SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

3 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika ekonomika u monetarja – Sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea – Regolament (UE) Nru 549/2013 – Settur tal-amministrazzjonijiet pubbliċi – Istituzzjoni finanzjarja kaptiva – Kunċett – Kumpannija li toffri lill-familji bi dħul medju jew modest ipoteka taħt il-kontroll tal-gvern”

Fil-Kawża C‑632/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Ottubru 2018, fil-proċedura

Fonds du Logement de la Région de Bruxelles-Capitale SCRL

vs

Institut des Comptes nationaux (ICN),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, C. G. Fernlund u L. S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Mejju 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Fonds du Logement de la Région de Brussell-Capitale SCRL, minn E. van Nuffel d’Heynsbroeck, K. Munungu u L. Bersou, avocats,

għall-Institut des Comptes nationaux (ICN), minn J.-F. De Bock u P. Michou, avocats,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.-P. Keppenne u F. Simonetti, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 174, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Fonds du Logement de la Région de Bruxelles-Capitale SCRL (il-Fond tal-Akkomodazzjoni tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, iktar ’il quddiem il-“Fond”) u l-Institut des Comptes nationaux (ICN) (l-Istitut Nazzjonali tal-Kontijiet, il-Belġju) dwar il-klassifikazzjoni, minn dan tal-aħħar, tal-Fond fis-settur tal-amministrazzjonijiet pubbliċi taħt is-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali riveduti stabbilita bir-Regolament Nru 549/2013 (iktar ’il quddiem is-“SEK 2010”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Is-Sistema Ewropea ta’ Kontijiet Ekonomiċi Integrati (SEK) hija l-għodda statistika u l-istrument legali li l-Unjoni Ewropea adottat sabiex tiżgura informazzjoni komparabbli fuq l-istruttura tal-ekonomiji tal-Istati Membri u fuq l-iżvilupp tagħhom. L-ewwel SEK, imsejħa “SEK 95”, ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 2, p. 3). Is-SEK 2010, ġiet stabbilita bir-Regolament Nru 549/2013, issuċċediet is-SEK 95.

4

Il-premessa 3 tar-Regolament Nru 549/2013 hija redatta kif ġej:

“Iċ-ċittadini tal-Unjoni jeħtieġu l-kontijiet ekonomiċi bħala strument bażiku għall-analiżi tal-qagħda ekonomika ta’ Stat Membru jew reġjun. Għall-fini tal-komparabbiltà, dawn il-kontijiet għandhom jitfasslu fuq il-bażi ta’ sett wieħed ta’ prinċipji li ma jkunux miftuħa għal interpretazzjonijiet differenti. L-informazzjoni pprovduta għandha tkun kemm jista’ jkun preċiża, kompluta u fil-ħin sabiex tiżgura trasparenza massima għas-setturi kollha.”

5

Il-premessa 14 ta’ dan ir-regolament tipprovdi:

“Is-SEK 2010 għandha gradwalment tieħu post is-sistemi l-oħrajn kollha bħala qafas ta’ referenza tal-istandards komuni, definizzjonijiet, klassifikazzjonijiet u regoli tal-kontabbiltà għat-tfassil tal-kontijiet tal-Istati Membri għall-finijiet tal-Unjoni, biex b’hekk jinkisbu riżultati li jistgħu jitqabblu bejn l-Istati Membri.”

6

L-Artikolu 1(1) u (2) tal-imsemmi regolament huwa redatt kif ġej:

“1.   […][D]an ir-Regolament […] jistabbilixxi [is-SEK 95]

2.   Is-SEK 2010 jipprevedi:

a)

metodoloġija (Anness A) dwar standards komuni, definizzjonijiet, klassifikazzjonijiet u regoli tal-kontabbiltà li għandhom jintużaw għat-tħejjija tal-kontijiet u t-tabelli fuq bażijiet li jistgħu jitqabblu għall-finijiet tal-Unjoni, flimkien mar-riżultati kif meħtieġ taħt l-Artikolu 3;

b)

programm (Anness B) li jistabbilixxi l-limiti ta’ żmien sa meta l-Istati Membri għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) il-kontijiet u t-tabelli li jridu jiġu kkompilati skont il-metodoloġija msemmija fil-punt (a).”

7

Il-Kapitolu 1 tal-Anness A tal-istess regolament, li jippreżenta l-istruttura ġenerali u l-prinċipji fundamentali tas-SEK 2010, jinkludi b’mod partikolari l-punti 1.01, 1.19, 1.34, 1.35, 1.36 u 1.57 ta’ dan l-anness, redatti kif ġej:

“1.01

Is-[SEK 2010] huwa qafas ta’ kontabbiltà internazzjonalment kompatibbli għal deskrizzjoni sistematika u dettaljata ta’ ekonomija totali (jiġifieri reġjun, pajjiż jew grupp ta’ pajjiżi), il-komponenti tiegħu u r-relazzjonijiet tiegħu ma’ ekonomiji totali oħrajn

[…]

1.19

Għall-[Unjoni] u l-Istati Membri tagħha, iċ-ċifri mill-qafas tas-SEK għandhom rwol prinċipali fil-formolazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki soċjali u ekonomiċi tagħhom.

[…]

1.34

Il-kontijiet tas-setturi huma kkreati permezz tal-allokazzjoni ta’ unitajiet għas-setturi u dan jippermetti li t-transazzjonijiet u l-entrati saldatorji ta’ kontijiet jiġu ppreżentati skont is-settur. Il-preżentazzjoni skont is-settur tikxef ħafna miżuri prinċipali għal skopijiet ta’ politika ekonomika u fiskali. Is-setturi prinċipali huma l-unitajiet domesitiċi, il-gvern, il-korporazzjonijiet (finanzjarji u mhux finanzjarji), istituzzjonijiet mhux għall-profitt li jservu lill-unitajiet domestiċi (NPISHs) u l-bqija tad-dinja.

