (ZUR) Reims Champagne-Ardenne (FR14N10), Grenoble Rhône-Alpes (FR15A01), Strasbourg (FR16A02), Lyon-Rhône-Alpes (FR20A01), ZUR Vallée de l’Arve Rhône-Alpes (FR20N10) u Nice (FR24A01), u bil-qbiż b’mod sistematiku u persistenti tal-valur limitu għal kull siegħa għan-NO2 mill-1 ta’ Jannar 2010 f’żewġ agglomerazzjonijiet u żoni ta’ kwalità tal-arja jiġifieri: Pariġi (FR04A01) u Lyon Rhône-Alpes (FR20A01), ir-Repubblika Franċiża kompliet tonqos milli twettaq, minn din id-data, l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1), moqri flimkien mal-Anness XI tal-imsemmija direttiva, u dan sa mid-dħul fis-seħħ tal-valuri limitu fl-2010, u

li r-Repubblika Franċiża, naqset sa mill-11 ta’ Ġunju 2010 milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, moqri flimkien mal-Anness XV tagħha, u b’mod partikolari għall-obbligu stabbilit mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva li jiġi żgurat li l-perijodu ta’ qbiż ikun l-iqsar possibbli.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 96/62/KE

2

L-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE tas-27 ta’ Settembru 1996 dwar l-istima u l-immaniġġar tal-kwalità ta’ l-arja ċirkostanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 95), intitolat “Titjib fil-kwalità ta’ l-arja ċirkostantiRekwiżiti ġenerali”, kien jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex [jiżguraw l-osservanza tal-valuri limitu].

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom ifasslu pjani għall-azzjoni li jindikaw il-miżuri li sa jittieħdu fuq medda qasira meta jkun hemm riskju li l-għetiebi limitu u/jew ta’ twissija jkunu sa jinqabżu, biex jitnaqqas dak ir-riskju u biex jiġi limitat it-tul ta’ żmien ta’ dik l-okkorrenza. Dawn il-pjani jistgħu, filwaqt li jiddependi fuq il-każi individwali, jipprovdu għal miżuri biex jikkontrollaw, u fejn ikun meħtieġ, jissospendu attivitajiet, inkluż it-traffiku tal-vetturi bil-mutur, li jikkontribwixxu biex il-valuri limiti jinqabżu.”

3

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Miżuri applikabbli f’żoni fejn il-livelli jkunu ogħla mill-valur limitu” kien jipprevedi, fil-paragrafi 1, 3 u 4 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu lista taż-żoni u l-agglomerazzjonijiet li fihom il-livelli ta’ inkwinant wieħed jew aktar minn wieħed ikunu ogħla mill-valur limitu miżjud bil-marġini tat-tolleranza.

[…]

3.   Fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri biex jiżguraw li pjan jew programm jitħejja jew jiġi implimentant biex jintlaħaq il-valur limitu fil-limitu ta’ żmien speċifikat.

Il-pjan jew il-programm imsemmi, li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, għandu jħaddan fih talanqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness IV.

4.   Fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, meta l-livell ta’ iżjed minn inkwinant wieħed ikun ogħla mil-valuri limitu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu pjan integrat li jkopri l-inkwinanti kollha konċernati.”

4

Skont l-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “It-trasmissjoni ta’ l-informazzjoni u tar-rapporti”, l-Istati Membri kienu obbligati li jippreżentaw lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar l-osservanza tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ NO2.

Id-Direttiva 1999/30/KE

5

Skont il-premessa 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE tat-22 ta’ April 1999 dwar il-valuri ta’ limitu tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f’partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 164):

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-konċentrazzjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu u, fejn japplika l-ossidi tan-nitroġenu, fl-arja ambjentali, kif stmata skond l-Artikolu 7, ma jeċċedux il-valuri ta’ limitu stabbiliti f’Sezzjoni I ta’ l-Anness II mid-dati speċifikati hemmhekk.

Il-marġini ta’ tolleranza stabbiliti f’Sezzjoni I ta’ l-Anness II għandhom japplikaw skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 96/62/KE.

2.   Il-limitu ta’ alert għall-konċentrazzjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu fl-arja ambjentali għandu jkun dak stabbilit f’Sezzjoni II ta’ l-Anness II.”

6

Fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, l-Anness II tad-Direttiva 1999/30 kien jistabbilixxi l-1 ta’ Jannar 2010, bħala d-data li minnha kellhom jiġu osservati l-valuri limitu għan-NO2.

7

Skont l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ruħhom magħha mhux iktar tard mid-19 ta’ Lulju 2001.

Id-Direttiva 2008/50

8

Id-Direttiva 2008/50, li daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Ġunju 2008, tissostitwixxi ħames atti leġiżlattivi preeżistenti dwar l-evoluzzjoni u l-ġestjoni tal-kwalità tal-arja ċirkostanti, b’mod partikolari d-Direttivi 96/62 u 1999/30, li tħassru b’effett mill-11 ta’ Ġunju 2010, kif jirriżulta mill-Artikolu 31 tad-Direttiva 2008/50.

9

L-Anness XI ta’ din id-direttiva jindika madankollu li d-data li fiha għandu jiġi osservat il-valur limitu għan-NO2 hija l-1 ta’ Jannar 2010.

10

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Suġġett”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri mmirati lejn dan li ġej:

1)

id-definizzjoni u d-determinazzjoni ta’ objettivi fir-rigward tal-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent maħsuba sabiex jevitaw, jimpedixxu jew inaqqsu l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kollu;

2)

il-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent fl-Istati Membri fuq il-bażi ta’ metodi u kriterji komuni;

3)

il-ksib ta’ informazzjoni dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent bħala għajnuna sabiex ikun miġġieled it-tniġġis ta’ l-arja u l-fastidju u sabiex ikunu ssorveljati x-xejriet għal perijodu fit-tul u t-titjib li jirriżulta minn miżuri nazzjonali u Komunitarji”.

11

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punti 5, 8, 16 sa 18 u 24:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

5)

‘valur ta’ limitu’ tfisser livell fiss fuq il-bażi tal-konoxxenza xjentifika, bil-għan li jkunu evitati, prevenuti jew jitnaqqsu l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent kollu, li għandu jintlaħaq f’perijodu partikolari u li ma għandux jinqabeż ladarba jintlaħaq;

[…]

8)

‘pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja’ tfisser pjanijiet li jistabbilixxu miżuri sabiex jintlaħqu l-valuri ta’ limitu jew il-valuri mmirati;

[…]

16)

‘żona’ tfisser parti mit-territorju ta’ Stat Membru, delimitata minn dak l-Istat Membru għall-finijiet tal-valutazzjoni u l-ġestjoni tal-kwalità ta’ l-arja;

17)

‘agglomerazzjoni’ tfisser żona li tkun konurbazzjoni b’popolazzjoni li taqbeż il-250 000 abitant, jew, meta l-popolazzjoni tkun ta’ 250000 abitant jew inqas, b’densità ta’ popolazzjoni kull km2 li għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri;

18)

‘PM10’ tfisser il-materja partikulata li tgħaddi minn daħla selettiva skond id-daqs kif definit fil-metodu ta’ referenza għall-kampjunament u għall-kejl tal-PM10, EN 12341, b’50 % efficiency cut-off f’dijametru aerodinamiku ta’ 10 μm;

[…]

24)

‘ossidi tan-nitroġenu’ tfisser it-total tal-volume mixing ratio (ppbv) tal-monossidu tan-nitroġenu (ossidu nitriku) u d-dijossidu tan-nitroġenu mogħtija bħala unitajiet ta’ konċentrazzjoni tal-massa tad-dijossidu tan-nitroġenu (μg/m3)”.

