SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
17 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118/KE – Artikoli 8 u 38 – Debitur ta’ dazji tas-sisa wara l-introduzzjoni irregolari ta’ prodotti fit-territorju ta’ Stat Membru – Kunċett – Kumpannija responsabbli ċivilment għall-fatti mwettqa mill-amministratur tagħha”
Fil-Kawża C‑579/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Settembru 2018, fil-proċedura
Ministère public,
Ministre des Finances du Royaume de Belgique
vs
QC,
Comida paralela 12,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn D. Šváby, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, K. Jürimäe u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux, P. Cottin u C. Pochet, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kocjan u C. Perrin, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 79 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-ministère public (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Belġju) u l-ministre des Finances du Royaume de Belgique (il-Ministru għall-Finanzi tar-Renju tal-Belġju), minn naħa, u QC u l-kumpannija Comida paralela 12 (iktar ’il quddiem “Comida paralela”), min-naħa l-oħra, dwar id-determinazzjoni tad-debitur tad-dazji tas-sisa li saru dovuti wara l-introduzzjoni irregolari ta’ prodotti fil-Belġju. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikolu 79 tal-Kodiċi Doganali jiddefinixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, il-kunċett ta’ “Dejn doganali li jinħoloq minħabba nuqqas ta’ konformità”, jistabbilixxi l-mument li jinħoloq dan id-dejn doganali fil-paragrafu 2 tiegħu u jiddefinixxi min huwa d-debitur tiegħu fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu. |
4 |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12) jipprovdi: “1. Il-persuna responsabbli biex tħallas id-dazju tas-sisa li jkun sar dovut għandha tkun:
[…] 2. Fejn diversi persuni jkunu responsabbli għall-ħlas ta’ dejn wieħed tad-dazju tas-sisa, huma għandhom ikunu responsabbli in solidum għal dan id-dejn.” |
5 |
L-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 36(1), jekk prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jkunu diġà ġew rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru jinżammu għal finijiet kummerċjali fi Stat Membru ieħor sabiex jiġu kkonsenjati jew użati hemmhekk, huma għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa u d-dazju tas-sisa għandu jintalab f’dak l-Istat Membru l-ieħor. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘iż-żamma għal finijiet kummerċjali’ għandha tfisser iż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa minn persuna li mhix individwu privat jew minn individwu privat mhux għal raġunijiet għajr l-użu proprju u ttrasportati minnu, skont l-Artikolu 32. 2. Il-kondizzjonijiet tal-imponibbiltà u r-rati tad-dazju tas-sisa li għandhom jiġu applikati għandhom ikunu dawk fis-seħħ fid-data li fiha d-dazju jsir imponibbli [dovut] f’dak l-Istat Membru l-ieħor. 3. Il-persuna responsabbli biex tħallas id-dazju tas-sisa li jkun sar imponibbli għandha tkun, skont il-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-persuna li twettaq il-konsenja, jew li żżomm il-prodotti intenzjonati li jiġu kkonsenjati, jew dik li lilha jiġu kkonsenjati l-prodotti fl-Istat Membru l-ieħor. 4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 38, meta prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jkunu diġà ġew rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed jiċċirkolaw [fl-Unjoni Ewropea] għal finijiet kummerċjali, huma m’għandhomx jitqiesu bħala miżmuma għal dawn il-finijiet sakemm jaslu fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, bil-kondizzjoni li huma jkunu qegħdin jiċċirkolaw taħt kopertura tal-formalitajiet previsti fl-Artikolu 34. […]” |
6 |
Skont l-Artikolu 38(3) tal-imsemmija direttiva, “id-dazju tas-sisa għandu jkun dovut mill-persuna li tkun tat garanzija li ser tħallsu skont l-Artikolu 34(2)(a) jew l-Artikolu 36(4)(a) u minn kwalunkwe persuna li pparteċipat fl-irregolarità”. |
Id-dritt Belġjan
7 |
