SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

12 ta’ Marzu 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kuntratt ta’ servizz – Punt 6 tal-Artikolu 2 – Kuntratt li jirrigwarda servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri – Artikolu 3(3)(k) – Kards li jagħtu d-dritt li wieħed jibbenefika minn tnaqqis fil-prezzijiet meta sussegwentement jiġu konklużi kuntratti ta’ trasport ta’ passiġġieri – Bejgħ online ta’ tali kards mingħajr informazzjoni lill-konsumatur dwar id-dritt ta’ rtirar”

Fil-Kawża C‑583/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Settembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Settembru 2018, fil-proċedura

Verbraucherzentrale Berlin eV

vs

DB Vertrieb GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn D. Šváby, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, K. Jürimäe u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Ottubru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Verbraucherzentrale Berlin eV, minn J. Hennig u J. Christ, Rechtsanwälte,

għal DB Vertrieb GmbH, minn B. Bräutigam, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u S. Šindelková, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u C. Valero, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpetazzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3(3)(k) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Verbraucherzentrale Berlin eV u DB Vertrieb GmbH dwar il-kundizzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni online ta’ kard li tagħti lid-detentur tagħha d-dritt li jibbenefika minn tnaqqis fil-prezzijiet meta sussegwentement jixtri biljetti tat-trasport ta’ passiġġieri.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 27 u 49 tad-Direttiva 2011/83 jipprovdu:

“(27)

Is-servizzi ta’ trasport ikopru t-trasport ta’ passiġġieri u tal-oġġetti. It-trasport ta’ passiġġieri għandhu ikun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva billi diġà huwa suġġett għal leġislazzjoni oħra tal-Unjoni, jew fil-każ tat-trasport pubbliku jew tat-taxis, għal regolamentazzjoni f’livell nazzjonali. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jipproteġu lill-konsumaturi kontra tariffi eċċessivi għall-użu ta’ mezzi ta’ pagament jew kontra spejjeż moħbija għandhom japplikaw anki għall-kuntratti ta’ trasport ta’ passiġġieri. Fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti jew kiri ta’ karozzi li huma servizzi, il-konsumaturi għandhom jibbenefikaw mill-protezzjoni mogħtija minn din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta’ reċess.

[…]

(49)

Għandhom jeżistu ċerti eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ reċess, kemm għall-kuntratt mill-bogħof [mill-bogħod] kif ukoll għal dawklil hinn mill-post tan-negozju. […] L-għoti ta’ dritt ta’ reċess lill-konsumatur jista’ ukoll ma jkunx xieraq fil-każ ta’ ċerti servizzi li għalihom il-konklużjoni tal-kuntratt timplika li tiġi riservata kapaċità li għaliha l-kummerċjant jista’ jsibha diffiċli jsib sostituzzjoni, kieku kellu jiġi eżerċitat id-dritt ta’ reċess. […]”

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa, permezz tal-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li tikkontribwixxi għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi tagħmel approssimazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti konklużi bejn konsumaturi u kummerċjanti.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(5)

‘kuntratt ta’ bejgħ’ tfisser kwalunkwe kuntratt li permezz tiegħu l-kummerċjant jittrasferixxi jew jimpenja ruħu li jittrasferixxi l-proprjetà ta’ oġġetti lil konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz ta’ dan, inkluż kwalunkwe kuntratt li għandu bħala l-oġġett tiegħu kemm l-oġġetti kif ukoll is-servizzi;

(6)

‘kuntratt ta’ servizz’ tfisser kwalunkwe kuntratt li mhuwiex kuntratt ta’ bejgħ li abbażi tiegħu l-kummerċjant iforni jew jimpenja ruħu li jforni servizz lill-konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz ta’ dan;

(7)

‘kuntratt mill-bogħod’ tfisser kwalunkwe kuntratt konkluż bejn il-kummerċjant u il-konsumatur fil-qafas ta’ skema ta’ bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta’ forniment ta’ servizzi, mingħajr il-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, bl-użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar tal-komunikazzjoni mill-bogħod, sal-konklużjoni tal-kuntratt, inkluża l-konklużjoni tal-kuntratt stess;

[…]”

6

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/83 jistabbilixxi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika, skont il-kundizzjonijiet u sal-punt stipulati fid-dispożizzjonijiet tagħha, għal kwalunkwe kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur. […]

[…]

3.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti:

[…]

(k)

li jirrigwardaw servizzi tat-trasport ta’ passeġġieri, għajr għall-Artikolu 8(2) u l-Artikoli 19 u 22;