12

L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Valuri ta’ limitu u l-limiti ta’ allert għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha tagħhom, il-livelli tad-dijossidu tal-kubrit, PM10, iċ-ċomb u l-monossidu tal-karbonju fl-arja ta’ l-ambjent ma’ jaqbżux il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Anness XI.

Fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-benżina, il-valuri ta’ limitu speċifikati fl-Anness XI ma jistgħux jinqabżu mid-dati speċifikati fih.

Il-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi valutata skond l-Anness III.

Il-marġini ta’ tolleranza stabbiliti fl-Anness XI għandhom japplikaw skond l-Artikolu 22(3) u l-Arikolu 23(1).”

13

L-Artikolu 22 tal-istess direttiva, intitolat “Posponiment tat-termini perentorji għall-kisba ta’ l-objettiv u l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ l-applikazzjoni ta’ ċerti valuri ta’ limitu”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fejn, f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-konformità mal-valuri ta’ limitu fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu jew il-benżina ma jistgħux jinkisbu sat-termini perentorji speċifikati fl-Anness XI, Stat Membru jista’ jipposponi dawk it-termini perentorji sa massimu ta’ ħames snin għal dik iż-żona jew agglomerazzjoni partikolari, sakemm ikun ġie stabbilit pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja skond l-Artikolu 23 għaż-żona jew agglomerazzjoni li għalihom japplika l-posponiment; tali pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja għandu jiġi supplimentat mill-informazzjoni esposta fit-Taqsima B ta’ l-Anness XV dwar is-sustanzi li jniġġsu kkonċernati u għandu juri kif il-konformità mal-valuri ta’ limitu għandha tintlaħaq qabel it-terminu perentorju l-ġdid.

2.   Fejn, f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-konformità mal-valuri ta’ limitu fir-rigward tal-PM10, kif speċifikat fl-Anness XI, ma tistax tinkiseb minħabba l-karatteristiċi tat-tixrid speċifiċi għas-sit, kondizzjonijiet tal-klima ħżiena jew il-kontributi transkonfinali, l-Istat Membru għandu jkun eżentat mill-obbligu li japplika dawk il-valuri ta’ limitu sal-11 ta’ Ġunju 2011, sakemm il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu osservati, u sakemm dak l-Istai Membru juri li jkun ħa l-miżuri adegwati kollha fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex ilaħħaq ma l-iskadenzi.

3.   Fejn Stat Membru japplika l-paragrafi 1 jew 2, hu għandu jiżgura li l-valur ta’ limitu għal kull sustanza li tniġġes ma jinqabiżx b’aktar mill-marġni massimu tat-tolleranza speċifikat fl-Anness XI għal kull sustanza li tniġġes konċernata.

4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni meta, fil-fehma tagħhom, il-paragrafi 1 jew 2 japplikaw, u għandhom jikkomunikaw il-pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja msemmi fil-paragrafu 1 inkluż kull informazzjoni rilevanti meħtieġa għall-Kummissjoni sabiex ikun valutat jekk il-kondizzjonijiet rilevanti humiex sodisfatti. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ effetti stmati fuq il-kwalità ta’ l-arja ambjentali fl-Istati Membri, kemm fil-preżent u kemm fil-ġejjieni, ta’ miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri kif ukoll effetti stmati Komunitarji fuq il-kwalità ta’ l-arja ambjentali ta’ miżuri Komunitarji kurrenti u ta’ miżuri Komunitarji pjanati li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni.

Fejn il-Kummissjoni ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni fi żmien disa’ xhur minn meta tiġi riċevuta dik in-notifika, għandhom jitqiesu sodisfatti l-kondizzjonijiet rilevanti għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 jew 2.

Jekk jitqajmu oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ li l-Istati Membri jaġġustaw jew jipprovdu pjanijiet ġodda dwar il-kwalità ta’ l-arja.”

14

L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1.   Fejn, fiż-żoni jew l-agglomerazzjonijiet stipulati, il-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja ta’ l-ambjent jaqbżu kwalunkwe valur ta’ limitu jew valur immirat, kif ukoll kwalunkwe marġni rilevanti tat-tolleranza f’kull każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu stabbiliti pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja għal dawk iż-żoni u agglomerazzjonijiet sabiex jinkiseb il-valur ta’ limitu jew valur immirat relatati speċifikati fl-Annessi XI u XIV.

Fil-każ ta’ qabżiet ta’ dawk il-valuri ta’ limitu li għalihom id-data ta’ skadenza sabiex jintlaħqu diġà tkun skadiet il-pjan ta’ kwalità ta’ l-arja għandu jistabbilixxi miżuri adegwati, sabiex il-perijodu tal-qabża jkun jista’ jinżamm l-iqsar possibbli. Il-pjan għall-kwalità ta’ l-arja jista’ jinkludi wkoll miżuri speċifiċi li jkollhom il-ħsieb li jipproteġu gruppi sensittivi fil-popolazzjoni, inklużi t-tfal.

Dawk il-pjanijiet għall-kwalità ta’ l-arja għandhom jinkorporaw ta’ l-anqas l-informazzjoni elenkata fit-Taqsima A ta’ l-Anness XV u jistgħu jinkludu miżuri skond l-Artikolu 24. Dawk il-pjanijiet għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni mingħajr dewmien, iżda mhux aktar tard minn sentejn wara l-aħħar ta’ dik is-sena fejn tkun ġiet osservata l-ewwel qabża.

Fejn għandhom jiġu preparati jew implimentati pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja fir-rigward ta’ diversi sustanzi li jniġġsu, l-Istati Membri għandhom, fejn ikun il-każ, jippreparaw u jimplimentaw pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja integrati li jkopru l-s-sustanzi li jniġġsu kollha kkonċernati.”

15

L-Anness XI tad-Direttiva 2008/50 jistabbilixxi l-valuri limitu segwenti għan-NO2:

Perijodu li fuqu tinħadem il-medja

Valur ta’ limitu

Marġni ta’ tolleranza

Data sa meta jrid jintlaħaq il-valur ta’ limitu

Dijossidu tan-nitroġenu

 

Siegħa

200 μg/m3, li ma għandux jinqabeż aktar minn 18-il darba kull sena kalendarja

[…] 0 % sa l-1 ta’ Jannar 2010

L-1 ta’ Jannar 2010

Sena

kalendarja

40 μg/m3

50 % fid-19 ta’ Lulju 1999, li jonqos f1-1 ta’ Jannar 2001 u kull 12-il xahar ta’ wara b’perċentwali annwali ndaqs sakemm jinżel għal 0 % sa l-1 ta’ Jannar 2010

L-1 ta’ Jannar 2010

Il-proċedura prekontenzjuża

16

Fis-7 ta’ Marzu 2012, ir-Repubblika Franċiża, b’applikazzjoni tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/50, talbet il-posponiment tat-terminu previst għall-osservanza tal-valuri limitu ta’ NO2. Din it-talba kienet tikkonċerna l-valuri limitu annwali ta’ 24 żona tat-territorju Franċiż u l-valuri limitu għal kull siegħa ta’ tlieta minn dawn iż-żoni. B’deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 22(4) ta’ din id-direttiva, oġġezzjonat għal din it-talba għal posponiment. Din id-deċiżjoni ma ġietx ikkontestata mir-Repubblika Franċiża. Dan l-Istat Membru kellu għalhekk l-obbligu li josserva l-valuri limitu ta’ NO2, ikkalkolati għal kull siegħa jew għal kull sena kalendarja, mill-1 ta’ Jannar 2010, skont l-Anness XI tal-imsemmija direttiva.