Skont l-Artikolu 265 tal-loi générale sur les douanes et accises (il-Liġi Ġenerali dwar id-Dwana u d-Dazji tas-Sisa) tat-18 ta’ Lulju 1977 (Moniteur belge tal-21 ta’ Settembru 1977, iktar ’il quddiem il-“Liġi Ġenerali dwar id-Dwana u d-Dazji tas-Sisa”), “il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi huma responsabbli ċivilment u in solidum għall-multi u spejjeż li jirriżultaw mill-kundanni mogħtija taħt liġijiet fil-qasam tad-dwana u tad-dazji tas-sisa kontra l-ħaddiema tagħhom jew l-amministraturi tagħhom, ġestjonarji jew stralċjarji għall-ksur li huma wettqu f’din il-kwalità”. |
8 |
L-Artikolu 266 ta’ din il-liġi jipprovdi li, “sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor f’liġijiet partikolari u bla ħsara għall-multi u l-konfiski favur it-Teżor, l-awturi tar-reati u l-kompliċi tagħhom u l-persuni responsabbli mill-ksur huma obbligati jħallsu in solidum id-dazji u t-taxxi li t-Teżor ġie mċaħħad minnhom permezz ta’ frodi kif ukoll l-interessi moratorji potenzjalment dovuti”. |
9 |
Il-Liġi dwar is-Sistema Ġenerali tad-Dazji tas-Sisa, tat‑22 ta’ Diċembru 2009 (Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 2009) tipprevedi li hija tistabbilixxi s-sistema ġenerali tad-dazji tas-sisa “bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti mil-[Liġi Ġenerali dwar id-Dwana u d-Dazji tas-Sisa]”. |
10 |
Din l-istess liġi tippreċiża li fil-każ ta’ irregolarità mwettqa fil-Belġju matul il-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, id-debituri ta’ dan tal-aħħar huma “l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ggarantixxew il-ħlas tiegħu, […] jew kwalunkwe persuna li pparteċipat fl-irregolarità”. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 |
Comida paralela hija kumpannija rregolata mid-dritt Spanjol li l-għan kummerċjali tagħha huwa l-bejgħ ta’ xarbiet. QC huwa l-amministratur tagħha. |
12 |
Din il-kumpannija, kif ukoll QC, huma akkużati li matul is‑snin 2012 u 2013 introduċew irregolament fil-Belġju xarbiet li kienu diġà rrilaxxati għall-konsum fi Stat Membru ieħor mingħajr ma koprew dawn il-prodotti b’dokument ta’ akkumpanjament issemplifikat jew ċertifikat ta’ garanzija u mingħajr ma ħallsu d-dazji tas-sisa u l-imposta fuq l-imballaġġ. |
13 |
Permezz ta’ sentenza mogħtija fit-18 ta’ Mejju 2017, it-tribunal correctionnel de Liège (il-Qorti Kriminali ta’ Liège, il-Belġju) ikkundannat in solidum lil Comida paralela u lil QC għall-ħlas tad-dazji tas-sisa, dazji tas-sisa speċjali u l-imposta fuq l-imballaġġ, flimkien mal-interessi moratorji, kif ukoll il-produzzjoni, għall-finijiet ta’ konfiska, tal-kwantità ta’ xarbiet “importati b’mod frawdolenti” jew għall-ħlas tal-korrispettiv tagħhom. Din il-qorti kkundannat ukoll lil Comida paralela personalment għall-ħlas tal-multi. Din il-kumpannija appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. |
14 |
F’sentenza tas-17 ta’ Settembru 2018, din il-qorti lliberat lil Comida mill-aspett kriminali minħabba li hija kienet biss kumpannija fittizja li ppermettiet lil QC jorganizza frodi fl-interess tiegħu biss. Il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Belġjana, persuna ġuridika ma tistax titqies responsabbli kriminalment għal att imwettaq minn korp fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu jekk dan l-att ikun twettaq fl-uniku interess tal-korp u bi preġudizzju għall-persuna ġuridika. |
15 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li, minkejja li ġiet illiberata mill-aspett kriminali, Comida paralela għadha responsabbli, mill-aspett ċivili, abbażi tal-Artikoli 265 u 266 tal-Liġi Ġenerali dwar id-Dwana u d-Dazji tas-Sisa, bħala debitriċi in solidum għall-finijiet tal-irkupru tad-dejn doganali. Madankollu, skont din il-qorti, il-Kodiċi Doganali jipprekludi li kumpannija tkun obbligata tħallas dejn doganali li joriġina mill-introduzzjoni irregolari, mill-amministratur ta’ din il-kumpannija, ta’ merkanzija li ġejja minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni fit-territorju Belġjan. |
