Kawża C-594/18 P
Ir-Repubblika tal-Awstrija
vs
Kummissjoni Ewropea
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Settembru 2020
“Appell — Għajnuna mill-Istat — Artikolu 107(3)(c) TFUE — Artikoli 11 u 194 TFUE — Artikolu 1, Artikolu 2(c) u Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom — Għajnuna prevista favur l-unità C tal-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point (ir-Renju Unit) — Deċiżjoni li tiddikkjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern — Għan ta’ interess komuni — Għanijiet ambjentali tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji ta’ protezzjoni tal-ambjent, ta’ min iniġġes iħallas, ta’ prekawzjoni u ta’ sostenibbiltà — Determinazzjoni tal-attività ekonomika kkonċernata — Falliment tas-suq — Proporzjonalità tal-għajnuna — Għajnuna għall-investiment jew għajnuna għat-tħaddim — Determinazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu għajnuna — Avviż dwar il-Garanziji”
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Evalwazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE – Kriterji – Tfittxija li jintlaħaq interess komuni – Kriterju mhux neċessarju
(Artikolu 107(3)(c) TFUE)
(ara l-punti 18 sa 21, 26, 30, 39)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Evalwazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ prassi preċedenti – Esklużjoni
(Artikolu 107(3)(c) TFUE)
(ara l-punt 25)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta’ applikazzjoni – Miżuri li jfittxu li jilħqu għan li jaqa’ taħt it-Trattat Euratom – Inklużjoni
(Artikolu 106a (3) EA; Artikolu 107 TFUE)
(ara l-punti 32, 33)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Evalwazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE – Miżuri li jfittxu li jilħqu għan li jaqa’ taħt it-Trattat Euratom – Applikabbiltà tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent – Prinċipji ta’ protezzjoni tal-ambjent, ta’ min iniġġes iħallas, ta’ prekawzjoni u ta’ sostenibbiltà – Dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw l-istruttura tal-provvista tal-enerġija tagħhom – Għażla tal-enerġija nukleari
(Artikolu 106a(3) EA; Artikoli 107(3)(c) u 194 TFUE)
(ara l-punti 40 sa 50)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Evalwazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE– Kriterji – Assenza ta’ impatt kuntrarju għall-interess komuni fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ – Identifikazzjoni tas-suq ikkonċernat mill-għajnuna
(Artikolu 107(3)(c) TFUE)
(ara l-punti 60 sa 65)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Evalwazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE – Kriterji – Eżistenza ta’ falliment tas-suq ikkonċernat mill-għajnuna – Kriterju mhux neċessarju
(Artikolu 107(3)(c) TFUE)
(ara l-punti 66, 67)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Evalwazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE – Kriterji – Assenza ta’ impatt kuntrarju għall-interess komuni fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ – Evalwazzjoni – Effetti kumulattivi tal-għajnuna u ta’ proġetti oħra ta’ għajnuna li jistgħu jintervjenu fil-futur – Assenza ta’ rilevanza
(Artikolu 107(3)(c) TFUE)
(ara l-punti 84 sa 86)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Evalwazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE – Kriterji – Assenza ta’ impatt kuntrarju għall-interess komuni fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ – Ibbilanċjar tal-vantaġġi tal-miżuri ta’ għajnuna u tal-impatt negattiv tagħhom fuq is-suq – Komponenti tas-suq intern
(Artikolu 107(3)(c) TFUE)
(ara l-punti 101, 102)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 107(3) (c) TFUE – Għajnuna għat-tħaddim – Esklużjoni – Obbligu tal-Kummissjoni li tikklassifika l-miżuri bħala għajnuna għall-investiment jew għajnuna għat-tħaddim – Assenza
(Artikolu 107(3)(c) TFUE)
(ara l-punti 119 sa 121)
Sunt
Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-għajnuna Brittanika favur l-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point C
Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2014 ( 1 ), il-Kummissjoni Ewropea approvat l-għajnuna li r-Renju Unit qed jippjana li jagħti lill-unità C tal-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point, li jinsab f’Somerset, mal-kosta tar-Renju Unit (iktar ’il quddiem “Hinkley Point C”), bil-għan li jiġi promoss il-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari. Din l-unità hija prevista għas-sena 2023, għal perijodu ta’ operat ta’ sittin sena. L-għajnuna, li hija maqsuma fi tliet partijiet, hija prevista favur l-operatur futur tal-unità C, il-kumpannija NNB Generation Company Limited (iktar ’il quddiem “NNB Generation”, sussidjarja ta’ EDF Energy plc.