17

Minħabba qbiż tal-valuri limitu annwali ta’ NO2 f’ħafna żoni tat-territorju Franċiż mill-1 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni bdiet, fit-12 ta’ Frar 2014, proċedura fil-kuntest tal-mekkaniżmu EU pilot.

18

Fid-19 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-awtoritajiet Franċiżi, li fiha hija qieset li r-Repubblika Franċiża ma kinitx osservat il-valuri limitu applikabbli għan-NO2, u dan f’19-il żona tat-territorju Franċiż riprodotti fl-Anness I ta’ din l-ittra. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li dan l-Istat Membru, minkejja li adotta pjanijiet relatati mal-kwalità tal-arja u/jew miżuri oħra intiżi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ NO2, kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, u, b’mod partikolari, taħt it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, li jimponi li jiġi żgurat li l-perijodu ta’ qbiż ikun l-iqsar possibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ksur kien għadu għaddej.

19

Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Diċembru 2015 kif ukoll permezz ta’ ittra addizzjonali, tas-27 ta’ Lulju 2016, l-awtoritajiet Franċiżi wieġbu għall-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, huma ppreżentaw ir-rapporti annwali tagħhom, rispettivament, fit-30 ta’ Ottubru 2015 għas-sena 2014, u fit-22 ta’ Ottubru 2016 għas-sena 2015.

20

Peress li qieset li r-risposta tar-Repubblika Franċiża ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni, fil-15 ta’ Frar 2017, ħarġet opinjoni motivata li ġiet innotifikata lir-Repubblika Franċiża fis-16 ta’ Frar 2017, li fiha hija kkonkludiet li dan l-Istat Membru kien naqas, fi tlettax-il żona tat-territorju Franċiż, jiġifieri t-tnax-il żona li huma s-suġġett ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kif ukoll dik ta’ Saint-Étienne Rhône-Alpes (FR29A01), u dan sa mill-1 ta’ Jannar 2010, milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont, minn naħa, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50, moqri flimkien mal-Anness XI ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 23(1) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mat-Taqsima A tal-Anness XV tiegħu. Konsegwentement, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Franċiża sabiex tieħu dawk il-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni motivata fi żmien xahrejn minn meta tirċevieha.

21

L-awtoritajiet Franċiżi wieġbu għal din l-opinjoni motivata b’ittra tal-24 ta’ April 2017, ikkompletata permezz ta’ ittri tas-16 ta’ Ottubru 2017, tat-8 ta’ Frar 2018 u tad-19 ta’ April 2018, li fihom dawn l-awtoritajiet fakkru li l-qbiż tal-valuri limitu b’effett mis-sena 2010 kellu jiġi evalwat fid-dawl, minn naħa, tad-diffikultajiet strutturali li jimpedixxu li dawn il-valuri jiġu osservati fit-terminu stabbilit mid-Direttiva 2008/50, u, min-naħa l-oħra, tal-isforzi li ppermettew titjib sinjifikattiv tal-kwalità tal-arja ċirkostanti fiż-żoni kkunsidrati.

22

Saret laqgħa teknika wkoll fit-8 ta’ Settembru 2017. Din ġiet segwita, fit-30 ta’ Jannar 2018, minn laqgħa organizzata mill-Kummissjoni, li tirrigwarda l-kwalità tal-arja u li tiġbor il-Ministri responsabbli għall-ambjent ta’ diversi Stati Membri, fosthom ir-Repubblika Franċiża, kif ukoll il-Kummissarju kompetenti f’dan il-qasam.

23

Peress li kkunsidrat madankollu li r-Repubblika Franċiża ma kinitx ħadet il-miżuri kollha neċessarji sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2008/50, il-Kummissjoni ppreżentat, fil-11 ta’ Ottubru 2018, dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur sistematiku u persistenti tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha

L-argumenti tal-partijiet

24

Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Franċiża kisret, b’mod sistematiku u persistenti, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50, moqri flimkien mal-Anness XI tagħha, peress li l-limiti annwali previsti minn din id-direttiva dwar in-NO2 inqabżu fit-tnax-il żona u agglomerazzjoni msemmija fil-punt 1 ta’ din is-sentenza, u peress li l-limiti għal kull siegħa nqabżu f’tnejn minn dawn iż-żoni, jiġifieri l-Île-de-France-Pariġi u Lyon Rhône-Alpes.

25

Il-Kummissjoni ssostni li, fil-punt 69 tas-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2017:267), li kienet tikkonċerna t-tniġġis tal-arja ċirkostanti mill-PM10, li huma koperti wkoll mid-Direttiva 2008/50, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qbiż tal-valuri limitu huwa biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha. Issa, f’dan il-każ, ir-rapporti annwali għas-snin 2010 sa 2016 trażmessi lil din l-istituzzjoni mill-awtoritajiet Franċiżi stess, skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2008/50, kif ukoll ċerta informazzjoni pprovduta minn dawn l-awtoritajiet matul il-fażi prekontenzjuża jikkostitwixxu l-prova ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Id-data provviżorja relatata mas-sena 2017 kienet ġiet ikkomunikata mill-awtoritajiet Franċiżi, iżda din kienet għadha ma ġietx ivvalidata mid-dipartimenti tal-Kummissjoni.

26

Ir-Repubblika Franċiża tressaq żewġ argumenti preliminari.

27

Minn naħa, ir-Repubblika Franċiża tikkontesta n-natura rappreżentattiva tal-qbiż tal-valuri limitu ta’ NO2 ikkonstatati mill-Kummissjoni, li ġew irreġistrati minn numru limitat ta’ stazzjonijiet ta’ kejl lokalizzati kollha fil-viċinanzi ta’ ċerti rotot prinċipali ta’ traffiku. Għalhekk, dan il-qbiż ma jindikax il-kwalità tal-arja fit-tnax-il żona u agglomerazzjoni kkunsidrati, li hija fil-fatt globalment aħjar.

28

F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-fatt li jiġi kkunsidrat il-valur l-iktar għoli f’kull żona ma jippermettix li tingħata immaġni rappreżentattiva tal-evoluzzjoni tal-kwalità tal-arja f’din iż-żona kollha.

29

Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li l-miżuri meħuda minnha huma ostakolati mill-effett tat-tkabbir demografiku, enfasizzat bl-iżvilupp tal-modalitajiet ta’ trasport. Barra minn hekk, il-miżuri li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri, li huma intiżi, b’mod partikolari, li jirrestrinġu t-traffiku fuq ir-rotot prinċipali b’traffiku qawwi, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tal-iżvilupp urban taż-żoni u agglomerazzjonijiet ikkonċernati. Fil-fatt, huwa importanti li l-imsemmija miżuri ma jwasslux għat-trasferiment tat-traffiku, u għalhekk, neċessarjament, tal-emissjonijiet li jniġġsu, lejn żoni urbani oħra u rotot prinċipali ta’ traffiku mhux adattati jew iżgħar u li huma jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ trasport tal-popolazzjonijiet. Ir-Repubblika Franċiża tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/50 għandu jiġi eżerċitat b’osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, b’mod partikolari tal-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-persuni, u dan ma jippermettix, pereżempju, li jiġu stabbiliti projbizzjonijiet settorjali ta’ moviment.

30

Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet oħra ta’ mobbiltà jeħtieġ investimenti kbar u li jiswew iżjed flus, li jistgħu biss jitwettqu fuq perijodu ta’ żmien twil. L-effikaċja tal-miżuri adottati mir-Repubblika Franċiża tiddependi wkoll mill-modernizzazzjoni tal-park awtomobilistiku, li hija iktar diffiċli minħabba l-fatt li l-familji jżommu l-vettura tagħhom dejjem iktar fit-tul.