[…]”

7

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju”, jipprevedi:

“1.   Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’ kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli:

[…]

(h)

f’każ li jeżisti dritt ta’ reċess, il-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ tali dritt skont l-Artikolu 11(1), kif ukoll il-formola standard ta’ reċess stabbilita fl-Anness I(B);

[…]”

8

Skont l-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva:

“Ħlief fejn japplikaw l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 16, il-konsumatur għandu jkollu perjodu ta’ 14‑il jum biex jirreċedi minn kuntratt mill-bogħod jewlil hinn mill-post tan-negozju, mingħajr ma jagħti raġuni, u mingħajr ma jġarrab spejjeż differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14.”

Id-dritt Ġermaniż

9

L-Artikoli 312 et seq. tal-Bürgerliches Gesetzbuch (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”) huma intiżi sabiex jittrasponu d-Direttiva 2011/83 fid-dritt Ġermaniż.

10

Skont l-Artikolu 312 tal-Kodiċi Ċivili:

“(1)   Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli 1 u 2 ta’ dan is-sottotitolu huma applikabbli biss għall-kuntratti ta’ konsum […] li jirrigwardaw servizz bi ħlas ipprovdut mill-kummerċjant.

(2)   Fost id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli 1 u 2 ta’ dan is-sottotitolu, huma biss il-paragrafi 1, 3, 4 u 6 tal-Artikolu 312a li huma applikabbli għall-kuntratti li ġejjin:

[…]

5.

Kuntratti li jirrigwardaw servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri”.

11

L-Artikolu 312d tal-Kodiċi Ċivili, b’riferiment għall-Artikolu 246a tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch (il-Liġi Introduttorja għall-Kodiċi Ċivili), jipprovdi li l-kummerċjant huwa obbligat, fil-każ ta’ kuntratt mill-bogħod, inter alia, li jinforma lill-konsumatur, qabel ma dan iwettaq l-impenn kuntrattwali tiegħu, dwar id-dritt ta’ rtirar u li jqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu l-formola standard ta’ rtirar.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

DB Vertrieb, li tagħmel parti mill-grupp Deutsche Bahn AG, tikkummerċjalizza, bħala intermedjarja ta’ DB Fernverkehr AG, il-kards “BahnCard 25” u “BahnCard 50”. Dawn jippermettu lid-detenturi tagħhom jiksbu tnaqqis, ta’ 25 % jew ta’ 50 %, fuq il-prezz tal-biljetti tal-ferrovija ta’ DB Fernverkehr. Il-“BahnCard 25” tista’ tiġi ordnata online. Ma tingħata l-ebda informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar tal-konsumatur fuq is-sit internet ta’ DB Vertrieb.

13

Verbraucherzentrale Berlin, assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-konsumaturi, ippreżentat rikors intiż sabiex DB Vertrieb tiġi ordnata tieqaf, fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali tagħha, milli toffri l-imsemmija kard ta’ tnaqqis fuq is-sit internet tagħha, mingħajr ma tipprovdi, qabel l-impenn kuntrattwali tal-konsumatur, l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar li dan tal-aħħar għandu kif ukoll formola standard ta’ rtirar korrispondenti.

14

Permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2017, il-qorti adita fl-ewwel istanza ċaħdet dan ir-rikors. Hija qieset li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi “kuntratt li jirrigwarda servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri”, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 312(2) tal-Kodiċi Ċivili, li jittrasponi l-Artikolu 3(3)(k) tad-Direttiva 2011/83. Bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-imsemmi kuntratt huwa parzjalment eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kummerċjant ma huwiex obbligat jinforma lill-konsumatur dwar id-dritt ta’ rtirar. Din il-qorti rrilevat li l-provvista ta’ servizz ta’ trasport lil passiġġier timplika l-eżistenza ta’ relazzjoni sinallagmatika mal-prezz imħallas inkambju għal dan is-servizz, peress li l-kard ta’ tnaqqis tagħti lid-detentur tagħha d-dritt li jikseb is-servizz ikkonċernat bi prezz imnaqqas.

15

Adita b’din it-tilwima fl-appell, il-qorti tar-rinviju, l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), tindika, qabelxejn, li, fil-fehma tagħha, il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83, sa fejn jikkostitwixxi “kuntratt ta’ servizz”, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din tal-aħħar. Hi u tirreferi għall-Artikolu 57(1) TFUE, il-qorti tar-rinviju tqis li huma koperti wkoll mill-imsemmija direttiva, fid-dawl tal-formulazzjoni u tal-iskop tagħha, is-servizzi pprovduti lill-konsumatur fil-forma ta’ impenn jew ta’ dritt, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jippermetti lill-konsumatur jixtri sussegwentement biljetti tat-trasport ta’ passiġġieri bi prezz imnaqqas.