16 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 79 [tal-Kodiċi Doganali] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik implimentata mill-Artikolu 266 tal-[Liġi Ġenerali dwar id-Dwana u d-Dazji tas-Sisa], milli, fil-każ ta’ introduzzjoni illegali fit-territorju doganali tal-Unjoni ta’ merkanzija suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni, tagħmel il-persuna responsabbli ċivilment għall-awtur ta’ tali ksur, f’liema ksur il-persuna responsabbli ċivilment ma pparteċipatx, kodebitur in solidum għad-dejn doganali?” |
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
17 |
Il-Gvern Belġjan iqis li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, minn naħa, minħabba li d-domanda magħmula hija irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, minħabba l-assenza ta’ dettall suffiċjenti tal-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ din it-tilwima kif ukoll tar-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
18 |
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li d-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27). Fil-fatt, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel, C‑49/18, EU:C:2019:106, punt 24). |
19 |
Għaldaqstant, huma biss il-qrati nazzjonali li quddiemhom tkun tressqet it-tilwima u li huma responsabbli għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel, C‑49/18, EU:C:2019:106, punt 24). |
20 |
Madankollu, minn naħa, jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mitluba bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha, hija tista’ tiċħad it-talba għal deċiżjoni preliminari bħala inammissibbli (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27). |
21 |
Min-naħa l-oħra, minħabba l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jeżisti fir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-assenza ta’ tali konstatazzjonijiet magħmula minn qabel mill-qorti tar-rinviju ma twassalx neċessarjament għall-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari jekk, minkejja dawn in-nuqqasijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess, tqis li tkun f’pożizzjoni li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, Audace et, C‑114/15, EU:C:2016:813, punt 38). |
22 |
Barra minn hekk, għandu jiġi indikat li l-Qorti tal-Ġustizzja ċertament ma għandhiex kompetenza sabiex tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari meta jkun ċar li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħha hija mitluba ma tapplikax (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius, C‑567/07, EU:C:2009:593, punt 43). Madankollu, sabiex tagħti risposta utli lill-qorti li għamlitilha d-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li ma sarx riferiment għalihom mill-qorti nazzjonali fid-domanda tagħha (sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2016, M. u S., C‑303/15, EU:C:2016:771, punt 16, kif ukoll tas-16 ta’ Mejju 2019, Plessers, C‑509/17, EU:C:2019:424, punt 32). |
23 |
Fil-każ ineżami, għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-punt dwar jekk l-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju għandhiex relazzjoni mar-realtà u s-suġġett tal-kawża prinċipali, huwa inkontestabbli, kif jirrilevaw il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni Ewropea, li l-Kodiċi Doganali, li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba, ma huwiex applikabbli peress li l-prodotti introdotti irregolarment fit-territorju Belġjan kienu diġà ġew irrilaxxati għall-konsum fi Stat Membru ieħor. |
24 |
Madankollu, mill-informazzjoni trażmessa mill-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Comida paralela u QC ġew ikkundannati għall-ħlas ta’ dazji tas-sisa u mhux għal dazji doganali, peress li jirrigwarda prodotti introdotti irregolarment fi Stat Membru wara li digà ġew irrilaxxati għall-konsum fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, mid-deċiżjoni tar-rinviju jista’ jiġi dedott li l-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna d-Direttiva 2008/118. |
25 |
Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-preżentazzjoni tal-kuntest fattwali u legali mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet kollha li ssottomettew osservazzjonijiet kienu f’pożizzjoni li jidentifikaw il-kwistjoni ta’ liġi li qiegħda tistaqsi din il-qorti. Bl-istess mod, għalkemm id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippreżentax kuntest legali bħala tali, hija tesponi l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għaldaqstant, punti ta’ fatt u ta’ liġi suffiċjenti sabiex tipprovdi risposta utli lill-qorti tar-rinviju. |