31

Ir-Repubblika Franċiża ssostni, barra minn hekk, li leġiżlazzjonijiet iktar vinkolanti, bħal dawk intiżi sabiex tiżdied it-tassazzjoni fuq il-karburanti, ma jistgħux jiġu kkunsidrati attwalment, minħabba s-sensittività tal-opinjoni pubblika fuq din il-kwistjoni, u jistgħu għalhekk jagħtu lok għal problemi ta’ ordni pubbliku. B’mod ġenerali, l-effikaċja tal-miżuri adottati tiddependi mill-aġir tal-popolazzjoni u mill-evoluzzjoni tal-mentalitajiet.

32

Bħala konklużjoni għal dawn l-osservazzjonijiet preliminari, ir-Repubblika Franċiża tinvoka n-negliġenza tal-Kummissjoni stess fid-dewmien fl-adozzjoni, fil-livell tal-Unjoni, tal-miżuri neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet li jridu jintlaħqu minn din id-direttiva. Hija ssostni b’mod partikolari li l-effett mistenni, fuq l-emissjonijiet ta’ NO2, mir-regoli stabbiliti fil-livell tal-Unjoni bir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1), huwa inqas mil-livell tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet mistenni waqt l-istabbiliment tal-valuri limitu fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Direttiva 2008/50.

33

Ir-Repubblika Franċiża ma tikkontestax l-eżistenza persistenti ta’ qbiż tal-valuri limitu għal kull siegħa u annwali ta’ NO2 fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet li huma s-suġġett tar-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni. Hija tikkontesta, madankollu, in-natura allegatament sistematika ta’ dan il-qbiż.

34

Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża tfakkar li l-maġġoranza tal-Istati Membri huma kkonfrontati b’diffikultajiet strutturali li jirrendu diffiċli l-osservanza tal-valur limitu annwali ta’ NO2 stabbilit mid-Direttiva 2008/50.

35

F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Franċiża ssostni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-post fejn jinsabu l-istazzjonijiet ta’ kejl, waqt l-eżami tal-valuri rrilevati minn dawn l-istazzjonijiet ta’ kejl, fid-dawl tal-fatt li wħud minnhom jinsabu f’postijiet li huma eqreb għal sorsi ta’ emissjoni ta’ NO2 minn dawk meħtieġa mid-Direttiva 2008/50. Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll it-titjib globali tal-kwalità tal-arja fi Franza. Ir-Repubblika Franċiża tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-miżuri li hija ħadet ippermettew li jitnaqqsu kunsiderevolment l-emissjonijiet ta’ NO2. Fit-territorju nazzjonali kollu, in-numru ta’ stazzjonijiet ta’ kejl li jaqbżu l-valur limitu annwali ta’ NO2 naqas b’iktar min-nofs bejn is-sena 2000 u s-sena 2017. Mis-sena 2010 sas-sena 2017, il-proporzjon ta’ stazzjonijiet ta’ kejl urbani, effettwati mit-traffiku tat-triq, li kkonstataw qbiż tal-valur limitu annwali ta’ NO2 naqas bin-nofs. Matul dan l-istess perijodu, it-tnaqqis tal-konċentrazzjoni medja ta’ NO2 mkejla minn dawn l-istazzjonijiet ta’ kejl urbani kien ikun darbtejn iktar malajr milli għall-istazzjonijiet ta’ kejl kollha. Minn dan jirriżulta li l-parti tal-popolazzjoni esposta għall-effetti tal-qbiż ta’ dan il-valur limitu naqset.

36

Ir-Repubblika Franċiża tikkonkludi li, minkejja l-ostakoli kkostitwiti mill-fatturi strutturali msemmija, l-eżami tal-evoluzzjoni tal-kwalità tal-arja fit-territorju Franċiż kollu juri tnaqqis sinjifikattiv tal-emissjonijiet u tal-konċentrazzjonijiet ta’ NO2 mis-sena 2010, bl-effett tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Franċiżi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37

L-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu indikat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li l-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE hija bbażata fuq il-konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligi tiegħu taħt it-Trattat FUE jew att ta’ dritt sekondarju (sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑336/16, EU:C:2018:94, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-fatt li jinqabżu l-valuri limitu applikabbli għan-NO2 fl-arja ċirkostanti huwa biżżejjed fih innifsu sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑336/16, EU:C:2018:94, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Issa, f’dan il-każ, id-data li tirriżulta mir-rapporti annwali tal-kwalità tal-arja, ippreżentata mir-Repubblika Franċiża, skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2008/50, turi li bejn is-sena 2010 u s-sena 2016 inkluża, dan l-Istat Membru qabeż regolarment, minn naħa, il-valuri limitu annwali għan-NO2 fi tnax-il agglomerazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-valuri limitu għal kull siegħa għal din is-sustanza li tniġġes fi tnejn minn dawn l-agglomerazzjonijiet u żoni.

40

Minn dan jirriżulta li l-qbiż ikkonstatat għandu jitqies bħala persistenti, kif tirrikonoxxi wkoll ir-Repubblika Franċiża mill-fażi prekontenzjuża, iżda wkoll sistematiku, u dan, mingħajr ma l-Kummissjoni hija obbligata tipproduċi provi addizzjonali ta’ dan il-qbiż.

41

Fir-rigward tal-argument imressaq mir-Repubblika Franċiża li n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi taħt l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50, moqri flimkien mal-Anness XI tagħha, għandu jiġi evalwat fid-dawl tad-diffikultajiet strutturali li ltaqgħet magħhom waqt it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, għandu jitfakkar li, skont l-Anness XI tal-imsemmija direttiva, id-data li minnha kellhom jiġu osservati l-valuri limitu għan-NO2 kienet ġiet stabbilita għall-1 ta’ Jannar 2010.

42

Issa, peress li l-għan kostanti tan-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligi taħt it-Trattat FUE jew att ta’ dritt sekondarju ġie stabbilit, huwa irrilevanti li n-nuqqas jirriżulta mir-rieda tal-Istat Membru li lilu huwa imputabbli, minħabba n-negliġenza tiegħu jew ukoll minħabba diffikultajiet tekniċi jew strutturali li huwa kien iltaqa’ magħhom (sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Konsegwentement, l-argument tar-Repubblika Franċiża relatat mal-eżistenza ta’ problemi strutturali tagħha ma jistax jiġi aċċettat.

44

Dan jgħodd ukoll għall-argument ta’ dan l-Istat Membru dwar in-natura mhux rappreżentattiva tal-qbiż tal-valuri limitu ta’ NO2. Fil-fatt, l-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat biss il-valuri annwali u għal kull siegħa ta’ konċentrazzjoni ta’ NO2 fl-arja ċirkostanti li joriġinaw mill-istazzjoni ta’ kejl li rrileva l-valuri l-iktar għoljin fiż-żona kkonċernata, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 għandhom jiġu interpretati, skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha dawn id-dispożizzjonijiet, fis-sens li, sabiex jiġi kkonstatat il-qbiż ta’ valur limitu stabbilit fl-Anness XI ta’ din id-direttiva għall-medja kkalkolata għal kull sena kalendarja, huwa biżżejjed li livell ta’ tniġġis ogħla minn dan il-valur jiġi kkalkolat f’punt ta’ kampjunament iżolat (sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et, C‑723/17, EU:C:2019:533, punti 60, 66 u 68). Minn dan isegwi li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, għal kull waħda mit-tnax-il żona jew agglomerazzjoni msemmija f’dan ir-rikors, il-valuri annwali u għal kull siegħa ta’ konċentrazzjoni ta’ NO2 fl-arja ċirkostanti li jirriżultaw mill-istazzjon ta’ kejl li jkun irrileva l-valuri l-iktar għoljin fiż-żona jew l-agglomerazzjoni kkonċernata.