16

Dik il-qorti tfakkar, sussegwentement, li l-Artikolu 3(3)(k) tad-Direttiva 2011/83 jeskludi parzjalment il-kuntratti li jirrigwardaw servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, minħabba li, kif issemmi l-premessa 27 tagħha, dawn il-kuntratti huma rregolati minn atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni jew minn leġiżlazzjoni nazzjonali.

17

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li, għalkemm il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jirrigwardax direttament servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri, iżda jikkostitwixxi “kuntratt qafas” li jippermetti lill-konsumatur jibbenefika minn tnaqqis fil-prezz meta sussegwentement jiġu konklużi kuntratti ta’ trasport ta’ passiġġieri, dan madankollu jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntratti li jirrigwardaw servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri”, fis-sens tal-Artikolu 3(3)(k) tad-Direttiva 2011/83. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2005, easyCar (C‑336/03, iktar ’il quddiem is-sentenza easyCar, EU:C:2005:150), interpretat b’mod wiesa’ l-kunċett ta’ “kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi […] ta’ trasport”, li jinsab fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319), imħassra bid-Direttiva 2011/83.

18

Il-qorti tar-rinviju tammetti li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83, sa fejn jirreferi għall-kunċett ta’ “kuntratti li jirrigwardaw servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri”, huwa iktar limitat. Madankollu, xejn ma jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(3)(k) ta’ din id-direttiva, fid-dawl ta’ dak tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 97/7, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza easyCar.

19

Il-qorti tar-rinviju tqis, fl-aħħar nett, li l-fatt li l-kundizzjonijiet dwar il-kard ta’ tnaqqis inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinsabu fil-lista tat-tariffi u huma suġġetti, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(2) tal-Allgemeines Eisenbahngesetz (il-Liġi Ġenerali dwar il-Linji Ferrovjarji), għall-kontroll tal-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti bħala parti integrali mill-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport, jikkonferma l-esklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83, konformement mal-Artikolu 3(3)(k) tagħha. Dan it-tip ta’ kuntratt huwa għalhekk irregolat mid-dritt nazzjonali. Issa, skont il-premessa 27 tad-Direttiva 2011/83, it-trasport ta’ passiġġieri għandu jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, sa fejn dan huwa diġà rregolat, fil-każ tat-trasport pubbliku, minn leġiżlazzjoni nazzjonali.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2011/83] għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi wkoll il-kuntratti li permezz tagħhom il-kummerċjant ma jkunx direttament marbut li jipprovdi servizz, iżda li jagħtu lill-konsumatur id-dritt li jikseb tnaqqis fil-prezz għal servizzi li huwa jitlob fil-futur?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

2)

L-eżenzjoni ta’ ‘kuntratti ta’ servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri’ prevista fl-Artikolu 3(3)(k) tad-Direttiva [2011/83] għandha tiġi interpretata fis-sens li din tapplika wkoll għas-sitwazzjonijiet li fihom il-konsumatur ma jiksibx direttament servizz ta’ trasport bħala korrispettiv, iżda d-dritt li jikseb tnaqqis fil-prezz fuq kuntratti tat-trasport li huwa jikkonkludi fil-futur?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kuntratt ta’ servizz” jinkludi l-kuntratti intiżi sabiex il-konsumatur jibbenefika minn tnaqqis fil-prezz meta sussegwentement jiġu konklużi kuntratti ta’ trasport ta’ passiġġieri.

22

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “kuntratt ta’ servizz”, imsemmi fil-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, huwa ddefinit b’mod wiesa’ bħala li jikkorrispondi għal “kwalunkwe kuntratt li mhuwiex kuntratt ta’ bejgħ li abbażi tiegħu l-kummerċjant iforni jew jimpenja ruħu li jforni servizz lill-konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz ta’ dan”. Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li dan il-kunċett għandu jinftiehem fis-sens li jinkludi l-kuntratti kollha li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ bejgħ”.

23

Il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandu l-għan li l-konsumatur jibbenefika minn tnaqqis fil-prezz fil-mument tal-akkwist sussegwenti ta’ biljett tat-trasport, ma jirrigwardax it-trasferiment tal-proprjetà ta’ oġġetti, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83. Għaldaqstant, huwa jaqa’, awtomatikament, taħt il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ servizz”, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

24

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kuntratt ta’ servizz” jinkludi l-kuntratti intiżi sabiex il-konsumatur jibbenefika minn tnaqqis fil-prezz meta sussegwentement jiġu konklużi kuntratti ta’ trasport ta’ passiġġieri.