L-ewwel waħda mill-miżuri inkwistjoni hija “Kuntratt għad-Differenza” ( 2 ), li huwa intiż li jiggarantixxi stabbiltà fil-prezzijiet għall-bejgħ tal-elettriku matul il-fażi operattiva ta’ Hinkley Point C. It-tieni huwa ftehim bejn l-investituri ta’ NNB Generation u s-Segretarju tal-Istat għall-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima tar-Renju Unit, li jiggarantixxi kumpens fil-każ ta’ għeluq antiċipat tal-impjant tal-enerġija nukleari għal raġunijiet politiċi. It-tielet waħda tikkonsisti f’garanzija ta’ kreditu tar-Renju Unit fuq il-bonds li għandhom jinħarġu minn NNB Generation u hija intiża sabiex tiżgura l-ħlas fil-ħin tal-ammont prinċipali u tal-interessi tad-dejn ammissibbli.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni kklassifikat dawn it-tliet miżuri bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Skont din id-dispożizzjoni, l-għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq intern, safejn din ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni.
L-Awstrija talbet l-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li madankollu ċaħdet dan ir-rikors permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Lulju 2018 ( 3 ).
Adita b’appell ippreżentat mill-Awstrija ( 4 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet, essenzjalment, mitluba tirrispondi għad-domanda, mingħajr preċedent fil-ġurisprudenza, dwar jekk il-kostruzzjoni ta’ impjant tal-enerġija nukleari tistax tibbenefika minn għajnuna mill-Istat approvata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE. Billi ċaħdet l-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja tat risposta affermattiva għal din id-domanda.
Qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, sabiex tkun tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern konformement mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, għajnuna mill-Istat għandha tissodisfa żewġ kundizzjonijiet, l-ewwel waħda tkun li din għandha tkun intiża sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, filwaqt li t-tieni waħda hija li ma għandhiex tbiddel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sal-punt li tmur kontra l-interess komuni. Din id-dispożizzjoni ma teħtieġx, min-naħa l-oħra, li l-għajnuna prevista tfittex għan ta’ interess komuni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet bħala infondati d-diversi argumenti tal-Awstrija bbażati fuq il-fatt li l-kostruzzjoni ta’ impjant tal-enerġija nukleari ġdid ma tikkostitwixxix għan ta’ interess komuni.
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, fl-assenza ta’ regoli speċifiċi fit-Trattat Euratom, ir-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandhom japplikaw fis-settur tal-enerġija nukleari. Kuntrarjament għal dak li kienet iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, it-Trattat Euratom lanqas ma jipprekludi l-applikazzjoni f’dan is-settur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, b’tali mod li għajnuna mill-Istat favur attività ekonomika li tappartjeni għas-settur tal-enerġija nukleari, li l-eżami tagħha juri li din tikser regoli ambjentali, ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. Madankollu, l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali baqa’ mingħajr effett fuq il-fondatezza tas-sentenza appellata, sa fejn il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-ambjent, ta’ prekawzjoni, ta’ min iniġġes iħallas u ta’ sostenibbiltà invokati mill-Awstrija insostenn tar-rikors għal annullament tagħha ma jistgħux jitqiesu li jipprekludu, fi kwalunkwe każ, li tingħata għajnuna mill-Istat favur il-kostruzzjoni jew l-operat ta’ impjant tal-enerġija nukleari. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li tali approċċ ma jkunx kompatibbli mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE, li minnu jirriżulta li Stat Membru huwa liberu li jiddetermina l-kundizzjonijiet tal-użu tar-riżorsi tiegħu tal-enerġija, l-għażla tiegħu bejn sorsi differenti tal-enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu, mingħajr ma jeskludi li din l-għażla tista’ tirrigwarda l-enerġija nukleari.
Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument tal-Awstrija li jgħid li l-Qorti Ġenerali ddefinixxiet b’mod żbaljat l-attività ekonomika rilevanti, fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-produzzjoni ta’ enerġija nukleari, li l-miżuri inkwistjoni huma intiżi li jiżviluppaw, tikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-identifikazzjoni tas-suq ta’ prodotti li fih taqa’ l-attività koperta mill-għajnuna hija rilevanti sabiex jiġi vverifikat li din tal-aħħar ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni, li jikkostitwixxi t-tieni kundizzjoni li għaliha hija suġġetta l-kompatibbiltà ta’ għajnuna skont din id-dispożizzjoni. Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet identifikat is-suq liberalizzat tal-produzzjoni u tal-provvista tal-elettriku bħala s-suq affettwat mill-miżuri previsti.
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li, għalkemm l-eżistenza ta’ falliment tas-suq ikkonċernat mill-għajnuna prevista tista’ tikkostitwixxi element rilevanti sabiex din tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern, in-nuqqas ta’ tali nuqqas ma jwassalx neċessarjament għall-inkompatibbiltà tagħha mas-suq intern.
Fir-rigward tal-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-għajnuna prevista favur Hinkley Point C, il-Qorti tal-Ġustizzja, qabelxejn, fakkret li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-proporzjonalità tal-miżuri inkwistjoni fir-rigward tal-bżonnijiet ta’ provvista tal-elettriku tar-Renju Unit, filwaqt li kkonfermat, ġustament, li dan tal-aħħar kien liberu li jiddetermina l-kompożizzjoni tat-taħlita tal-enerġija tiegħu. Waqt l-eżami tal-kundizzjoni li l-għajnuna prevista ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni, il-Kummissjoni ma kellhiex, barra minn hekk, tieħu inkunsiderazzjoni l-effett negattiv li l-miżuri inkwistjoni jista’ jkollhom fuq it-twettiq tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-ambjent, ta’ prekawzjoni, ta’ min iniġġeż iħallas u ta’ sostenibbiltà invokati mill-Awstrija. Fil-fatt, bla ħsara għall-verifika li l-attività sostnuta ma tiksirx ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, l-eżami ta’ din il-kundizzjoni ma jeħtieġx li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni eventwali effetti negattivi minbarra dawk tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, sabiex tiġi vverifikata l-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq intern, la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma kienu obbligati jikklassifikawhom formalment bħala “għajnuna għall-investiment”, li tista’ tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, jew bħala “għajnuna għat-tħaddim”, li l-awtorizzazzjoni tagħha skont din id-dispożizzjoni hija, bħala prinċipju, eskluża.
( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/658 tat-8 ta’ Ottubru 2014 dwar il-miżura ta’ għajnuna SA.34947 (2013/C) (ex 2013/N) li r-Renju Unit qed jippjana li jimplimenta bħala Appoġġ għall-Impjant tal-Enerġija Nukleari Hinkley Point C (ĠU 2015, L 109, p. 44).
( 2 ) Il-partijiet f’dan il-kuntratt huma NNB Generation u l-kumpannija Low Carbon Contracts Ltd, entità li tkun iffinanzjata minn obbligu statutorju li jorbot in solidum lill-fornituri kollha tal-elettriku awtorizzati.
( 3 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2018, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, T-356/15, EU:T:2018:439; ara wkoll iċ-CP Nru 104/18.
( 4 ) Bħal quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Lussemburgu intervjeniet insostenn tal-Awstrija fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li r-Repubblika Ċeka, Franza, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovakkja u r-Renju Unit intervjenew insostenn tal-Kummissjoni.