45

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-argument li l-qbiż ikkritikat ġie rreġistrat minn stazzjonijiet ta’ kejl li jinsabu l-iktar qrib ir-rotot prinċipali, li xi wħud minnhom jinsabu, barra minn hekk, f’postijiet iktar qrib is-sorsi ta’ emissjoni ta’ NO2 minn dawk meħtieġa mid-Direttiva 2008/50, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa minnu li l-pożizzjoni tal-punti ta’ kampjunament huwa ċentrali għas-sistema ta’ evalwazzjoni u ta’ titjib tal-kwalità tal-arja prevista minn din id-direttiva u li l-għan stess ta’ din tal-aħħar ikun kompromess jekk il-punti ta’ kampjunament li jinsabu f’żona jew agglomerazzjoni partikolari ma jkunux installati skont il-kriterji previsti minnha (sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2019,Craeynest et, C-723/17, EU:C:2019:533, punti 47 u 49), ir-Repubblika Franċiża ma tikkontestax li l-pożizzjoni tal-istazzjonijiet ta’ kejl qrib ir-rotot prinċipali hija konformi mal-kriterji ta’ makroinstallazzjoni tal-punti ta’ kampjunament iddefiniti fl-Anness III tad-Direttiva 2008/50.

46

Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Franċiża li n-neċessità li jiġi osservat id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-moviment liberu tal-merkanzija, tillimita l-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri fl-adozzjoni ta’ miżuri intiżi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ NO2 iġġenerati mit-traffiku tat-triq, bħal projbizzjoni settorjali ta’ moviment, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punti 117, 138 u 140 tas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑28/09, EU:C:2011:854), li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali projbizzjoni settorjali tista’ tkun adegwata sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent u għalhekk tiġġustifika ostakolu għall-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija, bil-kundizzjoni li ma jeżistux miżuri inqas restrittivi għal-libertà ta’ moviment fid-dawl tal-għan imfittex b’dan il-mod.

47

Fir-rigward tal-argument tad-dewmien tal-Kummissjoni fl-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet tad-Direttiva 2008/50, għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex ta’ natura li jeżenta lir-Repubblika Franċiża min-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Anness XI tagħha.

48

Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra barra minn hekk li l-effett mistenni, fuq l-emissjonijiet ta’ NO2, mir-regoli stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 715/2007 irriżulta inqas mil-livell tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet mistenni waqt l-istabbiliment tal-valuri limitu fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Direttiva 2008/50. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minbarra l-fatt li l-vetturi bil-mutur suġġetti għal dawn ir-regoli ma humiex l-unika kawża tal-emissjonijiet NO2, li barra minn hekk ġie rrikonoxxut mir-Repubblika Franċiża, u li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur ma tistax teżonera lill-Istati Membri mill-obbligu tagħhom li josservaw il-valuri limitu stabbiliti mill-1 ta’ Jannar 2010 mid-Direttiva 2008/50, li r-Repubblika Franċiża ma tikkunsidrax li, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-punt 1 tal-Artikolu 1 u tal-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/50, moqrija fid-dawl tal-premessi 1 sa 3 ta’ din id-direttiva, il-valuri limitu ma ġewx stabbiliti b’teħid inkunsiderazzjoni tal-effett mistenni mir-regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 715/2007, iżda ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-għarfien xjentifiku u tal-esperjenza tal-Istati Membri sabiex jirriflettu l-livell meqjus xieraq mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri b’tali mod li jiġu evitati, ipprevenuti jew imnaqqsa l-effetti ta’ ħsara ta’ sustanzi fl-arja li jniġġsu fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent fl-intier tiegħu.

49

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Franċiża, tendenza eventwali parzjali għal tnaqqis muri mid-data miġbura, li madankollu ma tirriżultax f’li dan l-Istat Membru jikkonforma ruħu mal-valuri limitu li għalihom huwa marbut, ma tistax tinvalida l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbigu attribwibbli lilha għal dan il-għan (sentenza tal-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑336/16, EU:C:2018:94, punt 65).

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment għandu jiġi milqugħ.

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, moqri flimkien mat-Taqsima A tal-Anness XV tagħha

L-argumenti tal-partijiet

51

Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, mill-11 ta’ Ġunju 2010, imposti fuqha mill-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50.

52

Il-Kummissjoni tindika, f’dan ir-rigward, li, għalkemm huwa minnu li fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru għandu, fil-pjanijiet tiegħu relatati mal-kwalità tal-arja, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-għażla tal-miżuri li għandhom jittieħdu, dawn għandhom, fi kwalunkwe każ, jippermettu li l-perijodu li matulu jinqabżu l-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli.

53

Sabiex jiġi ddeterminat jekk pjan dwar il-kwalità tal-arja jipprevedix miżuri xierqa sabiex il-perijodu ta’ qbiż ikun l-iqsar possibbli, li jeżiġi analiżi individwali ta’ kull każ, il-Kummissjoni ssostni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sitt fatturi, li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 37 u 42 ta’ din is-sentenza.

54

L-ewwel nett, il-qbiż tal-valuri limitu fuq żmien twil kif ukoll, it-tieni nett, it-tul stmat tal-qbiż tal-valuri limitu għall-futur jikkostitwixxu indizji importanti tan-nuqqas ta’ osservanza mill-Istat Membru kkonċernat tal-obbligu impost fuqu skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50.

55

It-tielet nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell assolut tal-qbiż tal-valuri limitu. Iktar ma jkun kbir id-distakk sabiex jiġi osservat il-valur limitu stabbilit mid-Direttiva 2008/50, b’mod partikolari matul is-snin l-iktar reċenti, iktar l-assenza ta’ ambizzjoni tal-miżuri previsti fil-pjan tikkostitwixxi indikazzjoni tal-ksur tal-obbligi indikati fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50.

56

Ir-raba’ nett, l-evoluzzjoni relattiva tal-konċentrazzjoni annwali ta’ NO2 fl-arja ċirkostanti, b’mod partikolari matul is-snin l-iktar reċenti, tista’ tindika ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. L-istaġnar jew iż-żieda f’din it-tendenza, tkun tikkostitwixxi wkoll indikazzjoni qawwija tal-insuffiċjenza tal-miżuri previsti fil-pjan. Anki tendenza ta’ tnaqqis tista’ tkun indikazzjoni ta’ ksur tar-rekwiżiti indikati fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50, meta r-ritmu ta’ dan it-tnaqqis ikun, fir-rigward tad-daqs tal-qbiż, wisq dgħajjef sabiex dan jiġi eliminat fl-iqsar perijodu possibbli.

57

Il-ħames nett, il-kontenut formali tal-pjanijiet, b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk dawn jinkludux l-informazzjoni kollha mitluba mit-Taqsima A tal-Anness XV tad-Direttiva 2008/50, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-punt 113 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2017:267), li minnha jirriżulta li din l-informazzjoni għandha importanza kruċjali.

58

Is-sitt nett, il-Kummissjoni tissuġġerixxi wkoll li jiġi kkunsidrat il-kontenut materjali tal-pjanijiet, b’mod partikolari l-adegwatezza bejn id-dijanjożi f’dawn il-pjanijiet u l-miżuri previsti, l-analiżi tat-totalità tal-miżuri possibbli, il-kopertura ġeografika u settorjali tal-miżuri magħżula fl-imsemmija pjanijiet, kif ukoll in-natura vinkolanti jew sempliċement indikattiva tagħhom.