Fuq it-tieni domanda

25

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3)(k) tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratt intiż sabiex il-konsumatur jibbenefika minn tnaqqis fil-prezz meta sussegwentement jiġu konklużi kuntratti ta’ trasport ta’ passiġġieri jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntratt li jirrigwarda servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri”.

26

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 3(3)(k) tad-Direttiva 2011/83, din tal-aħħar tapplika biss parzjalment għal kuntratti li jirrigwardaw servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri, b’tali mod li l-konsumaturi, li huma partijiet f’dawn il-kuntratti, ma jkollhomx, b’mod partikolari, dritt ta’ rtirar.

27

Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li meta l-kliem li għandu jiġi interpretat jinsab f’dispożizzjoni li tikkostitwixxi deroga minn prinċipju jew, b’mod iktar speċifiku, minn regoli tad-dritt tal-Unjoni intiżi sabiex jipproteġu lill-konsumaturi, dan għandu jiġi interpretat b’mod strett (sentenza easyCar, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Għaldaqstant, l-Artikolu 3(3)(k) tad-Direttiva 2011/83, sa fejn jeskludi parzjalment mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-kuntratti li jirrigwardaw servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri, għandu jiġi interpretat b’mod strett.

29

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi […] ta’ trasport”, imsemmi fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 97/7, huwa usa’ mill-kunċett ta’ “kuntratti ta’ trasport”, użat ta’ spiss fis-sistemi legali tal-Istati Membri. Fil-fatt, filwaqt li dan l-aħħar kunċett jirrigwarda biss it-trasport ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija mwettaq mit-trasportatur, il-kunċett ta’ “kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi […] ta’ trasport” jista’ jirrigwarda l-kuntratti kollha li jirregolaw servizzi fil-qasam tat-trasport, inklużi dawk li jinvolvu attività li ma tinkludix, fiha nnifisha, it-trasport tal-klijent jew tal-merkanzija tiegħu, iżda li hija intiża sabiex tippermetti lil dan tal-aħħar iwettaq dan it-trasport (ara, f’dan is-sens, is-sentenza easyCar, punt 23).

30

F’dan il-kuntest, ġie meqjus li, għalkemm is-servizz ipprovdut b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ kiri ta’ vettura ma jikkonsistix fl-azzjoni ta’ ġarr ta’ persuni minn post għal ieħor, dan madankollu għandu l-għan li jqiegħed mezz ta’ trasport għad-dispożizzjoni tal-konsumatur. Minn dan isegwi li tali kuntratt jippermetti t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ mezz ta’ trasport ta’ passiġġieri u jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi […] ta’ trasport” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza easyCar, punti 26 u 27).

31

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 97/7 hija konformi mal-għan li għandu jintlaħaq minn din tal-aħħar, jiġifieri li tiġi stabbilita protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi li jużaw mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, iżda wkoll protezzjoni tal-interessi tal-fornituri ta’ ċerti servizzi, sabiex dawn ma jsofrux inkonvenjenzi sproporzjonati marbuta mal-kanċellazzjoni, bla ħlas u bla spjegazzjoni, ta’ servizz li jkun involva bbukkjar minn qabel, bħala konsegwenza ta’ rtirar tal-konsumatur ftit żmien qabel id-data prevista għall-provvista ta’ dan is-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza easyCar, punt 28).

32

Sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3)(k) tad-Direttiva 2011/83 jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti għal dawk tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 97/7, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lil dawn l-aħħar dispożizzjonijiet tapplika wkoll għal tal-ewwel (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking, C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 31, u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Darie, C‑592/18, EU:C:2019:1140, punt 29).

33

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “kuntratt li jirrigwarda servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri”, imsemmi fl-Artikolu 3(3)(k) tad-Direttiva 2011/83, ma jinkludix il-kuntratt intiż sabiex il-konsumatur jibbenefika minn tnaqqis fil-prezz meta sussegwentement jiġu konklużi kuntratti ta’ trasport ta’ passiġġieri.

