SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Novembru 2019 ( *1 )

Werrej

 

Il-kuntest ġuridiku

 

Id-dritt tal-Unjoni

 

It-Trattat UE

 

Il-Karta

 

Id-Direttiva 2000/78

 

Id-dritt Pollakk

 

Il-Kostituzzjoni

 

Il-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema

 

– Id-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)

 

– Id-dispożizzjonijiet dwar il-ħatra tal-imħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)

 

– Id-dispożizzjonijiet dwar l-Awla Dixxiplinari

 

Il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi

 

Il-Liġi dwar il-KRS

 

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq id-domandi preliminari

 

Fuq l-ewwel domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18

 

Fuq id-domandi fil-Kawża C‑585/18 kif ukoll fuq it-tieni u t-tielet domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18

 

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq l-eventwali nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni

 

Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18

 

Fuq l-eżami fil-mertu tat-tieni u tat-tielet domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18

 

Fuq l-ispejjeż

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età – Tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Artikolu 9(1) – Dritt għal azzjoni legali – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin – Ħolqien ta’ awla ġdida fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), b’kompetenza b’mod partikolari fir-rigward tal-kawżi dwar l-irtirar obbligatorju tal-imħallfin tal-istess qorti – Awla komposta minn imħallfin maħtura reċentement mill-President tar-Repubblika tal-Polonja fuq proposta tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura – Indipendenza tal-imsemmi kunsill – Setgħa li titħalla mhux applikata l-leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tkunx konformi mad-dritt tal-Unjoni – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18,

li għandhom bħala suġġett tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych) (il-Qorti Suprema (l-Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali), il-Polonja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑30 ta’ Awwissu 2018 (C‑585/18) u tad‑19 ta’ Settembru 2018 (C‑624/18 u C‑625/18), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Settembru 2018 (C‑585/18) u fit‑3 ta’ Ottubru 2018 (C‑624/18 u C‑625/18), fil-proċeduri

A. K.

vs

Krajowa Rada Sądownictwa (C‑585/18),

u

CP (C‑624/18),

DO (C‑625/18)

vs

Sąd Najwyższy,

fil-preżenza ta’:

Prokurator Generalny, irrappreżentat mill-Prokuratura Krajowa,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Prechal (Relatur), E. Regan, P. G. Xuereb u L. S. Rossi, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Unità, u R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tad‑19 ta’ Marzu u tal‑14 ta’ Mejju 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. K., CP u DO, minn S. Gregorczyk-Abram u M. Wawrykiewicz, adwokaci,

għall-Krajowa Rada Sądownictwa, minn D. Drajewicz, J. Dudzicz u D. Pawełczyk-Woicka,

għas-Sąd Najwyższy, minn M. Wrzołek-Romańczuk, radca prawny,

għall-Prokurator Generalny, irrappreżentat mill-Prokuratura Krajowa, minn S. Bańko, R. Hernand, A. Reczka, T. Szafrański u M. Szumacher, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti, assistiti minn W. Gontarski, adwokat,

għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina u V. Soņeca, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer u K. Herrmann, bħala aġenti,

għall-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, minn J. S. Watson, C. Zatschler, I. O. Vilhjálmsdóttir u C. Howdle, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Ġunju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 TUE, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, A. K., imħallef fin-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) u, min-naħa l-oħra, il-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“KRS”) (Kawża C‑585/18), u bejn, minn naħa, CP u DO, imħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) u, min-naħa l-oħra, din il-qorti tal-aħħar (Kawżi C‑624/18 u C‑625/18), dwar l-irtirar obbligatorju antiċipat tagħhom minħabba d-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

It-Trattat UE

3

L-Artikolu 2 TUE huwa fformulat b’dan il-mod:

“L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”

4

L-Artikolu 19(1) TUE jipprovdi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha tinkludi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-qrati speċjalizzati. Hija għandha tara li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.”

Il-Karta

5

It-Titolu VI tal-Karta, intitolat “Ġustizzja”, jinkludi l-Artikolu 47 tagħha, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, li jipprovdi:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. […]

[…]”

6

Skont l-Artikolu 51 tal-Karta, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”:

“1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.

2.   Il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta’ l-Unjoni jew ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati.”

7

L-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi:

“Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.”

8

L-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17) jispeċifikaw, fir-rigward tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

Id-Direttiva 2000/78

9

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ […] età […] f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

10

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.”

11

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi […] għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, anke wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat.”

Id-dritt Pollakk

Il-Kostituzzjoni

12

Skont l-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni, il-President tar-Repubblika tal-Polonja (iktar ’il quddiem il-“President tar-Repubblika”) għandu jaħtar lill-imħallfin, fuq proposta tal-KRS, għal żmien indeterminat.

13

Skont l-Artikolu 186(1) tal-Kostituzzjoni:

“Il-[KRS] huwa l-gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin.”

14

L-Artikolu 187 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“1.   Il-[KRS] għandu jkun kompost minn:

(1)

l-Ewwel President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], il-Ministru għall-Ġustizzja, il-President [tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)] u persuna maħtura mill-President tar-Repubblika;

(2)

ħmistax‑il membru eletti minn fost l-imħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], tal-qrati ordinarji, tal-qrati amministrattivi u tal-qrati militari;

(3)

erba’ membri eletti mis-[Sejm (il-Parlament, il-Polonja)] minn fost id-deputati tiegħu u żewġ membri eletti mis-Senat minn fost is-senaturi.

[…]

3.   Il-mandat tal-membri eletti tal-[KRS] huwa ta’ erba’ snin.

4.   Ir-regoli, il-qasam ta’ attività, il-metodu ta’ ħidma tal-[KRS] kif ukoll il-mod li bih jiġu eletti l-membri tiegħu huma ddefiniti mil-liġi.”

Il-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema

– Id-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)

15

L-Artikolu 30 tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema), tat‑23 ta’ Novembru 2002 (Dz. U. tal-2002, pożizzjoni 240), kien jiffissa l-età ta’ 70 sena bħala l-età tal-irtirar għall-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

16

Fl‑20 ta’ Diċembru 2017, il-President tar-Repubblika ffirma l-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal-2018, pożizzjoni 5, iktar ’il quddiem il-“Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema”), li daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ April 2018. Din il-liġi ġiet sussegwentement emendata diversi drabi.

17

Skont l-Artikolu 37 tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema:

“1.   L-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jirtiraw fid-data li fiha jagħlqu 65 sena, ħlief jekk, mhux iktar kmieni minn tnax‑il xahar qabel u mhux iktar tard minn sitt xhur qabel jilħqu l-età ta’ [65 sena], jagħmlu dikjarazzjoni li tindika x-xewqa tagħhom li jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom u jekk jippreżentaw ċertifikat, stabbilit skont il-kundizzjonijiet applikabbli għall-kandidati li japplikaw għal pożizzjoni fil-ġudikatura, li jattesta li l-istat ta’ saħħa tagħhom jippermettilhom iservu bħala mħallfin, u jekk il-[President tar-Repubblika] jawtorizza l-estensjoni tal-funzjonijiet tagħhom fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].

1a.   Qabel ma tingħata tali awtorizzazzjoni, il-[President tar-Repubblika] għandu jitlob l-opinjoni tal-[KRS]. Il-[KRS] għandu jibgħat l-opinjoni tiegħu lill-[President tar-Repubblika] fi żmien 30 jum mid-data li fiha ntalab jagħmel dan minn dan tal-aħħar. Jekk il-[KRS] ma jkunx bagħat l-opinjoni tiegħu fi żmien il-perijodu previst fit-tieni sentenza, din l-opinjoni titqies li hija favorevoli.

1b.   Meta jagħti l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 1a, il-[KRS] għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-interess tas-sistema ġudizzjarja jew interess soċjali importanti, b’mod partikolari l-assenjazzjoni effiċjenti tal-membri tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jew il-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-ammont ta’ xogħol ta’ ċerti awli tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].

[…]

4.   L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata għal perijodu ta’ tliet snin, li jista’ jiġġedded darba. […]”

18

L-Artikolu 39 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Il-[President tar-Repubblika] għandu jistabbilixxi d-data li fiha mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jirtira jew jiġi rtirat.”

19

Skont l-Artikolu 111(1) tal-imsemmija liġi:

“L-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li laħqu l-età ta’ 65 sena fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, jew li ser jilħqu din l-età fi żmien tliet xhur mid-data ta’ dan id-dħul fis-seħħ, għandhom jirtiraw b’effett mill-jum ta’ wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ tliet xhur, ħlief jekk, fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, dawn jippreżentaw id-dikjarazzjoni u ċ-ċertifikat imsemmija fl-Artikolu 37(1), u jekk il-[President tar-Repubblika] jawtorizzahom ikomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ta’ mħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. […]”

– Id-dispożizzjonijiet dwar il-ħatra tal-imħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)

20

Skont l-Artikolu 29 tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema, l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għandhom jinħatru mill-President tar-Repubblika, fuq proposta tal-KRS. L-Artikolu 30 ta’ din il-liġi jelenka l-kundizzjonijiet li għandhom ikunu ssodisfatti minn persuna sabiex tkun tista’ tinħatar bħala mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

– Id-dispożizzjonijiet dwar l-Awla Dixxiplinari

21

Il-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema stabbilixxiet, fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), awla ġdida msejħa “Izba Dyscyplinarna” (iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”).

22

L-Artikolu 20 tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema jistabbilixxi:

“Fir-rigward tal-Awla Dixxiplinari u tal-imħallfin li jiġġudikaw fl-Awla Dixxiplinari, il-prerogattivi tal-Ewwel President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] kif iddefiniti:

fil-punti 1, 4 u 7 tal-Artikolu 14(1), fl-Artikolu 31(1), fl-Artikolu 35(2), fl-Artikolu 36(6), fl-Artikolu 40(1) u (4), u fl-Artikolu 51(7) u (14), għandhom jiġu eżerċitati mill-President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li għandu jidderieġi x-xogħol tal-Awla Dixxiplinari;

fil-punt 2 tal-Artikolu 14(1) u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 55(3), għandhom jiġu eżerċitati mill-Ewwel President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] bi qbil mal-President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li għandu jidderieġi x-xogħol tal-Awla Dixxiplinari.”

23

L-Artikolu 27(1) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema jistabbilixxi:

“Il-każijiet segwenti għandhom jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Awla Dixxiplinari:

(1)

proċeduri dixxiplinari:

li jinvolvu l-imħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]

[…]

(2)

proċeduri fil-qasam tad-dritt industrijali u sigurtà soċjali li jinvolvu l-imħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)];

(3)

proċeduri li jikkonċernaw l-irtirar obbligatorju ta’ mħallef [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].”

24

L-Artikolu 79 tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema jipprevedi:

“Il-każijiet tad-dritt industrijali u sigurtà soċjali li jikkonċernaw l-imħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] u l-każijiet li jirrelataw mal-irtirar obbligatorju ta’ mħallef [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] għandhom jinstemgħu:

1)

fl-ewwel istanza, [mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fil-kompożizzjoni ta’ mħallef wieħed tal-Awla Dixxiplinari;

2)

fit-tieni istanza, [mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fil-kompożizzjoni ta’ tliet imħallfin tal-Awla Dixxiplinari.”

25

Skont l-Artikolu 25 tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema:

“L-Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych [l-Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali] hija kompetenti sabiex tisma’ kawżi fil-qasam tad-dritt industrijali, tad-dritt dwar is-sigurtà soċjali […]”

26

Id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema jinkludu, fost oħrajn, id-dispożizzjonijiet segwenti:

“Artikolu 131

Sakemm jimtlew il-karigi kollha tal-imħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fl-Awla Dixxiplinari, imħallef minn awla [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] ma għandux jiġi ttrasferit għal kariga f’dik l-awla.