59

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, f’dan il-każ, kull waħda mit-tnax-il żona tat-territorju Franċiż imsemmija fir-rikors tagħha kienet formalment is-suġġett ta’ pjan dwar il-kwalità tal-arja fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri s-16 ta’ April 2017. Madankollu, hija tqis li dawn il-pjanijiet ma humiex effikaċi sa fejn huma ma temmewx il-qbiż persistenti eżistenti fi Franza mis-sena 2010. Barra minn hekk, wara li analizzat l-imsemmija pjanijiet u miżuri oħra adottati mir-Repubblika Franċiża kif ukoll l-informazzjoni kkomunikata mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru matul il-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni, filwaqt li kkritikat lil dawn l-awtoritajiet minħabba attitudni passiva u l-adozzjoni ta’ miżuri li ma humiex vinkolanti, tallega li l-pjanijiet inkwistjoni ma jipprevedux miżuri xierqa sabiex il-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu ta’ NO2 ikun “l-iqsar possibbli”. Barra minn hekk, l-ebda wieħed minn dawn il-pjanijiet ma jsemmi l-ħtieġa ta’ trasformazzjonijiet strutturali.

60

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li diversi atti legali adottati mir-Repubblika Franċiża wara s-16 ta’ April 2017 — id-data finali ffissata mill-opinjoni motivata — jikkonfermaw il-ksur tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50.

61

Il-Kummissjoni tindika li, ċertament, fl-10 ta’ Mejju 2017, ir-Repubblika Franċiża adottat pjan ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja, li jipprevedi ċertu numru ta’ azzjonijiet ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet fis-setturi kollha u jipprevedi b’mod partikolari miżuri sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet marbuta mat-trasport bit-triq, bħall-konverġenza tat-tassazzjoni bejn il-petrol u d-diżil, jew il-promozzjoni tax-xiri ta’ vetturi proprji. Madankollu, minn dan il-pjan jirriżulta li l-osservanza tal-valuri limitu ser issir mhux iktar kmieni mill-2030.

62

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tfakkar li l-Kunsill tal-Istat (Franza) ikkonstata, f’sentenza tat-12 ta’ Lulju 2017, il-ksur tal-leġiżlazzjoni Franċiża li tittrasponi l-Artikoli 13 u 23 tad-Direttiva 2008/50 f’sittax-il żona tat-territorju Franċiż.

63

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li mill-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Franċiża fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Frar 2018 jirriżulta li, fl-2020, għaxar stazzjonijiet ta’ kejl ikunu għadhom f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità, filwaqt li din iċ-ċifra taqa’ għal tlieta fl-2030, mingħajr madankollu ma huwa indikat il-post fejn jinsabu dawn l-istazzjonijiet. Dan jikkonferma, fi kwalunkwe każ, in-nuqqas ta’ osservanza persistenti ta’ dan l-Istat Membru, lil hinn mid-data tal-iskadenza stabbilita fl-opinjoni motivata, tal-obbligi imposti fuqu mill-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50.

64

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li lista ta’ miżuri nazzjonali addizzjonali, effettivi jew imħabbra, ġiet ikkomunikata lilha mill-awtoritajiet Franċiżi fl-20 ta’ April 2018. Madankollu, l-ebda kwantifikazzjoni tal-impatt ta’ dawn il-miżuri ma ġie pprovdut u ma ġiet indikata l-ebda data li fiha ser jintemm il-qbiż tal-valuri limitu ta’ NO2 fit-tnax-il żona kollha koperti minn dan ir-rikors.

65

Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-argument imressaq mir-Repubblika Franċiża, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet strutturali, ma huwa bbażat fuq l-ebda analiżi individwali għal kull waħda mit-tnax-il żona msemmija f’dan ir-rikors. Peress li dan huwa, fir-realtà, argument ġenerali, dan għandu jiġi miċħud għar-raġuni li ma ġiex ipprovat minn perspettiva fattwali.

66

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-analiżi tal-fatti ppreżentati mir-Repubblika Franċiża fir-risposta tagħha tikkonferma li l-ebda waħda miż-żoni inkwistjoni ma hija s-suġġett ta’ pjan li jipprevedi miżuri xierqa sabiex il-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli. Barra minn hekk, il-parti l-kbira tal-elementi mressqa mill-Gvern Franċiż jirrigwardaw azzjonijiet li huma kkunsidrati ħafna wara l-iskadenza tat-terminu għar-risposta għall-opinjoni motivata, u li t-twettiq tagħhom huwa previst f’ċerti każijiet iktar minn ħmistax-il sena wara d-dħul fis-seħħ tal-valuri limitu ta’ NO2.

67

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiċħad l-argument li hija biss parti żgħira mill-popolazzjoni li ser tkun affettwata mill-qbiż tal-valuri limitu ta’ NO2, peress li tali argument ma huwiex rilevanti fir-rigward tad-Direttiva 2008/50 li ma tinkludix regoli de minimis.

68

Ir-Repubblika Franċiża tinvoka l-eżistenza ta’ diffikultajiet strutturali li ltaqgħet magħhom waqt l-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda sabiex il-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu ta’ NO2 ikun l-iqsar possibbli, li ostakolaw l-effettività ta’ dawn il-miżuri.

69

Ir-Repubblika Franċiża ssostni wkoll li l-Kummissjoni tagħti interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, moqri flimkien mal-Anness XV ta’ din id-direttiva.

70

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża tikkontesta l-mod kif il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-qbiż tal-valuri limitu ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti għall-evalwazzjoni tan-natura xierqa tal-pjanijiet relatati mal-kwalità tal-arja, sabiex il-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu ta’ NO2 ikun l-iqsar possibbli, skont l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, peress li r-restrizzjonijiet relatati mal-miżuri ta’ ġlieda kontra l-emissjonijiet ta’ dawn iż-żewġ sustanzi li jniġġsu huma fil-fatt differenti. Hija tikkritika b’mod partikolari lill-Kummissjoni li ma kkunsidratx, fl-eżami neċessarju individwali ta’ kull każ tan-natura xierqa tal-miżuri meħuda fid-dawl tar-rekwiżit li t-tul tal-qbiż għandu jkun l-iqsar possibbli, il-karatteristiċi speċifiċi tal-emissjonijiet ta’ NO2, il-post ta’ qbiż f’żoni urbani effettwati mit-traffiku u l-limitazzjonijiet strutturali proprji għall-emissjonijiet ta’ NO2, b’tali mod li l-persistenza tal-qbiż tal-valuri limitu ta’ NO2, mill-1 ta’ Jannar 2010 ma tippermettix waħedha, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, li turi n-natura mhux xierqa ta’ dawn il-miżuri.