34

Fil-fatt, l-ewwel nett, kuntrarjament għall-kuntratt ta’ kiri ta’ vettura inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza easyCar, kuntratt li l-uniku għan tiegħu huwa li l-konsumatur jibbenefika minn prezz imnaqqas meta sussegwentement jiġu konklużi kuntratti li jirrigwardaw akkwist ta’ biljetti tat-trasport ma huwiex intiż direttament, bħala tali, sabiex jippermetti t-twettiq ta’ trasport ta’ passiġġieri.

35

It-tieni nett, hekk kif irrilevaw il-partijiet ikkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura, kuntratt intiż sabiex il-konsumatur jibbenefika minn tnaqqis fil-prezz meta sussegwentement jiġu konklużi kuntratti ta’ trasport ta’ passiġġieri u kuntratt li jirrigwarda akkwist ta’ biljett tat-trasport ta’ passiġġieri jikkostitwixxu żewġ kuntratti legalment distinti minn xulxin, b’tali mod li l-ewwel wieħed ma jistax jitqies li huwa kuntratt marbut b’mod indissoċjabbli mat-tieni wieħed. Fil-fatt, l-akkwist ta’ kard li tippermetti lid-detentur tagħha jibbenefika minn tnaqqis fil-prezz meta jixtri biljetti tat-trasport ma jinvolvix neċessarjament il-konklużjoni sussegwenti ta’ kuntratt li fih innifsu huwa intiż għat-trasport ta’ passiġġieri.

36

It-tielet nett, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea, l-eżistenza ta’ dritt ta’ rtirar, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/83, wara l-akkwist ta’ kard li tippermetti l-benefiċċju ta’ tnaqqis fil-prezz max-xiri sussegwenti ta’ biljetti tat-trasport ta’ passiġġieri ma tinvolvix, għall-impriża inkarigata bit-trasport tal-passiġġieri, inkonvenjenzi sproporzjonati simili għal dawk marbuta mal-eżerċizzju ta’ dritt ta’ rtirar fil-kuntest ta’ kuntratt li jirrigwarda l-kiri ta’ vettura, kif identifikati fis-sentenza easyCar.

37

Fil-fatt, meta l-ebda biljett tat-trasport ma jkun inxtara bi prezz imnaqqas, il-konsumatur, f’każ ta’ rtirar mill-kuntratt, jirċievi s-somma mħallsa, li tikkorrispondi għall-prezz ta’ din il-kard u jitlef id-dritt li jibbenefika minn prezz imnaqqas meta sussegwentement jixtri biljetti tat-trasport ta’ passiġġieri. Barra minn hekk, jekk biljett tat-trasport bi prezz imnaqqas ikun inxtara matul it-terminu ta’ rtirar, mill-osservazzjonijiet magħmula matul il-fażi orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jkun possibbli li l-konsumatur jiġi obbligat iħallas id-differenza bejn il-prezz tal-biljett tat-trasport li jikkorrispondi għat-tariffa mnaqqsa, li tirriżulta mill-użu tal-kard ta’ tnaqqis, u l-prezz ta’ dan il-biljett tat-trasport li jikkorrispondi għat-tariffa sħiħa.

38

Minn dan isegwi li kuntratt intiż sabiex il-konsumatur jibbenefika minn tnaqqis fil-prezz meta sussegwentement jiġu konklużi kuntratti ta’ trasport ta’ passiġġieri ma jaqax taħt l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar imsemmija fil-premessa 49 tad-Direttiva 2011/83 u li tikkonċerna “ċerti servizzi li għalihom il-konklużjoni tal-kuntratt timplika li tiġi riservata kapaċità li għaliha l-kummerċjant jista’ jsibha diffiċli jsib sostituzzjoni, kieku kellu jiġi eżerċitat id-dritt ta’ reċess”.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 3(3)(k) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt intiż sabiex il-konsumatur jibbenefika minn tnaqqis fil-prezz, meta sussegwentement jiġu konklużi kuntratti ta’ trasport ta’ passiġġieri, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “kuntratt li jirrigwarda servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri” u, konsegwentement, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, inklużi d-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-dritt ta’ rtirar.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kuntratt ta’ servizz” jinkludi l-kuntratti intiżi sabiex il-konsumatur jibbenefika minn tnaqqis fil-prezz meta sussegwentement jiġu konklużi kuntratti ta’ trasport ta’ passiġġieri.

 

2)

L-Artikolu 3(3)(k) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt intiż sabiex il-konsumatur jibbenefika minn tnaqqis fil-prezz, meta sussegwentement jiġu konklużi kuntratti ta’ trasport ta’ passiġġieri, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “kuntratt li jirrigwarda servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri” u, konsegwentement, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, inklużi d-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-dritt ta’ rtirar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż.