Kawża C‑610/18

AFMB Ltd et

vs

Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas‑16 ta’ Lulju 2020

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħaddiema migranti – Sigurtà soċjali – Leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 14(2)(a) – Kunċett ta’ ‘persuna li tagħmel parti mill-persunal sewwieq ta’ impriża’ – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 13(1)(b) – Kunċett ta’ ‘persuna li timpjega’ – Xufiera ta’ trakkijiet li normalment jeżerċitaw attività bħala persuna impjegata f’żewġ jew f’iktar Stati Membri jew Stati tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) – Xufiera ta’ trakkijiet li kkonkludew kuntratt ta’ xogħol ma’ impriża iżda li huma taħt l-awtorità effettiva ta’ impriża oħra stabbilita fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ dawn ix-xufiera – Determinazzjoni tal-impriża li għandha l-kwalità ta’ ‘persuna li timpjega’”

  1. Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Leġiżlazzjoni applikabbli – Applikazzjoni simultanja ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali – Esklużjoni – Sistema ta’ regoli ta’ kunflitt – Natura kompleta – Għanijiet

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikoli 2, 13(1) u (2)(a), u 14(2)(a); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikoli 2, 11(1) u (3)(a), u 13(1)(b))

    (ara l-punti 40 sa 43)

  2. Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Leġiżlazzjoni applikabbli – Persuna li normalment teżerċita attività bħala persuna impjegata f’diversi Stati Membri – Xufier ta’ trakkijiet li kkonkluda kuntratt ta’ xogħol ma’ impriża iżda li huwa taħt l-awtorità effettiva ta’ impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor – Persuna li timpjega – Kunċett – Impriża li teżerċita awtorità effettiva fuq dan ix-xufier, li ssostni l-piż tas-salarju korrispondenti u li għandha s-setgħa effettiva li tkeċċih – Inklużjoni – Impriża li kkonkludiet kuntratt ta’ xogħol mal-imsemmi xufier iżda li ma teżerċitax awtorità effettiva fuqu – Esklużjoni

    (Regolamenti tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikolu 14(2)(a), u Nru 574/72; Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikolu 13(1)(b)(i) u Nru 987/2009)

    (ara l-punti 52 sa 54, 60, 61, 70 sa 72, 75, 80 u d-dispożittiv)

Sunt

Il-persuna li timpjega lil xufiera ta’ trakkijiet impjegati fit-trasport internazzjonali bit-triq hija l-impriża ta’ trasport li teżerċita awtorità effettiva fuq dawn ix-xufiera, issostni l-piż tas-salarju tagħhom u għandha s-setgħa effettiva li tkeċċihom

Fis-sentenza tagħha AFMB et (C‑610/18), mogħtija fis‑16 ta’ Lulju 2020, l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-persuna li timpjega lil xufier internazzjonali ta’ trakkijiet, fis-sens tar-Regolamenti Nri 1408/71 ( 1 ) u 883/2004 ( 2 ), hija l-impriża li teżerċita awtorità effettiva fuq dan ix-xufier ta’ trakkijiet, effettivament issostni l-piż tas-salarju korrispondenti u għandha s-setgħa effettiva li tkeċċih, u mhux l-impriża li magħha dan ix-xufier ta’ trakkijiet ikkonkluda kuntratt ta’ xogħol u li hija formalment indikata f’dan il-kuntratt bħala l-persuna li timpjegah.

Fit-tilwima fil-kawża prinċipali, AFMB Ltd, kumpannija stabbilita f’Ċipru, kienet ikkonkludiet ma’ impriżi ta’ trasport stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi ftehimiet li bis-saħħa tagħhom hija impenjat ruħha, kontra l-ħlas ta’ kummissjoni, tamministra t-trakkijiet ta’ dawn l-impriżi, għan-nom u għar-riskju ta’ dawn l-impriżi. Hija kienet ikkonkludiet ukoll kuntratti ta’ xogħol ma’ xufiera internazzjonali ta’ trakkijiet residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, li fihom hija kienet indikata bħala l-persuna li timpjegahom. Ix-xufiera ta’ trakkijiet ikkonċernati kienu jeżerċitaw, għan-nom tal-impriżi ta’ trasport, l-attività tagħhom f’żewġ jew f’iktar Stati Membri, jew ukoll fi Stat jew f’diversi Stati tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA).