71

Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża tenfasizza li l-pjanijiet inkwistjoni, li, kuntrarjament għall-opinjoni tal-Kummissjoni, jinkludu miżuri proattivi u xierqa li wħud minnhom huma vinkolanti ppermettew it-titjib b’mod globali u b’mod sinjifikattiv ħafna tal-kwalità tal-arja fi Franza. Dan it-titjib qiegħed ikompli, għalkemm huwa għadu ma ppermettiex l-eliminazzjoni tal-qbiż tal-valuri limitu ta’ NO2 irrilevati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

72

Sa fejn il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-pjanijiet relatati mal-kwalità tal-arja għandhom jindikaw id-data li fiha għandhom ikunu osservati l-valuri limitu stabbiliti fl-Anness XI tad-Direttiva 2008/50, ir-Repubblika Franċiża tirrileva li l-ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma timponi b’mod espliċitu fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri l-obbligu li jindikaw tali data fil-pjanijiet tagħhom. Fil-fatt, l-Anness XV tal-imsemmija direttiva jipprevedi, fost l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja lokali, reġjonali jew nazzjonali intiżi għat-titjib tal-kwalità tal-arja ċirkostanti, li għandhom ikunu inklużi l-“[i]skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni” u 1-“[i]stima tat-titjib tal-kwalità ta’ l-arja pjanat u taż-żmien mistenni li jkun meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi”. Issa, minn dan ma jirriżultax li l-imsemmija pjanijiet għandhom jindikaw id-data li fiha jkunu osservati l-valuri limitu. L-espressjoni “sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi” hija relatata mal-għanijiet ta’ titjib tal-kwalità tal-arja ċirkostanti stabbiliti f’dawn il-pjanijiet, u mhux għall-osservanza tal-valuri limitu stabbiliti minn dan l-anness.

73

Ir-Repubblika Franċiża ssostni li n-natura xierqa tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja għandha tiġi eżaminata b’mod individwali għal kull każ fid-dawl tar-restrizzjonijiet lokali speċifiċi li għandhom jingħelbu f’kull waħda mit-tnax-il żona jew agglomerazzjoni inkwistjoni u tagħti, f’dan ir-rigward, deskrizzjoni ta’ xi wħud minn dawn il-limitazzjonijiet speċifiċi għal kull żona kif ukoll tal-miżuri l-iktar reċenti implimentati sabiex jintemm il-qbiż tal-valuri limitu ta’ NO2. Minn dan hija tikkonkludi li ma naqsitx milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

74

Mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jirriżulta li, meta l-qbiż tal-valuri limitu applikabbli għan-NO2 iseħħ wara t-terminu previst għall-applikazzjoni tagħhom, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat li jistabbilixxi pjan relatat mal-kwalità tal-arja li jissodisfa ċerti rekwiżiti.

75

Għalhekk, dan il-pjan għandu jipprevedi l-miżuri xierqa sabiex il-perijodu ta’ qbiż ikun l-iqsar possibbli, u jista’ jinkludi miżuri addizzjonali speċifiċi intiżi għall-protezzjoni tal-kategoriji ta’ popolazzjoni sensittivi, b’mod partikolari t-tfal. Barra minn hekk, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, dan il-pjan għandu jinkludi tal-inqas l-informazzjoni elenkata fit-Taqsima A tal-Anness XV ta’ din id-direttiva u jista’ jinkludi wkoll il-miżuri previsti fl-Artikolu 24 tagħha. L-imsemmi pjan għandu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni mingħajr dewmien, u mhux iktar tard minn sentejn wara t-tmiem tas-sena li matulha jkun ġie kkonstatat l-ewwel qbiż.

76

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 għandu portata ġenerali peress li japplika, mingħajr limitazzjoni ratione temporis, għall-qbiż ta’ kwalunkwe valur limitu ta’ sustanza li tniġġes stabbilit minn din id-direttiva, wara t-terminu previst għall-applikazzjoni tiegħu, irrispettivament minn jekk dan jiġix stabbilit mill-imsemmija direttiva jew mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tagħha (ara s-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 104).

77

F’dan il-kuntest, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Franċiża li jirrigwarda l-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2017:267) kif ukoll tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑336/16, EU:C:2018:94), dwar il-qbiż tal-valuri limitu ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-pjanijiet relatati mal-kwalità tal-arja, sabiex il-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu ta’ NO2 ikun l-iqsar possibbli, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tal-Artikoli 13 u 23 tad-Direttiva 2008/50 tindika mingħajr distinzjoni s-sustanzi kollha li jniġġsu l-arja ċirkostanti li għalihom tapplika din id-direttiva. L-imsemmija ġurisprudenza hija għalhekk trasponibbli, bħala kuntest ta’ analiżi, sabiex tiġi evalwata l-osservanza minn Stat Membru tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn dan l-Artikolu 23 għal dak li jikkonċerna sustanza li tniġġes oħra minbarra l-partiċelli PM10, peress li din is-sustanza li tniġġes hija koperta mill-imsemmija direttiva.

78

Għandu jiġi rrilevat ukoll li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tistabblixxi rabta diretta bejn, minn naħa, il-qbiż tal-valuri limitu għall-NO2 kif previsti mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha u, min-naħa l-oħra, l-istabbiliment ta’ pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 83, u tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑336/16, EU:C:2018:94, punt 76).

79

Dawn il-pjanijiet jistgħu jiġu stabbiliti biss abbażi tal-bilanċ bejn l-għan ta’ tnaqqis tar-riskju ta’ tniġġis u d-differenti interessi pubbliċi u privati eżistenti (sentenzi tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 106, u tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑336/16, EU:C:2018:94, punt 93).

80

Għalhekk, il-fatt li Stat Membru jaqbeż il-valuri limitu applikabbli għan-NO2 fl-arja ċirkostanti ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jitqies li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 107 u tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑336/16, EU:C:2018:94, punt 94).

81

F’dan ir-rigward, mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li, għalkemm l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ manuvra sabiex jiddeterminaw il-miżuri li għandhom jadottaw, dawn għandhom, fi kwalunkwe każ, jippermettu li l-perijodu li matulu jinqabżu l-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli (sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 109 u tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑336/16, EU:C:2018:94, punt 95).

82

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat permezz ta’ analiżi individwali għal kull każ, jekk il-pjanijiet stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat humiex f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 (sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 108).

83

F’dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża ssostni li t-termini indikati f’dak li jirrigwarda l-miżuri meħuda minnha fil-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja li hija stabbilixxiet huma adattati għall-estent tat-trasformazzjonijiet strutturali neċessarji sabiex jiġi tterminat il-qbiż tal-valuri limitu applikabbli għan-NO2, filwaqt li jiġu enfasizzati, minn naħa, id-diffikultajiet li jirriżultaw mid-daqs u mill-ispejjeż tal-investimenti li għandhom jitwettqu, u, min-naħa l-oħra, ir-restrizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-ġlieda kontra l-emissjonijiet ta’ NO2, bħalma hija ż-żieda tan-numru ta’ vetturi dovuta, fost affarijiet oħra, għat-tkabbir demografiku, il-fatt li t-twettiq tal-miżuri neċessarji għall-modernizzazzjoni tal-park awtomobilistiku neċessarjament teżiġi tul ta’ żmien, id-diffikultà li jinbidlu r-rotot prinċipali tat-traffiku jew is-sensittività tal-opinjoni pubblika fir-rigward ta’ ċerti miżuri bħalma huma, b’mod partikolari, iż-żieda tat-taxxa fuq il-karburanti kif ukoll l-użu persistenti ta’ vetturi bil-mutur.

84

Għandu jiġi kkonstatat, f’dan il-kuntest, li huma dawn l-elementi ta’ natura ġenerali li r-Repubblika Franċiża semmiet f’dawn il-pjanijiet, mingħajr ma pprovdiet iktar dettalji u mingħajr ma wettqet analiżi individwali iktar fil-fond għal kull każ fir-rigward ta’ kull waħda mit-tnax-il żona koperta mir-rikors tal-Kummissjoni.

85

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li diffikultajiet strutturali, relatati mal-isfida soċjoekonomika u baġitarja ta’ investimenti ewlenin li għadhom iridu jsiru, ma humiex ta’ natura eċċezzjonali u ma humiex ta’ natura li jeskludu li termini iqsar jistgħu jiġu stabbiliti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑336/16, EU:C:2018:94, punt 101).