[…]

Artikolu 134

Fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, l-imħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li jokkupaw kariga fl-Awla Industrijali, tas-Sigurtà Soċjali u tal-Affarijiet Pubbliċi għandhom isiru mħallfin li jokkupaw kariga fl-Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali.”

27

L-Artikolu 131 tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema ġie emendat b’dan il-mod bis-saħħa tal-punt 14 tal-Artikolu 1 tal-ustawa o zmianie ustawy o Sądzie Najwyższym (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑12 ta’ April 2018 (Dz. U. tal-2018, pożizzjoni 847), li daħlet fis-seħħ fid‑9 ta’ Mejju 2018:

“L-imħallfin li, fid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, jokkupaw karigi f’awli oħra [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jistgħu jiġu ttrasferiti għal karigi fl-Awla Dixxiplinari. Sal-ġurnata li fiha l-imħallfin kollha [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fl-Awla Dixxiplinari jkunu ġew maħtura għall-ewwel darba, l-imħallef li jokkupa kariga f’awla oħra [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] għandu jissottometti lill-[KRS] talba għal trasferiment għal kariga fl-Awla Dixxiplinari, wara li jikseb il-qbil tal-Ewwel President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] u tal-President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li għandhom jidderieġu x-xogħol tal-Awla Dixxiplinari u tal-Awla fejn l-imħallef li jagħmel it-talba għat-trasferiment ikollu kariga. Sal-jum li fih il-karigi fl-Awla Dixxiplinari jkunu mtlew kollha għall-ewwel darba, imħallef [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fl-Awla Dixxiplinari għandu jinħatar mill-[President tar-Repubblika] fuq proposta tal-[KRS].”

Il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi

28

L-Artikolu 49 tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów administracyjnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi), tal‑25 ta’ Lulju 2002 (Dz. U. tal-2017, pożizzjoni 2188), jipprevedi li, fir-rigward tal-aspetti li ma humiex irregolati minn din l-istess liġi, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema.

Il-Liġi dwar il-KRS

29

Il-KRS huwa rregolat mill-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura) tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. Nru 126 tal-2011, pożizzjoni 714), kif emendata bl-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal-2018, pożizzjoni 3) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-KRS”).

30

Skont l-Artikolu 9a tal-Liġi dwar il-KRS:

“1.   Il-Parlament għandu jeleġġi minn fost l-imħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], tal-qrati ordinarji, tal-qrati amministrattivi u tal-qrati militari ħmistax‑il membru tal-[KRS] għal mandat konġunt ta’ erba’ snin.

2.   Fit-twettiq tal-elezzjoni li tissemma fil-paragrafu 1, il-Parlament għandu, sa fejn ikun possibbli, jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonn ta’ rappreżentazzjoni fil-[KRS] ta’ mħallfin minn tipi u livelli differenti ta’ qrati.

3.   Il-mandat konġunt ta’ membri ġodda tal-[KRS] eletti minn fost l-imħallfin għandu jibda l-għada tal-ġurnata tal-elezzjoni tagħhom. Il-membri tal-[KRS] maħtura għall-mandat preċedenti għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom sal-ġurnata li fiha jibda l-mandat konġunt tal-membri l-ġodda tal-[KRS].”

31

Skont l-Artikolu 11a(2) tal-Liġi dwar il-KRS, kandidati għall-pożizzjonijiet ta’ membri tal-KRS, magħżula minn fost l-imħallfin, jistgħu jiġu ppreżentati minn grupp ta’ mill-inqas elfejn ċittadin Pollakk jew minn grupp ta’ mill-inqas ħamsa u għoxrin imħallef f’servizz attiv. Il-proċess għan-nomina tal-membri tal-KRS mill-Parlament huwa ddeterminat fl-Artikolu 11d tal-Liġi dwar il-KRS.

32

Konformement mal-Artikolu 34 tal-Liġi dwar il-KRS, grupp ifformat minn tliet membri tal-KRS għandu jadotta pożizzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ mħallef.

33

L-Artikolu 35 tal-Liġi dwar il-KRS jipprovdi:

“1.   Jekk iktar minn kandidat wieħed applika għal pożizzjoni ta’ mħallef jew ta’ mħallef stagiaire, il-grupp għandu jiġbor lista ta’ kandidati rrakkomandati.

2.   Fl-istabbiliment tal-ordni tal-kandidati fil-lista, il-grupp l-ewwel għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati, kif ukoll

(1)

l-esperjenza professjonali, inkluża l-esperjenza fl-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali, produzzjoni akkademika, opinjonijiet mogħtija minn persuni superjuri, rakkomandazzjonijiet, pubblikazzjonijiet u dokumenti oħra mehmuża mal-formola ta’ applikazzjoni;

(2)

l-opinjoni tal-kulleġġ tal-qorti kompetenti u l-evalwazzjoni tal-assemblea ġenerali kompetenti tal-imħallfin.

3.   L-assenza tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex twaqqaf l-istabbiliment ta’ lista ta’ kandidati rrakkomandati.”

34

Skont l-Artikolu 37(1) tal-Liġi dwar il-KRS:

“Jekk iktar minn kandidat wieħed applika għal pożizzjoni ta’ mħallef, [il-KRS] għandu jeżamina u jevalwa b’mod konġunt il-kandidaturi kollha li jkunu ġew ippreżentati. F’din is-sitwazzjoni, [il-KRS] għandu jadotta riżoluzzjoni li tinkludi d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-preżentazzjoni ta’ proposta għall-ħatra fil-pożizzjoni ta’ mħallef, fir-rigward tal-kandidati kollha.”

35

L-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS jipprovdi:

“1.   Parteċipant fil-proċeduri jista’ jappella [lis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fuq il-bażi li r-riżoluzzjoni tal-[KRS] hija illegali, sakemm mhux previst mod ieħor f’dispożizzjonijiet separati. […]

1a.   F’każijiet individwali li jikkonċernaw ħatra għall-kariga ta’ mħallef [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], appell jista’ jiġi ppreżentat quddiem [in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)]. F’dawn il-każijiet, ma huwiex possibbli li jiġi ppreżentat appell quddiem [is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. Appell quddiem [in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)] ma jistax ikun ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ evalwazzjoni skorretta tal-issodisfar, mill-kandidati, tal-kriterji li jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-preżentazzjoni tal-proposta għall-ħatra għall-kariga ta’ mħallef [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].

1b.   Jekk mhux il-parteċipanti fil-proċeduri kollha kkontestaw ir-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 37(1), f’każijiet individwali li jikkonċernaw il-ħatra għall-kariga ta’ mħallef [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], ir-riżoluzzjoni għandha ssir finali, għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni għas-sottomissjoni tal-proposta għall-ħatra għall-kariga ta’ mħallef [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] u għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni li ma tiġix sottomessa proposta għall-ħatra għall-kariga ta’ mħallef tal-istess qorti, fil-każ ta’ parteċipanti fil-proċeduri li ma ppreżentawx appell.

2.   L-appell għandu jiġi ppreżentat permezz tal-Przewodniczący [il-President tal-KRS], f’terminu ta’ ħmistax min-notifika tar-riżoluzzjoni flimkien mal-motivazzjoni tagħha. […]”

36

Skont l-Artikolu 6 tal-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017 li emendat il-Liġi dwar il-KRS:

“Il-mandat tal-membri [tal-KRS] imsemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 187(1) tal-[Kostituzzjoni], eletti bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet attwali, għandu jibqa’ effettiv sal-jum ta’ qabel jibda l-mandat tal-membri l-ġodda [tal-KRS], mingħajr ma jaqbeż madankollu 90 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, sakemm ma jkunx spiċċa qabel minħabba li jkun wasal fi tmiemu.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

37

Fil-Kawża C‑585/18, A. K., imħallef tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) li kien laħaq l-età ta’ 65 sena qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema, ippreżenta, skont l-Artikolu 37(1) u l-Artikolu 111(1) ta’ din il-liġi, dikjarazzjoni fejn indika x-xewqa tiegħu li jkompli jeżerċita l-kariga tiegħu. Fis‑27 ta’ Lulju 2018, il-KRS, fuq il-bażi tal-Artikolu 37(1a) tal-imsemmija liġi, ħareġ opinjoni negattiva fir-rigward ta’ din it-talba. Fl‑10 ta’ Awwissu 2018, A. K. appella minn din l-opinjoni quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Insostenn ta’ dan l-appell, A. K. sostna, b’mod partikolari, li l-irtirar antiċipat obbligatorju tiegħu fl-età ta’ 65 sena kien imur kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll kontra d-Direttiva 2000/78 u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) tagħha.

38

Il-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18 jikkonċernaw żewġ imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), CP u DO, li wkoll kienu laħqu l-età ta’ 65 sena qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema u li ma ppreżentawx dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 37(1) u l-Artikolu 111(1) ta’ din il-liġi. Peress li ġew informati li l-President tar-Repubblika kien, b’applikazzjoni tal-Artikolu 39 tal-imsemmija liġi, ikkonstata l-irtirar obbligatorju tagħhom b’effett mill‑4 ta’ Lulju 2018, huma ressqu talbiet kontra dan tal-aħħar quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) bl-intenzjoni li jiġi kkonstatat li r-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom bħala mħallef f’servizz attiv fi ħdan l-imsemmija qorti ma kinitx inbidlet, b’effett minn dik id-data, f’relazzjoni ta’ xogħol bħala mħallef irtirat ta’ din l-istess qorti. Insostenn tat-talbiet tagħhom, huma jinvokaw, b’mod partikolari, ksur tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78 li jipprojbixxi d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età.

39

L-Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych (l-Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) (iktar ’il quddiem l-“Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali”), li quddiemha jinsabu pendenti dawn id-diversi proċeduri, tosserva, fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18, li dawn il-proċeduri kienu tressqu quddiemha peress li l-Awla Dixxiplinari kienet għadha ma ġietx ikkostitwita. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78 u l-Artikolu 47 tal-Karta jobbligawhiex twarrab id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriżervaw il-kompetenza sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ tali proċeduri lil awla li għadha ma ġietx ikkostitwita. L-imsemmija qorti tenfasizza, madankollu, li din il-kwistjoni tista’ ma tibqax rilevanti fil-każ li effettivament jimtlew il-pożizzjonijiet ta’ mħallef fi ħdan l-Awla Dixxiplinari.

40

Barra minn hekk, fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha fil-Kawżi C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanzi li fihom għandhom jinħatru l-imħallfin il-ġodda tal-Awla Dixxiplinari, hemm dubji serji dwar il-kwistjoni ta’ jekk din l-awla u l-membri tagħha humiex ser joffru garanziji suffiċjenti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità.

41

F’dan id-dawl, l-imsemmija qorti, li tfakkar li dawn l-imħallfin huma maħtura mill-President tar-Repubblika fuq proposta tal-KRS, tosserva, l-ewwel nett, li, bis-saħħa tar-riforma li tirriżulta mil-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017 li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra, il-ħmistax‑il membru tal-KRS li, mill-ħamsa u għoxrin membru li jifformaw il-KRS, għandhom jiġu eletti minn fost l-imħallfin, ma għadhomx jiġu eletti, bħalma kienu qabel, mil-laqgħat ġenerali tal-imħallfin tal-livelli kollha, iżda issa huma eletti mill-Parlament. Skont il-qorti tar-rinviju, din is-sitwazzjoni tippreġudika s-separazzjoni tal-poteri bħala bażi tal-Istat tad-dritt demokratiku u ma hijiex konformi mal-istandards internazzjonali u Ewropej li jipprevalu f’dan il-qasam, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)12 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-indipendenza, l-effettività u r-rwol tal-imħallfin, tas‑17 ta’ Novembru 2010, mill-Opinjoni Nru 904/2017 (CDL‑AD(2017)031) tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezia), tal‑11 ta’ Diċembru 2017, u mill-Opinjoni Nru 10(2007) tal-Kunsill Konsultattiv tal-Imħallfin Ewropej għall-attenzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Kunsill tal-Ġustizzja fis-Servizz tas-Soċjetà, tat‑23 ta’ Novembru 2007.