AFMB u x-xufiera kkontestaw deċiżjonijiet tar-Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank (il-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-Fond tas-Sigurtà Soċjali, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Svb”) li abbażi tagħhom il-leġiżlazzjoni Olandiża fil-qasam tas-sigurtà soċjali kienet iddikjarata applikabbli għal dawn ix-xufiera. Fil-fatt, għas-Svb, kienu biss l-impriżi ta’ trasport stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi li kellhom jiġu kklassifikati bħala persuni li jimpjegaw lil dawn ix-xufiera, b’tali mod li l-leġiżlazzjoni Olandiża kienet applikabbli, filwaqt li AFMB u x-xufiera kienu jqisu li AFMB kellha tiġi kklassifikata bħala persuna li timpjega u li, sa fejn is-sede tagħha tinsab f’Ċipru, il-leġiżlazzjoni Ċiprijotta kienet applikabbli.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li enfasizzat l-importanza deċiżiva ta’ din il-kwistjoni għad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ sigurtà soċjali applikabbli, talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi kjarifiki dwar min, mill-impriżi ta’ trasport jew minn AFMB, għandu jitqies bħala l-“persuna li timpjega” lix-xufiera kkonċernati. Fil-fatt, skont ir-Regolamenti Nri 1408/71 u 883/2004, persuni, bħax-xufiera inkwistjoni, li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’żewġ jew f’iktar Stati Membri mingħajr ma jkunu impjegati b’mod predominanti fit-territorju tal-Istat Membru li fih huma jirrisjedu, għandhom ikunu suġġetti, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih il-persuna li timpjega għandha s-sede tagħha jew is-sede tal-operat tagħha.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qabel kollox osservat li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tifsira tal-kunċetti ta’ “persuna li timpjega” u ta’ “persunal”, ir-Regolamenti Nri 1408/71 u 883/2004 ma jagħmlu ebda riferiment għal-leġiżlazzjonijiet jew għall-prattiki nazzjonali. Għaldaqstant, hija meħtieġa interpretazzjoni awtonoma u uniformi ta’ dawn il-kunċetti, li tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjonijiet rilevanti u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

Fir-rigward tal-kliem użat u tal-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, minn naħa, li r-relazzjoni bejn “persuna li timpjega” u l-“persunal” tagħha timplika l-eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni bejniethom. Min-naħa l-oħra, hija enfasizzat li hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni oġġettiva li fiha jinsab il-ħaddiem impjegat ikkonċernat u ċ-ċirkustanzi kollha tal-impjieg tiegħu. F’dan ir-rigward, għalkemm il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol tista’ tkun indikatur tal-eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni, dan il-fatt ma jistax, waħdu, jippermetti li tiġi konkluża b’mod deċiżiv l-eżistenza ta’ tali rabta. Fil-fatt, jeħtieġ ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss l-informazzjoni li tinsab formalment fil-kuntratt ta’ xogħol iżda wkoll il-mod li bih l-obbligi imposti kemm fuq il-ħaddiem kif ukoll fuq l-impriża inkwistjoni jitwettqu fil-prattika. Għalhekk, irrispettivament mill-kliem tad-dokumenti kuntrattwali, hemm lok li tiġi identifikata l-entità li taħt l-awtorità effettiva tagħha jinsab il-ħaddiem, li hija effettivament responsabbli għall-piż tas-salarju korrispondenti u li għandha s-setgħa effettiva tkeċċi lil dan il-ħaddiem.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, interpretazzjoni li tkun ibbażata biss fuq kunsiderazzjonijiet formali, bħall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol, tkun twassal sabiex tippermetti lill-impriżi jċaqilqu l-post li għandu jitqies bħala rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ sigurtà soċjali applikabbli, mingħajr ma tali ċaqliq ikun jaqa’, fir-realtà, taħt l-għan, imfittex mir-Regolamenti Nri 1408/71 u 883/2004, li jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Filwaqt li tirrileva li s-sistema stabbilita minn dawn ir-regolamenti hija intiża biss, ċertament, li tiffavorixxi l-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis madankollu li l-għan tagħhom jissogra li jiġi kompromess jekk l-interpretazzjoni adottata tkun tiffaċilita l-possibbiltà għall-impriżi li jagħmlu użu minn arranġamenti purament artifiċjali sabiex jużaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bl-uniku għan li jieħdu vantaġġ mid-differenzi eżistenti bejn is-sistemi nazzjonali.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li x-xufiera jidhru li kienu parti, fil-perijodi inkwistjoni, tal-persunal tal-impriżi ta’ trasport u kellhom lil dawn l-impriżi bħala persuni li jimpjegaw, b’tali mod li l-leġiżlazzjoni Olandiża ta’ sigurtà soċjali tidher li hija applikabbli għalihom, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mil-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, dawn ix-xufiera, qabel il-konklużjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ma’ AFMB, kienu ntgħażlu mill-impriżi ta’ trasport infushom u eżerċitaw, wara l-konklużjoni tal-imsemmija kuntratti, l-attività tagħhom għan-nom u għar-riskju ta’ dawn l-impriżi. Barra minn hekk, il-piż effettiv tas-salarji tagħhom kien sostnut, permezz tal-kummissjoni mħallsa lil AFMB, mill-impriżi ta’ trasport. Fl-aħħar nett, l-impriżi ta’ trasport dehru li kellhom is-setgħa effettiva ta’ tkeċċija u parti mix-xufiera kienu, qabel il-konklużjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ma’ AFMB, diġà impjegati ta’ dawn l-impriżi.


( 1 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar il-pubblikazzjoni [l-applikazzjoni] ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Volum 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 631/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 10), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(2)(a) tiegħu (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

( 2 ) Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(1)(b) tiegħu.