86

L-eżistenza ta’ tali diffikultajiet strutturali, b’mod partikolari marbuta mar-restrizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-ġlieda kontra l-emissjonijiet ta’ NO2, b’mod partikolari f’ċirkustanzi fejn il-qbiż ikkonstatat ikun jinsab esklużivament madwar ir-rotot prinċipali, tista’ madankollu tkun rilevanti, fil-kuntest tal-bilanċ imsemmi fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi deċiż li t-terminu ta’ qbiż huwa l-iqsar possibbli, sakemm l-Istat Membru jkun adotta l-miżuri xierqa kollha għal dan il-għan.

87

Issa, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-eżami individwali ta’ kull każ tad-diversi żoni u agglomerazzjonijiet imsemmija f’dan ir-rikors, ir-Repubblika Franċiża, għalkemm turi ċertu tnaqqis tal-livell ta’ qbiż f’xi żoni u agglomerazzjonijiet ikkonċernati, sistematikament stabbilixxiet miżuri li, minn naħa, ma jipprovdux dettalji dwar il-postijiet ikkunsidrati, fir-rigward tal-iskeda tagħhom u fir-rigward tal-impatt stmat u, min-naħa l-oħra, kienu, fil-biċċa l-kbira tagħhom, adottati jew previsti ħafna wara l-iskadenza tat-terminu ta’ risposta għall-opinjoni motivata jew huma fil-proċess ta’ adozzjoni jew ta’ pjanifikazzjoni, bil-previżjoni xi drabi ta’ perijodu ta’ twettiq ta’ iktar minn ħmistax-il sena wara d-dħul fis-seħħ tal-valuri limitu għan-NO2.

88

Għandu jitfakkar, f’dan il-kuntest, li l-obbligu li jiġu stabbiliti, fil-każ ta’ qbiż tal-valuri limitu għan-NO2 fl-arja ċirkostanti, pjanijiet relatati mal-kwalità tal-arja huwa impost fuq l-Istat Membru kkonċernat mill-11 ta’ Ġunju 2010. Kif jirriżulta mill-atti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, qbiż tal-valuri limitu kien diġà kkonstatat fi Franza f’din id-data. Għaldaqstant, minn din id-data li fiha r-Repubblika Franċiża kellha tqiegħed fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2008/50, skont l-Artikolu 33(1) tagħha, dan l-Istat Membru kien għalhekk obbligat li jadotta u li jeżegwixxi, l-iktar malajr possibbli, miżuri xierqa, skont l-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva.

89

Fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 87 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Franċiża manifestament ma adottatx, fi żmien xieraq, miżuri xierqa li jippermettu li jiġi żgurat terminu ta’ qbiż li jkun l-iqsar possibbli. Għalhekk, il-qbiż tal-valuri limitu inkwistjoni matul seba’ snin konsekuttivi jibqa’ sistematiku u persistenti f’dan l-Istat Membru, minkejja l-obbligu ta’ dan tal-aħħar li jieħu l-miżuri xierqa u effikaċi kollha sabiex jikkonforma ruħu mar-rekwiżit li t-terminu ta’ qbiż ikun dak l-iqsar possibbli.

90

Tali sitwazzjoni turi waħedha, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat b’mod iktar iddettaljat il-kontenut tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja stabbiliti mir-Repubblika Franċiża, li, f’dan il-każ, dan l-Istat Membru ma implimentax miżuri xierqa u effikaċi sabiex il-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu għan-NO2 ikun “l-iqsar possibbli” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 (sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 117).

91

Minn dan isegwi li l-argumenti mressqa mir-Repubblika Franċiża ma jistgħux, fihom infushom, jiġġustifikaw termini daqshekk twal sabiex jintemm l-imsemmi qbiż fid-dawl tar-rekwiżit li jiġi żgurat li l-perijodu ta’ qbiż ikun l-iqsar possibbli.

92

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni lment invokat mill-Kummissjoni għandu jintlaqa’.

93

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat:

li, bil-qbiż b’mod sistematiku u persistenti tal-valur limitu annwali għan-NO2 mill-1 ta’ Jannar 2010 fi tnax-il agglomerazzjoni u żona ta’ kwalità tal-arja Franċiża, jiġifieri: Marseille (FR03A02), Toulon (FR03A03), Pariġi (FR04A01), Auvergne-Clermont-Ferrand (FR07A01), Montpellier (FR08A01), Toulouse Midi-Pyrénées (FR12A01), (ZUR) Reims Champagne-Ardenne (FR14N10), Grenoble Rhône-Alpes (FR15A01), Strasbourg (FR16A02), Lyon-Rhône-Alpes (FR20A01), ZUR Vallée de l’Arve Rhône-Alpes (FR20N10) u Nice (FR24A01), u bil-qbiż b’mod sistematiku u persistenti tal-valur limitu għal kull siegħa għan-NO2 mill-1 ta’ Jannar 2010 f’żewġ agglomerazzjonijiet u żoni ta’ kwalità tal-arja jiġifieri: Pariġi (FR04A01) u Lyon Rhône-Alpes (FR20A01), Pariġi (FR04A01) u Lyon Rhône-Alpes (FR04A01), ir-Repubblika Franċiża kompliet tonqos, sa minn din id-data, milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50, moqri flimkien mal-Anness XI ta’ din id-direttiva, u dan mid-dħul fis-seħħ tal-valuri limitu fl-2010, u

li r-Repubblika Franċiża, mill-11 ta’ Ġunju 2010, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 23(1) tal-imsemmija direttiva moqri flimkien mal-Anness XV tagħha, u b’mod partikolari l-obbligu, stabbilit mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tal-istess direttiva, li jiġi żgurat li l-perijodu ta’ qbiż ikun l-iqsar possibbli.

Fuq l-ispejjeż

94

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Bil-qbiż b’mod sistematiku u persistenti tal-valur limitu annwali għad-diossidu tan-nitroġenu (NO2) mill-1 ta’ Jannar 2010 fi tnax-il agglomerazzjoni u żona ta’ kwalità tal-arja Franċiża, jiġifieri: Marseille (FR03A02), Toulon (FR03A03), Pariġi (FR04A01), Auvergne-Clermont-Ferrand (FR07A01), Montpellier (FR08A01), Toulouse Midi-Pyrénées (FR12A01), żona urgani reġjonali (ZUR) Reims Champagne-Ardenne (FR14N10), Grenoble Rhône-Alpes (FR15A01), Strasbourg (FR16A02), Lyon-Rhône-Alpes (FR20A01), ZUR Vallée de l’Arve Rhône-Alpes (FR20N10) u Nice (FR24A01), u bil-qbiż b’mod sistematiku u persistenti tal-valur limitu għal kull siegħa għan-NO2 mill-1 ta’ Jannar 2010 f’żewġ agglomerazzjonijiet u żoni ta’ kwalità tal-arja jiġifieri: Pariġi (FR04A01) u Lyon Rhône-Alpes (FR20A01), ir-Repubblika Franċiża kompliet tonqos, sa minn din id-data, milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, moqri flimkien mal-Anness XI ta’ din id-direttiva, u dan mid-dħul fis-seħħ tal-valuri limitu fl-2010.

Ir-Repubblika Franċiża, mill-11 ta’ Ġunju 2010, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 23(1) tal-imsemmija tad-Direttiva 2008/50, moqri flimkien mal-Anness XV tagħha, u b’mod partikolari l-obbligu, stabbilit mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tal-istess direttiva, li jiġi żgurat li l-perijodu ta’ qbiż ikun l-iqsar possibbli.

 

2)

Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.