42

It-tieni nett, kemm il-kundizzjonijiet, b’mod partikolari proċedurali, li fihom il-membri tal-KRS intgħażlu u ġew maħtura matul is-sena 2018, u kemm eżami tal-mod li bih aġixxa dan il-korp, ifformat b’dan il-mod, juru li l-KRS huwa suġġett għall-poter politiku u li ma għandux il-kapaċità li jeżerċita l-missjoni kostituzzjonali tiegħu li jiżgura l-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin.

43

Minn naħa, l-elezzjonijiet reċenti tal-membri l-ġodda tal-KRS twettqu b’mod mhux trasparenti u hemm dubji kbar dwar l-osservanza effettiva, fil-kuntest ta’ dawn l-elezzjonijiet, tar-rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni applikabbli. Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ rappreżentanza tad-diversi tipi u livelli ta’ qrati li jirriżulta mill-punt 2 tal-Artikolu 187(1) tal-Kostituzzjoni ma ġiex osservat. Fil-fatt, ebda wieħed mill-membri tal-KRS ma huwa mħallef elett mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), mill-qrati tal-appell jew mill-qrati militari, iżda l-KRS huwa fformat minn rappreżentant ta’ qorti amministrattiva provinċjali, minn żewġ rappreżentanti ta’ qrati reġjonali u minn tnax‑il rappreżentant ta’ qrati distrettwali.

44

Min-naħa l-oħra, minn eżami tal-attivitajiet tal-KRS kif reċentement ifformat joħroġ li hemm assenza totali ta’ pożizzjonijiet adottati minn dan il-korp bil-għan li jiddefendi l-indipendenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fil-kuntest tal-kriżi kkawżata mir-riformi leġiżlattivi reċenti li kkonċernaw lill-imsemmija qorti. Għall-kuntrarju, il-KRS jew membri tiegħu kkritikaw pubblikament lill-membri tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) minħabba li għamlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jew minħabba li kkooperaw mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari, mal-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-prassi segwita mill-KRS meta jintalab jagħti opinjoni dwar l-eventwali kontinwazzjoni fil-kariga ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) lil hinn mill-età ta’ rtirar reċentement iffisata bħala 65 sena hija li, kif turi b’mod partikolari l-opinjoni tal-KRS ikkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑585/18, jagħti opinjonijiet negattivi mingħajr motivazzjoni jew li sempliċement jirripproduċi t-test tal-Artikolu 37(1b) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema.

45

Barra minn hekk, l-għażla magħmula mill-KRS sabiex jimtlew is-sittax‑il pożizzjoni ta’ mħallef fi ħdan l-Awla Dixxiplinari li kienu ġew iddikjarati vakanti fl‑24 ta’ Mejju 2018 mill-President tar-Repubblika turi li t-tnax‑il kandidat magħżula mill-KRS, jiġifieri sitt prokuraturi, żewġ imħallfin, żewġ konsulenti legali u żewġ għalliema universitarji, kienu jew persuni li sa dak il-mument kienu suġġetti għall-poter eżekuttiv, jew persuni li, matul il-kriżi dwar l-Istat tad-dritt fil-Polonja, kienu aġixxew fuq ordni tal-poter politiku jew b’mod konformi mal-aspettattivi ta’ dan tal-aħħar, jew ukoll persuni li ma jissodisfawx il-kriterji legali jew inkella persuni li kienu s-suġġett ta’ sanzjonijiet dixxiplinari fil-passat.

46

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-proċedura li permezz tagħha l-KRS huwa meħtieġ jagħżel il-kandidati għall-pożizzjonijiet ta’ mħallef tal-Awla Dixxiplinari, li ma jistgħux jintgħażlu minn fost il-membri tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li jkunu diġà jokkupaw il-kariga, ġiet imfassla u, sussegwentement, emendata, b’tali mod li l-KRS ikun jista’ jaġixxi b’mod diskrezzjonali, mingħajr possibbiltà ta’ kontroll reali f’dan ir-rigward.

47

Fl-ewwel lok, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma għadx għandha rwol li tintervjeni f’dan il-proċess ta’ ħatra u, b’hekk, l-evalwazzjoni effettiva u konkreta tal-merti tal-kandidati ma għadhiex iggarantita. Fit-tieni lok, l-assenza tal-preżentazzjoni, mill-kandidati, tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 35(2) tal-Liġi dwar il-KRS, li jkunu madankollu essenzjali sabiex tkun tista’ ssir distinzjoni bejn il-kandidati, ma għadhiex, kif jirriżulta mill-Artikolu 35(3) ta’ din il-liġi, ostakolu fil-kuntest tat-tfassil tal-lista tal-kandidati rrakkomandati mill-KRS. Fit-tielet lok, skont l-Artikolu 44 tal-imsemmija liġi, id-deċiżjonijiet tal-KRS isiru definittivi sakemm ma jiġux ikkontestati mill-kandidati kollha, punt dan li jeskludi kull possibbiltà effettiva ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

48

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar l-importanza li għandha tingħata, fir-rigward tal-osservanza tar-rekwiżit, li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, ta’ indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin tal-Istati Membri, lil fatturi bħalma huma, minn naħa, l-indipendenza, fil-konfront tal-poter politiku, tal-korp responsabbli għall-għażla tal-imħallfin, u, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanzi li fihom issir l-għażla tal-membri ta’ awla ġudizzjarja maħluqa ex nihilo fi Stat Membru partikolari, f’sitwazzjoni fejn l-imsemmija awla tkun kompetenti sabiex tiddeċiedi kawżi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni.

49

Fil-każ li tali awla ġudizzjarja ma tissodisfax l-imsemmi rekwiżit ta’ indipendenza, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbligaha twarrab l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li, billi jirriżervaw din il-kompetenza lil din l-awla ġudizzjarja, jostakolaw il-kompetenza tagħha stess sabiex tieħu konjizzjoni, jekk ikun il-każ, tal-kawżi prinċipali. Fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, f’dan id-dawl, li hija għandha kompetenza ġenerali fil-qasam tad-dritt industrijali u tad-dritt tas-sigurtà soċjali, kompetenza li tawtorizzaha tieħu konjizzjoni b’mod partikolari ta’ tilwim, bħat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, li jikkonċerna allegat ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-qasam tal-impjieg.

50

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Najwyższy (Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych) (il-Qorti Suprema (l-Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali)) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

51

Fil-Kawża C‑585/18, id-domandi preliminari huma fformulati kif ġej:

“1)

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 2 TUE, kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-[Karta] għandu jiġi interpretat fis-sens li awla maħluqa ex nihilo fi ħdan qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru, kompetenti għall-finijiet tas-smigħ ta’ tilwima relatata ma’ appell ippreżentat minn imħallef ta’ qorti nazzjonali, li fiha jkunu sedenti biss imħallfin magħżula mill-awtorità nazzjonali inkarigata mill-ħarsien tal-indipendenza tal-qrati [il-KRS] u li, minħabba l-istruttura ta’ kostituzzjoni u l-metodu ta’ funzjonament tagħha ma toffrix garanziji ta’ indipendenza fil-konfront tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi, tikkostitwixxi qorti indipendenti fis-sens tad-dritt tal-Unjoni?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 2 TUE, kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li awla mhux kompetenti ta’ qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru li tissodisfa r-rekwiżiti li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq qorti, adita b’appell f’kawża li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, għandha toqgħod lura milli tapplika d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jeskludu l-kompetenza tagħha f’din l-istess kawża?”

52

Fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18, id-domandi preliminari huma fformulati bit-termini segwenti:

“1)

L-Artikolu 47 tal-[Karta], moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) tad-[Direttiva 2000/78], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn il-qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru tiġi adita b’appell (azzjoni) ibbażat fuq aggravju mislut mill-ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba l-età fir-rigward ta’ mħallef ta’ din l-istess qorti, flimkien ma’ talba għal miżuri kawtelatorji, din il-qorti jkollha – sabiex tiżgura, billi tapplika miżura provviżorja prevista mid-dritt nazzjonali, il-protezzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni – tirrifjuta l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriżervaw il-kompetenza, fil-kawża li fiha ġie ppreżentat l-appell, lil awla ta’ din il-qorti li ma tiffunzjonax minħabba n-nuqqas ta’ ħatra tal-imħallfin li għandhom ikunu sedenti fiha?

2)

Fil-każ ta’ ħatra tal-imħallfin li għandhom ikunu sedenti fl-awla kompetenti, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, sabiex tittieħed konjizzjoni tal-appell hekk ippreżentat, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 2 TUE, kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li awla maħluqa ex nihilo fi ħdan qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru, kompetenti għall-finijiet tas-smigħ ta’ tilwima relatata ma’ appell ippreżentat minn imħallef ta’ qorti nazzjonali, li fiha jkunu sedenti biss imħallfin magħżula mill-awtorità nazzjonali inkarigata mill-ħarsien tal-indipendenza tal-qrati ([il-KRS]) u li, minħabba l-istruttura ta’ kostituzzjoni u l-metodu ta’ funzjonament tagħha ma toffrix garanziji ta’ indipendenza fil-konfront tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi, tikkostitwixxi qorti indipendenti fis-sens tad-dritt tal-Unjoni?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 2 TUE, kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li awla mhux kompetenti ta’ qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru li tissodisfa r-rekwiżiti li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq qorti, adita b’appell f’kawża li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, għandha toqgħod lura milli tapplika d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jeskludu l-kompetenza tagħha f’din l-istess kawża?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

53

Il-Kawżi C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18 ġew magħquda permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Novembru 2018.

54

Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Novembru 2018, A. K. et (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:977), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex dawn il-kawżi jiġu suġġetti għall-proċedura mħaffa. Kif jipprevedi l-Artikolu 105(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-data tas-seduta ġiet iffissata immedjatament, f’dan il-każ għad‑19 ta’ Marzu 2019, u ġiet ikkomunikata lill-partijiet interessati flimkien man-notifika tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari. L-imsemmija partijiet interessati ngħataw terminu għall-preżentata ta’ eventwali osservazzjonijiet bil-miktub.

55

Fid‑19 ta’ Marzu 2019 inżammet l-ewwel seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fl‑14 ta’ Mejju 2019 inżammet seduta oħra li ġiet organizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja wara li saret, b’mod partikolari, talba mill-KRS li ma kienx ippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ma kienx irrappreżentat matul l-ewwel seduta u li xtaq ikun jista’ jinstema’ oralment, u sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jieħdu pożizzjoni dwar l-eventwali implikazzjonijiet, fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, ta’ sentenza mogħtija fil‑25 ta’ Marzu 2019, li permezz tagħha it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) iddikjarat li l-Artikolu 9a tal-Liġi dwar il-KRS kien kompatibbli mal-punt 2 tal-Artikolu 187(1) u mal-Artikolu 187(4) tal-Kostituzzjoni.

56

Matul din it-tieni seduta, il-KRS, barra minn hekk, ipproduċa r-Riżoluzzjoni Nru 6 adottata mill-assemblea tal-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari fit‑13 ta’ Mejju 2019, li tesponi l-pożizzjoni ta’ din l-awla dwar il-proċedura segwita fil-kawżi magħquda ineżami. Din ir-riżoluzzjoni ngħatat lill-partijiet interessati preżenti u ddaħħlet fil-proċess tal-kawża.

57

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 u fid‑29 ta’ Lulju 2019, fis‑16 ta’ Settembru 2019 u fis-7 ta’ Novembru 2019 mill-Gvern Pollakk, fl‑4 ta’ Lulju 2019 mill-KRS u fid-29 ta’ Ottubru 2019 mill-Prokurator Generalny (il-Prosekutur Ġenerali, il-Polonja), intalab il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

58

Insostenn tat-talba tiegħu, il-KRS jindika, essenzjalment, li ma jaqbilx mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li huma bbażati, skontu, fuq evalwazzjonijiet żbaljati u li ma ħadux suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-argumenti magħmula minnu matul is-seduta tal‑14 ta’ Mejju 2019. Għalhekk, skont il-KRS, huwa meħtieġ ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet bil-miktub mibgħuta preċedentement mill-KRS u li kienu ntbagħtulu lura minħabba li kienu ġew ippreżentati tard.

59

Fit-talba tiegħu tat‑3 ta’ Lulju 2019 u fl-ispjegazzjonijiet addizzjonali li bagħat lill-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Lulju u fis‑16 ta’ Settembru 2019, il-Gvern Pollakk jenfasizza wkoll li ma jaqbilx mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li skontu fihom ċerti kontradizzjonijiet u li huma bbażati, kif jirriżulta minn ċerti punti tagħhom u minn punti analogi li jinsabu fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fil‑11 ta’ April 2019 fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:325), fuq interpretazzjoni allegatament żbaljata tal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, tas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117). L-imsemmi gvern isostni, barra minn hekk, li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fihom ċertu numru ta’ argumenti u ta’ pożizzjonijiet ġodda, li ma kinux diskussi b’mod suffiċjenti. Issa, fid-dawl tal-importanza intrinsika tagħhom jew tal-konsegwenzi fundamentali tagħhom fir-rigward tad-diversi mudelli ġuridiċi fis-seħħ fl-Istati Membri fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-kunsilli nazzjonali tal-ġudikatura u tal-proċessi għall-ħatra ta’ mħallfin, l-imsemmija elementi jiġġustifikaw ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura sabiex l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jieħdu pożizzjoni dwar dan il-punt. Fit-talba tiegħu tas‑7 ta’ Novembru 2019, li insostenn tagħha pproduċa proċess verbal ta’ seduta tas-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja) tas‑6 ta’ Settembru 2019, il-Gvern Pollakk isostni li dan id-dokument huwa ta’ natura li joħloq il-biża’ li d-deċiżjoni li ser tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi ineżami tista’ tikkawża inċertezza legali fil-Polonja u li l-imsemmi dokument b’hekk jiżvela fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq din id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

60

Fl-aħħar nett, il-Prosekutur Ġenerali, li essenzjalment jirreferi għall-elementi diġà enfasizzati u għall-argumenti żviluppati, rispettivament, mill-KRS u mill-Gvern Pollakk fit-talbiet tagħhom imsemmija iktar ’il fuq għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, tat‑3, tal‑4 u tad‑29 ta’ Lulju 2019 kif ukoll tas‑16 ta’ Settembru 2019, huwa tal-fehma, l-ewwel nett, li ċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali ma ġewx ikkjarifikati b’mod suffiċjenti, kif jirriżulta mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, it-tieni nett, li dawn il-konklużjonijiet ħadu pożizzjoni dwar elementi importanti li ma kinux indirizzati mill-partijiet u, it-tielet nett, li l-imsemmija konklużjonijiet huma bbażati fuq qari żbaljat tal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li allegatament żvela fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

61

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li pubblikament bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiha jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta minn dawn il-konklużjonijiet u lanqas mill-motivazzjoni li fuq il-bażi tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għal dawn il-konklużjonijiet. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ qbil min-naħa ta’ parti interessata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, irrispettivament mill-kwistjonijiet eżaminati minnu f’dawn il-konklużjonijiet, ma huwiex fih innifsu raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Madankollu, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet interessati.

64

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li, wara l-proċedura bil-miktub u ż-żewġ seduti suċċessivi li nżammu quddiemha, hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiddeċiedi. Barra minn hekk, hija tosserva li l-kawżi magħquda ineżami ma għandhomx jiġu deċiżi fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet interessati. Hija tqis, finalment, li d-diversi talbiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura mressqa quddiemha ma jqajmu ebda fatt ġdid ta’ natura li jista’ jinfluwenza d-deċiżjoni li hija għandha tieħu fl-imsemmija kawżi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

65

Fl-aħħar nett, u fir-rigward tat-talba tal-KRS li permezz tagħha reġa’ talab li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu tal‑4 ta’ April 2019, għandu jitfakkar li din il-parti fil-kawżi prinċipali li, bħall-persuni interessati l-oħra msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kien ġie mistieden jippreżenta tali osservazzjonijiet fit-terminu mogħti għal dan il-għan, kien intenzjonalment naqas, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-ittra tat‑28 ta’ Marzu 2019 mibgħuta mill-KRS lill-Qorti tal-Ġustizzja, milli jippreżenta tali osservazzjonijiet fl-imsemmi terminu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-osservazzjonijiet bil-miktub imsemmija iktar ’il fuq, li ġew ippreżentati tard mill-KRS u li, għalhekk, kienu ntbagħtulu lura, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, lanqas f’dan l-istadju tal-proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18

66

Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78 u tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta qorti ta’ Stat Membru li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tkun adita b’kawża bbażata fuq motiv ibbażat fuq ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba l-età li toħroġ minn din id-direttiva, tali qorti hijiex meħtieġa tirrifjuta li tapplika dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriżervaw il-kompetenza sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ tali kawża lil istanza li, bħalma hija l-Awla Dixxiplinari, ma tkunx għadha ġiet ikkostitwita, minħabba li l-persuni li għandhom ipoġġu fiha ma jkunux inħatru.

67

F’dan il-każ, għandu madankollu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, ftit żmien wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tar-rinviju fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18, il-President tar-Repubblika ħatar l-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari li, għalhekk, ġiet ikkostitwita.

68

Fid-dawl ta’ dan il-fatt, għandu jiġi kkonstatat li risposta għall-ewwel domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18 ma għadhiex rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjonijiet li l-qorti tar-rinviju hija meħtieġa tagħti f’dawn iż-żewġ kawżi. Fil-fatt, il-ħtieġa għal tali risposta kienet iġġustifikata biss mill-assenza ta’ kostituzzjoni effettiva tal-Awla Dixxiplinari.

69

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li bis-saħħa tiegħu tal-ewwel tagħti lil tat-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li dawn tal-aħħar jeħtieġu sabiex isolvu t-tilwim li jkunu meħtieġa jiddeċiedu (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Fish Legal u Shirley, C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

70

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Jekk jidher li d-domanda magħmula manifestament ma tkunx għadha rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Stoilov i Ko, C‑180/12, EU:C:2013:693, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Minn dan isegwi li, kif sostnew il-KRS, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni u kif barra minn hekk issuġġerixxiet il-qorti tar-rinviju stess, kif jirriżulta mill-punt 39 ta’ din is-sentenza, ma għadx hemm lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar l-ewwel domanda magħmula fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18.

Fuq id-domandi fil-Kawża C‑585/18 kif ukoll fuq it-tieni u t-tielet domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18

72

Permezz tad-domandi tagħha fil-Kawża C‑585/18 kif ukoll tat-tieni u t-tielet domanda tagħha fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2 TUE, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 267 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li awla ta’ qorti suprema ta’ Stat Membru bħalma hija l-Awla Dixxiplinari, li hija meħtieġa tiddeċiedi kawżi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, tissodisfa, fid-dawl tal-kundizzjonijiet li fihom twaqqfet u li fihom inħatru l-membri tagħha, ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbligaha twarrab id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriżervaw il-kompetenza sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ tali kawżi lill-imsemmija awla ġudizzjarja.

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

73

Il-Prosekutur Ġenerali sostna, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-tieni u t-tielet domanda magħmula fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18, għar-raġunijiet li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija f’dawn id-domandi ma jiddefinixxux il-kunċett ta’ “qorti indipendenti” u ma fihomx normi dwar il-kompetenza tal-qrati nazzjonali u tal-kunsilli nazzjonali tal-ġudikatura, kwistjonijiet dawn li għalhekk jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri u li bl-ebda mod ma jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni.

74

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa f’dan is-sens mill-Prosekutur Ġenerali jikkonċernaw fil-verità l-portata stess u, għalhekk, l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Issa, tali interpretazzjoni taqa’ manifestament fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 267 TFUE.

75

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ fil-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma meħtieġa josservaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76

Fit-tieni lok, il-Prosekutur Ġenerali sostna li, fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dawn iż-żewġ domandi preliminari huwa marbut ukoll mal-fatt li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma jimplimentawx id-dritt tal-Unjoni, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u, għalhekk, ma jistgħux jiġu evalwati fid-dawl ta’ dan id-dritt.

77

Fir-rigward, l-ewwel nett, tad-dispożizzjonijiet tal-Karta, huwa minnu li għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinterpreta biss id-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci, C‑205/15, EU:C:2016:499, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

78

Fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, dispożizzjoni din li tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn dawn is-sitwazzjonijiet (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci, C‑205/15, EU:C:2016:499, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

79

Issa, f’dan il-każ, u fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi enfasizzat li, fit-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, ir-rikorrenti jallegaw, b’mod partikolari, ksur fil-konfront tagħhom tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-qasam tal-impjieg, prevista fid-Direttiva 2000/78.

80

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li d-dritt għal rimedju effettiv huwa affermat mill-ġdid fid-Direttiva 2000/78, li l-Artikolu 9 tagħha jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna li tqis li kienet ippreġudikata min-nuqqas ta’ osservanza fil-konfront tagħha tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst f’din id-direttiva tkun tista’ tinvoka d-drittijiet tagħha (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Leitner, C‑396/17, EU:C:2019:375, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kawżi ineżami jikkorrispondu għal sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali huma ġġustifikati li jinvokaw id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit lilhom fl-Artikolu 47 tal-Karta.

82

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jitfakkar, minn naħa, li din id-dispożizzjoni hija intiża li tiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva “fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, irrispettivament mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Għall-kuntrarju ta’ dak li sostna l-Prosekutur Ġenerali f’dan ir-rigward, il-fatt li l-miżuri nazzjonali dwar it-tnaqqis tas-salarju inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117), kienu ġew adottati minħabba raġunijiet imperattivi marbuta mal-eliminazzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-baġit tal-Istat Membru kkonċernat u fil-kuntest ta’ programm ta’ għajnuna finanzjarja mill-Unjoni lil dan l-Istat Membru ma kellu ebda rwol, kif jirriżulta mill-punti 29 sa 40 ta’ dik is-sentenza, fl-interpretazzjoni li wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonkludi li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kien applikabbli fil-kawża kkonċernata. Fil-fatt, din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li l-istanza nazzjonali inkwistjoni f’dik il-kawża, jiġifieri t-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri, il-Portugall), setgħet, bla ħsara għal verifika li kellha titwettaq mill-qorti tar-rinviju fl-imsemmija kawża, tiddeċiedi bħala qorti dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk kienu jaqgħu fl-oqsma koperti minn dan id-dritt (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

Peress li t-tilwimiet fil-kawżi prinċipali jikkonċernaw allegat ksur ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-istanza meħtieġa tiddeċiedi l-imsemmija tilwimiet ser ikollha tiddeċiedi kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk jaqgħu fl-oqsma koperti minn dan id-dritt, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

85

Fl-aħħar nett, u sa fejn huwa kkonċernat il-Protokoll (Nru 30) dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit (ĠU 2010, C 83, p. 313), li ġie invokat ukoll mill-Prosekutur Ġenerali, għandu jiġi osservat li dan ma jikkonċernax it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u għandu jitfakkar li dan il-protokoll lanqas ma jdaħħal inkwistjoni l-applikabbiltà tal-Karta fil-Polonja, bħalma lanqas ma huwa intiż li jeżonera lir-Repubblika tal-Polonja mill-obbligu li tosserva d-dispożizzjonijiet tal-Karta (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 47 tal-Karta u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE fil-kawżi ineżami.