Id-distinzjoni bejn l-attività tas-suq u dik li mhix tas-suq hija waħda importanti. Entità kkontrollata mill-gvern, li jintwera li hija korporazzjoni tas-suq, tiġi kklassifikata fis-settur tal-korporazzjoni, barra mis-settur tal-gvern ġenerali. Għaldaqstant id-defiċit u l-livelli ta’ dejn tal-korporazzjoni mhumiex sejrin ikunu parti mid-defiċit u d-dejn tal-gvern ġenerali.

1.35

Huwa importanti li jiġu stabbiliti kriterji ċari u b’saħħithom għall-allokazzjonijiet ta’ entitajiet għas-setturi.

Is-settur pubbliku jikkonsisti mill-unitajiet istituzzjonali kollha residenti fl-ekonomija kkontrollati mill-gvern. Is-settur privat jikkonsisti mill-unitajiet residenti l-oħrajn kollha. Is-settur privat jikkonsisti mill-unitajiet residenti l-oħrajn kollha

It-Tabella 1.1 tistabbilixxi l-kriterji użati sabiex issir distinzjoni bejn is-settur pubbliku u privat, u fis-settur pubbliku bejn is-settur tal-gvern u s-settur tal-korporazzjonijiet pubbliċi, u fis-settur privat bejn is-settur tal-NPISHs u s-settur tal-korporazzjonijiet privati.

Tabella 1.1

Kriterji

Ikkontrollati mill-gvern

(Settur pubbliku)

Ikkontrollati privatament

(Settur privat)

(Output) mhux tas-suq

Gvern ġenerali

NPISH

(Output) tas-suq

Korporazzjonijiet pubbliċi

Korporazzjonijiet privati

1.36

Il-kontroll huwa ddefinit bħala l-kapaċità li tiġi ddeterminata l-politika jew il-programm ġenerali ta’ unità istituzzjonali. Aktar dettalji marbuta mad-definizzjoni ta’ kontroll huma mogħtija fil-paragrafi 2.35 sa 2.39.

[…]

1.57

L-unitajiet istituzzjonali huma entitajiet ekonomiċi li kapaċi jkunu proprjetarji ta’ oġġetti u assi, jidħlu għal passivi u jinvolvu rwieħhom f’attivitajiet ekonomiċi u transazzjonijiet ma’ unitajiet oħrajn fihom infushom. Għall-iskopijiet tas-sistema SEK 2010, l-unitajiet istituzzjonali huma raggruppati flimkien f’ħames setturi istituzzjonali domestiċi reċiprokament esklużivi:

(a)

korporazzjonijiet mhux finanzjarji;

(b)

korporazzjonijiet finanzjarji;

(c)

ġvern ġenerali;

(d)

unitajiet domestiċi;

(e)

[NPISH].

Il-ħames setturi flimkien jagħmlu l-ekonomija domestika totali. Kull settur huwa maqsum ukoll f’sottosetturi. Is-sistema SEK 2010 tippermetti sett komplut ta’ kontijiet ta’ fluss u karti tal-bilanċ li għandhom jiġu kkompilati għal kull settur, u għal kull sottosettur, u għall-ekonomija totali. Unitajiet mhux residenti jistgħu jinteraġixxu ma’ dawn il-ħames setturi domestiċi, u l-interazzjonijiet jintwerew bejn il-ħames setturi domestiċi u s-sitt settur istituzzjonali: is-settur tal-bqija tad-dinja.

[…]”

8

Il-Kapitolu 2, intitolat “Unitajiet u ragruppamenti ta’ unitajiet”, tal-Anness A, tar-Regolament Nru 549/2013, jinkludi b’mod partikolari l-punti 2.21 sa 2.23, 2.27 u 2.28 ta’ dan l-anness, u huma fformulati kif ġej:

“Istituzzjonijiet finanzjarji kaptivi

2.21

Kumpanija holding li sempliċement ikollha fil-pussess tagħha l-assi tas-sussidjarji hija eżempju wieħed ta’ istituzzjoni finanzjarja kaptiva. Eżempji ta’ unitajiet oħra li huma wkoll trattati bħala istituzzjonijiet finanzjarji kaptivi huma unitajiet li għandhom il-karatteristiċi ta’ SPE kif imfisser hawn fuq, inklużi l-fondi tal-investiment u l-pensjoni u l-unitajiet li jintużaw għaż-żamma u l-immaniġġjar tal-ġid bħala servizz għal individwi jew familji, għall-ħruġ ta’ titoli f’isem kumpanniji relatati (kumpannija bħal din tissejjaħ “conduit”), u li jwettqu funzjonijiet finanzjarji oħra.

2.22

Il-grad ta’ indipendenza li unità jkollha mill-korporazzjoni prinċipali jista’ jintwera billi l-unità tħaddem kontroll sustantiv fuq l-assi u l-passivi tagħha b’mod li tassumi r-riskji u tgawdi mill-kumpens assoċjat mal-assi u l-passivi. Dawn l-unitajiet huma kklassifikati fis-settur tal-korporazzjonijiet finanzjarji.

2.23

Entità ta’ dan it-tip li ma tistax tiffunzjona indipendentament mill-korporazzjoni prinċipali tagħha u hija sempliċement detentriċi passiva tal-assi u l-passivi (xi drabi deskritta bħala li taħdem fuq “autopilot”) mhijiex ittrattata bħala unità istituzzjonali separata sakemm ma tkunx residenti f’ekonomija differenti minn dik tal-korporazzjoni prinċipali tagħha. Jekk l-entità tkun residenti fl-istess ekonomija tal-korporazzjoni prinċipali tagħha, hija tiġi ttrattata bħala “sussidjarja artifiċjali” kif imfisser hawn taħt.