26 |
Konsegwentement, fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jitqies li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id-domanda preliminari
27 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja l-interpretazzjoni tal-Kodiċi Doganali. |
28 |
Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punti 23 u 24 tas-sentenza preżenti, din id-domanda twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma hijiex intiża li tirregola l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
29 |
Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domanda li saritilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2019, Plessers, C‑509/17, EU:C:2019:424, punt 32). |
30 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li l-imsemmija domanda ma tkoprix espressament l-Artikoli 8 u 38 tad-Direttiva 2008/118, għal dak li jikkonċerna l-persuni li għandhom iħallsu d-dazji tas-sisa li saru dovuti wara l-introduzzjoni irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru ta’ prodotti li kienu diġà rrilaxxati għall-konsum fi Stat Membru ieħor, dawn l-artikoli jirriżultaw li huma rilevanti għar-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju. |
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi fformulata mill-ġdid ir-risposta magħmula bħala li essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 8 u 38 tad-Direttiva 2008/118 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-każ ta’ introduzzjoni irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u rrilaxxati għall-konsum fi Stat Membru ieħor, tagħmel kodebitriċi in solidum tad-dazji tas-sisa persuna ġuridika, responsabbli ċivilment għar-reati kriminali mwettqa mill-amministratur tagħha. |
32 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi indikat li t-Taqsima 5 tad-Direttiva 2008/118, komposta mill-Artikolu 38 biss, tikkonċerna l-irregolaritajiet imwettqa matul il-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa. L-Artikolu 38(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi li, f’tali ipoteżi, id-dazji tas-sisa huma dovuti mill-persuna li tat garanzija tal-ħlas tad-dazji konformement mal-Artikolu 34(2)(a) jew mal-Artikolu 36(4)(a) tal-imsemmija direttiva jew minn kwalunkwe persuna li tkun ipparteċipat fl-irregolarità. |
33 |
Kif tenfasizza l-Kummissjoni, fil-kawża prinċipali, il-prodotti introdotti fil-Belġju ma kienu akkumpanjati minn ebda ċertifikat ta’ garanzija, b’tali mod li huwa impossibbli li jintalab il-ħlas tad-dazji tas-sisa minn amministratur fis-sens tal-Artikolu 34 jew tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2008/118. |
34 |
It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni “kwalunkwe persuna li pparteċipat fl-irregolarità” użata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 38(3) ta’ din id-direttiva, ma tippermettix li jiġi eskluż li kumpannija jew l-amministratur tagħha jitqiesu li pparteċipaw fl-istess irregolarità u għaldaqstant jinżammu responsabbli in solidum għall-ħlas tad-dazji tas-sisa. |
35 |
Minn naħa, l-użu tal-kelma “persuna”, mingħajr ebda dettall, ma jeskludix, a priori, li persuna ġuridika tista’ tkun koperta wkoll. Bl-istess mod, l-aġġettiv indefinit “kwalunkwe” jippermetti li jiġi inkluż il-każ li fih diversi persuni jipparteċipaw fl-istess irregolarità. |
36 |
Din l-interpretazzjoni letterali, li tipprovdi li huwa possibbli li persuna ġuridika tinżamm debitriċi in solidum tad-dazji tas-sisa potenzjalment flimkien ma’ persuni oħrajn li pparteċipaw fl-istess irregolarità, hija kkorroborata mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/118, li jiddefinixxi l-persuni li għandhom iħallsu d-dazji tas-sisa dovuti. It-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprevedi, fil-fatt, li meta diversi persuni jkunu responsabbli għall-istess dejn marbut ma’ dazju tas-sisa, huma għandhom ikunu responsabbli in solidum għal dan id-dejn. |
37 |