Fuq l-eventwali nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni

87

Il-KRS, il-Prosekutur Ġenerali u l-Gvern Pollakk sostnew li, fis‑17 ta’ Diċembru 2018, il-President tar-Repubblika ffirma l-ustawa o zmianie ustawy o Sądzie Nawyższym (il-Liġi li Temenda l-[Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema]) tal‑21 ta’ Novembru 2018 (Dz. U. tal-2018, pożizzjoni 2507, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018”), li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2019.

88

Mill-Artikolu 1 tal-imsemmija liġi jirriżulta li l-Artikolu 37(1a) sa (4) u l-Artikolu 111(1) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema ġew imħassra u li l-Artikolu 37(1) tagħha ġie emendat fis-sens li “[l]-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għandhom jirtiraw mal-età ta’ 65 sena”. Madankollu, huwa speċifikat li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tapplika biss għall-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li daħlu f’din il-kariga wara l‑1 ta’ Jannar 2019. L-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li daħlu fil-kariga qabel din id-data huma suġġetti għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet preċedenti tal-Artikolu 30 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, tat‑23 ta’ Novembru 2002, li kienet tipprevedi l-irtirar mal-età ta’ 70 sena.

89

L-Artikolu 2(1) tal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018 jipprovdi li, “[m]id-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, kwalunkwe mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jew imħallef tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) li kien obbligat jirtira skont l-Artikolu 37(1) sa (4) jew tal-Artikolu 111(1) jew (1a) tal-[Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema] huwa rreintegrat fil-funzjonijiet li kien jeżerċita fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-[imsemmija liġi]. It-twettiq tad-dmirijiet ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jew ta’ mħallef tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) għandhom jitqiesu li tkomplew mingħajr interruzzjoni.”

90

L-Artikolu 4 tal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[i]l-proċeduri li nbdew skont l-Artikolu 37(1) u l-Artikolu 111(1) sa (1b) tal-[Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema] u l-proċeduri tal-appell pendenti f’dawn il-każijiet fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi għandhom jingħalqu”, u, fil-paragrafu 2 tiegħu, li “[p]roċeduri għall-istabbiliment tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg bħala mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jew imħallef tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) fuq servizz attiv, fir-rigward tal-imħallfin imsemmija fl-Artikolu 2(1), mibdija u pendenti fid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, għandhom jingħalqu”.

91

Skont il-KRS, il-Prosekutur Ġenerali u l-Gvern Pollakk, mill-Artikoli 1 u 2(1) tal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018 jirriżulta li l-imħallfin rikorrenti fil-kawżi prinċipali li kienu obbligati jirtiraw bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema li attwalment ġew imħassra ġew integrati mill-ġdid ipso jure fil-qrati rispettivi tagħhom, u dan sakemm jilħqu, konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali preċedentement fis-seħħ, l-età ta’ 70 sena, filwaqt li tneħħiet ukoll kull possibbiltà ta’ estensjoni, mill-President tar-Repubblika, tal-eżerċizzju tal-kariga tagħhom lil hinn mill-età normali tal-irtirar.

92

L-istess partijiet isostnu li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, u konformement ma’ dak li jipprevedi l-Artikolu 4 ta’ din l-istess liġi, li jordna l-għeluq ta’ kawżi bħal dawk prinċipali, dawn tal-aħħar ma għadx għandhom skop, b’tali mod li ma għadx hemm lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari.

93

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fit‑23 ta’ Jannar 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet lill-qorti tar-rinviju jekk, wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018, l-imsemmija qorti kinitx tqis li risposta għad-domandi preliminari tagħha kienet għadha meħtieġa sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjonijiet tagħha fil-kawżi li kellha quddiemha.

94

Fit-tweġiba tagħha tal‑25 ta’ Jannar 2019, il-qorti tar-rinviju wieġbet fl-affermattiv għal din il-mistoqsija, filwaqt li speċifikat li, permezz ta’ digrieti tat‑23 ta’ Jannar 2019, hija kienet issospendiet il-proċeduri dwar it-talbiet għal dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mressqa quddiemha mill-Prosekutur Ġenerali, fuq il-bażi tal-Artikolu 4(1) u (2) tal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018, sal-għoti tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kawżi ineżami.

95

F’din it-tweġiba, il-qorti tar-rinviju tesponi li risposta għad-domandi magħmula fl-imsemmija kawżi tibqa’ meħtieġa sabiex tkun tista’ ssolvi l-problemi preliminari ta’ natura proċedurali li għandha quddiemha qabel ma tkun tista’ tagħti s-sentenzi tagħha f’dawn il-kawżi.

96

Barra minn hekk, u fir-rigward tal-mertu tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tesponi wkoll li l-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018 ma kellhiex l-għan li tneħħi l-inkompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, iżda li tapplika l-miżuri provviżorji ordnati mill-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tagħha tad‑19 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑619/18 R, mhux ippubblikat, EU:C:2018:852), ikkonfermat bid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑619/18 R, EU:C:2018:1021). B’hekk, din il-liġi la ħassret ex tunc id-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi u lanqas ma ħassret l-effetti legali tagħhom. Filwaqt li l-imsemmija liġi tippretendi li tintegra mill-ġdid lill-imħallfin rikorrenti fil-kawżi prinċipali fil-karigi tagħhom wara li kienu rtiraw u tintroduċi finzjoni legali fis-sens li l-mandat tagħhom kien kompla mingħajr interruzzjoni bis-saħħa ta’ din l-integrazzjoni mill-ġdid, ir-rikorsi fil-kawżi prinċipali huma intiżi li jiġi stabbilit li l-imħallfin ikkonċernati qatt ma kienu rtiraw u kienu baqgħu jokkupaw kompletament il-kariga tagħhom matul dan il-perijodu kollu, u dan jista’ jirriżulta biss minn twarrib tar-regoli nazzjonali kkontestati bis-saħħa tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Issa, din id-distinzjoni hija essenzjali sabiex jiġi ddeterminat l-istatus tal-imħallfin ikkonċernati mill-perspettiva tal-kapaċità tagħhom li jieħdu miżuri ġudizzjarji, organizzattivi u amministrattivi, kif ukoll mill-perspettiva ta’ eventwali pretensjonijiet reċiproċi mas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fuq il-bażi tar-relazzjoni ta’ xogħol jekk mhux ukoll fuq il-bażi tar-responsabbiltà dixxiplinari. F’dan id-dawl, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont dikjarazzjonijiet ta’ rappreżentanti tal-poter politiku, l-imsemmija mħallfin eżerċitaw b’mod illegali l-funzjonijiet ġudizzjarji sal‑1 ta’ Jannar 2019, id-data li fiha daħlet fis-seħħ il-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018.

97

Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tagħti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu dwar l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

98

Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li, permezz tad-domandi preliminari li hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja u permezz tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li qiegħda titlob f’dawn il-kawżi, il-qorti tar-rinviju ma tixtieqx li tingħata kjarifika dwar il-mertu tat-tilwimiet li għandha quddiemha u li min-naħa tagħhom huma marbuta ma’ kwistjonijiet oħra li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, iżda tixtieq li tingħata kjarifika dwar problema ta’ natura proċedurali li għandha tiddeċiedi in limine litis, sa fejn tikkonċerna l-kompetenza stess ta’ din il-qorti li tieħu konjizzjoni tal-imsemmija tilwimiet.

100

F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tindika lill-qorti nazzjonali l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jikkontribwixxu sabiex tinstab soluzzjoni għal problema ta’ kompetenza li tqum quddiemha (sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 1998, IN. CO. GE.’90 et, C‑10/97 sa C‑22/97, EU:C:1998:498, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Universale‑Bau et, C‑470/99, EU:C:2002:746, punt 43). Dan ikun il-każ b’mod partikolari meta, bħal fil-kawżi ineżami, u kif jirriżulta mill-punti 79 sa 81 ta’ din is-sentenza, id-domandi magħmula jkunu jikkonċernaw il-kwistjoni ta’ jekk l-istanza nazzjonali normalment kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwima li fiha individwu jinvoka dritt li jislet mid-dritt tal-Unjoni tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta u mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78.

101

Fir-rigward tal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018, din ma tikkonċernax l-aspetti marbuta mal-kompetenza ġudizzjarja sabiex tittieħed konjizzjoni tal-kawżi prinċipali li l-qorti tar-rinviju hija b’hekk meħtieġa tiddeċiedi u li dwarhom hija talbet, fil-kawżi ineżami, interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

102

It-tieni nett, għandu jiġi speċifikat li l-fatt li dispożizzjonijiet nazzjonali bħalma huma l-Artikolu 4(1) u (2) tal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018 jordnaw l-għeluq ta’ tilwim bħat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali ma jistax, bħala prinċipju u fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li tordna tali għeluq jew li tiddikjara li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fil-kawżi prinċipali, iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonkludi li ma għadx hemm lok li tagħti deċiżjoni dwar id-domandi preliminari li għandha quddiemha.

103

Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-qrati nazzjonali għandhom l-iktar possibbiltà wiesgħa li jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, liema possibbiltà ssir obbligu fil-każ tal-qrati li jiddeċiedu fl-aħħar istanza, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet irrikonoxxuti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, regola tad-dritt nazzjonali ma tistax twaqqaf lil qorti nazzjonali milli tuża l-imsemmija possibbiltà jew milli tikkonforma ruħha ma’ dan l-obbligu, skont il-każ. Fil-fatt, kemm din il-possibbiltà u kemm dan l-obbligu huma inerenti għas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, u għall-funzjonijiet ta’ qorti responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija lill-qrati nazzjonali minn din id-dispożizzjoni (sentenza tal‑5 ta’ April 2016, PFE, C‑689/13, EU:C:2016:199, punti 3233 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

104

B’hekk, dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk imsemmija fil-punt 102 ta’ din is-sentenza ma jistgħux iwaqqfu lil awla ta’ qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, meta jkollha quddiemha kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, milli tippersisti bid-domandi preliminari li tkun għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

105

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward tal-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18, li jikkonċernaw il-kwistjoni ta’ jekk inżammitx jew le relazzjoni ta’ xogħol bħala mħallef f’servizz attiv bejn ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali u l-persuna li timpjegahom, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, esposti fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill-eżistenza ta’ tali relazzjoni ta’ xogħol, l-eventwali nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tilwimiet li għandha quddiemha l-imsemmija qorti ma jimmaterjalizzax ruħu b’mod manifest minħabba s-sempliċi fatt li daħal fis-seħħ l-Artikolu 2(1) tal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018.

106

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018 ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħtix deċiżjoni dwar it-tieni u t-tielet domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18.

107

Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-Kawża C‑585/18, għandu jitfakkar li r-rikors li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju huwa indirizzat kontra opinjoni tal-KRS mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura li setgħet eventwalment twassal għal deċiżjoni ta’ estensjoni tal-eżerċizzju tal-kariga ta’ mħallef tar-rikorrent fil-kawża prinċipali lil hinn mill-età tal-irtirar li kienet reċentement iffisata bħala l-età ta’ 65 sena.

108

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, mill-ispjegazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, mogħtija mill-qorti tar-rinviju, ma jirriżultax li dan ir-rikors jista’ jżomm l-iskop tiegħu u, b’mod partikolari, li tali opinjoni tista’ ma tkunx suġġetta għal dekadenza, b’tali mod li, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fil-frattemp, kemm id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu din l-età l-ġdida tal-irtirar u kemm dawk li jistabbilixxu l-proċedura għall-estensjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji li minnha kienet tagħmel parti l-ħtieġa ta’ tali opinjoni ġew imħassra, bil-konsegwenza li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jista’ jibqa’ fil-kariga tiegħu ta’ mħallef sal-età ta’ 70 sena, konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet imħassra b’dan il-mod.

109

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 69 u 70 ta’ din is-sentenza, ma għadx hemm lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar id-domandi magħmula fil-Kawża C‑585/18.

Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18

110

Il-Gvern Pollakk isostni li t-tieni u t-tielet domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18 huma inammissibbli. Fl-ewwel lok, dawn id-domandi ma għandhomx skop għaliex ma huwiex meħtieġ li jingħataw risposti għalihom sa fejn il-proċeduri pendenti quddiem l-Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali li għamlet ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari huma vvizzjati b’nullità, konformement mal-punt 4 tal-Artikolu 379 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, minħabba ksur tar-regoli dwar il-kompożizzjoni u dwar il-kompetenza tal-qrati. Fil-fatt, il-kulleġġ ġudikanti sedenti f’dawn il-kawżi fl-imsemmija awla huwa fformat minn tliet imħallfin, filwaqt li l-Artikolu 79 tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema jipprevedi li kawżi bħall-kawżi prinċipali għandhom jiġu deċiżi, fl-ewwel istanza, minn imħallef wieħed. Fit-tieni lok, risposti għall-imsemmija domandi ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jawtorizzaw lill-qorti tar-rinviju tieħu konjizzjoni ta’ kawżi li jaqgħu fil-kompetenza ta’ awla oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), mingħajr ma jkun hemm ksur tal-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri fil-qasam tal-organizzazzjoni ġudizzjarja u mingħajr ma tinqabeż il-kompetenza tal-Unjoni, u għalhekk dawn ir-risposti lanqas ma huma rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali.

111

Madankollu, l-elementi invokati f’dan is-sens, marbuta ma’ aspetti fil-mertu, bl-ebda mod ma huma ta’ natura li jaffettwaw l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula.

112

Fil-fatt, l-imsemmija domandi essenzjalment jikkonċernaw preċiżament il-kwistjoni ta’ jekk, minkejja r-regoli nazzjonali dwar it-tqassim tal-kompetenzi ġudizzjarji fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat, qorti bħalma hija l-qorti tar-rinviju hijiex obbligata, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija f’dawn id-domandi, twarrab l-imsemmija regoli nazzjonali u tassumi, jekk ikun il-każ, kompetenza ġudizzjarja fir-rigward tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali. Issa, sentenza li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-eżistenza ta’ tali obbligu tkun torbot lill-qorti tar-rinviju u lill-korpi l-oħra kollha tar-Repubblika tal-Polonja, u d-dispożizzjonijiet interni marbuta man-nullità tal-proċeduri jew mat-tqassim tal-kompetenzi ġudizzjarji, li għalihom jirreferi l-Gvern Pollakk, ma jistgħux jostakolaw dan.

113

Minn dan isegwi li l-oġġezzjonijiet magħmula mill-Gvern Pollakk fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-imsemmija domandi ma jistgħux jintlaqgħu.

Fuq l-eżami fil-mertu tat-tieni u tat-tielet domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18

114

Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 77 sa 81 ta’ din is-sentenza, f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fejn rikorrenti jallegaw ksur, fil-konfront tagħhom, tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-qasam tal-impjieg stabbilita permezz tad-Direttiva 2000/78, kemm l-Artikolu 47 tal-Karta li jiggarantixxi d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u kemm l-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva li jikkonferma dan id-dritt għal rimedju effettiv huma intiżi li japplikaw.

115

F’dan id-dawl, u konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, għalkemm huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jidentifika l-qrati kompetenti u li jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet individwali misluta mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom madankollu r-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-imsemmija drittijiet kif iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 1998, IN. CO. GE.’90 et, C‑10/97 sa C‑22/97, EU:C:1998:498, punt 14 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; tal‑15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punti 4445; kif ukoll tad‑19 ta’ Marzu 2015, E.ON Földgáz Trade, C‑510/13, EU:C:2015:189, punti 4950 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

116

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jispeċifika li, sa fejn din tal-aħħar fiha drittijiet li jikkorrispondu ma’ dawk iggarantiti mill-KEDB, is-sens u l-portata tagħhom għandhom ikunu l-istess bħal dawk li tagħtihom din il-konvenzjoni.

117

Issa, kif jirriżulta mill-Ispjegazzjonijiet marbuta mal-Artikolu 47 tal-Karta, li, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpetazzjoni tagħha, l-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ dan l-Artikolu 47 jikkorrispondu mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 13 tal-KEDB (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci, C‑205/15, EU:C:2016:499, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

118

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għalhekk, tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti lit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka, C‑38/18, EU:C:2019:628, punt 39).

119

Fir-rigward tal-kontenut ta’ dan it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv affermat f’din id-dispożizzjoni jimplika b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna għal smigħ ġust minn qorti indipendenti u imparzjali.

120

Dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti għall-funzjoni ta’ ġudikant, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali bħala garanzija tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni u tal-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmi rekwiżit ta’ indipendenza għandu żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeħtieġ li l-istanza kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ ħaddieħor u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, ikun xi jkun, sabiex b’hekk tkun protetta kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħha u li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 72).

122

It-tieni aspett, ta’ natura interna, huwa marbut mal-kunċett ta’ imparzjalità u huwa intiż li jiżgura distanza ugwali fil-konfront tal-partijiet fit-tilwima u tal-interessi rispettivi tagħhom fid-dawl tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett jirrikjedi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima għajr l-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 73).

123

Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, tal-ħatra, tat-tul tal-kariga kif ukoll tal-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ revoka tal-membri tagħha, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ l-individwi, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u fir-rigward tan-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi inkwistjoni (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 74).

124

Barra minn hekk, konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li huwa karatteristika tal-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, għandha tiġi ggarantita l-indipendenza tal-qrati fil-konfront tal-poter leġiżlattiv u tal-poter eżekuttiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 35).

125

F’dan id-dawl, huwa meħtieġ li l-imħallfin ikunu protetti kontra interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tagħhom. Ir-regoli msemmija fil-punt 123 ta’ din is-sentenza għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ struzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

126

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6(1) tal-KEDB li minnha joħroġ li din id-dispożizzjoni teżiġi li l-qrati jkunu indipendenti kemm mill-partijiet u kemm mill-eżekuttiv u mil-leġiżlatur (Qorti EDB, 18 ta’ Mejju 1999, Ninn-Hansen vs Id‑Danimarka, CE:ECHR:1999:0518DEC002897295, p. 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

127

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-istess qorti, sabiex jiġi stabbilit jekk qorti hijiex “indipendenti”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 6(1), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-mod tal-ħatra u t-tul tal-mandat tal-membri tagħha, l-eżistenza ta’ protezzjoni kontra l-pressjonijiet esterni u l-kwistjoni ta’ jekk il-korp ikkonċernat għandux dehra ta’ indipendenza (Qorti EDB, 6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs Il‑Portugall, CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata), filwaqt li huwa speċifikat, fir-rigward ta’ dan il-punt tal-aħħar, li din il-kwistjoni tikkonċerna l-fiduċja stess li kull qorti għandha tispira fl-individwi f’soċjetà demokratika (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 21 ta’ Ġunju 2011, Fruni vs Is‑Slovakkja, CE:ECHR:2011:0621JUD000801407, punt 141).

128

Fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ “imparzjalità”, fis-sens ta’ dan l-istess Artikolu 6(1), din tista’, skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tiġi evalwata b’diversi modi, jiġifieri, permezz ta’ approċċ suġġettiv, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konvinzjoni personali u l-aġir tal-imħallef, jiġifieri billi jiġi mfittex jekk dan weriex parzjalità jew preġudizzju personali fil-każ ineżami, kif ukoll permezz ta’ approċċ oġġettiv, li jinvolvi d-determinazzjoni ta’ jekk il-qorti offrietx, b’mod partikolari permezz tal-kompożizzjoni tagħha, garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar l-imparzjalità tagħha. Fir-rigward tal-evalwazzjoni oġġettiva, din tinvolvi analiżi ta’ jekk, irrispettivament mill-aġir personali tal-imħallef, ċerti fatti li jistgħu jiġu vverifikati jippermettux suspett dwar l-imparzjalità ta’ dan tal-aħħar. F’dan ir-rigward, anki l-apparenzi jistgħu jkunu importanti. Dan, għal darba oħra, huwa marbut mal-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fl-individwi, u fl-ewwel lok fil-partijiet fil-kawża (ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 6 ta’ Mejju 2003, Kleyn et vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2003:0506JUD003934398, punt 191 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs Il‑Portugall, CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punti 145, 147 u 149 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

129

Kif enfasizzat repetutament il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, dawn il-kunċetti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità oġġettiva huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin, u dan ġeneralment iwassal sabiex jiġu eżaminati flimkien (ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 6 ta’ Mejju 2003, Kleyn et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2003:0506JUD003934398, punt 192 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs Il-Portugall, CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ raġunijiet għal dubji dwar jekk dawn ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità oġġettiva kinux issodisfatti f’kawża partikolari, il-perspettiva ta’ parti għandha tittieħed inkunsiderazzjoni iżda ma għandhiex rwol deċiżiv. L-element determinanti huwa jekk it-tħassib inkwistjoni jistax jitqies li huwa oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 6 ta’ Mejju 2003, Kleyn et vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2003:0506JUD003934398, punti 193 u 194 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u 6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs Il‑Portugall, CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punti 147 u 152 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

130

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tenfasizza repetutament li, għalkemm it-tendenza fil-ġurisprudenza tagħha hija li tingħata dejjem iktar importanza lill-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poter eżekuttiv u tal-awtorità ġudizzjarja, la l-Artikolu 6 u lanqas xi dispożizzjoni oħra tal-KEDB ma jobbligaw lill-Istati jadottaw mudell kostituzzjonali partikolari li jirregola b’mod jew ieħor ir-relazzjonijiet u l-interazzjoni bejn id-diversi poteri tal-Istat, u lanqas ma jobbligaw lil dawn l-Istati jikkonformaw ruħhom ma’ kunċett kostituzzjonali teoretiku wieħed jew ieħor fir-rigward tal-limiti ammissibbli għal tali interazzjoni. Il-kwistjoni tibqa’ dejjem jekk, f’kawża partikolari, ġewx osservati r-rekwiżiti tal-KEDB (ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 6 ta’ Mejju 2003, Kleyn et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2003:0506JUD003934398, punt 193 u l-ġurisprudenza ċċitata; 9 ta’ Novembru 2006, Sacilor Lormines vs Franza, CE:ECHR:2006:1109JUD006541101, punt 59; kif ukoll 18 ta’ Ottubru 2018, Thiam vs Franza, CE:ECHR:2018:1018JUD008001812, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

131

F’dan il-każ, id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw essenzjalment il-kwistjoni ta’ jekk, fid-dawl tar-regoli nazzjonali dwar il-ħolqien ta’ istanza speċifika, bħalma hija l-Awla Dixxiplinari, u marbuta, b’mod partikolari, mal-kompetenzi mogħtija lil din l-istanza, mal-kompożizzjoni tagħha u mal-kundizzjonijiet li fihom u mal-modalitajiet li bihom inħatru l-imħallfin li għandhom jifformawha, kif ukoll mal-kuntest li fih inħolqot u li fih saru l-ħatriet, tali istanza u l-membri li jifformawha jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità li għandha tissodisfa qorti skont l-Artikolu 47 tal-Karta meta jkollha tiddeċiedi tilwima li fiha individwu jinvoka, bħal f’dan il-każ, ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-konfront tiegħu.