[…]

Unitajiet bi skop speċjali ta’ gvern ġenerali

2.27

Gvern ġenerali jista’ wkoll joħloq unitajiet b’għan speċjali, b’karatteristiċi u funzjonijiet simili għal dawk tal-istituzzjonijiet finanzjarji kaptivi u s-sussidjarji artifiċjali. Dawn l-unitajiet ma għandhomx is-setgħa li jaġixxu indipendentament u l-firxa ta’ transazzjonijiet li jistgħu jimplementaw hija ristretta. Lanqas ma jistgħu jġorru r-riskji u l-kumpensi assoċjati mal-assi u l-passivi li huma jżommu. Jekk dawn l-unitajiet ikunu residenti, għandhom jiġu ttrattati bħala parti integrali tal-gvern ġenerali u mhux bħala unitajiet separati. Jekk ma jkunux residenti, għandhom jiġu ttrattati bħala unitajiet separati. Kwalunkwe transazzjoni implimentata minnhom barra mill-pajjiż għandha tiġi riflessa fi transazzjonijiet korrispondenti mal-gvern. Għalhekk, unità li tissellef minn barra titqies konsegwentement bħala li tkun sellfet l-istess ammont lill-gvern ġenerali, u bl-istess kondizzjonijiet ta’ kif ikun sar it-tislif oriġinali.

2.28

Fil-qosor, il-kontijiet ta’ SPEs mingħajr drittijiet indipendenti ta’ azzjoni huma kkonsolidati mal-korporazzjoni prinċipali, sakemm ma jkunux residenti f’ekonomija differenti minn dik tal-prinċipali. Hemm eċċezzjoni waħda għal din ir-regola ġenerali, u din hija meta [entitajiet bi skop speċjali] li ma tkunx residenti tkun stabbilita mill-gvern.”

9

F’dan l-istess Kapitolu 2 tal-Anness A ta’ dan ir-regolament hemm, taħt it-titolu “Is-setturi istituzzjonali”, il-punti 2.31 et seq ta’ dan l-anness. Dawn il-punti jelenkaw is-setturi u subsetturi istituzzjonali li fihom għandhom jiġu kklassifikati l-unitajiet istituzzjonali li għandhom imġiba ekonomikua simili. Id-dijagramma 2.1, li tinsab fil-punt 2.32 tal-imsemmi anness, tippreċiża, fil-forma ta’ skema ġerarkika, il-proċess ta’ assenjazzjoni tal-unitajiet għas-setturi. Fost dawn is-setturi hemm dak tal-gvern ġenerali [amministrazzjonijiet pubbliċi] (S. 13) u dak tal-kumpanniji finanzjarji (S. 12). Mill-punti 2.66 u 2.71 tal-istess anness jirriżulta li s-settur tal-kumpanniji finanzjarji jinkludi d-disa’ subsetturi elenkati fih u li kull wieħed minn dawn is-subsetturi għandu jitqassam skont jekk il-kumpannija finanzjarja kkonċernata hijiex taħt kontroll pubbliku, privat nazzjonali jew barrani.

10

Il-Kapitolu 20, intitolat “Il-Kontijiet tal-Gvern”, tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jiddefinixxi b’mod partikolari dak li għandu jinftiehem bħala “Is-settur tal-gvern ġenerali”. F’dan il-kapitolu hemm il-punt 20.17 ta’ dan l-anness, redatt kif ġej:

“Unitajiet oħra tal-gvern ġenerali

20.17

Jista’ jkun diffiċli li wieħed jiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni ta’ produtturi ta’ oġġetti u servizzi li joperaw taħt l-influwenza tal-unitajiet tal-gvern. L-alternattivi huma li jiġu klassifikati bħala gvern ġenerali jew, jekk dawn jikkwalifikaw bħala unitajiet istituzzjonali, bħala korporazzjonijiet pubbliċi. Għal dawn il-każijiet tintuża d-dijagramma deċiżjonali li ġejja.

Dijagramma 20.1: Dijagramma deċiżjonali

Image

11

Il-punti 20.19 et seq. tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jittrattaw id-“[d]elineazzjoni tas-suq/mhux tas-suq”. B’mod partikolari, il-punt 20.29 jistabbilixxi “[i]t-test tas-suq/mhux tas-suq”, li jipprovdi, b’mod partikolari, sabiex jiġi kkunsidrat bħala produttur kummerċjali, unità pubblika għandha tkopri mill-inqas 50 % tal-ispejjeż tagħha permezz tal-bejgħ tagħha matul perijodu kontinwu ta’ diversi snin.

12

Skont il-punti 20.32 sa 20.34 tal-Anness A ta’ dan ir-regolament, miġbura taħt it-titolu “Intermedjazzjoni finanzjarja u l-limitu tal-gvern”:

“20.32

Il-każ tal-unitajiet impenjati f’attivitajiet finanzjarji jeħtieġ kunsiderazzjoni speċjali. L-intermedjazzjoni finanzjarja hija l-attività li fiha l-unitajiet jiksbu assi finanzjarji u fl-istess ħin jeħlu passivi akkont proprju billi jimpenjaw ruħhom fi transazzjonijiet finanzjarji.

20.33

Intermedjarju finanzjarju jpoġġi ruħu fir-riskju li jeħel passivi akkont proprju. Pereżempju, jekk unità finanzjarja pubblika tiġġestixxi assi iżda ma tpoġġix ruħha fir-riskju li teħel passivi akkont proprju, din mhix intermedjarju finanzjarju u l-unità tiġi klassifikata fis-settur tal-gvern ġenerali aktar milli fis-settur tal-korporazzjonijiet finanzjarji.

20.34

L-applikazzjoni tal-kriterju kwantitattiv tat-test tas-suq/mhux tas-suq għal korporazzjonijiet pubbliċi involuti fl-intermedjazzjoni finanzjarja jew fil-ġestjoni tal-assi ġeneralment mhijiex rilevanti, minħabba li l-qligħ tagħhom jiġi kemm minn introjtu minn proprjetà kif ukoll minn qligħ nominali.”

Id-dritt Belġjan

13

L-ordonnance de la Région de Bruxelles-Capitale, du 17 juillet 2003, portant le code bruxellois du logement (id-Digriet tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, tas-17 ta’ Lulju 2003, li jistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Brussell dwar l-Akkomodazzjoni (Moniteur belge tad-29 ta’ April 2004, p. 35501), kif emendat bid-Digriet tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, tal‑11 ta’ Lulju 2013 (Moniteur belge tat-18 ta’ Lulju 2013, p. 45239, u rettifika Moniteur belge tas-26 ta’ Lulju 2013, p. 47151), (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Brussell dwar l-Akkomodazzjoni”), jinkludi t-Titolu IV intitolat “Korpi kompetenti fil-qasam tal-Akkomodazzjoni soċjali”. Taħt il-Kapitolu VI ta’ dan it-titolu, iddedikat għad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-Fond, hemm l-Artikoli 111 sa 119 ta’ dan il-kodiċi.