Tali interpretazzjoni hija wkoll ikkonfermata mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2008/118. Kif tirrileva l-Kummissjoni, l-abbozz inizjali ta’ din id-direttiva kien jillimita l-lista tal-persuni responsabbli għad-dazji tas-sisa, fil-każ ta’ introduzzjoni irregolari ta’ prodotti fit-territorju ta’ Stat Membru, sempliċement għall-persuni li taw garanzija tal-ħlas ta’ dawn id-dazji. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ried madankollu jestendi din il-lista għal “kwalunkwe persuna li pparteċipat fl-irregolarità”, kif jirriżulta mill-Artikolu 38(3) ta’ din id-direttiva. Billi uża din il-formulazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu għaldaqstant l-intenzjoni li jiddefinixxi b’mod wiesa’ l-persuni li jistgħu jkunu responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa fil-każ ta’ irregolaritajiet u dan b’mod li jiżgura kemm jista’ jkun possibbli l-irkupru ta’ dawn id-dazji. |
38 |
Min-naħa l-oħra, huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni relatata mal-“parteċipazzjoni fl-irregolarità”, imsemmija fl-Artikolu 38(3) tad-Direttiva 2008/118, tippermettix li tiġi inkluża persuna ġuridika jew fiżika abbażi tal-kwalità tagħha ta’ prinċipal. |
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 8(1)(a)(ii) tad-Direttiva 2008/118, fil-każ ta’ tneħħija irregolari ta’ prodotti sottomessi għad-dazju tas-sisa minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, jipprevedi li kwalunkwe persuna li pparteċipat fit-tneħħija irregolari u li, barra minn hekk, kienet konxja jew li dwarha wieħed jista’ raġonevolment jaħseb li hija kien messha kienet konxja tan-natura irregolari tat-tneħħija, hija responsabbli għad-dazji tas-sisa. Madankollu, din it-tieni kundizzjoni, li tista’ tiġi mxebbha mar-rekwiżit ta’ element intenzjonali, ma ġietx riprodotta mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 38(3) ta’ din id-direttiva. |
40 |
Għaldaqstant, l-assenza ta’ preċiżazzjonijiet, fil-formulazzjoni tal-Artikolu 38(3) tad-Direttiva 2008/118, rigward il-kunċett ta’ persuna li pparteċipat fl-irregolarità, tippermetti li persuna ġuridika titqies bħala debitriċi tad-dazji tas-sisa minħabba l-aġir ta’ persuna fiżika peress li din tal-aħħar tkun aġixxiet bħala ħaddiema tal-persuna ġuridika. |
41 |
Għaldaqstant, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, il-fatt li QC aġixxa fl-interess tiegħu u għad-detriment tal-persuna li tħaddmu jaffettwa biss l-aspett kriminali u mhux l-aspett ċivili tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, huwa paċifiku li QC aġixxa fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu u segwa l-għan kummerċjali tal-impriża. |
42 |
Fi kwalunkwe każ, kif jenfasizza l-Gvern Belġjan, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-obbligi imposti mill-Artikolu 33 tad-Direttiva 2008/118, kumpannija bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tastjeni milli tissodisfa l-formalitajiet previsti, tista’ titqies li hija “persuna li tipparteċipa fl-irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 38 ta’ din id-direttiva. |
43 |
Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2008/118, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, fil-każ ta’ introduzzjoni irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u rrilaxxati għall-konsum fi Stat Membru ieħor, tagħmel kodebitriċi in solidum tad-dazji tas-sisa persuna ġuridika responsabbli ċivilment għar-reati kriminali mwettqa mill-amministratur tagħha. |
44 |
Tali interpretazzjoni hija bla ħsara għall-possibbiltà, potenzjalment prevista mid-dritt nazzjonali, li l-prinċipal, magħmul kodebitur in solidum tad-dazji tas-sisa, jibda azzjoni ta’ rkupru kontra l-ħaddiem tiegħu ddikjarat responsabbli kriminalment għall-fatti inkwistjoni. |
Fuq l-ispejjeż
45 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 38 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, fil-każ ta’ introduzzjoni irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u rrilaxxati għall-konsum fi Stat Membru ieħor, tagħmel kodebitriċi in solidum tad-dazji tas-sisa persuna ġuridika responsabbli ċivilment għar-reati kriminali mwettqa mill-amministratur tagħha. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.