132

Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar dan il-punt wara li twettaq l-evalwazzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan. Għandu fil-fatt jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari iżda jawtorizzaha biss tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tista’, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita f’dan l-artikolu u fuq il-bażi tal-elementi fil-proċess, tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunulha utli fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133

F’dan id-dawl, u fir-rigward tal-kundizzjonijiet stess li fihom saru l-ħatriet tal-membri tal-Awla Dixxiplinari, għandu jiġi speċifikat qabel kollox li s-sempliċi fatt li dawn inħatru mill-President tar-Repubblika ma huwiex ta’ natura li joħloq dipendenza min-naħa ta’ dawn tal-aħħar fil-konfront tiegħu u lanqas ma huwa ta’ natura li joħloq dubji dwar l-imparzjalità tagħhom jekk, ladarba maħtura, il-persuni kkonċernati ma jkunu suġġetti għal ebda pressjoni u ma jirċevux istruzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, D. u A., C‑175/11, EU:C:2013:45, punt 99; kif ukoll Qorti EDB, 28 ta’ Ġunju 1984, Campbell u Fell vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1984:0628JUD000781977, punt 79; 2 ta’ Ġunju 2005, Zolotas vs Il‑Greċja, CE:ECHR:2005:0602JUD003824002, punti 24 u 25; 9 ta’ Novembru 2006, Sacilor Lormines vs Franza, CE:ECHR:2006:1109JUD006541101, punt 67; kif ukoll 18 ta’ Ottubru 2018, Thiam vs Franza, CE:ECHR:2018:1018JUD008001812, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134

Madankollu, jibqa’ meħtieġ li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ħatra jkunu tali li ma jkunux jistgħu joħolqu, f’moħħ l-individwi, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fir-rigward ta’ elementi esterni u fir-rigward tan-newtralità tagħhom fil-konfront tal-interessi li jkunu inkwistjoni, ladarba jinħatru l-imħallfin ikkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 111).

135

Għal dan il-għan, huwa meħtieġ b’mod partikolari li l-imsemmija kundizzjonijiet u modalitajiet ikunu mfassla b’mod li jissodisfaw ir-rekwiżiti mfakkra fil-punt 125 ta’ din is-sentenza.

136

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 30 tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema jistabbilixxi l-kundizzjonijiet kollha li persuna għandha tissodisfa sabiex tkun tista’ tinħatar membru ta’ din il-qorti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni u skont l-Artikolu 29 tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema, l-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari, bħall-imħallfin li jifformaw l-awli l-oħra tal-imsemmija qorti, jinħatru mill-President tar-Repubblika fuq proposta tal-KRS, jiġifieri l-korp mogħti l-funzjoni, mill-Artikolu 186 tal-Kostituzzjoni, ta’ gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin.

137

Issa, bħala prinċipju, l-intervent ta’ tali korp, fil-kuntest ta’ proċess ta’ ħatra ta’ mħallfin, jista’ ċertament ikun ta’ natura li jikkontribwixxi sabiex dan il-proċess ikun oġġettiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 115; ara wkoll, f’dan is-sens, Qorti EDB, 18 ta’ Ottubru 2018, Thiam vs Franza, CE:ECHR:2018:1018JUD008001812, punti 81 u 82). B’mod partikolari, il-fatt li l-possibbiltà stess tal-President tar-Repubblika li jaħtar imħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tkun suġġetta għall-eżistenza ta’ proposta f’dan is-sens min-naħa tal-KRS jista’ jiddefinixxi oġġettivament il-limiti tal-marġni ta’ manuvra tal-President tar-Repubblika fl-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija lilu b’dan il-mod.

138

Madankollu, dan ikun il-każ biss jekk, b’mod partikolari, l-imsemmi korp ikun huwa nnifsu suffiċjentement indipendenti mill-poter leġiżlattiv u mill-poter eżekuttiv u mill-awtorità li quddiemha jkun meħtieġ iressaq tali proposta ta’ ħatra (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 116).

139

Fil-fatt, il-livell ta’ indipendenza li jgawdi l-KRS fil-konfront tal-poter leġiżlattiv u tal-poter eżekuttiv fl-eżerċizzju tal-kompiti mogħtija lilu b’dan il-mod mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħala l-korp mogħti, mill-Artikolu 186 tal-Kostituzzjoni, il-funzjoni ta’ gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin, jista’ jkun rilevanti meta jkun qiegħed jiġi evalwat jekk l-imħallfin magħżula minnu humiex ser ikunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità li joħorġu mill-Artikolu 47 tal-Karta.

140

Hija l-qorti tar-rinviju li ser ikollha tivverifika jekk il-KRS joffrix jew le garanziji suffiċjenti ta’ indipendenza fil-konfront tal-poter leġiżlattiv u tal-poter eżekuttiv, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha kemm fattwali u kemm legali marbuta kemm mal-kundizzjonijiet li fihom kienu nħatru l-membri tal-imsemmi korp u kemm mal-mod kif dan effettivament jaqdi r-rwol tiegħu.

141

Il-qorti tar-rinviju ssemmi sensiela ta’ elementi li, fil-fehma tagħha, huma ta’ natura li jixħtu dubju fuq l-indipendenza tal-KRS.

142

F’dan id-dawl, għalkemm kull wieħed mill-elementi enfasizzati f’dan is-sens mill-imsemmija qorti jista’ ma jkunx is-suġġett ta’ kritika fih innifsu u jista’, f’dan il-każ, ikun kopert mill-kompetenza tal-Istati Membri u mill-għażla magħmula minnhom, meta kkunsidrati flimkien, dawn l-elementi, flimkien maċ-ċirkustanzi li fihom saru dawn l-għażliet, jistgħu, għall-kuntrarju, iwasslu għal dubju dwar l-indipendenza ta’ korp li għandu jipparteċipa fil-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallfin, minkejja li, f’sitwazzjoni fejn l-imsemmija elementi jitqiesu separatament, tali konklużjoni ma tkunx neċessarja.

143

Bla ħsara għal din ir-riżerva, fost l-elementi msemmija mill-qorti tar-rinviju, iċ-ċirkustanzi segwenti jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni globali: l-ewwel nett, il-fatt li l-KRS kif reċentement ifformat ġie stabbilit billi tqassar il-mandat ta’ erba’ snin li kien għadu għaddej tal-membri li sa dak iż-żmien kienu jifformaw din l-istanza; it-tieni nett, il-fatt li, filwaqt li l-ħmistax‑il membru tal-KRS eletti minn fost l-imħallfin kienu qabel jiġu eletti mill-membri tal-ġudikatura kollegi tagħhom, dawn issa jiġu eletti minn fergħa tal-poter leġiżlattiv minn fost kandidati li jistgħu jiġu ppreżentati b’mod partikolari minn gruppi ta’ elfejn ċittadin jew minn ħamsa u għoxrin imħallef, riforma din li wasslet għal ħatriet li bis-saħħa tagħhom in-numru ta’ membri tal-KRS magħżula direttament mill-poteri politiċi jew eletti minnhom laħaq tlieta u għoxrin membru mill-ħamsa u għoxrin membru li jifformaw dan il-korp; kif ukoll, it-tielet nett, l-eventwali eżistenza ta’ irregolaritajiet li setgħu vvizzjaw il-proċess ta’ ħatra ta’ ċerti membri tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu, liema irregolaritajiet issemmew mill-qorti tar-rinviju u għandhom, jekk ikun il-każ, jiġu vverifikati minnha.

144

Għall-finijiet tal-imsemmija evalwazzjoni globali, il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-mod li bih l-imsemmi korp iwettaq il-funzjoni kostituzzjonali tiegħu ta’ gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin u l-mod li bih jeżerċita d-diversi kompetenzi tiegħu, b’mod partikolari jekk jeżerċitahomx b’mod li jista’ jixħet dubju fuq l-indipendenza tiegħu fil-konfront tal-poter leġiżlattiv u tal-poter eżekuttiv.

145

Barra minn hekk, u fid-dawl tal-fatt li, kif jirriżulta mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, id-deċiżjonijiet tal-President tar-Repubblika li jaħtru mħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk il-mod li bih hija ddefinita, fl-Artikolu 44(1) u (1a) tal-Liġi dwar il-KRS, il-portata tal-appell li jista’ jiġi ppreżentat kontra riżoluzzjoni tal-KRS li tinkludi d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-preżentazzjoni ta’ proposta ta’ ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallef ta’ din il-qorti jippermettix li jiġi żgurat stħarriġ ġudizzjarju effettiv fil-konfront ta’ tali riżoluzzjonijiet, li jkopri, minn tal-inqas, il-verifika tal-assenza ta’ abbuż jew ta’ użu ħażin ta’ poter, ta’ żball ta’ liġi jew ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 18 ta’ Ottubru 2018, Thiam vs Franza, CE:ECHR:2018:1018JUD008001812, punti 25 u 81).

146

Irrispettivament minn dan l-eżami marbut mal-kundizzjonijiet li fihom b’hekk ġew maħtura l-imħallfin il-ġodda tal-Awla Dixxiplinari u mar-rwol li jeżerċita l-KRS f’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju, sabiex tivverifika jekk din l-istanza ġudizzjarja u l-membri li jifformawha jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità li joħorġu mill-Artikolu 47 tal-Karta, jista’ jkollha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll diversi elementi oħra li jikkaratterizzaw b’mod iktar dirett lill-imsemmija istanza.

147

Dan japplika, l-ewwel nett, għall-fatt enfasizzat mill-qorti tar-rinviju li tali istanza ngħatat speċifikament, bis-saħħa tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema, kompetenza esklużiva sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawżi fil-qasam tad-dritt industrijali u tad-dritt dwar is-sigurtà soċjali u fil-qasam tal-irtirar obbligatorju li jikkonċernaw lill-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li sa dak iż-żmien kienu jaqgħu fil-kompetenza tal-qrati ordinarji.

148

Għalkemm tali fatt ma huwiex determinanti bħala tali, għandu jitfakkar madankollu li, fir-rigward, b’mod partikolari, tat-tilwim marbut mal-irtirar obbligatorju tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) bħat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, l-assenjazzjoni ta’ dan it-tilwim lill-Awla Dixxiplinari saret b’mod parallel mal-adozzjoni, li kienet is-suġġett ta’ protesti qawwija, ta’ dispożizzjonijiet tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema li pprevedew tnaqqis fl-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u l-applikazzjoni ta’ din il-miżura għall-imħallfin ta’ din il-qorti fis-servizz, u li taw lill-President tar-Repubblika s-setgħa diskrezzjonali li jestendi l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji attivi mill-imħallfin tal-imsemmija qorti lil hinn mill-età tal-irtirar kif reċentement iffissata.

149

Issa, f’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, minħabba l-adozzjoni tal-imsemmija miżuri, ir-Repubblika tal-Polonja kienet ippreġudikat l-irremovabbiltà u l-indipendenza tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

150

It-tieni nett, f’tali kuntest għandu jiġi enfasizzat ukoll il-fatt, enfasizzat ukoll mill-qorti tar-rinviju, li, skont l-Artikolu 131 tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema, l-Awla Dixxiplinari għandha tiġi fformata biss minn imħallfin maħtura ġodda, bl-esklużjoni, għalhekk, tal-imħallfin li kienu diġà fis-servizz fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

151

It-tielet nett, għandu jiġi osservat li, għalkemm imwaqqfa bħala awla tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), l-Awla Dixxiplinari tidher li għandha, b’differenza mill-awli l-oħra li jifformaw din il-qorti, u kif joħroġ b’mod partikolari mill-Artikolu 20 tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema, livell ta’ awtonomija partikolarment kbir fi ħdan l-imsemmija qorti.

152

Għalkemm huwa minnu li kull wieħed minn dawn id-diversi fatti enfasizzati fil-punti 147 sa 151 ta’ din is-sentenza ma huwiex ta’ natura li, waħdu u meta kkunsidrat b’mod iżolat, iwassal sabiex titqiegħed f’dubju l-indipendenza ta’ istanza bħalma hija l-Awla Dixxiplinari, is-sitwazzjoni tista’, għall-kuntrarju, tkun differenti meta dawn il-fatti jitqiesu flimkien, u dan iktar u iktar jekk mill-eżami msemmi iktar ’il fuq fir-rigward tal-KRS jirriżulta li hemm nuqqas ta’ indipendenza min-naħa ta’ dan tal-aħħar fil-konfront tal-poter leġiżlattiv u tal-poter eżekuttiv.

153

B’hekk, il-qorti tar-rinviju ser ikollha tevalwa, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, ir-raġunijiet jew l-għanijiet speċifiċi li jistgħu jiġu allegati quddiemha bħala tentattiv ta’ ġustifikazzjoni għal uħud mill-miżuri kkonċernati, jekk il-kombinazzjoni tal-elementi msemmija fil-punti 143 sa 151 ta’ din is-sentenza u tal-fatti rilevanti l-oħra kollha li jkunu debitament stabbiliti u li ser jitressqu għall-għarfien tagħha hijiex ta’ natura li toħloq dubji leġittimi, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà tal-Awla Dixxiplinari fil-konfront ta’ elementi esterni, u, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti mill-poter leġiżlattiv u mill-poter eżekuttiv, u dwar in-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi li jkunu inkwistjoni u, għalhekk, jekk tistax twassal għal assenza ta’ dehra ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tal-imsemmija istanza li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fl-imsemmija individwi f’soċjetà demokratika.

154

Fl-eventwalità li l-imsemmija qorti tasal għall-konklużjoni li dan huwa l-każ, dan ikun ifisser li tali istanza ma tissodisfax ir-rekwiżiti li joħorġu mill-Artikolu 47 tal-Karta u mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78, għaliex ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

155

F’każ bħal dan, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jobbligahiex twarrab id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriżervaw il-kompetenza ġudizzjarja sabiex tittieħed konjizzjoni tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali lill-imsemmija istanza.

156

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni huwa kkaratterizzat mill-fatt li ħareġ minn sors awtonomu, ikkostitwit mit-Trattati, mis-supremazija tiegħu fil-konfront tad-drittijiet tal-Istati Membri kif ukoll mill-effett dirett ta’ sensiela sħiħa ta’ dispożizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini tagħhom u għall-Istati Membri stess. Dawn il-karatteristiċi essenzjali tad-dritt tal-Unjoni taw lok għal netwerk strutturat ta’ prinċipji, ta’ regoli u ta’ relazzjonijiet legali mutwalment interdipendenti li jorbtu, reċiprokament, lill-Unjoni stess u lill-Istati Membri tagħha kif ukoll lil dawn tal-aħħar bejniethom (Opinjoni 1/17 (Ftehim CETA UE-Kanada), tat‑30 ta’ April 2019, EU:C:2019:341, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

157

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-preeminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt tal-Istati Membri (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

158

Dan il-prinċipju, għalhekk, jobbliga lill-istanzi kollha tal-Istati Membri jagħtu l-effett sħiħ tagħhom lid-diversi normi tal-Unjoni, u d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut lil dawn id-diversi normi fit-territorju tal-imsemmija Stati (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

159

F’dan id-dawl, għandu b’mod partikolari jitfakkar li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt intern, li jipprovdi li l-qorti nazzjonali hija obbligata tagħti lid-dritt intern, sa fejn ikun possibbli, interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, huwa inerenti għas-sistema tat-Trattati, sa fejn jippermetti lill-qorti nazzjonali tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta tiddeċiedi t-tilwima li jkollha quddiemha (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

160

Huwa wkoll bis-saħħa tal-prinċipju ta’ supremazija li, fil-każ li jkun impossibbli għaliha li tagħti interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali li jkollha tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandha l-obbligu tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet billi jekk ikun meħtieġ tħalli mhux applikata, fuq il-bażi tal-awtorità tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk tkun ġiet adottata iktar tard, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni permezz tal-proċess leġiżlattiv jew ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

161

F’dan id-dawl, kull qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, għandha, bħala korp ta’ Stat Membru, b’mod iktar preċiż, l-obbligu li tħalli mhux applikata kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tkun kuntrarja għal dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett fit-tilwima li jkollha quddiemha (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162

Fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-imsemmija dispożizzjoni hija biżżejjed fiha nnifisha u ma teħtieġx li tiġi speċifikata permezz ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali sabiex tagħti lill-individwi dritt li jista’ jiġi invokat bħala tali (sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 78, u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 56).

163

Dan jgħodd ukoll għall-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78 sa fejn, kif tfakkar fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, billi tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna li tqis li kienet ippreġudikata min-nuqqas ta’ osservanza fil-konfront tagħha tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst f’din id-direttiva tista’ tinvoka d-drittijiet tagħha, l-imsemmija dispożizzjoni tikkonferma espliċitament id-dritt għal rimedju effettiv fil-qasam ikkunsidrat. Fil-fatt, meta jimplimentaw id-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri huma meħtieġa josservaw l-Artikolu 47 tal-Karta u għalhekk il-karatteristiċi tar-rimedju previst fl-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu ddeterminati konformement mal-imsemmi Artikolu 47 (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punti 5556).

164

Għaldaqstant, fil-każ previst fil-punt 160 ta’ din is-sentenza, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġudizzjarja li toħroġ, għall-individwi, mill-Artikolu 47 tal-Karta u mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78, u hija meħtieġa tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn l-artikoli billi jekk ikun meħtieġ tħalli mhux applikata kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 79).

165

Issa, dispożizzjoni nazzjonali li tikkonferixxi kompetenza esklużiva sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ tilwima li fiha individwu jallega, bħal f’dan il-każ, ksur tad-drittijiet li joħorġu minn regoli tad-dritt tal-Unjoni lil istanza partikolari li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità li joħorġu mill-Artikolu 47 tal-Karta ċċaħħad lill-individwu kkonċernat minn kull rimedju effettiv, fis-sens ta’ dan l-artikolu u tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78, u tonqos milli tosserva l-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 72).

166

Minn dan isegwi li, meta jidher li dispożizzjoni nazzjonali tirriżerva l-kompetenza sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ tilwima bħat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali lil istanza li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, mill-Artikolu 47 tal-Karta, istanza oħra adita b’tali tilwima hija obbligata, sabiex tiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 47, u konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, tħalli mhux applikata din id-dispożizzjoni nazzjonali, b’tali mod li din it-tilwima tkun tista’ tinqata’ minn qorti li tissodisfa dawn l-istess rekwiżiti u li kien ikollha kompetenza fil-qasam ikkonċernat li kieku l-imsemmija dispożizzjoni ma kinitx tostakola dan, jiġifieri, bħala regola ġenerali, il-qorti li kienet kompetenti, konformement mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, qabel saret l-emenda leġiżlattiva li attribwixxiet din il-kompetenza lill-istanza li ma tissodisfax l-imsemmija rekwiżiti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria, C‑462/99, EU:C:2003:297, punt 42, kif ukoll tat‑2 ta’ Ġunju 2005, Koppensteiner, C‑15/04, EU:C:2005:345, punti 32 sa 39).

167

Fir-rigward, barra minn hekk, tal-Artikoli 2 u 19 TUE, dispożizzjonijiet li huma wkoll is-suġġett tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li l-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt iddikjarat fl-Artikolu 2 TUE, jagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja r-responsabbiltà li jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-individwi għandhom taħt dan id-dritt (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

168

Issa, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni, li għalih jirreferi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li attwalment jinsab affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta, b’tali mod li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tobbliga lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu r-rimedji legali neċessarji sabiex tiġi żgurata, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens b’mod partikolari tat-tieni waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punti 4954 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

169

F’dawn iċ-ċirkustanzi, eżami separat tal-Artikolu 2 TUE u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jista’ biss jikkorrobora l-konklużjoni diġà magħmula fil-punti 153 u 154 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx li huwa meħtieġ għall-finijiet li tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju u għas-soluzzjoni tat-tilwimiet li għandha quddiemha.

170

Fl-aħħar nett, f’dan il-każ lanqas ma hemm lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta l-Artikolu 267 TFUE, li jissemma wkoll mill-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha. Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-fatt ma pprovdiet ebda spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet għaliex interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu tista’ tkun rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni għall-kwistjonijiet li hija meħtieġa tiddeċiedi fit-tilwimiet fil-kawżi prinċipali. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, jidher li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78 magħmula fil-punti 114 sa 154 ta’ din is-sentenza hija suffiċjenti sabiex tingħata risposta ta’ natura li tipprovdi kjarifika lill-imsemmija qorti fil-perspettiva tad-deċiżjonijiet li hija għandha tieħu fl-imsemmija tilwimiet.

171

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tieni u t-tielet domanda magħmula fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18 għandhom jingħataw ir-risposta segwenti:

L-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li tilwim dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkun jista’ jaqa’ fil-kompetenza esklużiva ta’ istanza li ma tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet. Dan ikun il-każ meta l-kundizzjonijiet oġġettivi li fihom inħolqot l-istanza kkonċernata u l-karatteristiċi tagħha kif ukoll il-mod kif inħatru l-membri tagħha jkunu ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti mill-poter leġiżlattiv u mill-poter eżekuttiv, u dwar in-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi li jkunu inkwistjoni u, b’hekk, jistgħu jwasslu għal assenza ta’ dehra ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tal-imsemmija istanza li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fl-imsemmija individwi f’soċjetà demokratika. Il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk dan huwiex il-każ fir-rigward ta’ istanza bħalma hija l-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

Jekk dan ikun il-każ, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti tar-rinviju tħalli mhux applikata d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tirriżerva l-kompetenza sabiex tittieħed konjizzjoni tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali lill-imsemmija istanza, b’tali mod li dawn it-tilwimiet ikunu jistgħu jiġu eżaminati minn qorti li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità msemmija iktar ’il fuq u li kienet tkun kompetenti fil-qasam ikkonċernat li kieku l-imsemmija dispożizzjoni ma kinitx tostakola dan.

Fuq l-ispejjeż

172

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ma għadx hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych (l-Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) fil-Kawża C‑585/18, u lanqas għall-ewwel domanda magħmula mill-istess qorti fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18.

 

2)

It-tieni u t-tielet domanda magħmula mill-imsemmija qorti fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18 għandhom jingħataw ir-risposta segwenti:

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li tilwim dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkun jista’ jaqa’ fil-kompetenza esklużiva ta’ istanza li ma tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet. Dan ikun il-każ meta l-kundizzjonijiet oġġettivi li fihom inħolqot l-istanza kkonċernata u l-karatteristiċi tagħha kif ukoll il-mod kif inħatru l-membri tagħha jkunu ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti mill-poter leġiżlattiv u mill-poter eżekuttiv, u dwar in-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi li jkunu inkwistjoni u, b’hekk, jistgħu jwasslu għal assenza ta’ dehra ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tal-imsemmija istanza li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fl-imsemmija individwi f’soċjetà demokratika. Il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk dan huwiex il-każ fir-rigward ta’ istanza bħalma hija l-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

Jekk dan ikun il-każ, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti tar-rinviju tħalli mhux applikata d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tirriżerva l-kompetenza sabiex tittieħed konjizzjoni tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali lill-imsemmija istanza, b’tali mod li dawn it-tilwimiet ikunu jistgħu jiġu eżaminati minn qorti li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità msemmija iktar ’il fuq u li kienet tkun kompetenti fil-qasam ikkonċernat li kieku l-imsemmija dispożizzjoni ma kinitx tostakola dan.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.