14

L-Artikolu 111 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi li:

“Il-[Fond] huwa kkostitwit taħt forma ta’ soċjetà kooperattiva b’responsabbiltà limitata.

[…]”

15

L-Artikolu 112(1) tal-istess kodiċi jipprevedi li:

“Il-Fond għandu jkollu funzjonijiet ta’ utilità pubblika u b’mod partikolari:

jipprovdi lil persuni bi dħul mezzi jew baxxi, permezz tal-għoti ta’ krediti ipotekarji (li l-kundizzjonijiet tagħhom huma stabbiliti mill-Gvern), il-mezzi ta’ rijabilitazzjoni, li jirristrutturaw, li jadattaw, li jixtru, bħala sidien sħaħ jew taħt il-forma ta’ dritt in rem ieħor prinċipali, li jibnu, jew li jżommu akkomodazzjoni intiża, prinċipalment, għall-okkupazzjoni personali, jew sabiex itejbu l-prestazzjoni enerġetika tagħhom;

[…]

jippromwovi l-esperimentazzjoni u r-riflessjoni f’dawn l-oqsma u jipproponi lill-Gvern politiki ġodda.”

16

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 113 tal-Kodiċi ta’ Brussell dwar l-Akkomodazzjoni:

“Il-Fond għandu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu skont il-prijoritajiet u l-orjentazzjonijiet iddefiniti fil-kuntratt ta’ ġestjoni li huwa jikkonkludi mal-Gvern għal perijodu ta’ ħames snin. Fin-nuqqas ta’ kuntratt ta’ ġestjoni, u wara konsultazzjoni mal-Fond, il-Gvern jistabbilixxi l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ eżekuzzjoni tal-Artikolu 114 għat-tul ta’ sena finanzjarja.”

17

L-Artikolu 115 ta’ dan il-kodiċi huwa redatt kif ġej:

“Il-Fond għandu jistabbilixxi rapport annwali ta’ evalwazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ ġestjoni li jiġi sottomess lill-Gvern wara opinjoni tal-kummissarju/i tal-Gvern imsemmi(ja) fl-Artikolu 118 ta’ dan il-kodiċi.”

18

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 116(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi li:

“Il-Fond jista’ jkun awtorizzat mill-Gvern li jikkuntratta self iggarantit mir-Reġjun, fil-limiti baġitarji ffissati mill-Parlament tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali. Il-garanzija tkopri wkoll l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni finanzjarja rrelatati ma’ dan is-self.”

19

L-Artikolu 118(1) ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

“Il-Fond huwa suġġett għall-kontroll tal-Gvern. Dan il-kontroll huwa eżerċitat minn żewġ kummissarji maħtura mill-Gvern, li għandhom rwoli lingwistiċi differenti.”

20

L-Artikolu 1 tal-arrêté du Gouvernement de la Région de Bruxelles-Capitale, du 2 mai 1996, déterminant les modalités de l’intervention à charge du budget de la Région de Bruxelles-Capitale auprès du Fonds du logement de la Région de Bruxelles-Capitale, (id-Digriet tal-Gvern tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, tat-2 ta’ Mejju 1996, li jistabbilixxi l-metodi ta’ nefqa mill-baġit tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali (Moniteur belge tas-26 ta’ Novembru 1996, p. 29725)), kif emendat bl-arrêté du Gouvernement de la Région de Bruxelles-Capitale, du 8 septembre 2011, modifiant plusieurs arrêtés relatifs au Fonds du Logement de la Région de Bruxelles-Capitale (id-digriet tal-Gvern tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, tat-8 ta’ Settembru 2011, li jemenda diversi digrieti dwar il-Fond tad-Djar tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali (Moniteur belge tal-11 ta’ Ottubru 2011, p. 62442)), jipprevedi:

“Fil-limiti ta’ krediti rreġistrati għal dan il-għan fil-baġit tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, il-Ministru jew is-Segretarju tal-Istat li għandu l-akkomodazzjoni taħt ir-responsabbiltà tiegħu għandu jagħti lill-[Fond] sussidji ta’ kapital maħsuba sabiex jiffinanzjaw l-investimenti tiegħu sabiex jitwettqu l-missjonijiet tiegħu ta’ utilità pubblika, stabbiliti fl-Artikolu 80 [tal-Kodiċi ta’ Brussell dwar l-Akkomodazzjoni].”

21

Skont l-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet:

“Ir-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, jiggarantixxi, fir-rigward tas-sottoskriventi tagħhom, l-għan tajjeb tas-self li l-[Fond] joħroġ, fil-limitu tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Gvern tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, permezz tas-sena baġitarja. L-ammont u l-modalitajiet ta’ dan is-self huma approvati mill-Ministri jew Segretarji tal-Istat li għandhom taħt ir-responsabbiltà tagħhom il-baġit u l-akkomodazzjoni.

[…]”

22

Il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-għoti ta’ self huma ddefiniti fl-arrêté du Gouvernement de la Région de Bruxelles-Capitale, du 22 mars 2008, relatif à l’utilisation par le Fonds du Logement de la Région de Bruxelles-Capitale (id-Digriet tal-Gvern tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, tat-22 ta’ Marzu 2008, dwar l-użu mill-Fond tal-Akkomodazzjoni tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali), tal-kapital li ġej mill-fond B2 għat-tranżazzjonijiet ġenerali tiegħu ta’ krediti ipotekarji (Moniteur belge tal-10 ta’ Ġunju 2008, p. 29122) u fl-arrêté du Gouvernement de la Région de Bruxelles-Capitale, du 22 mars 2008, relatif à l’utilisation, par le Fonds du Logement de la Région de Bruxelles-Capitale (id-Digriet tal-Gvern tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, tat-22 ta’ Marzu 2008, dwar l-użu mill-Fond tal-Akkomodazzjoni tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali) tal-kapital li ġej mill-fond B2, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet tiegħu ta’ self b’ipoteka addizzjonali lil familji żgħażagħ (Moniteur belge tat‑28 ta’ Awwissu 2008, p. 45028).

