Kawża C-581/18

RB

vs

TÜV Rheinland LGA Products GmbH
u
Allianz IARD S.A

(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mill-Oberlandesgericht Frankfurt am Main)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑11 ta’ Ġunju 2020

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji ġenerali – Artikolu 18 TFUE – Nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità – Applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni – Proteżijiet tas-sider difettużi – Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili minħabba l-produzzjoni ta’ mezzi mediċi – Kuntratt ta’ assigurazzjoni li jipprevedi limitazzjoni ġeografika tal-kopertura tal-assigurazzjoni”

  1. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ugwaljanza fit-trattament – Diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità – Projbizzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Kundizzjonijiet

    (Artikolu 18 TFUE)

    (ara l-punti 31 sa 33)

  2. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ugwaljanza fit-trattament – Diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità – Projbizzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili minħabba l-produzzjoni ta’ mezzi mediċi – Klawżola li tillimita l-kopertura ta’ assigurazzjoni għal danni li jseħħu fi Stat Membru wieħed – Sitwazzjoni li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Esklużjoni

    (Artikolu 18 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/103; Direttivi tal-Kunsill 85/374 u 93/42, premessa 3)

    (ara l-punti 36 sa 38, 41, 44, 45, 58, 60, u d-dispożittiv)

  3. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ugwaljanza fit-trattament – Diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità – Projbizzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Sitwazzjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Portata – Eżerċizzju ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali previsti mit-Trattat FUE – Eżistenza ta’ rabta konkreta bejn il-persuna, is-servizz jew il-merkanzija li ċċaqilqet u l-allegata diskriminazzjoni

    (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE)

    (ara l-punti 45, 46)

  4. Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta’ applikazzjoni – Kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż bejn żewġ kumpanniji stabbiliti fl-istess Stat Membru – Esklużjoni – Parti terza għall-kuntratt residenti fi Stat Membru ieħor – Assenza ta’ effett

    (Artikolu 56 TFUE)

    (ara l-punti 51 sa 53)

Sunt

Il-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi kkontestata klawżola, li tinsab f’kuntratt konkluż bejn manifattur ta’ mezzi mediċi u kumpannija ta’ assigurazzjoni, li tillimita territorjalment il-kopertura ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili

Fis-sentenza TÜV Rheinland LGA Products u Allianz IARD (C‑581/18), mogħtija fil‑11 ta’ Ġunju 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-Awla Manja, iddeċidiet li l-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni ( 1 ) minħabba n-nazzjonalità ma tapplikax għal klawżola, prevista f’kuntratt konkluż bejn kumpannija ta’ assigurazzjoni u manifattur ta’ mezzi mediċi, li tillimita l-portata ġeografika tal-kopertura ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili minħabba dawn il-mezzi għad-danni li seħħew fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, peress li tali sitwazzjoni ma taqax, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

Proteżijiet tas-sider prodotti minn Poly Implant Prothèses SA (iktar ’il quddiem “PIP”), kumpannija stabbilita fi Franza, tqiegħdu fl‑2006 f’ċittadina Ġermaniża, residenti fil-Ġermanja. Mill‑1997, PIP kienet inkarigat lil TÜV Rheinland LGA Products GmbH (iktar ’il quddiem “TÜV Rheinland”), skont id-Direttiva 93/42 dwar mezzi mediċi ( 2 ), sabiex twettaq l-evalwazzjoni tas-sistema ta’ kwalità implimentata għad-disinn, għall-manifattura u għall-verifika finali tal-proteżijiet tas-sider li hija kienet tipproduċi. Wara diversi spezzjonijiet imwettqa f’PIP, TÜV Rheinland kienet approvat is-sistema ta’ kwalità u ġeddet iċ-ċertifikazzjonijiet ta’ eżami CE, li jiggarantixxu l-konformità ta’ dawn il-proteżijiet mar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva.

Barra minn hekk, PIP kienet ikkonkludiet mal-kumpannija AGF IARD SA, li ġiet akkwistata minn Allianz IARD SA (iktar ’il quddiem “Allianz”), kuntratt ta’ assigurazzjoni li jkopri r-responsabbiltà ċivili tagħha minħabba l-produzzjoni ta’ dawn il-proteżijiet. Dan il-kuntratt kien jinkludi klawżola li tillimita l-portata ġeografika tal-kopertura ta’ assigurazzjoni għad-danni li seħħew fi Franza metropolitana jew fid-dipartimenti u territorji Franċiżi extra-Ewropej.

Fl‑2010, l-Agence française de sécurité sanitaire des produits de santé (l-Aġenzija Franċiża għas-Sigurtà Sanitarja tal-Prodotti tas-Saħħa) kkonstatat li l-proteżijiet tas-sider prodotti minn PIP kienu mimlija b’silikon industrijali mhux awtorizzat. PIP ġiet stralċjata fl‑2011. Barra minn hekk, fl‑2012, il-Bundesinstitut für Arzneimittel und Medizinprodukte (l-Istitut Federali tal-Mediċini u tal-Mezzi Mediċi, il-Ġermanja) ta parir lill-pazjenti kkonċernati li jipproċedu, b’mod preventiv, għat-tneħħija tal-proteżijiet immanifatturati minn PIP, minħabba r-riskju li jinfaqgħu b’mod prematur u minħabba n-natura infjammatorja tas-silikon użat.

Il-pazjenta inkwistjoni ppreżentat, quddiem il-qorti Ġermaniża kompetenti, kawża għad-danni kontra, konġuntament u in solidum, it-tabib li kien poġġielha l-proteżijiet tas-sider difettużi kif ukoll TÜV Rheinland u Allianz. Hija sostniet b’mod partikolari li hija għandha, taħt id-dritt Franċiż, dritt ta’ azzjoni diretta kontra Allianz, minkejja li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni jinkludi klawżola li tillimita l-kopertura ta’ assigurazzjoni għad-danni li seħħew fi Franza, peress li din il-klawżola tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Peress li r-rikors tagħha ġie miċħud fl-ewwel istanza, hija appellat quddiem l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), li tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-klawżola mal-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja diversi domandi preliminari f’dan ir-rigward.

Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat, qabelxejn, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE huwiex applikabbli għal din il-kawża. F’dan ir-rigward, hija fakkret li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija suġġetta għall-fatt li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: fl-ewwel lok, is-sitwazzjoni li wasslet għad-diskriminazzjoni invokata għandha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, fit-tieni lok, ebda regola speċifika prevista mit-Trattati u intiża li tipprojbixxi diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità ma għandha tapplika għal tali sitwazzjoni.

Sabiex jiġi vverifikat jekk l-ewwel kundizzjoni kinitx issodisfatta f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat, l-ewwel nett, jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinitx is-suġġett ta’ leġiżlazzjoni fid-dritt tal-Unjoni. Hija osservat li, fid-dritt sekondarju (b’mod partikolari fid-Direttivi 93/42 u 85/374 ( 3 )), ma teżisti ebda dispożizzjoni li tistabbilixxi obbligu għall-manifattur ta’ mezzi mediċi li jkollu assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili intiża li tkopri r-riskji marbuta ma’ dawn il-mezzi jew li tirregola tali assigurazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-manifatturi ta’ mezzi mediċi għad-danni marbuta ma’ dawn il-mezzi ma hijiex irregolata minn dan id-dritt.

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ libertà fundamentali prevista mit-Trattat FUE, minħabba l-eżistenza ta’ rabta konkreta bejn din is-sitwazzjoni u tali libertà, rabta li tippermetti li l-imsemmija sitwazzjoni tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE.

Għal dak li jirrigwarda, qabelxejn, il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-pazjenta inkwistjoni ma għamlitx użu mil-libertà ta’ moviment tagħha, peress li hija qiegħda titlob il-ħlas ta’ kumpens ta’ assigurazzjoni minħabba danni kkawżati mit-tqegħid ta’ proteżijiet tas-sider fl-Istat Membru li fih hija tirrisjedi, b’tali mod li ma teżisti ebda rabta konkreta bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u din il-libertà. Sussegwentement, fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li s-sitwazzjoni inkwistjoni lanqas ma għandha rabta konkreta ma’ din il-libertà peress li, minn naħa, il-pazjenta inkwistjoni bbenefikat minn kura medika fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha u, min-naħa l-oħra, il-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni ġie konkluż bejn żewġ kumpanniji stabbiliti fl-istess Stat Membru, f’dan il-każ Franza. Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-merkanzija, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax il-moviment transkonfinali tal-merkanzija fiha nnifisha, peress li l-moviment transkonfinali tal-proteżijiet tas-sider inkwistjoni ma ġie affettwat minn ebda ostakolu diskriminatorju, iżda tirrigwarda d-danni kkawżati minn merkanzija li kienet is-suġġett ta’ tali moviment. Konsegwentement, is-sitwazzjoni inkwistjoni lanqas ma għandha rabta konkreta mal-moviment liberu tal-merkanzija.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li din is-sitwazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, b’tali mod li hemm lok li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal din il-kawża.


( 1 ) Prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE tal‑14 ta’ Ġunju 1993 dwar mezzi mediċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 82)

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal‑25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257)