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23

Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Fond, stabbilit matul is-sena 1985, huwa kumpannija rregolata mid-dritt privat, mingħajr parteċipazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika fil-kapital tagħha jew fl-organi ta’ deċiżjoni tagħha. Dan jirriżulta mill-Fond tal-Akkomodazzjoni tal-Ligue des Familles nombreuses de Belgique (il-Lega tal-Familji Numerużi tal-Belġju), li l-ħolqien tagħha jmur lura għas-sena 1929. Il-Fond għandu bħala għan il-promozzjoni tal-aċċess għall-akkomodazzjoni u għall-proprjetà ta’ persuni bi dħul modest u medju fir-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali u, għal dan il-għan, huwa responsabbli mill-missjonijiet ta’ servizz pubbliku li jikkonsistu b’mod partikolari fl-għoti ta’ krediti għall-akkomodazzjoni tagħhom (għall-akkwist u għar-rinnovazzjoni enerġetika), it-twettiq ta’ akkomodazzjoni għall-finijiet tal-għajnuna għall-kera, l-għajnuna għall-kera u l-għajnuna għall-istabbiliment tal-garanzija tal-kera. Sabiex iwettaq bl-aħjar mod il-missjonijiet tiegħu, il-Fond jibbenefika, min-naħa tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, b’mod partikolari ta’ għoti ta’ garanzija fuq is-self li huwa jikkuntratta u ta’ antiċipi li jistgħu jinġabru mogħtija minn dan ir-reġjun.

24

Fil-Belġju, l-ICN huwa inkarigat li jiġbor l-informazzjoni statistika meħtieġa abbażi tas-SEK 2010 u li jikklassifika f’dan is-sens id-diversi atturi ekonomiċi skont is-setturi, fil-kategoriji ddefiniti bir-Regolament Nru 549/2013, peress li s-setturi prinċipali huma l-familji, l-amministrazzjonijiet pubbliċi, il-kumpanniji (finanzjarji u mhux finanzjarji), l-ISBLSM u l-bqija tad-dinja.

25

Fost id-diversi bidliet introdotti mis-SEK 2010 meta mqabbla mas-SEK 95 hemm iż-żieda tas-subsettur il-ġdid “Istituzzjonijiet finanzjarji kaptivi u self ta’ flus (S. 127)” u numru ta’ regoli li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet sabiex entità tiġi kklassifikata f’dan is-subsettur il-ġdid jew, għall-kuntrarju, imħallsa fis-settur tal-korp ta’ kontroll tagħha.

26

Wara d-dħul fis-seħħ tas-SEK 2010, l-ICN, bħall-uffiċċji statistiċi nazzjonali tal-Istati Membri l-oħra kollha, kellhom jeżaminaw mill-ġdid il-klassifikazzjoni ta’ diversi entitajiet pubbliċi, inkluż il-Fond, ikklassifikati preċedentement bħala istituzzjonijiet finanzjarji (S. 12), skont is-SEK 95.

27

Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2015, li hija bbażata fuq il-prinċipji ġodda introdotti mis-SEK 2010, u b’mod partikolari fuq id-dijagramma deċiżjonali li tinsab fil-punt 20.17 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, l-ICN ikkunsidra li l-Fond huwa unità istituzzjonali distinta kkontrollata mill-gvernijiet ta’ livell reġjonali, jiġifieri r-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, li l-attivitajiet tagħha huma ta’ natura finanzjarja u li għandhom il-karatteristiċi ta’ istituzzjoni finanzjarja kaptiva. Konsegwentement, il-Fond, bħala unità mhux kummerċjali, kellu jiġi kklassifikat fis-settur tal-gvernijiet ta’ livell reġjonali (S.1312). L-ICN ippreċiża li unità taħt kontroll pubbliku li għandha l-karatteristiċi ta’ istituzzjoni finanzjarja kaptiva ma hijiex ikkunsidrata bħala intermedjarju finanzjarju u li l-analiżi tal-espożizzjoni tagħha għar-riskju ekonomiku, kif previst fil-punt 20.33 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, ma hijiex rilevanti.

28

Permezz ta’ rikors tal-15 ta’ Mejju 2015, il-Fond ressaq quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), rikors għal annullament ta’ din id-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni Wara li ġie kkonstatat li ma huwiex ikkontestat li l-Fond huwa unità istituzzjonali distinta, din il-qorti tikkonferma l-perspettiva tal-ICN li tgħid li jeżisti kontroll tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali fuq din l-unità istituzzjonali. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-Fond jikkontesta l-legalità tal-motivi adottati mill-ICN sabiex jiġi kklassifikat bħala “istituzzjoni finanzjarja kaptiva” u għandu dubji fuq din il-klassifikazzjoni tal-Fond.

29

F’dan il-kuntest, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-paragrafi 2.22, 2.23, 2.27, 2.28 u 20.33 tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali [fl-Unjoni Ewropea] għandhom jiġu interpretati fis-sens li entità istituzzjonali distinta, imqiegħda taħt il-kontroll ta’ amministrazzjoni pubblika, għandha titqies bħala mhux tas-suq u li taqa’ għaldaqstant taħt is-settur tal- amministrazzjonijiet pubbliċi jekk ikollha l-karatteristiċi ta’ istituzzjoni finanzjarja kaptiva, mingħajr ma jkun neċessjarju li jiġi eżaminat il-kriterju tal-espożizzjoni tagħha għar-riskju?

2)

Entità li topera taħt il-kontroll ta’ amministrazzjoni pubblika tista’ tiġi kklassifikata bħala istituzzjoni finanzjarja kaptiva, fis-sens tal-paragrafi 2.21 sa 2.23, 2.27 u 2.28 tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali:

a)

minħabba li r-regolamentazzjoni tal-attività tagħha minn din l-amministrazzjoni pubblika tneħħilha l-kontroll tal-assi tagħha, għalkemm tħallilha l-kapaċità li tiddeċiedi dwar l-għoti ta’ self ipotekarju li hija toffri, it-tul tiegħu, l-ammont tiegħu u dwar uħud mill-kundizzjonijiet tiegħu, filwaqt li tistabbilixxi elementi oħra u b’mod partikolari r-rata ta’ interessi tiegħu;

b)

minħabba li, b’mod partikolari, il-garanzija li tingħata minn din l-amministrazzjoni pubblika għas-self li hija tikkonkludi tneħħilha l-kontroll tal-obbligazzjonijiet tagħha, mingħajr eżami tal-għan u tal-effetti ta’ tali garanzija fid-dawl tal-karatteristiċi tagħha f’dan il-każ u tar-realtà ekonomika sottostanti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li unità istituzzjonali distinta, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imqiegħda taħt il-kontroll ta’ amministrazzjoni pubblika, għandha tiġi kkunsidrata mhux kummerċjali u taqa’ għalhekk taħt is-settur tal-gvernijiet, fis-sens tas-SEK 2010, peress li għandha l-karatteristiċi ta’ istituzzjoni finanzjarja kaptiva u mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat il-kriterju ta’ espożizzjoni tagħha għar-riskju ekonomiku fl-eżerċizzju tal-attività tagħha.

31

F’dan il-każ, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk huwiex ġust li l-ICN interpretat il-punti 2.22, 2.23, 2.27, 2.28 u 20.33 tal-Anness A, fis-sens li istituzzjoni finanzjarja kaptiva, bħall-Fond, ikkontrollata mill-Gvern tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, għandhiex tiġi kklassifikata, skont is-SEK 2010, fis-settur tal-gvernijiet, mingħajr ma tikkunsidra konkretament, għal dan il-fini, l-espożizzjoni tagħha għar-riskju ekonomiku.

32

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar, preliminarjament, li mill-premessa 14 tar-Regolament Nru 549/2013 jirriżulta li s-SEK 2010 tistabbilixxi qafas ta’ referenza ddestinat, għall-bżonnijiet tal-Unjoni, u b’mod partikolari għad-definizzjoni u l-monitoraġġ tal-politika ekonomika u soċjali tal-Unjoni, għat-tfassil tal-kontijiet tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, skont il-premessa 3 ta’ dan ir-regolament, l-elaborazzjoni ta’ dawn il-kontijiet għandha ssir abbażi ta’ prinċipji uniċi u mhux ta’ interpretazzjoni differenti, b’mod li tippermetti l-kisba ta’ riżultati komparabbli.

33

Għall-finijiet tal-kontabbiltà tas-SEK 2010, skont il-punt 1.57 tal-Kapitolu 1 tal-Anness A tal-imsemmi regolament, kull unità istituzzjonali — iddefinita bħala entità ekonomika li għandha l-kapaċità li żżomm beni u assi, li tidħol f’impenji, li teżerċita attivitajiet ekonomiċi u li twettaq, f’isimha stess, operazzjonijiet ma’ unitajiet oħra — għandha tkun marbuta ma’ wieħed mis-sitt setturi prinċipali identifikati mis-SEK 2010, jiġifieri l-kumpanniji mhux finanzjarji, il-kumpanniji finanzjarji, l-amministrazzjonijiet pubbliċi, il-familji, l-ISBLSM u l-kumplament tad-dinja.

34

Fil-kawża prinċipali, għandha tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni ta’ unità istituzzjonali, bħalma hu l-Fond, taħt il-kontroll ta’ amministrazzjoni pubblika, f’dan il-każ ir-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, u li jippreżenta l-karatteristiċi ta’ istituzzjoni finanzjarja kaptiva.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif deher waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jikkontestawx li l-Fond għandu l-karatteristiċi ta’ istituzzjoni finanzjarja kaptiva, fis-sens tal-punti 2.21 sa 2.23 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013.

36

Min-naħa l-oħra, jeżistu diverġenzi bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Fond għandux indipendenza suffiċjenti sabiex jiġi kklassifikat fis-settur tal-kumpanniji finanzjarji jew jekk għandux jiġi kklassifikat fis-settur tal-entità li tikkontrollah, f’dan il-każ, ir-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, jew fis-settur tal-amministrazzjonijiet pubbliċi.

37

F’dan il-każ, sabiex jiġu ddeterminati l-metodi li bihom għandha ssir il-klassifikazzjoni ta’ unità istituzzjonali li tippreżenta l-karatteristiċi ta’ istituzzjoni finanzjarja kaptiva, għandhom jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-punt 2.19 sa 2.21 u 2.23 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, dwar l-“Istituzzjonijiet finanzjarji kaptivi”.

38

Kif jistabbilixxi l-punt 2.19 tal-Anness A ta’ dan ir-regolament, entità istituzzjonali hija assenjata lil settur u parti minn attività abbażi tal-attività prinċipali tagħha, “sakemm (...) ma jkollhiex drittijiet indipendenti ta’ azzjoni.” Il-punt 2.20 tal-Anness A tal-imsemmi regolament jipprovdi sussegwentement li l-istituzzjonijiet finanzjarji interni mhux awtonomi huma assenjati lis-settur tal-korp ta’ kontroll.

39

Issa, b’mod konformi mal-punt 2.22 tal-Anness A tal-istess regolament, il-grad ta’ indipendenza li unità jkollha mill-korporazzjoni prinċipali jista’ jintwera billi l-unità tħaddem kontroll fuq l-assi u l-obbligi tagħha b’mod li tassumi r-riskji u tgawdi mill-kumpens assoċjat mal-assi u l-obbligi.

40

Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk unità istituzzjonali li tippreżenta l-karatteristiċi ta’ istituzzjoni finanzjarja kaptiva, imqiegħda taħt il-kontroll ta’ entità oħra, għandhiex tiġi kklassifikata fis-settur tal-amministrazzjoni pubblika, l-imsemmi punt 2.22 jimponi l-verifika ta’ żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, il-kontroll tal-assi u l-obbligi ta’ din l-unità, minn naħa, u t-teħid ta’ responsabbiltà għar-riskju ekonomiku tal-attività, min-naħa l-oħra.

41

Minn dan isegwi li l-klassifikazzjoni ta’ tali unità istituzzjonali fis-settur tal-amministrazzjoni pubblika tirriżulta minn analiżi konkreta tal-funzjonament ekonomiku tiegħu li ma jistax jiġi ddeterminat mingħajr ma tiġi eżaminata, b’mod partikolari, l-espożizzjoni tagħha għar-riskju ekonomiku fl-eżerċizzju tal-attività tagħha.

42

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li unità istituzzjonali distinta, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imqiegħda taħt il-kontroll ta’ amministrazzjoni pubblika, għandha tiġi kkunsidrata mhux kummerċjali u taqa’ għalhekk taħt is-settur tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, fis-sens tas-SEK 2010, peress li għandha l-karatteristiċi ta’ istituzzjoni finanzjarja kaptiva u mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat il-kriterju ta’ espożizzjoni tagħha għar-riskju ekonomiku fl-eżerċizzju tal-attività tagħha.

Fuq it-tieni domanda

43

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk unità istituzzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-grad ta’ indipendenza fir-rigward ta’ amministrazzjoni pubblika hija limitata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li permezz tagħha din l-unità istituzzjonali ma jkollhiex il-kontroll sħiħ tal-ġestjoni tal-assi u l-obbligi tagħha, sa fejn din l-amministrazzjoni pubblika, minn naħa, teżerċita kontroll fuq l-assi tagħha u, min-naħa l-oħra, tassumi r-riskju marbut mal-obbligi tagħa, tista’ tiġi kklassifikata bħala “istituzzjoni finanzjarja kaptiva”, fis-sens tal-punti 2.21 sa 2.23 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013.

44

F’dan il-każ, minn naħa, il-miżuri li jillimitaw il-kontroll tal-Fond fuq l-assi tiegħu huma riflessi fis-setgħa tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali li jistabbilixxi ċerti modalitajiet tas-self ipotekarju li l-Fond huwa inkarigat li jagħti, b’mod partikolari fir-rigward tar-rata ta’ interessi applikabbli, filwaqt li jħallilu l-kapaċità li jiddeċiedi dwar l-għoti, it-tul ta’ żmien tagħhom, l-ammont u ċerti kundizzjonijiet tagħhom.

45

Min-naħa l-oħra, il-miżuri li jillimitaw il-kontroll tal-Fond dwar l-obbligi tiegħu jikkonkretizzaw ruħhom b’mod partikolari bil-fatt li s-self li l-Fond jikkuntratta huwa ggarantit mir-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’dan ir-rigward, jekk, f’dan il-każ, l-ICN setax validament jikklassifika l-Fond ta’ “Istituzzjoni finanzjarja kaptiva” mingħajr ma eżamina “[…]l-għan u tal-effetti ta’ tali garanzija fid-dawl tal-karatteristiċi tagħha f’dan il-każ u tar-realtà ekonomika sottostanti”.

46

Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li, kif isostni b’mod partikolari l-ICN fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina l-portata u l-ambitu ta’ ċerti miżuri ta’ kontroll fuq l-assi u l-obbligi li għalihom huwa suġġett il-Fond skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli u sabiex jiġi deċiż jekk dan il-kontroll huwiex determinanti sabiex dan ikun jista’ jitqies bħala kaptiv, fid-dawl tal-kriterji u indikaturi meħtieġa abbażi tas-SEK 2010.

47

B’dan il-mod, fir-realtà l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab sabiex teżamina l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, sa fejn din tipprevedi kemm il-modalitajiet ta’ kontroll li jirrigwardaw istituzzjoni finanzjarja (il-kontroll tal-assi) kif ukoll il-portata tal-garanziji pprovduti mill-gvern u tar-realtà ekonomika globali tas-sitwazzjoni tagħha (kontroll tal-obbligi).

48

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni netta bejn il-funzjonijiet tal-qrati nazzjonali u tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali u li hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll tiddetermina l-portata eżatta tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ April 2010, Bressol et, C-73/08, EU:C:2010:181, punt 64; u tas-21 ta’ Ġunju 2017, W et, C-621/15, EU:C:2017:484, punt 49).

49

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħda tintalab tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali, hija kompetenti sabiex tagħtiha indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li saru quddiemha, li huma tali li jippermettu lill-qorti nazzjonali tagħti deċiżjoni (sentenza tat-13 ta’ April 2010, Bressol et, C-73/08, EU:C:2010:181, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan il-każ, sabiex jiġi evalwat jekk unità istituzzjonali, bħalma hu l-Fond, għandhiex, fir-rigward tal-amministrazzjoni pubblika li tikkontrollaha, f’dan il-każ, ir-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, tistħarreġ l-indipendenza fil-ġestjoni tal-attività tagħha, fis-sens tal-punt 2.22 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, hemm lok, minn naħa, li jiġu ddeterminati l-modalitajiet u l-portata tal-istħarriġ li tali unità istituzzjonali teżerċita fuq il-ġestjoni tal-assi u l-obbligi tagħha. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat liema huma l-limitazzjonijiet regolatorji jew kuntrattwali li l-korp ta’ kontroll jeżerċita fuq din il-ġestjoni. Dan huwa neċessarjament każ ta’ eżami każ b’każ, b’tali mod li ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita lista, applikabbli b’mod trasversali, tal-kriterji rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ tali analiżi. Madankollu, b’mod ġenerali, huwa possibbli li jiġi kkunsidrat, kif tosserva l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-korp ta’ kontroll jeżerċita kontroll sostanzjali fuq unità istituzzjonali jekk jimponi l-kundizzjonijiet li fihom din l-unità hija obbligata li taġixxi, mingħajr ma din tal-aħħar ikollha l-possibbiltà li tbiddilhom b’mod sostanzjali fuq inizjattiva tagħha stess.

51

F’dan ir-rigward, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, fl-ewwel lok, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-Fond, l-ewwel, tistabbilixxi l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet tas-self li din tagħti, b’mod partikolari l-ammont massimu tas-self ipotekarju, il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għas-self, ir-rata ta’ interessi u l-formula ta’ rimbors, it-tieni, tistabbilixxi li emenda eventwali tal-kundizzjonijiet tal-attività ta’ self għandha tintalab u tiġi awtorizzata mill-awtorità ta’ kontroll, jiġifieri r-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, it-tielet, li jiġu imposti l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ assigurazzjoni naturali ggarantita lill-benefiċjarji kerrejja, ir-raba’, li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet restrittivi għal-libertà li tiġi pprovduta garanzija tal-kiri fir-rigward ta’ ċerti kerrejja.

52

Fit-tieni lok, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Kodiċi ta’ Brussell dwar l-Akkomodazzjoni, il-Fond jibbenefika minn riżorsi li jirriżultaw, essenzjalment, minn sussidji mħallsa mill-awtoritajiet pubbliċi, ta’ self mogħti mill-awtoritajiet pubbliċi u ta’ self iggarantit fil-kważi totalità tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi.

53

Fit-tielet lok, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Fond jibbenefika minn garanzija min-naħa tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali li jeħles minn kull riskju meta juża s-self fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-attività tiegħu. B’mod partikolari, jidher li, jekk il-Fond ma jwettaqx rimbors, il-kreditur għandu d-dritt li jfittex lir-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, li jkollu 15-il jum ta’ xogħol sabiex jipproċedi għall-ħlas minflok il-Fond. Għalhekk, jidher li l-imsemmi reġjun jimpenja ruħu b’mod inkundizzjonat u irrevokabbli li jħallas lill-kreditur l-ammont dovut li l-Fond eventwalment ma jkunx ħallas, eventwalment flimkien mal-interessi moratorji.

54

Issa, anki jekk jidher li tali garanzija hija biss strument aħħari li jkopri n-nuqqas eventwali tal-Fond fuq is-self, sitwazzjoni li dan tal-aħħar qatt ma kellu quddiemu, b’mod li r-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali qatt ma kellu jintervjeni, f’dan is-sens, xorta jibqa’ l-fatt li, permezz ta’ din il-garanzija, jidher li huwa l-imsemmi reġjun li jsostni, fil-prattika, ir-riskji marbuta mal-eżerċizzju tal-attività tal-Fond.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż, fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punti 51 sa 54 ta’ din is-sentenza, li r-restrizzjonijiet eżerċitati mir-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali fuq il-ġestjoni, mill-Fond, tal-assi u tal-obbligi tiegħu, huma suffiċjentement sinjifikattivi sabiex jiġġustifikaw li dan jitqies bħala unità finanzjarja kaptiva, fis-sens tas-SEK 2010, li jaqa’ taħt is-settur tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ f’dan il-każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali.

56

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li unità istituzzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-grad ta’ indipendenza tagħha fir-rigward ta’ amministrazzjoni pubblika hija limitata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li permezz tagħha l-imsemmija unità istituzzjonali ma għandhiex kontroll sħiħ tal-ġestjoni tal-assi u l-obbligi tagħha, sa fejn din l-amministrazzjoni pubblika, minn naħa, teżerċita kontroll fuq l-assi tagħha u, min-naħa l-oħra, tassumi r-riskju marbut mal-obbligi tagħha, tista’ tiġi kklassifikata bħala “istituzzjoni finanzjarja kaptiva”, fis-sens tal-punti 2.21 sa 2.23 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, sakemm il-miżuri ta’ kontroll previsti minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali jistgħu jiġu interpretati mill-qorti nazzjonali fis-sens li jkollhom bħala effett li l-unità istituzzjonali kkonċernata ma tkunx tista’ taġixxi indipendentement mill-imsemmi amministrazzjoni pubblika, sa fejn din tal-aħħar timponi fuqha l-kundizzjonijiet li fihom din l-unità istituzzjonali hija obbligata li taġixxi, mingħajr ma jkollha l-possibbiltà li tbiddilhom sostanzjalment fuq inizjattiva tagħha stess.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li unità istituzzjonali distinta, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imqiegħda taħt il-kontroll ta’ amministrazzjoni pubblika, għandha tiġi kkunsidrata mhux kummerċjali u taqa’ għalhekk taħt is-settur tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, fis-sens tas-SEK 2010, peress li għandha l-karatteristiċi ta’ istituzzjoni finanzjarja kaptiva u mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat il-kriterju ta’ espożizzjoni tagħha għar-riskju ekonomiku fl-eżerċizzju tal-attività tagħha.

 

2)

Unità istituzzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-grad ta’ indipendenza tagħha fir-rigward ta’ amministrazzjoni pubblika hija limitata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li permezz tagħha l-imsemmija unità istituzzjonali ma għandhiex kontroll sħiħ tal-ġestjoni tal-assi u l-obbligi tagħha, sa fejn din l-amministrazzjoni pubblika, minn naħa, teżerċita kontroll fuq l-assi tagħha u, min-naħa l-oħra, tassumi r-riskju marbut mal-obbligi tagħha, tista’ tiġi kklassifikata bħala “Istituzzjoni finanzjarja kaptiva”, fis-sens tal-punti 2.21 sa 2.23 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, sakemm il-miżuri ta’ kontroll previsti minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali jistgħu jiġu interpretati mill-qorti nazzjonali fis-sens li jkollhom bħala effett li l-unità istituzzjonali kkonċernata ma tkunx tista’ taġixxi indipendentement mill-imsemmija amministrazzjoni pubblika, sa fejn din tal-aħħar timponi fuqha l-kundizzjonijiet li fihom din l-unità istituzzjonali hija obbligata li taġixxi, mingħajr ma jkollha l-possibbiltà li tbiddilhom sostanzjalment fuq inizjattiva tagħha stess.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.